23.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1252

tad-19 ta' Settembru 2018

dwar deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem SA.38945 (2015/C) (ex 2015/NN) (ex 2014/CP) mogħtija mil-Lussemburgu lil McDonald's Europe

(notifikata bid-dokument C(2018) 6076)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra tad-19 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni bagħtet talba lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għal informazzjoni dettaljata dwar il-prattika tiegħu fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (2).

(2)

Permezz ta' ittra tal-24 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni bagħtet talba lill-awtoritajiet Lussemburgiżi għal aktar informazzjoni dwar il-grupp McDonald's. Fost affarijiet oħra, hija talbet lil-Lussemburgu biex jipprovdi d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem kollha maħruġa mill-awtorità tat-taxxa tiegħu għall-grupp McDonald's.

(3)

Fl-4 ta' Awwissu 2014, l-awtoritajiet Lussemburgiżi wieġbu għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2014. B'mod partikolari, huma pprovdew żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem lil McD Europe Franchising, S.à.r.l. (minn hawn 'il quddiem “McD Europe”) rispettivament fit-30 ta' Marzu 2009 (minn hawn 'il quddiem l-“ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem”) u fis-17 ta' Settembru 2009 (minn hawn 'il quddiem id-“deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta”) (minn hawn 'il quddiem kolletivament imsejħa d-“deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati”). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ssottomettew diversi deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem oħra li l-awtorità tat-taxxa tagħhom ħarġet għall-kumpaniji tal-grupp McDonald's (3).

(4)

Fit-tweġiba tagħhom tal-4 ta' Awwissu 2014, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ddeskrivew ukoll il-prattika tal-Lussemburgu fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem u spjegaw għaliex huma qiesu li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem maħruġa għall-grupp McDonald's ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-“Trattat”).

(5)

Permezz ta' ittra tat-23 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Lussemburgiżi jikkumentaw dwar l-informazzjoni riċevuta minn alleanza ta' trejdjunjins (4) (minn hawn 'il quddiem l-“alleanza”) dwar għajnuna mill-Istat li l-awtoritajiet Lussemburgiżi allegatament taw lil McDonald's.

(6)

Fit-23 ta' April 2015, l-awtoritajiet Lussemburgiżi wieġbu għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2015.

(7)

Permezz ta' ittra tat-18 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Lussemburgiżi, fost affarijiet oħra, biex jipprovdulha d-dokumenti kollha pprovduti minn McD Europe mid-data tal-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, li jiġġustifikaw l-obbligu li kellha f'din l-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem biex tagħti prova li l-profitti mill-fergħat Amerikani u Żvizzeri ta' McD Europe ġew iddikjarati u kienu taxxabbli rispettivament fl-Istati Uniti u fl-Iżvizzera.

(8)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Ġunju 2015, l-awtoritajiet Lussemburgiżi wieġbu għal dawn it-talbiet u indikaw (billi pprovdew id-dokumenti mitluba) li fl-2014, il-fergħa Amerikana ta' McD Europe kien sarilha awditu tat-taxxa fl-Istati Uniti mill-awtorità tat-taxxa Amerikana (Internal Revenue Service, minn hawn 'il quddiem l-“IRS”) għas-snin finanzjarji 2009 u 2010, li kkonferma li ma kellha ssir l-ebda bidla fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa introdotti mill-fergħa Amerikana ta' McD Europe fl-Istati Uniti.

(9)

Fit-3 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati, minħabba li dawn tal-aħħar jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li tista' tkun inkompatibbli mas-suq intern (minn hawn 'il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”).

(10)

Permezz ta' ittra tal-4 ta' Frar 2016, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(11)

Fil-15 ta' Lulju 2016, id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni. Permezz ta' ittra tal-5 ta' Awwissu 2016, l-alleanza ppreżentat il-kummenti tagħha. Permezz ta' ittra tad-9 ta' Awwissu 2016, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mingħand McDonald's.

(12)

Permezz ta' ittra tat-30 ta' Settembru 2016, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar il-kummenti tal-partijiet terzi riċevuti mill-Kummissjoni bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(13)

Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Lussemburgiżi.

(14)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi wieġbu għal din it-talba fl-14 ta' Diċembru 2016 u fit-12 ta' Jannar 2017.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Deskrizzjoni tal-benefiċjarju

(15)

McDonald's Corporation hija kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata rreġistrata f'Delaware, li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha f'Oak Brook fl-Istat ta' Illinois fl-Istati Uniti. Hija elenkata fil-Borża ta' New York. Stabbilita fil-21 ta' Diċembru 1964, hija topera u tikkonċedi l-konċessjoni tar-ristoranti ta' McDonald's, li jservu għażla ta' ikel u xorb adattata għal-livell lokali (6).

(16)

Il-kumpanija hija attiva fl-oqsma li ġejjin: l-Istati Uniti, is-swieq internazzjonali ewlenin (il-Ġermanja, l-Awstralja, il-Kanada, Franza u r-Renju Unit), is-swieq li qed jikbru malajr (iċ-Ċina, il-Korea, Spanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Russja u l-Iżvizzera) u l-qasam “Foundational Markets and Corporate” (7). Fost is-37 241 ristorant li jeżistu f'aktar minn 100 pajjiż, madwar 34 108 jiġu operati taħt forma ta' konċessjoni u 3 133 jiġu operati direttament mill-intrapriża (8). Fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati, mill-31 677 ristorant ta' McDonald's li jeżistu fid-dinja, 21 183 kienu operati minn konċessjonarji, 3 855 minn kumpaniji affiljati u 6 639 minn McDonald's Corporation u s-sussidjarji tagħha (9). McDonald's Corporation hija primarjament konċessjonant, peress li 80 % tar-ristoranti ta' McDonald's jinżammu u jiġu operati minn konċessjonarji indipendenti (10). Fl-2017, McDonald's Corporation kellha madwar 400 sussidjarja li jħaddmu 235 000 impjegat.

(17)

Fl-2017, McDonald's irreġistra fatturat totali ta' USD 22,8 biljun, li minnhom USD 12,7 biljun ġew mill-bejgħ li sar fir-ristoranti operati direttament mill-intrapriża u 10,1 biljun mid-dħul tal-konċessjoni. Fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati, il-fatturat totali ta' McDonald's kien ta' USD 26 216-il biljun u l-kumpanija kienet qiegħda topera 32 478 ristorant (11).

(18)

Mill-bejgħ totali li sar fir-ristoranti operati direttament mill-intrapriża, USD 3 260 biljun ġejjin minn bejgħ fl-Istati Uniti, USD 4,080 biljun minn bejgħ fis-swieq internazzjonali ewlenin (12), USD 4 592 biljun minn bejgħ fis-swieq li qed jikbru malajr (13) u USD 0,787 biljun mis-settur “Foundational Markets & Corporate” (14).

(19)

Barra l-Istati Uniti, McDonald's Corporation u s-sussidjarja Amerikana tagħha, McDonald's International Property Company (minn hawn 'il quddiem “MIPCO”), jagħtu b'liċenzja, f'kull suq, id-dritt tal-iżvilupp u tal-operat tar-ristoranti ta' McDonald's lil intrapriżi li, fil-biċċa l-kbira tas-swieq ewlenin, huma sussidjarji diretti jew indiretti ta' McDonald's Corporation.

(20)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, f'Diċembru 2013, il-grupp McDonald's kien jikkontrolla ħames kumpaniji fil-Lussemburgu: i) McD Europe; ii) McD Europe Holdings S.à.r.l.; iii) Lussemburgu McD Investments S.à.r.l.; iv) Lux MC Holdings S.à.r.l.; u v) McD Lussemburgu Holdings S.à.r.l.

(21)

McD Europe Holding S.à.r.l., Lussemburgu McD Investments S.à.r.l. u Lux MC Holdings S.à.r.l. kellhom investimenti f'sussidjarji oħra ta' McDonald's fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, filwaqt li McD Lussemburgu Holdings S.à.r.l. kiemet isservi bħala appoġġ legali għal attivitajiet ta' ppuljar ta' flus permezz ta' kuntratt konkluż ma' bank estern. Lussemburgu McD Investments S.à.r.l. kellha wkoll investimenti fil-kumpanija Amerikana Golden Arches UK LLC, kumpanija b'responsabbiltà limitata rreġistrata f'Delaware.

