30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1275

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji f'Singapore f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jintroduċi qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment fl-Unjoni.

(2)

Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018 u l-amministraturi mhux tal-Unjoni jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jippermetti l-użu ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni. Wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, parametru referenzjarju jew taħlita ta' parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss jekk il-parametru referenzjarju u l-amministratur ikunu inklużi fir-reġistru miżmum mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA” - European Securities and Markets Authority) wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-ekwivalenza mill-Kummissjoni, jew rikonoxximent jew approvazzjoni minn awtoritajiet kompetenti.

(3)

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz fir-rigward ta' amministraturi speċifiċi jew parametri referenzjarji speċifiċi jew familji ta' parametri referenzjarji huma ekwivalenti għar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Meta tiġi vvalutata ekwivalenza bħal din, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk il-qafas legali u l-prattika superviżorja ta' pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-Prinċipji IOSCO għall-Parametri Referenzjarji Finanzjarji jew, fejn applikabbli, mal-Prinċipji IOSCO għal Aġenziji tar-Rappurtar tal-Prezzijiet taż-Żejt (“PRAs” - Price Reporting Agencies), u li tali amministraturi speċifiċi jew parametri referenzjarji speċifiċi jew familji ta' parametri referenzjarji jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f'dak il-pajjiż terz.

(4)

Il-parametri referenzjarji bħas-Singapore Interbank Offered Rates (SIBOR) u s-Singapore Dollar Swap Offer Rate (SOR) huma amministrati f'Singapore u użati fl-Unjoni minn għadd ta' entitajiet sorveljati. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tar-reġim tal-parametru referenzjarju f'Singapore.

(5)

L-Att dwar it-Titoli u l-Futuri (“SFA” - Securities and Futures Act) u r-Regolamenti dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Finanzjarji) tal-2018 (ir-“Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji”) jistabbilixxu l-qafas legali u superviżorju f'Singapore għal amministraturi ta' parametri referenzjarji deżinjati u għal kontributuri ta' dawk il-parametri referenzjarji. Meta kienet qed tiżviluppa r-rekwiżiti skont l-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji, l-Awtorità Monetarja ta' Singapore (“MAS” - Monetary Authority of Singapore) ikkunsidrat ir-reġimi ta' parametri referenzjarji f'reġimi barranin, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

Il-Parti VIAA tal-SFA tintroduċi reġim regolatorju fejn l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kollha u l-kontributuri fir-rigward ta' parametru referenzjarju deżinjat iridu jiksbu awtorizzazzjoni mill-MAS bħala Amministratur ta' Parametru Referenzjarju Awtorizzat (“ABA” - Authorised Benchmark Administrator) jew Sottomittent ta' Parametru Referenzjarju Awtorizzat (“ABS” - Authorised Benchmark Submitter). Hemm obbligi speċifiċi għall-ABA u l-ABS, u għar-rekwiżiti applikabbli għall-amministrazzjoni u għas-sottomissjoni obbligatorji ta' parametru referenzjarju deżinjat. Barra minn hekk, l-SFA jikkonferixxi setgħat ta' regolamentazzjoni lill-MAS. Ir-regoli kif implimentati mill-MAS huma legalment vinkolanti.

(7)

It-taqsima 2 tal-SFA tiddefinixxi parametru referenzjarju finanzjarju bħala kwalunkwe prezz, rata, indiċi jew valur li huwa (i) iddeterminat perjodikament bl-applikazzjoni (kemm jekk diretta jew indiretta) ta' formula jew kwalunkwe metodu ieħor ta' kalkolu għal informazzjoni jew espressjonijiet ta' opinjoni li jikkonċernaw tranżazzjonijiet fis-suq jew l-istat tas-suq, fir-rigward ta' element sottostanti wieħed jew aktar; (ii) magħmul disponibbli lill-pubbliku (kemm jekk mingħajr ħlas kif ukoll jekk bi ħlas); u (iii) użat għal referenza biex jiġi ddeterminat l-imgħax pagabbli jew somom oħra dovuti fuq depożiti jew faċilitajiet ta' kreditu; biex jiġi ddeterminat il-prezz jew il-valur ta' kwalunkwe prodott ta' investiment; jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' kwalunkwe prodott offrut minn persuna preskritta mir-regolamenti.