(22)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni u din id-deċiżjoni huma ffokati fuq McD Europe li, fiż-żmien tal-ħruġ tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati, kienet residenti fil-Lussemburgu għall-finijiet ta' taxxa u kienet tipposjedi fergħa Amerikana u fergħa Żvizzera. Kif spjegat fit-talbiet għal deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem, McD Europe ħallset miżata ta' dħul biex ikollha aċċess għal ċerti drittijiet ta' konċessjoni (preeżistenti u futuri) żviluppati u miżmuma minn McDonald's Corporation u MIPCO. Bħala riżultat ta' dan, McD Europe saret il-proprjetarja benefiċjarja ta' ċertu għadd ta' assi intanġibbli fil-forma ta' drittijiet ta' konċessjoni (minn hawn 'il quddiem id-“drittijiet ta' konċessjoni”) (15). Sussegwentement, McD Europe allokat id-drittijiet ta' konċessjoni kif ukoll l-obbligi kuntrattwali relatati lill-fergħa Amerikana tagħha. Għaldaqstant, ir-royalties kollha li preċedentement kienu jinġabru minn McDonald's Corporation issa jinġabru minn McD Europe permezz tal-fergħa Amerikana tagħha li tinsab f'Oak Brook f'Illinois. Il-fergħa Żvizzera, li tinsab f'Ġinevra, tbiegħ b'liċenzja d-drittijiet ta' konċessjoni lil konċessjonanti ta' bosta pajjiżi Ewropej u tipprovdi servizzi differenti b'rabta mad-drittijiet ta' konċessjoni. Bħala korrispettiv, il-fergħa Amerikana tħallas lill-fergħa Żvizzera għas-servizz ekwivalenti għall-ispejjeż tal-fergħa Żvizzera flimkien ma' marġni. Fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati, il-fergħa Żvizzera kienet tħaddem [0-10] impjegati, li jirrappreżentaw [0-10] impjegati full-time. McD Europe u l-fergħa Amerikana ma kellhom l-ebda impjegat. Fl-2014, McD Europe kienet tħaddem [0-10] impjegati full-time, il-fergħa Żvizzera [10-20] impjegati full-time u l-fergħa Amerikana ma kellha l-ebda impjegat.

(23)

Fl-2015, McDonald's ħabbret riorganizzazzjoni kbira tan-negozju tagħha billi għaqqdet il-pajjiżi tad-dinja kollha skont il-karatteristiċi komuni tas-suq tagħhom, minflok fuq il-bażi tal-prossimità ġeografika. F'Diċembru 2016, McDonald's ħabbret id-deċiżjoni taħlaq li toħloq struttura ġdida ta' intrapriża integrata fil-forma ta' struttura ġdida ta' holding internazzjonali, sabiex tadatta lilha nfisha għall-organizzazzjoni l-ġdida tal-attivitajiet tiegħu u tappoġġjaha.

(24)

Dan ir-ristrutturar wassal għall-ħolqien ta' struttura unifikata li tinsab fir-Renju Unit, inkarigata mill-bejgħ b'liċenzja tal-maġġoranza tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-intrapriża fuq livell dinji barra l-Istati Uniti. Din hija magħmula minn diversi kumpaniji Brittaniċi rreġistrati fir-Renju Unit u minn kumpaniji Amerikani li jibqgħu jiġu rreġistrati fl-Istati Uniti. Dawn il-kumpaniji Amerikani huma wkoll residenti fir-Renju Unit għall-finijiet ta' taxxa. Din il-bidla wasslet għall-waqfien tal-attivitajiet tal-kumpanija f'Ġinevra. L-uffiċċju Żvizzeru l-ieħor tal-intrapriża għadu jopera u l-uffiċċju tal-Lussemburgu baqa' responsabbli għar-ristoranti Lussemburgiżi (16).

2.2.   Id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati

(25)

Din id-deċiżjoni tirrigwarda żewġ deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem maħruġa mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża fl-2009 għal McD Europe, jiġifieri l-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem u d-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta, li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-istatus fiskali ta' McD Europe fil-Lussemburgu.

(26)

L-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem inħarġet mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża fit-30 ta' Marzu 2009 wara talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ta' McDonald's bid-data tal-11 ta' Frar 2009, issupplimentata b'dokumenti oħra ppreżentati fl-10 ta' Marzu 2009. Bi tweġiba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-konsulent tat-taxxa ta' McD Europe (minn hawn 'il quddiem il-“konsulent tat-taxxa”) ippreżenta talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta lill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża fis-27 ta' Lulju 2009. Din it-talba wasslet għad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta, li nħarġet mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża fis-17 ta' Settembru 2009.

2.2.1.   L-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem

2.2.1.1.   L-istruttura organizzazzjonali ta' McDonald's deskritta fit-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem

(27)

It-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ta' McDonald's tal-11 ta' Frar 2009 tiddeskrivi l-istruttura tal-grupp McDonald's u l-preżenza tiegħu fil-Lussemburgu. Hija tiddeskrivi wkoll ir-ristrutturar tad-drittijiet ta' konċessjoni ta' McDonald's Corporation u ż-żewġ sussidjarji ta' McD Europe rispettivament fl-Istati Uniti u fl-Iżvizzera. Barra minn hekk, hija tiddeskrivi l-konsegwenzi tat-taxxa ta' dan ir-ristrutturar għal-Lussemburgu fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Lussemburgiża u l-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti (minn hawn 'il quddiem il“KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti”) (17).

(28)

It-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem tispjega b'mod partikolari li biex tiċċentralizza l-kontroll u l-ġestjoni tad-drittijiet ta' konċessjoni Ewropej fi ħdan McD Europe, din ikkonkludiet “Buy-in Agreement” (ftehim li jipprevedi l-ħlas ta' miżata ta' dħul) u “Qualified Cost Sharing Arrangement” (ftehim tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż li jissodisfa kriterji ddefiniti minn qabel, minn hawn 'il quddiem il-“ftehim QCS”) ma' McDonald's Corporation u MIPCO. Skont il-Buy-in Agreement, McD Europe tħallas miżata ta' dħul biex ikollha aċċess għal ċerti drittijiet ta' konċessjoni (preeżistenti jew futuri) żviluppati u miżmuma minn McDonald's Corporation u MIPCO (18). B'riżultat ta' dan, McD Europe saret il-proprjetarja benefiċjarja ta' dawn id-drittijiet. Sussegwentement, McD Europe allokat id-drittijiet ta' konċessjoni kif ukoll l-obbligi kuntrattwali relatati lill-fergħa Amerikana tagħha, skont dikjarazzjoni bejn McD Europe u l-fergħa Amerikana. Ir-royalties kollha li preċedentement kienu jinġabru minn McDonald's Corporation issa jinġabru minn McD Europe permezz tal-fergħa Amerikana tagħha. Fl-aħħar nett, skont it-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, l-istadji kollha meħtieġa relatati mar-ristrutturar tad-drittijiet ta' konċessjoni ta' McDonald's għar-reġjun Ewropew kellhom jiġu implimentati mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2009.

(29)

Skont it-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-fergħa Amerikana ta' McD Europe għandha l-uffiċċju tagħha f'Oak Brook fl-Istat ta' Illinois fl-Istati Uniti tal-Amerika. Din il-fergħa tassumi diversi riskji ekonomiċi relatati mal-iżvilupp tad-drittijiet ta' konċessjoni u tħallas l-ispejjeż relatati. Billi tħallas dawn l-ispejjeż, il-fergħa Amerikana tipparteċipa b'mod effettiv fil-ftehim QCS ma' McDonald's Corporation u MIPCO, skont it-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem. L-attivitajiet relatati ta' McDonald's Corporation (jew tas-sussidjarji tagħha) li jiġu rimborsati mill-fergħa Amerikana huma mmexxija u mwettqa mill-impjegati fi ħdan McDonald's Corporation.

(30)

Il-fergħa Amerikana tmexxi l-attivitajiet tagħha fl-Istati Uniti u hija kkontrollata minn direttur tal-fergħa (19) ibbażat fl-Istati Uniti li jissorvelja ċerti attivitajiet relatati mad-drittijiet ta' konċessjoni (20) u li huwa kkollokat fuq bażi part-time minn McDonald's Corporation bħala parti minn kuntratt ta' għoti ta' servizzi bħala korrispettiv għal remunerazzjoni bbażata fuq l-ispejjeż miżjuda kif iddeterminata fil-kuntratt ta' għoti ta' servizzi. Is-servizzi ta' ġestjoni tal-fergħa Amerikana huma servizzi relatati mal-ġestjoni ta' kuljum tal-fergħa (21) li għalihom il-fergħa Amerikana tħallas lil McDonald's Corporation USD [10 000 – 20 000] kull sena.

(31)

Skont it-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-fergħa Żvizzera ta' McD Europe għandha l-uffiċċju tagħha f'Ġinevra fl-Iżvizzera. Din il-fergħa tbiegħ b'liċenzja d-drittijiet ta' konċessjoni lil konċessjonanti ta' diversi pajjiżi Ewropej (22) (minn hawn 'il quddiem il-“konċessjonanti prinċipali”), tirċievi d-dħul iġġenerat mir-royalties imħallsa mill-konċessjonanti prinċipali u tforni servizzi ta' ġestjoni, ta' appoġġ, ta' żvilupp u servizzi oħra simili jew assoċjati relatati mad-drittijiet ta' konċessjoni (23). Bħala korrispettiv, il-fergħa Amerikana tagħti lill-fergħa Żvizzera ħlas għas-servizz ekwivalenti għall-ispejjeż tal-fergħa Żvizzera flimkien ma' marġni ta' [0-10] fil-mija (24).

(32)

Il-persuni ewlenin impjegati, ikkollokati jew impjegati b'kuntratt mill-fergħa Żvizzera jagħmlu parti mill-“Key European Management”. Minkejja li l-fergħa Żvizzera hija responsabbli għall-ispejjeż relatati ma' dawn il-persuni, b'mod partikolari l-pagi u l-bonus, skont it-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-fergħa Amerikana bħala l-aħħar rimedju permezz ta' tnaqqis fir-royalties imħallsa lill-fergħa Amerikana mill-fergħa Żvizzera.

(33)

Fl-aħħar nett, skont it-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, McD Europe, li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab fil-Lussemburgu, se tipprovdi servizzi ġenerali u amministrattivi kif ukoll servizzi oħra ta' appoġġ u se tfassal strateġiji kummerċjali, waqt il-laqgħat ta' tmexxija tagħha. Il-fergħa Amerikana se tħallas is-somma ta' EUR [400 000 – 500 000] kull sena lil McD Europe għal dawn is-servizzi (25).

2.2.1.2.   Konsegwenzi tat-taxxa għal-Lussemburgu deskritti fit-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem

(34)

Skont il-konsulent tat-taxxa, McD Europe għandha titqies bħala kontribwent residenti fil-Lussemburgu skont l-Artikolu 159(1) tal-liġi tal-Lussemburgu dwar it-taxxa fuq id-dħul (26) (minn hawn 'il quddiem, l-“LTD”). Għalhekk, McD Europe hija kompletament soġġetta għat-taxxa korporattiva Lussemburgiża. Madankollu, bħala kontribwent residenti fil-Lussemburgu, McD Europe tibbenefika wkoll mid-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fil-ftehimiet dwar it-tassazzjoni doppja konklużi mil-Lussemburgu.

(35)

Barra minn hekk, skont il-konsulent tat-taxxa, skont l-Artikolu 5 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, l-attivitajiet tal-fergħa Amerikana jitqiesu bħala mwettqa fl-Istati Uniti. Għaldaqstant, il-profitti ġġenerati mill-fergħa Amerikana huma potenzjalment taxxabbli biss fl-Istati Uniti u huma eżentati mit-taxxa korporattiva Lussemburgiża skont l-Artikoli 7 u 25 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti.

(36)

Bl-istess mod, skont il-konsulent tat-taxxa, l-attivitajiet imwettqa mill-fergħa Żvizzera, jiġifieri l-bejgħ ta' subliċenzji għad-drittijiet ta' konċessjoni lill-konċessjonanti prinċipali, jitqiesu bħala mwettqa fl-Iżvizzera skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-Lussemburgu u l-Iżvizzera (27) (“KTD bejn il-Lussemburgu u l-Iżvizzera”). Għaldaqstant, il-profitti ġġenerati mill-fergħa Żvizzera huma taxxabbli biss fl-Iżvizzera u huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji Lussemburgiżi skont l-Artikoli 7 u 25 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Iżvizzera.

(37)

It-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem tikkonkludi billi titlob lill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża tikkonferma li hija taqbel mal-interpretazzjoni tal-konsulent tat-taxxa rigward il-konsegwenzi tat-taxxa fil-Lussemburgu tat-tranżazzjonijiet deskritti fiha.

2.2.1.3.   Konferma mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża

(38)

F'ittra bid-data tat-30 ta' Marzu 2009 (l-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem), l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża kkonfermat li McD Europe hija meqjusa bħala kontribwent residenti Lussemburgiż u li bħala tali, hija tista' tibbenefika mill-ftehimiet dwar it-tassazzjoni doppja tal-Lussemburgu fis-seħħ. Barra minn hekk, l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża tikkonferma li fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fit-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-fergħa Żvizzera u l-fergħa Amerikana jidhru li huma stabbilimenti permanenti. L-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża taċċetta għalhekk li l-profitti ta' McD Europe li huma attribwibbli għal dawn iż-żewġ fergħat huma taxxabbli fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u jkunu eżentati mit-taxxa korporattiva fil-Lussemburgu. Għalhekk, l-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem tikkonkludi dan li ġej: “En vue de bénéficier de ces exonérations au Lussemburgu, la société [McD Europe] doit annuellement apporter la preuve que ces revenus et biens ont été déclarés et soumis aux impôts respectivement en Suisse et aux Etats-Unis” (Sabiex tibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet fil-Lussemburgu, il-kumpanija [McD Europe] għandha tipprovdi prova annwali li dan id-dħul u dawn il-beni ġew iddikjarati u kienu taxxabbli fl-Iżvizzera u fl-Istati Uniti rispettivament) (28).

2.2.2.   Id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta

2.2.2.1.   Talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta

(39)

Bi tweġiba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-konsulent tat-taxxa pprovda analiżi dettaljata lill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża biex jistabbilixxi jekk il-fergħa Amerikana hix taxxabbli fl-Istati Uniti u jekk din hijiex stabbiliment permanenti mill-perspettiva tal-Amerika.

(40)

F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-dħul tal-fergħa Amerikana hux taxxabbli fl-Istati Uniti, il-konsulent tat-taxxa jispjega li biex entità barranija (jiġifieri McD Europe) tkun taxxabbli fl-Istati Uniti, din għandha teżerċita attività industrijali jew kummerċjali fl-Istati Uniti. Dan huwa l-każ meta l-entità barranija titqies li għandha dħul li jkun effettivament relatat ma' attività kummerċjali jew industrijali u li huwa taxxabbli fl-Istati Uniti. Skont il-konsulent tat-taxxa: “… biex ikollha dħul effetivament relatat taxxabbli fl-Istati Uniti, entità barranija għandha teżerċita attività industrijali jew kummerċjali fl-Istati Uniti u għandu jkollha dħul effettivament relatat ma' din l-attività. Il-konsulent tat-taxxa mbagħad jafferma li l-attività mwettqa fl-Istati Uniti ma tikkostitwixxix attività industrijali jew kummerċjali fl-Istati Uniti: minkejja li l-fergħa a) għandha d-drittijiet ta' konċessjoni relatati mar-reġjun Ewropew tal-grupp, b) terfa' diversi riskji ekonomiċi relatati mal-iżvilupp u maż-żamma tad-drittijiet ta' konċessjoni miksuba, u c) twettaq ċerti attivitajiet relatati mad-drittijiet ta' konċessjoni, l-organizzazzjoni McDonald's kollha kemm hi tqis li l-operazzjonijiet kummerċjali ewlenin jitwettqu permezz ta' membri oħra tal-grupp u hija ma tqisx li l-attivitajiet tal-fergħa huma attività industrijali jew kummerċjali fl-Istati Uniti” (29).

(41)

F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-fergħa Amerikana tikkostitwixxix stabbiliment permanenti fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti mill-perspettiva tal-Amerika, il-konsulent tat-taxxa jispjega li “jenħtieġ li tiġi kkonsultata l-liġi nazzjonali tal-Amerika biex jiġi ddeterminat jekk entità għandhiex effettivament stabbiliment permanenti fis-sens [tas-CDI bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti]”. Anke jekk il-fergħa Amerikana għandha post fiss ta' negozju li permezz tiegħu d-direttur tal-fergħa jwettaq ċerti attivitajiet, il-konsulent tat-taxxa jispjega li biex din tikkostitwixxi stabbiliment permanenti, “l-attivitajiet kummerċjali fil-pajjiż tat-tassazzjoni [għandhom ikunu] sostanzjali biżżejjed biex jikkostitwixxu stabbiliment permanenti jew bażijiet fissi”. Il-liġi nazzjonali tal-Amerika tirrikjedi għalhekk li l-attivitajiet tal-fergħa Amerikana “jaqbżu ċertu limitu” li, skont il-konklużjoni tal-konsulent tat-taxxa, ma jintlaħaqx f'dan il-każ.

(42)

F'dak li jirrigwarda l-analiżi biex jiġi ddeterminat jekk il-fergħa Amerikana tikkostitwixxix stabbiliment permanenti minn perspettiva finanzjarja tal-Lussemburgu, il-konsulent tat-taxxa jispjega li “l-analiżi biex jiġi ddeterminat jekk il-fergħa Amerikana ta' McD Europe tikkostitwixxix stabbiliment permanenti minn perspettiva finanzjarja tal-Lussemburgu, fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq jekk l-attivitajiet tal-fergħa humiex ikklassifikati bħala ‘attivitajiet’ fis-sens tal-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu” (30). Billi t-terminu “attivitajiet” mhuwiex iddefinit fil-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, l-Artikolu 3(2) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jistipula li jenħtieġ li ssir referenza għat-tifsira mogħtija lilu mil-liġi nazzjonali tal-Istat kontraenti li japplika l-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja, jiġifieri l-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu. Il-konsulent tat-taxxa ta' McD Europe jispjega wkoll li jekk l-attivitajiet tal-fergħa Amerikana, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' “attività” jew ta' “stabbiliment permanenti” skont il-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu, “il-Lussemburgu jistenna għalhekk li d-dħul ikun taxxabbli fl-Istati Uniti, peress li l-fergħa tista' tiġi ttrattata bħala stabbiliment permanenti mill-perspettiva finanzjarja tal-Lussemburgu. Madankollu ma hemm l-ebda obbligu għall-Istat kontraenti l-ieħor (l-Istati Uniti) biex jintaxxa dan id-dħul b'mod effettiv. L-Artikolu 25(2)(a), tal-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja jistipula li l-Lussemburgu għandu jeżenta mit-taxxa d-dħul li ‘huwa taxxabbli fl-Istati Uniti’”. Skont il-konsulent tat-taxxa, “ma hemm l-ebda indikazzjoni li tenħtieġ tassazzjoni effettiva” (31).