(8)

Skont it-taqsima 123B tal-SFA, l-MAS tista' tagħżel, b'Ordni fil-Gazzetta tal-Gvern, parametru referenzjarju finanzjarju bħala parametru deżinjat. L-MAS tista' tagħmel dan jekk tkun sodisfatta li (i) il-parametru referenzjarju finanzjarju għandu importanza sistemika fis-sistema finanzjarja ta' Singapore, (ii) tħarbit fid-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju finanzjarju jista' jaffettwa l-fiduċja tal-pubbliku fil-parametru referenzjarju jew fis-sistema finanzjarja ta' Singapore, (iii) id-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju finanzjarju tista' tkun suxxettibbli għal manipulazzjoni jew (iv) ikun fl-interessi tal-pubbliku li dan isir.

(9)

L-MAS fasslet parametri referenzjarji finanzjarji permezz ta' Digriet tal-2018 dwar it-Titoli u l-Futuri (Securities and Futures Order) (Parametri Finanzjarji Deżinjati) maħruġ skont it-taqsima 123B tal-SFA. Din id-deċiżjoni hija limitata għall-amministraturi ta' dawk il-parametri referenzjarji elenkati fl-aħħar verżjoni applikabbli tad-Digriet dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati). Din id-deċiżjoni ma tkoprix amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzjarji li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 skont l-Artikolu 2(2) ta' dan ir-regolament.

(10)

Skont l-SFA (b'mod partikolari t-taqsimiet 123D u 123ZC), kemm l-amministraturi kif ukoll is-sottomittenti ta' parametri referenzjarji maħtura jeħtieġ li jiġu awtorizzati, sakemm mhux eżentati mod ieħor. L-MAS tista' tikkunsidra l-fatturi stabbiliti fit-taqsimiet 123F(5), 123F(6), 123F(8), 123J(1), 123J(6) tal-SFA, u r-regolament 4(1) tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji meta tiddeċiedi jekk tagħtix awtorizzazzjoni jew tissospendix jew tirrevokax awtorizzazzjoni fir-rigward ta' ABA. L-MAS tista' timponi wkoll, tvarja jew tirrevoka kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq ABA taħt it-taqsimiet 123F(2) u 123F(3) tal-SFA. Persuna twettaq reat jekk din tamministra jew tippreżenta lilha nnifisha bħala amministratur ta' parametru referenzjarju deżinjat mingħajr ma tikseb awtorizzazzjoni, sakemm ma tkunx eżentata minn tali rekwiżit.

(11)

Skont it-taqsima 123O tal-SFA, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jridu joħorġu kodiċi fir-rigward ta' kull parametru referenzjarju deżinjat, li jistabbilixxi l-istandards li għandhom jinżammu minn kull sottomittent tal-parametru referenzjarju deżinjat. Dan jesiġi wkoll it-twaqqif ta' kumitat ta' sorveljanza skont ir-regolament 8 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji, li għandu jwettaq rieżamijiet perjodiċi fuq il-kamp ta' applikazzjoni, id-disinn u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju deżinjat u l-arranġamenti biex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni ta' parametru referenzjarju deżinjat.

(12)

It-taqsimiet 123J(4) u 123ZZB tal-SFA jippermettu lill-MAS iġġiegħel lil ABA jkompli jamministra parametru referenzjarju deżinjat. It-taqsimiet 123F(2) u 123F(3) tal-SFA jippermettu lill-MAS timponi kundizzjonijiet fuq l-ABA rigward il-proċess tad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju maħtur. It-taqsimiet 123ZI(1) u 123ZJ(1) tal-SFA jippermettu lill-MAS tobbliga lil kwalunkwe persuna tkun sottomittent ta' parametru referenzjarju deżinjat billi tiddeżinja lill-persuna bħala sottomittent ta' parametru referenzjarju deżinjat (“DBS” - designated benchmark submitter). L-MAS trid tikkunsidra l-fatturi stabbiliti fit-taqsimiet 123ZI(2) u 123ZI(3) tal-SFA meta tiddeċiedi jekk tiddeżinjax persuna bħala DBS jew tirtirax tali deżinjazzjoni. DBS hija soġġetta għall-istess obbligi kontinwi bħal ABS.

(13)

Il-Parti VIAA tal-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji ġeneralment jirriflettu l-Prinċipji tal-IOSCO għal Parametri Referenzjarji Finanzjarji. Amministratur huwa primarjament responsabbli mill-aspetti kollha tal-amministrazzjoni ta' parametru referenzjarju deżinjat, u soġġett għal rekwiżiti regolatorji skont l-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji. Meta amministratur jesternalizza kwalunkwe funzjoni lil pajjiż terz, huwa meħtieġ ikun konformi mal-Linji Gwida dwar l-Esternalizzazzjoni maħruġa mill-MAS. Dan kollu jirrifletti l-Prinċipji tal-IOSCO dwar ir-Responsabbiltà Ġenerali tal-Amministratur u Sorveljanza tal-Partijiet Terzi.