(43)

Barra minn hekk, biex isostni l-perspettiva tiegħu, il-konsulent tat-taxxa jirreferi għal sentenza tat-Tribunal Amministrattiv tal-Lussemburgu, fil-kawża La Coasta (minn hawn 'il quddiem is-sentenza “La Coasta”) (32), dwar l-interpretazzjonijiet differenti tal-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-Lussemburgu u Franza (33) u li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal nontassazzjoni doppja. Skont il-konsulent tat-taxxa, it-Tribunal Amministrattiv ikkonferma li “in-nuqqas ta' stabbiliment permanenti mill-perspettiva ta' Franza mhux rilevanti u għalhekk il-Lussemburgu ma jistax jirkupra d-dritt tiegħu li jintaxxa d-dħul sempliċiment minħabba li Franza ma tqisux bħala taxxabbli”.

(44)

Il-konsulent tat-taxxa ta' McD Europe mbagħad iwettaq analiżi biex jiddetermina jekk, skont il-liġi fiskali tal-Lussemburgu, l-attivitajiet tal-fergħa Amerikana humiex “attivitajiet”. Il-konsulent tat-taxxa jikkonkludi, abbażi tal-fatti u taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-fergħa Amerikana twettaq attività kummerċjali permezz ta' post fiss b'mod sostenibbli u tikkostitwixxi stabbiliment permanenti skont il-liġi tal-Lussemburgu. B'mod aktar partikolari, skont il-konsulent tat-taxxa, skont il-paragrafu 16 ta' Steueranpassungsgesetz (liġi dwar l-aġġustament tat-taxxa jew “StAnpG”), l-attivitajiet tal-fergħa Amerikana jikkostitwixxu attivitajiet kummerċjali li jitwettqu permezz ta' post fiss b'mod sostenibbli (34). L-attivitajiet jikkonsistu f'“attivitajiet relatati mal-proprjetà intellettwali” tal-fergħa Amerikana, b'mod aktar partikolari: i) iż-żamma tal-assi; ii) ir-responsabbiltà relatata ma' ċerti riskji, jiġifieri, ir-riskji ekonomiċi relatati mal-iżvilupp u maż-żamma tad-drittijiet ta' konċessjoni li għalihom hija tħallas l-ispejjeż relatati, b'hekk tkun qiegħda tipparteċipa b'mod effettiv fil-ftehim QCS ma' McDonald's Corporation; iii) is-sorveljanza tad-drittijiet ta' konċessjoni, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-ftehim QCS, il-monitoraġġ tar-rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-“Key European Management”; iv) funzjonijiet kontabilistiċi. Skont il-konsulent tat-taxxa mill-perspettiva tal-Lussemburgu u flimkien mal-interpretazzjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, “jenħtieġ li jiġi konkluż li [l-fergħa Amerikana] twettaq attivitajiet relatati mal-proprjetà intellettwali permezz ta' stabbiliment permanenti Amerikan skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Lussemburgu” (35).

(45)

L-analiżi tal-konsulent tat-taxxa tikkonkludi billi titlob lill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża tikkonferma li hija taqbel ma' din il-konklużjoni. Il-frażi tal-konklużjoni tal-analiżi tiddikjara li: “[d]in l-ittra tissostitwixxi l-ittra ta' konferma tiegħek tat-30 ta' Marzu 2009. Għaldaqstant, napprezzaw ħafna li din l-ittra tkun tista' tikkonferma wkoll l-interpretazzjoni tagħna tal-konsegwenzi tat-taxxa għal-Lussemburgu kif deskritti fl-ittra tagħna tal-11 ta' Frar 2009” (36).

2.2.2.2.   Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta maħruġa mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża

(46)

Permezz ta' ittra tas-17 ta' Settembru 2009, l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża kkonfermat li hija kienet taqbel mal-interpretazzjoni tak-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti magħmula mill-konsulent tat-taxxa fit-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta f'dak li jirrigwarda t-trattament fiskali skont il-liġi tal-Lussemburgu dwar il-profitti ġġenerati fl-Istati Uniti mill-fergħa Amerikana ta' McD Europe.

3.   DESKRIZZJONI TAL-QAFAS ĠURIDIKU APPLIKABBLI

(47)

Ir-regoli ordinarji fir-rigward tat-taxxa korporattiva fil-Lussemburgu huma stabbiliti fl-LIR. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 159 tal-LIR jistipula li: “[it-]taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji tkopri l-introjtu tal-kontribwent”. L-Artikolu 160 tal-LIR jistipula li: “[h]uma soġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji għad-dħul indiġenu tagħhom fis-sens tal-Artikolu 156, il-korpi kollettivi tal-Artikolu 159 li la għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u lanqas l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom fit-territorju tal-Gran Dukat”.

(48)

L-Artikolu 163 tal-LIR jistipula li t-taxxa tal-Lussemburgu fuq id-dħul tal-kumpaniji hija applikabbli fuq id-dħul taxxabbli miksub mill-kontribwent f'sena partikolari (37). Qabel l-2013, il-kumpaniji taxxabbli kollha fil-Lussemburgu ġew intaxxati fuq id-dħul taxxabbli tagħhom b'rata ta' taxxa standard ta' 28,80 % (38). Mill-2013, ir-rata ta' taxxa standard hija ta' 29,22 %.

(49)

L-inkorporazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja fil-liġi tal-Lussemburgu hija bbażata fuq l-Artikolu 134 u l-Artikolu 162 tal-LIR, flimkien mar-Regolament tal-Gran Dukat tat-3 ta' Diċembru 1969.

(50)

Fir-rigward tal-individwi, l-Artikolu 134 tal-LIR jistipula li: “[m]eta kontribwent residenti jkollu dħul li jkun eżentat mit-taxxa, li jkun soġġett għal klawżola ta' progressività prevista minn konvenzjoni internazzjonali kontra t-tassazzjoni doppja jew trattat interstatali ieħor, dan id-dħul għandu madankollu jiġi inkorporat f'bażi taxxabbli fittizja biex tiġi ddeterminata r-rata tat-taxxa globali li hija applikabbli għad-dħul taxxabbli aġġustat fis-sens tal-Artikolu 126”.

(51)

L-Artikolu 162 tal-LIR (39) u r-Regolament tal-Gran Dukat tat-3 ta' Diċembru 1969 (40) jagħmlu wkoll l-Artikolu 134 tal-LIR applikabbli għall-intrapriżi soġġetti għat-taxxa tal-Lussemburgu fuq id-dħul tal-kumpaniji (“IRC”).

(52)

Il-paragrafu 16 tal-StAnpG jiddefinixxi l-kunċett ta' “stabbiliment permanenti” skont il-liġi dwar it-taxxa tal-Lussemburgu u, f'dan ir-rigward, jagħmel referenza għal kull tagħmir jew post fiss li jintuża biex titwettaq attività “industrijali” jew “kummerċjali” sostenibbli (41).

(53)

Fit-3 ta' April 1996, il-Lussemburgu u l-Istati Uniti kkonkludew konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja: Konvenzjoni bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u tiġi ostakolata l-evażjoni tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital (42). Din ġiet implimentata fil-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu permezz tal-liġi tal-5 ta' Marzu 1999 (43) u daħlet fis-seħħ fiż-żewġ Stati kontraenti fl-20 ta' Diċembru 2000, b'effett mill-1 ta' Jannar 2001.

(54)

Il-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja huma ftehimiet internazzjonali bejn żewġ Stati sovrani (44). Il-biċċa l-kbira tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja huma bilaterali, iżda jeżistu wkoll konvenzjonijiet dwar it-taxxa multilaterali, bħall-Konvenzjoni Multilaterali dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam Fiskali (45).

(55)

Il-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja għandhom l-għan li jtejbu l-kummerċ transfruntier u l-investiment internazzjonali billi jeliminaw jew inaqqsu l-ostakli tat-taxxa għall-intrapriżi u l-persuni fiżiċi li jinnegozjaw jew jinvestu f'żewġ Stati kontraenti. Jekk l-istess dħul iġġenerat minn operazzjonijiet transfruntiera jiġi ntaxxat minn żewġ pajjiżi, dan jista' jxekkel l-iżvilupp tal-kummerċ jew jiskoraġġixxi l-investimenti bejn żewġ Stati sovrani. L-għan l-aktar importanti ta' konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja huwa għalhekk li tiġi evitata jew eliminata t-tassazzjoni doppja meta din isseħħ (46).

(56)

Il-kamp ta' applikazzjoni ġenerali tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1), li jistipula dan li ġej: “Din il-Konvenzjoni tapplika biss għall-persuni li huma residenti ta' Stat kontraenti jew taż-żewġ Stati kontraenti, sakemm ma tistipulax mod ieħor.”

(57)

L-Artikolu 3(2) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti dwar id-“Tifsiriet ġenerali” jistipula li: “Għall-finijiet ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni minn Stat kontraenti, kwalunkwe espressjoni li mhix iddefinita fiha għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha mil-liġi dwar it-taxxa ta' dan l-Istat li għaliha tapplika l-Konvenzjoni, sakemm il-kuntest ma jkunx jeħtieġ interpretazzjoni differenti, jew l-awtoritajiet kompetenti ma jaqblux fuq tifsira komuni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 (Proċedura ta' ftehim reċiproku).”

(58)

L-Artikolu 5(1) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jiddefinixxi l-kunċett ta' stabbiliment permanenti: “Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-espressjoni ‘stabbiliment permanenti’ għandha tfisser post fiss ta' negozju li permezz tiegħu intrapriża tkun tista' twettaq in-negozju kollu tagħha jew parti minnu.”

(59)

F'dak li jirrigwarda t-tassazzjoni fuq il-profitti tal-intrapriżi, l-Artikolu 7(1) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jindika li: “Il-profitti ta' intrapriża ta' Stat kontraenti għandhom ikunu taxxabbli biss f'dak l-Istat, sakemm l-intrapriża ma twettaqx in-negozju tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta' stabbiliment permanenti li jkun jinsab fih. Jekk l-intrapriża twettaq in-negozju tagħha b'dan il-mod, il-profitti tal-intrapriża għandhom ikunu taxxabbli fl-Istat l-ieħor iżda biss jekk dawn ikunu attribwibbli għal dak l-istabbiliment permanenti.”

(60)

L-Artikolu 25 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti intitolat “Eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja” jistipula dan li ġej fil-paragrafu 2 tiegħu: “Fil-Lussemburgu, it-tassazzjoni doppja hija eliminata kif ġej: (a) meta resident tal-Lussemburgu jirċievi dħul jew ikollu kapital li, skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, huma taxxabbli fl-Istati Uniti, il-Lussemburgu għandu jeżenta mit-taxxa tali dħul jew kapital, soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-sottoparagrafi (b) u (c), iżda, biex jikkalkula l-ammont ta' taxxa fuq il-bqija tad-dħul jew tal-kapital tar-resident, jista' japplika l-istess rata tat-taxxa daqslikieku d-dħul jew il-kapital ma ġewx eżentati.”

4.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(61)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali minħabba li, b'mod preliminari, hija qieset li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għal McD Europe fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri fiskali kkontestati mas-suq intern.

(62)

Id-dubji tal-Kummissjoni kienu jikkonċernaw b'mod partikolari l-applikazzjoni żbaljata, permezz tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, tal-Artikolu 25(2) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, li tagħti għalhekk vantaġġ selettiv lil McD Europe.

(63)

Il-Kummissjoni wettqet test fi tliet stadji biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta kinitx prima facie selettiva. L-ewwel nett, hija qieset li s-sistema ta' referenza kienet is-sistema ġenerali tat-taxxa korporattiva tal-Lussemburgu, li l-għan tagħha huwa t-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji kollha li jiġu ntaxxati fil-Lussemburgu. Hija qieset ukoll li s-sistema ta' taxxa korporattiva tal-Lussemburgu tinkludi l-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja li l-Lussemburgu jagħmel parti minnhom.

(64)

It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta tatx lok għal deroga mis-sistema ta' referenza li wasslet għal trattament favorevoli ta' McD Europe fir-rigward ta' operaturi ekonomiċi li jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili. Hija qieset li, fil-prinċipju, McD Europe hija soġġetta għat-taxxa korporattiva tal-Lussemburgu f'dak li jirrigwarda l-profitti globali tagħha, ħlief jekk tapplika konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja u teżenta l-profitti tal-fergħat barranin mit-taxxa korporattiva tal-Lussemburgu. Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-konformità tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta, mal-Artikoli 7 u 25 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, kif ukoll mal-liġi tal-Lussemburgu li tittrasponi din il-konvenzjoni fil-liġi nazzjonali u li, skont il-prinċipju gwida tagħha, tirrikjedi tassazzjoni tal-profitti fuq livell dinji.

(65)

L-Artikolu 25 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jistipula li meta resident tal-Lussemburgu jirċievi dħul barrani li, “skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, huma taxxabbli fl-Istati Uniti”, il-Lussemburgu għandu jeżenta dan id-dħul minn kull tassazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dħul “huwiex taxxabbli fl-Istati Uniti”“skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni”, jenħtieġ li ssir referenza għall-Artikolu 7 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti.

(66)

Il-Kummissjoni nnotat li skont l-Artikolu 7 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, l-Istati Uniti (l-Istat sors) “jistgħu” jintaxxaw id-dħul korrispondenti (jiġifieri l-profitti ġġenerati mill-fergħa Amerikana ta' McD Europe li ġejjin mill-użu tad-drittijiet ta' konċessjoni) biss jekk ikun jeżisti stabbiliment permanenti li għalih dawn il-profitti jkunu attribwibbli. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn il-profitti jkunu taxxabbli biss fil-Lussemburgu. Hija mbagħad innotat li l-profitti attribwiti lill-fergħa Amerikana ma jistgħux jiġu ntaxxati fl-Istati Uniti, minħabba li din ma tikkostitwixxix stabbiliment permanenti fis-sens tal-liġi dwar it-taxxa tal-Amerika. Fi kliem ieħor, mhuwiex possibbli li dawn il-profitti jkunu “taxxabbli” fl-Istati Uniti fis-sens tal-Artikolu 25(2) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Billi l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kienu jafu kompletament bl-impossibbiltà ta' din it-tassazzjoni, il-Kummissjoni tafferma li huma ma kellhomx jaqblu li d-dħul attribwit għall-fergħa Amerikana jiġi eżentat mit-taxxa korporattiva tal-Lussemburgu.

(67)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li sabiex tevita li tagħti vantaġġ selettiv, l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża kellha taċċetta li teżenta dan id-dħul mit-taxxa korporattiva biss kieku dawn setgħu jiġu ntaxxati fl-Istati Uniti skont id-dispożizzjonijiet tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Skont il-fehma espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-fatt li, fil-mument tal-ħruġ tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta, l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża kienet taf kompletament bil-fatt li l-fergħa Amerikana ma kinitx tikkostitwixxi stabbiliment permanenti fis-sens tal-liġi dwar it-taxxa tal-Amerika, ifisser li hija kienet taf ukoll perfettament li d-dħul iġġenerat minn dawn l-attivitajiet ma setax jiġi ntaxxat fl-Istati Uniti skont il-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, u li, għalhekk, il-konferma mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi li l-eżenzjoni tad-dħul inkwistjoni mit-taxxa korporattiva Lussemburgiża skont l-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata ta' din id-dispożizzjoni.

(68)

Minħabba n-nuqqas ta' ġustifikazzjoni għat-trattament selettiv ta' McD Europe li rriżulta mid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta, u peress li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li d-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta maħruġa mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża għal McD Europe kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Barra minn hekk, peress li din issodisfat il-kundizzjonijiet biex titqies bħala għajnuna operatorja, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati mas-suq intern fir-rigward tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat.

5.   KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET LUSSEMBURGIŻI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(69)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ fl-4 ta' Frar 2016. L-awtoritajiet Lussemburgiżi jaffermaw qabelxejn li l-Kummissjoni ma stabbilixxetx il-qafas ġuridiku b'mod korrett; imbagħad, li r-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet li huma żbaljati; u fl-aħħar nett li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv.

5.1.   Kummenti tal-awtoritajiet Lussemburgiżi dwar il-qafas ġuridiku

(70)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi jiddeskrivu qabelxejn l-għan u l-kontenut tal-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja, jiġifieri li jinqasam id-dritt ta' tassazzjoni sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet (reali jew potenzjali) ta' tassazzjoni doppja, u mhux li tiġi żgurata t-tassazzjoni effettiva tal-kontribwent minn Stat kontraenti wieħed jew ieħor jew minn Stat terz. Konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja ma twassalx għal tassazzjoni jekk il-liġi nazzjonali ma tipprevedihiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta' tassazzjoni huwa kompetenza esklużiva tal-Istat kontraenti li għandu s-setgħa li jintaxxa skont it-tqassim previst fil-konvenzjoni. Fin-nuqqas ta' switch-over-clause (47) (klawżola ta' bdil) jew tal-metodu ta' imputazzjoni (48), l-Istat kontraenti l-ieħor ma jistax isolvi b'mod unilaterali problema ta' nontassazzjoni meta l-Istat l-ieħor ma jeżerċitax is-setgħa ta' tassazzjoni tiegħu. Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, l-uniku mod possibbli biex jissolvew sitwazzjonijiet ta' nontassazzjoni huwa l-emendar tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja.

(71)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi jispjegaw ukoll li konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja huwa interpretat b'mod awtonomu minn kull Stat kontraenti. Għalhekk, il-Lussemburgu ma jistax jintalab jinterpreta l-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti b'referenza għal-liġi tal-Amerika.