(14)

It-taqsima 123 A tal-SFA tiddikjara li l-objettivi tar-reġim regolatorju huma li tiġi promossa determinazzjoni ġusta u trasparenti ta' parametri referenzjarji finanzjarji u li jitnaqqsu r-riskji sistemiċi. Skont dan, it-taqsima 123P tal-SFA tesiġi l-manteniment tal-arranġamenti ta' governanza li huma xierqa sabiex il-parametru referenzjarju deżinjat jiġi ddeterminat b'mod ġust u effiċjenti li jirrifletti l-Prinċipju ġenerali dwar l-evitar ta' Kunflitti ta' Interess għall-Amministraturi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li s-sistemi u l-kontrolli li jikkonċernaw it-twettiq tal-attività ta' amministrazzjoni ta' parametru referenzjarju deżinjat ikunu adegwati u xierqa għall-iskala u n-natura tal-operazzjonijiet tiegħu, u jirriflettu l-Prinċipju tal-IOSCO dwar il-Qafas ta' Kontroll għall-Amministraturi.

(15)

Peress li l-SFA jesiġi wkoll kodiċi fir-rigward ta' kull parametru referenzjarju deżinjat, li għalih l-amministratur irid jikseb l-approvazzjoni bil-miktub tal-MAS, u t-twaqqif ta' kumitat ta' sorveljanza li jrid iwettaq rieżamijiet perjodiċi tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-adegwatezza tad-definizzjonijiet, tad-disinn u tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju deżinjat, huma riflessi wkoll il-Prinċipji dwar it-Trasparenza, il-Metodoloġija, dwar is-Sorveljanza Interna u dwar ir-Rieżami Perjodiku u dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għas-Sottomittenti.

(16)

Meta jitqies il-Prinċipju tal-IOSCO dwar it-Tranżizzjoni, it-taqsima 123J tippermetti lill-MAS tirrifjuta li tirtira l-awtorizzazzjoni ta' ABA jekk dan ma jkunx fl-interess pubbliku. It-taqsima 123S tal-SFA, flimkien mar-regolament 13 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji u l-Avviż dwar is-Sottomissjoni tar-Rapporti Perjodiċi għall-Amministraturi ta' Parametri Referenzjarji, jikkorrispondu mal-Prinċipju IOSCO dwar il-Verifiki. It-taqsima 123R tal-SFA u r-regolament 12 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji fir-rigward tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji u t-taqsima 123ZN(1) tal-SFA u r-regolament 20 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji fir-rigward ta' sottomittenti ta' parametri referenzjarji jikkorrispondu mal-Prinċipju IOSCO dwar ir-Rendikont tal-Entrati. It-taqsimiet 123 V u 123ZR tal-SFA jikkorrispondu mal-Prinċipju tal-IOSCO dwar il-Kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Regolatorji.

(17)

Jista' jiġi konkluż, għalhekk, li r-rekwiżiti vinkolanti fir-rigward tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji deżinjati bħala “parametri finanzjarji deżinjati” taħt id-Digriet dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati) huma ekwivalenti għar-rekwiżiti korrispondenti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(18)

L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jesiġi wkoll li r-rekwiżiti vinkolanti għandhom jiġu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa fil-pajjiż terz.

(19)

L-amministraturi u s-sottomittenti regolati huma soġġetti għal superviżjoni u sorveljanza kontinwa mill-MAS f'Singapore. L-MAS hija responsabbli għall-infurzar tal-konformità tal-amministraturi u tas-sottomittenti regolati mal-obbligi tagħhom skont l-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji, u f'dan ir-rigward, hija twettaq valutazzjonijiet perjodiċi tal-konformità mill-amministraturi u mis-sottomittenti regolati. Fil-valutazzjoni tagħha, l-MAS tista' tikkunsidra u tirrapporta kwalunkwe informazzjoni li hija tqis xierqa. It-taqsimiet 123O sa 123 V tal-SFA jiddeskrivu l-obbligi ġenerali u t-taqsimiet 123F(4) u 123K(6) tal-SFA jipprovdu li l-amministraturi jridu jikkonformaw ma' kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-awtorizzazzjoni jew l-eżenzjoni tagħhom. It-taqsimiet 123ZZA u 123ZZB tal-SFA jippermettu lil MAS tagħmel regolamenti u direzzjonijiet ulterjuri li l-amministraturi huma meħtieġa jikkonformaw magħhom.