(72)

F'dak li jirrigwarda l-liġi nazzjonali u l-ġurisprudenza tal-Lussemburgu, l-awtoritajiet Lussemburgiżi jispjegaw li la l-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, la t-test ġuridiku li jittrasponi din il-konvenzjoni fil-liġi tal-Lussemburgu, u lanqas kwalunkwe test leġiżlattiv ieħor fil-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu ma jistabbilixxu prinċipju ta' tassazzjoni effettiva. Imbagħad huma jirreferu għas-sentenza La Coasta (49), li rrikonoxxiet li nontassazzjoni doppja tista' sseħħ minkejja l-applikazzjoni korretta ta' konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja, peress li Stat kontraenti ma jiddependix fuq l-ieħor fl-interpretazzjoni tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja.

(73)

F'dan il-każ, l-awtoritajiet Lussemburgiżi jispjegaw li n-nontassazzjoni tal-fergħa Amerikana fl-Istati Uniti hija dovuta għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tal-Amerika u għall-kunċett ta' “dħul effettivament relatat”. In-nontassazzjoni fl-Istati Uniti tirriżulta mill-fatt li dawn tal-aħħar ma jużawx id-dritt ta' tassazzjoni mogħti lilhom mill-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, li l-Lussemburgu ma jistax jikkontesta. Barra minn hekk, skont il-Lussemburgu, il-Kummissjoni mhix kompetenti biex tinterpreta (mill-ġdid) konvenzjoni internazzjonali u tkun qiegħda tikser l-Artikoli 4 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jekk tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni “korretta” ta' konvenzjoni internazzjonali bilaterali bejn Stat Membru u Stat terz.

5.2.   Kummenti tal-awtoritajiet Lussemburgiżi dwar ir-raġunament tal-Kummissjoni

(74)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi jqisu li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq żewġ suppożizzjonijiet li huma żbaljati. L-ewwel nett, is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-fergħa Amerikana ma kinitx taxxabbli fil-liġi tal-Amerika fid-data tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem. It-tieni nett, il-fatt li l-Kummissjoni tqis li kieku l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kienu jafu li l-fergħa Amerikana ma kinitx taxxabbli fl-Istati Uniti skont il-liġi dwar it-taxxa tal-Amerika, huma kienu jkunu obbligati li jintaxxaw lil McD Europe.

(75)

F'dak li jirrigwarda l-ewwel suppożizzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Lussemburgiżi jaffermaw li huma ma għandhomx il-kompetenza li jevalwaw u jinterpretaw liġi barranijdwar it-taxxa. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma setgħux ikunu jafu jekk il-fergħa Amerikana kinitx se tiġi ntaxxata effettivament mill-awtorità tat-taxxa Amerikana, peress li, l-ewwel nett, huma ma rċivew l-ebda dokument jew informazzjoni mingħand l-awtorità tat-taxxa Amerikana b'talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, u, it-tieni nett, l-opinjoni suġġettiva ta' konsulent tat-taxxa privat ma tistax titqabbel mal-pożizzjoni meħuda mill-awtoritajiet tat-taxxa Amerikani.

(76)

F'dak li jirrigwarda t-tieni suppożizzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Lussemburgiżi jaffermaw li jekk skont il-liġi tal-Lussemburgu McD Europe mhix intaxxabbli, ma jimpurtax jekk dan il-kontribwent ikunx taxxabbli jew le fil-liġi tal-Amerika, peress li l-Lussemburgu ma jirkuprax id-dritt ta' tassazzjoni tiegħu. It-tqassim tad-drittijiet ta' tassazzjoni huwa inkundizzjonat u definittiv.

5.3.   Kummenti tal-awtoritajiet Lussemburgiżi dwar l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 107 tat-Trattat

(77)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jaqblux mal-analiżi ġuridika tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv. F'dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tas-sistema ta' referenza, din tal-aħħar kienet tikkonsisti biss mill-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja kif ukoll mir-regoli u l-prattika Lussemburgiżi fir-rigward tal-konvenzjonijiet kontra t-tassazzjoni doppja b'mod ġenerali, kif interpretati mill-qrati Lussemburgiżi.

(78)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Lussemburgiżi josservaw li fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni tagħmel referenza biss għall-Artikolu 159 tal-LIR, meta r-referenza korretta għat-tassazzjoni fuq livell dinji tal-kumpaniji soġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji, tirrikjedi wkoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 160 tal-LIR. Barra minn hekk, l-inkorporazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja fil-liġi tal-Lussemburgu hija bbażata fuq l-Artikolu 134 tal-LIR, moqri flimkien mal-Artikolu 162 tal-LIR f'kombinazzjoni mar-Regolament tal-Gran Dukat tat-3 ta' Diċembru 1969. Madankollu, il-Kummissjoni allegatament ma tirreferix għal dan fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha. Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, nuqqas ta' ċarezza bħal dan imur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(79)

Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-Kummissjoni tonqos ukoll milli turi kwalunkwe deroga mill-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja u/jew mil-liġi, kif interpretata mill-qrati u mit-tribunali, u mill-prattika Lussemburgiża(i).

(80)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jaqblux mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ. L-ewwel nett, il-kwistjoni ta' vantaġġ għandha tkun indipendenti mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Amerikani jekk jintaxxawx l-intrapriża jew le. It-tieni nett, anke jekk jiġi aċċettat li l-Lussemburgu għandu obbligu ta' tassazzjoni biex tiġi evitata sitwazzjoni ta' eżenzjoni doppja, vantaġġ huwa possibbli biss jekk in-nontassazzjoni effettiva tal-fergħa Amerikana mill-awtoritajiet Amerikani kienet magħrufa b'ċertezza mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi fid-data tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta. Madankollu, l-awtoritajiet tat-taxxa Amerikani ħadu pożizzjoni dwar it-tassazzjoni tal-fergħa Amerikana fl-Istati Uniti biss bħala parti minn awditu mwettaq mill-IRS fl-2014, kważi 5 snin wara d-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem. L-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma setgħux ikunu jafu b'dan fil-mument tal-ħruġ tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati. It-tielet nett, skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-Kummissjoni qatt ma kienet tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem kieku, fi tmiem l-awditu tiegħu, l-IRS kien wasal għall-konklużjoni li l-fergħa Amerikana kienet taxxabli fl-Istati Uniti. Peress li l-Istati Uniti qed japplikaw sistema ta' tassazzjoni globali, id-dħul ta' McD Europe jiġi ntaxxat ladarba jiġi rimpatrijat fl-Istati Uniti. Għalhekk ir-riżultat huwa biss tassazzjoni differita. Għalhekk hija n-nontassazzjoni tad-dħul tal-fergħa Amerikana mill-awtoritajiet tat-taxxa Amerikani wara l-ħruġ tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati li, skont il-Kummissjoni, wasslet għal vantaġġ għal McD Europe.

6.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

6.1.   Kummenti ta' McD Europe

(81)

McD Europe esprimiet il-kummenti tagħha fid-9 ta' Awwissu 2016. L-ewwel nett, McD Europe tikkontesta l-kompetenza tal-Kummissjoni biex tinterpreta r-regoli dwar it-taxxa internazzjonali u nazzjonali; it-tieni nett, hija tenfasizza ċertu għadd ta' lakuni fl-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti; u t-tielet nett hija tafferma li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat lil McD Europe.

6.1.1.   Kummenti ta' McD Europe dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tinterpreta r-regoli dwar it-taxxa internazzjonali u nazzjonali

(82)

McD Europe tafferma li, skont l-Artikoli 113, 114 u 115 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva biex jiddeterminaw is-sistema ta' taxxa fuq il-kumpaniji tagħhom u biex jikkonkludu konvenzjonijiet internazzjonali. Għaldaqstant, it-tentattiv tal-Kummissjoni li timponi l-interpretazzjoni tagħha stess ta' konvenzjoni bħall-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jikkostitwixxi ksur tas-sovranità fiskali tal-Lussemburgu. B'mod partikolari, skont McD Europe, il-Kummissjoni tinjora l-interpretazzjoni (korretta) mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja billi tqis li i) il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta' stabbiliment permanenti prevista mis-CDI kellhom jiġu analizzati fid-dawl tal-liġi tal-Amerika u ii) li t-tassazzjoni fuq id-dħul tal-fergħa Amerikana fl-Istati Uniti kellha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi qabel ma ddeċidew li dan ma għandux jiġi ntaxxat fil-Lussemburgu.

6.1.2.   Kummenti ta' McD Europe dwar l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti

(83)

McD Europe tafferma li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti hija żbaljata fis-sens li (i) l-interpretazzjoni li tagħti l-Kummissjoni tal-kunċett ta' stabbiliment permanenti tinjora l-mod li bih ġeneralment jiġu interpretati/applikati l-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja u tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, (ii) il-Kummissjoni tintroduċi fil-KTD, il-ħtieġa li d-dħul tal-fergħa Amerikana jiġi ntaxxat fl-Istati Uniti; (iii) il-Kummissjoni tagħmel referenza għal dispożizzjonijiet tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD (50) li mhumiex applikabbli għall-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti u/jew mhumiex rilevanti f'dan il-każ.

(84)

F'dak li jirrigwarda l-ewwel punt, McD Europe tafferma li konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja fiha nnifisha ma toħloqx dritt ta' tassazzjoni jekk fil-liġi nazzjonali ma jkun jeżisti l-ebda dritt ta' tassazzjoni. Bl-istess mod, Stat kontraenti ma jiddependix fuq l-ieħor fl-interpretazzjoni tal-KTD. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li tista' ssir ta' kunċett partikolari fil-liġi tal-Amerka mhijiex rilevanti għal-Lussemburgu, anke jekk interpretazzjonijiet differenti bejn l-Istati kontraenti jistgħu jwasslu għal nontassazzjoni doppja. Skont McD Europe, l-uniku mod biex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni ta' nontassazzjoni doppja huwa li tiġi nnegozjata emenda fil-KTD.

(85)

F'dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' stabbiliment permanenti, McD Europe ssostni li l-formulazzjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, tikkonferma li hija r-responsabbiltà tal-Istat kontraenti li jkun qed japplika l-KTD li jinterpretah b'referenza għas-sistema ġuridika tiegħu stess. Għaldaqstant, f'dan il-każ, kienet l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża li kellha tinterpreta l-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti b'referenza għas-sistema ġuridika tagħha stess u li tqis il-fergħa Amerikana bħala stabbiliment permanenti għall-finijiet tal-KTD. Il-konklużjoni tal-awditu li sar mill-IRS fl-2014 hija irrilevanti, peress li, fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem fl-2009, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma setgħux ikunu infurmati b'din il-pożizzjoni tal-IRS u peress li din il-pożizzjoni ma setgħetx taffettwa b'mod retroattiv id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem.

(86)

It-tieni nett, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti ma jirrikjedux li d-dħul tal-istabbiliment permanenti jiġi ntaxxat fl-Istati Uniti. Skont McD Europe, qari korrett tad-dispożizzjonijiet tal-KTD juri li l-fatt li skont il-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja l-Istat kontraenti jista' jintaxxa (hawnhekk, l-Istati Uniti), iqis aktar tard li, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, id-dħul mhuwiex taxabbli, huwa irrilevanti għall-Istat kontraenti l-ieħor (il-Lussemburgu), li jitlef id-dritt tiegħu li jintaxxa d-dħul skont il-KTD.

(87)

It-tielet nett, ir-referenza li l-Kummissjoni għamlet għal kumment tal-OECD introdott fis-sena 2000 biex issostni l-konklużjoni tagħha li, minħabba l-fatt li d-dħul tal-fergħa Amerikana ma kienx taxxabbli fl-Istati Uniti, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kellhom jintaxxaw dan id-dħul, mhijiex rilevanti, minħabba li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma kinitx teżisti meta ġiet konkluża l-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja fl-1996. Qari ġdid tal-kummenti tal-OECD li jbiddel it-tifsira tal-Artikolu 23 A tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD jista' japplika biss għall-konvenzjonijiet irratifikati wara r-reviżjoni inkwistjoni tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fis-sena 2000. McD Europe tenfasizza wkoll li l-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD mhuwiex legalment vinkolanti, iżda jitqies pjuttost bħala rakkomandazzjoni.

6.1.3.   Kummenti ta' McD Europe dwar l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 107 tat-Trattat

(88)

Skont McD Europe, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni żbaljata li d-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem tinvolvi riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, McD Europe ma bbenefikat mill-ebda vantaġġ, billi l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma setgħux jintaxxaw id-dħul attribwibbli għall-fergħa Amerikana. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma wrietx li McD Europe kienet l-unika intrapriża li bbenefikat mill-applikazzjoni tal-KTD u wisq inqas li hija tagħmel parti minn grupp selettiv ta' intrapriżi.

(89)

F'dak li jirrigwarda l-ewwel punt, McD Europe tafferma li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jekk huma biss interpretazzjonijiet u applikazzjonijiet prattiċi tar-regoli tat-taxxa ġenerali f'każijiet speċifiċi. Dawn jistgħu jikkostitwixxu biss għajnuna mill-Istat jekk huma jiddevjaw mir-regoli ġenerali bl-eżerċizzju ta' setgħa amministrattiva diskrezzjonarja. F'dan il-każ, l-għan tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem kien li jikkonfermaw in-nontassazzjoni fil-Lussemburgu, tad-dħul attribwit lill-fergħa Amerikana skont il-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ma naqqsitx il-piż tat-taxxa ta' McD Europe, minħabba li fin-nuqqas ta' din id-deċiżjoni, McD Europe kienet tkun soġġetta għall-istess piż fiskali fil-Lussemburgu. Id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem ma tbiddilx u lanqas ma ttejjeb is-sitwazzjoni fiskali ta' McD Europe.

(90)

It-tieni nett, skont McD Europe, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi applikaw b'mod żbaljat il-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti u, fuq din il-bażi, ikkonstatat l-eżistenza ta' vantaġġ għal McD Europe. Barra minn hekk, il-fatt li finalment l-Istati Uniti ddeċidew li ma jintaxxawx id-dħul relatat mar-royalties skont ir-regolamentazzjoni tat-taxxa Amerikana ma jistax jitqabbel ma' għajnuna mill-Istat skont id-dritt tal-Unjoni. Il-Lussemburgu ma rkuprax id-dritt ta' tassazzjoni tiegħu fuq il-fergħa Amerikana minħabba s-sempliċi fatt li l-istess dħul ma kienx taxxabbli fil-liġi tal-Amerika. Bħall-awtoritajiet Lussemburgiżi, McD Europe tikkwota s-sentenza La Coasta insostenn għall-prinċipju li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi ma jistgħux iqisu l-interpretazzjonijiet magħmula mill-Istat kontraenti l-ieħor. Madankollu, anke kieku r-raġunament tal-Kummissjoni kellu jiġi aċċettat, il-vantaġġ potenzjali li McD Europe setgħet kisbet mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kien fil-fatt ir-riżultat ta' deċiżjoni meħuda mill-IRS fl-2014 li ma jiġix intaxxat id-dħul tal-fergħa Amerikana. Madankollu, l-eżistenza possibbli ta' vantaġġ ma tistax tiddependi fuq l-attitudni ta' pajjiż terz.

(91)

F'dak li jirrigwarda s-selettività, u b'mod partikolari l-kwistjoni tad-deroga, McD Europe tafferma li skont l-informazzjoni ppubblikata minn LuxLeaks (51), jidher li bosta intrapriżi bbenefikaw mill-istess trattament bħal McD Europe. Din mhix sorpriża peress li l-interpretazzjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti fid-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem hija konformi bis-sħiħ mal-applikazzjoni tal-liġi tal-Lussemburgu. Id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem l-oħra żvelati minn LuxLeaks juru li l-awtoritajiet Lussemburgiżi segwew interpretazzjoni konsistenti tal-KTD, applikabbli għall-kontribwenti kollha li jinsabu f'sitwazzjoni komparabbli fi ħdan l-istess sistema ta' referenza. L-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem l-oħrajn ma timponi kundizzjoni ta' tassazzjoni tal-profitti fil-livell tal-istabbiliment permanenti.

(92)

Fl-aħħar nett, McD Europe tafferma li l-vantaġġ selettiv jista' jitqies bħala ġġustifikat sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u li, għalhekk, il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

6.2.   Kummenti minn partijiet interessati oħra

(93)

Fil-5 ta' Awwissu 2016, l-alleanza ressqet il-kummenti tagħha, li fihom esprimiet l-appoġġ tagħha għall-investigazzjoni.

(94)

Hija tafferma li fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti ta' McDonald's fl-Ewropa, kwalunkwe għajnuna għal McD Europe tista' toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Skont l-alleanza, il-bidliet fl-istruttura korporattiva ta' McDonald's li seħħew fi tmiem l-2008 u fil-bidu tal-2009, segwiti mit-talbiet għal deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem, kienu mmotivati minn raġunijiet fiskali u kellhom l-għan li jiksbu nontassazzjoni doppja fil-Lussemburgu u fl-Istati Uniti, li taw lil McDonald's vantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

(95)

Skont l-alleanza, l-interpretazzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja li jwasslu għal nontassazzjoni doppja ma għandhomx jitqiesu bħala konformi mal-kliem u mal-ispirtu ta' dawn il-konvenzjonijiet.

(96)

Fl-aħħar nett, l-alleanza tistieden lill-Istati Membri b'regoli kontra l-abbuż biex jinvestigaw lil McDonald's minħabba l-ottimizzazzjoni tal-istruttura tat-taxxa korporattiva tagħha bil-għan li tevita li tħallas it-taxxi. Skont l-alleanza, il-każ ta' McDonald's juri l-ħtieġa li l-awtoritajiet tat-taxxa jiskambjaw informazzjoni dwar it-trattament fiskali tal-intrapriżi multinazzjonali u jintroduċu dikjarazzjonijiet pubbliċi skont il-pajjiż.