(20)

It-taqsimiet 123Q(1) u 123S tal-SFA u r-regolamenti 11, 13(1) u 13(2) tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji jeħtieġu li l-amministraturi jinnotifikaw lill-MAS dwar ċerti kwistjonijiet, inkluż fejn l-amministratur ikun naqas milli jikkonforma ma' xi wieħed mill-obbligi regolatorji tagħha. L-MAS għandha s-setgħat ta' ġbir ta' informazzjoni biex tippermettilha tivvaluta l-konformità tal-liċenzjati mal-SFA.

(21)

It-taqsima 123ZZB tal-SFA tagħti s-setgħa lill-MAS tagħti struzzjonijiet lill-amministraturi, pereżempju li l-amministratur jiġi istruwit jagħti rapport lill-MAS dwar kwalunkwe kwistjoni speċifika, inkluża dikjarazzjoni tal-awditjar dwar ir-rapport ta' dawk il-kwistjonijiet. It-taqsimiet 150 u 150 A tal-SFA jagħtu s-setgħa lill-MAS tispezzjona amministratur u tikkondividi r-rapport ma' regolaturi barranin, fejn xieraq.

(22)

Jekk amministratur tal-parametri referenzjarji jonqos milli jikkonforma mal-obbligi regolatorji tiegħu, l-MAS tista' toħroġ direzzjonijiet taħt it-taqsima 123ZZB tal-SFA sabiex twettaq miżuri speċifiċi biex tirrettifika l-kwistjoni. L-MAS tista' tammonixxi amministratur skont it-taqsima 334 tal-SFA u/jew timponi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq in-negozju jew l-attività tal-amministratur tal-parametru referenzjarju skont it-taqsimiet 123F(3) u 123K(4) tal-SFA. L-MAS tista' wkoll tissospendi jew tirrevoka awtorizzazzjoni jew eżenzjoni f'ċerti ċirkostanzi [ara t-taqsimiet 123J(1), 123J(2), 123J(6), 123N(1) u 123N(3)]. Barra minn hekk, l-MAS tista' toħroġ projbizzjoni kontra amministratur skont it-taqsima 123ZZC(1) tal-SFA. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti skont l-SFA huwa reat. L-SFA jipprevedi penali għal kontravenzjonijiet tar-rekwiżiti.

(23)

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(n) tal-Formola 7 maħruġa taħt it-taqsima 123E(2) tal-SFA “Applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni bħala Amministratur Awtorizzat tal-Parametri Referenzjarji” tesiġi konformità mal-Prinċipji tal-IOSCO bħala wieħed mill-kriterji biex wieħed ikun Amministratur Awtorizzat tal-Parametri Referenzjarji. L-MAS tagħmel rieżami tal-politiki u tal-proċeduri, kif ukoll tal-qafas u tal-kontroll ta' amministratur tal-parametru referenzjarju bħala parti mill-proċess ta' rieżami ta' talba ta' awtorizzazzjoni jew eżenzjoni minn amministratur ta' parametru referenzjarju. It-taqsima 123P(1)(a) tal-SFA tesiġi wkoll li amministratur ta' parametru referenzjarju deżinjat jiġġestixxi kwalunkwe riskju assoċjat man-negozju u mal-operazzjonijiet tiegħu b'mod prudenti.

(24)

Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkonkludi, li r-rekwiżiti vinkolanti fir-rigward tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji deżinjati bħala “parametri referenzjarji deżinjati” taħt id-Digriet dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati) huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar fuq bażi kontinwa.

(25)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji tal-UE ma hemmx bżonn li jiksbu liċenzja għall-parametri referenzjarji tagħhom li se jintużaw f'Singapore, sakemm parametru referenzjarju ma jkunx deżinjat bħala parametru referenzjarju deżinjat mill-MAS. L-MAS informat lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha li l-ebda wieħed mill-parametri referenzjarji tal-UE ma jissodisfa l-kriterji biex ikun parametru referenzjarju deżinjat f'Singapore.

(26)

Din id-Deċiżjoni se tkun ikkomplementata minn arranġamenti ta' kooperazzjoni biex jiġu żgurati l-iskambju effettiv ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet superviżorji bejn l-ESMA u l-MAS.

(27)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tar-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati mal-parametri referenzjarji f'Singapore fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja, fuq bażi regolari, l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju għall-parametri referenzjarji u l-effikaċja tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar ta' dawk ir-rekwiżiti biex tiżgura s-sodisfazzjon kontinwu tar-rekwiżiti li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni.

(28)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid din id-Deċiżjoni.

(29)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-qafas legali u superviżorju ta' Singapore li japplika għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji deżinjati bħala parametri referenzjarji deżinjati permezz tad-Digriet tal-2018 dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati), kif iddeterminat fl-aħħar verżjoni applikabbli tiegħu, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/1011 u għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.