7.   KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET LUSSEMBURGIŻI DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI

(97)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi ressqu kummenti dwar il-kummenti ta' McD Europe u tal-alleanza dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta' ittra tat-30 ta' Settembru 2016.

(98)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi affermaw li, fil-biċċa l-kbira tagħha, l-analiżi ta' McD Europe kienet tikkoinċidi mal-analiżi tagħhom stess.

(99)

Huma jqisu li l-kummenti magħmula mill-alleanza ma jindirizzawx il-kwistjoni ta' jekk ingħatatx għajnuna mill-Istat lil McD Europe, iżda jiffokaw essenzjalment fuq il-prattiki ta' McDonald's fuq livell dinji u jikkritikaw il-politiki fiskali, soċjali u dwar il-pagi ta' din tal-aħħar.

(100)

L-awtoritajiet Lussemburgiżi jinnotaw li, għall-kuntrarju ta' dak li tafferma l-alleanza, l-għan ta' konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja huwa li telimina t-tassazzjoni doppja, u mhux li tiżgura tassazzjoni effettiva. It-tqassim tad-drittijiet ta' tassazzjoni bejn żewġ Stati kontraenti li jirriżultaw minn konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja hija definittiva u inkundizzjonata. Għaldaqstant, jekk l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi jirrinunzjaw id-drittijiet ta' tassazzjoni tagħhom kuntrattwalment, huma ma jirkuprawx dawn id-drittijiet sempliċiment minħabba l-fatt li l-Istat kontraenti l-ieħor ma jintaxxax id-dħul ikkonċernat b'mod effettiv.

(101)

F'dak li jirrigwarda s-sejħa tal-alleanza għal tisħiħ tal-għodod tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, l-awtoritajiet Lussemburgiżi jaffermaw li huma jappoġġjaw dan l-għan bis-sħiħ u li kwalunkwe miżura dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tiġi eżaminata u adottata fil-forma xierqa u skont il-proċeduri applikabbli.

8.   VALUTAZZJONI

(102)

Wara investigazzjoni profonda u wara li eżaminat bir-reqqa l-kummenti li saru bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li d-dubji espressi f'din tal-aħħar ma jwasslux għall-konklużjoni li ngħatat għajnuna mill-Istat permezz ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati.

8.1.   L-eżistenza tal-għajnuna

(103)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Memmbru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, lil twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, fafejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant huwa stabbilit li biex miżura tkun tista' tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel nett, trid tkun intervent tal-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat; it-tieni nett, dan l-intervent irid ikun ta' natura tali li jista' jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri; it-tielet, irid jagħti vantaġġ selettiv lil intrapriża; u, ir-raba', irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (52).

(104)

Sabiex miżura tiġi klassifikata bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dik id-dispożizzjoni (53). Hawn taħt, il-Kummissjoni se tiffoka l-valutazzjoni tagħha fuq jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati tawx vantaġġ selettiv lil McD Europe. Fin-nuqqas ta' vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni ma għandhiex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ġewx sodisfatti, billi fis-sens tal-Artikolu 107 tat-Trattat ma kienx hemm għajnuna mill-Istat.

8.2.   Eżistenza ta' vantaġġ selettiv għal McD Europe

(105)

Kull meta miżura adottata mill-Istat ittejjeb il-pożizzjoni finanzjarja netta ta' intrapriża, ikun hemm vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (54). Biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' vantaġġ, jenħtieġ li ssir referenza għall-effett tal-miżura nnifisha (55). Fil-każ ta' miżuri fiskali, vantaġġ jista' jingħata billi jitnaqqas b'diversi modi l-piż tat-taxxa ta' intrapriża u, b'mod partikolari, billi titnaqqas il-bażi taxxabbli jew l-ammont tat-taxxa dovuta (56).

(106)

Għall-finijiet tal-analiżi ta' selettività, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet test fi tliet stadji biex tiddetermina jekk miżura fiskali partikolari hix selettiva (57). Fil-kuntest ta' dan it-test, l-ewwel stadju jikkonsisti fid-definizzjoni ta' skema fiskali komuni jew ordinarja li tiġi applikata fl-Istat Membru: is-“sistema ta' referenza”. It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tidderogax minn din is-sistema, minħabba li tagħmel distinzjoni bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-oġġettivi intrinsiċi għas-sistema, ikunu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Jekk il-miżura tidderoga mis-sistema ta' referenza, jeħtieġ li, fit-tielet stadju, jiġi stabbilit jekk din il-miżura hijiex iġġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali ta' din is-sistema. Miżura li tidderoga mill-applikazzjoni tas-sistema ta' referenza tista' tiġi ġġustifikata jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista' juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida ta' din is-sistema tat-taxxa (58). Jekk dan ikun il-każ, il-miżura fiskali ma tkunx selettiva. F'dak li jirrigwarda dan it-tielet stadju, l-oneru tal-prova jaqa' fuq l-Istat Membru.

(107)

Jenħtieġ li jiġi nnotat li d-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ kienu bbażati fuq definizzjoni preliminari tas-sistema ta' referenza li tikkorrispondi għas-sistema ġenerali ta' taxxa korporattiva tal-Lussemburgu, inklużi l-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja li l-Lussemburgu huwa parti għalihom. Il-Kummissjoni qieset li vantaġġ selettiv għal McD Europe kien possibbli minħabba applikazzjoni żbaljata tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni qieset li l-konferma mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi tal-eżenzjoni tad-dħul relatat mal-attivitajiet tal-fergħa Amerikana ta' McD Europe mit-taxxa korporattiva fil-Lussemburgu skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti setgħet irriżultat minn applikazzjoni żbaljata ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ ma kien previst l-ebda tip ieħor ta' diskriminazzjoni jew ta' applikazzjoni żbaljata.

(108)

L-analiżi li ġejja tiffoka prinċipalment fuq id-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ, minħabba li l-kummenti tal-Lussemburgu u ta' partijiet interessati oħra u l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni ma wasslux biex il-Kummissjoni testendi l-proċedura formali f'dan il-każ, li hija limitata għal deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem maħruġa għal McD Europe u għal applikazzjoni żbaljata possibbli tal-Artikolu 5, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 25(2) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Jenħtieġ li jitqies ukoll li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta' vantaġġ selettiv jaqa' fuq il-Kummissjoni (ħlief għall-ġustifikazzjoni tal-miżura mill-prinċipji ta' gwida bażiċi tas-sistema tat-taxxa).

(109)

Ma ġiex stabbilit li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati jikkostitwixxu deroga mir-regoli stabbiliti mill-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Tali deroga teżisti jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati kellhom applikaw b'mod żbaljat dispożizzjoni tal-KTD (jiġifieri jiddevjaw minnha), biex b'hekk titnaqqas it-taxxa dovuta ta' McD Europe u ssir diskriminazzjoni bejn McD Europe u l-intrapriżi l-oħra f'sitwazzjoni komparabbli mil-lat fattwali u ġuridiku.

(110)

McD Europe hija resident fil-Lussemburgu għall-finijiet ta' taxxa. Skont l-Artikoli 159 u 160 tal-LIR, McD Europe hija fil-prinċipju soġġetta għat-taxxa korporattiva tal-Lussemburgu fuq il-profitti globali tagħha. Madankollu, f'dak li jirrigwarda d-dħul attribwit lill-fergħa Amerikana tagħha, għandha tapplika l-KTDbejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, trasposta fil-liġi tal-Lussemburgu skont l-Artikoli 134 u 162 tal-LIR flimkien mar-Regolament tal-Gran Dukat tat-3 ta' Diċembru 1969. Il-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti tillimita d-drittijiet ta' tassazzjoni tal-Lussemburgu fis-sens li ċertu dħul attribwit lil stabbiliment permanenti fl-Istati Uniti skont din il-konvenzjoni huwa taxxabbli fl-Istati Uniti u mhux fil-Lussemburgu.

(111)

L-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jeżenta mit-taxxa “dan id-dħul […] li, skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, huwa taxxabbli fl-Istati Uniti”. Sabiex jiġi ddeterminat id-dħul li “huwa taxxabbli fl-Istati Uniti”, l-Artikolu 7(1) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jistipula li l-profitti ta' intrapriża ġġenerati f'wieħed mill-pajjiżi kontraenti huma taxxabli f'dan l-Istat, ħlief jekk ikunu realizzati minn stabbiliment permanenti jew ikunu attribwibbli lil stabbiliment permanenti li jkun jinsab fl-Istat kontraenti l-ieħor. F'dan il-każ, l-ewwel Stat kontraenti jista' jissupponi li l-profitti attribwibbli lil dan l-istabbiliment permanenti huma taxxabbli fl-Istat kontraenti l-ieħor u b'hekk dawn il-profitti jiġu eżentati mit-taxxa sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja possibbli.

(112)

Il-fatt jekk il-fergħa Amerikana ta' McD Europe tikkostitwixxix stabbiliment permanenti fl-Istati Uniti li jiġġenera profitti eżentati mit-taxxa fil-Lussemburgu huwa għalhekk kritiku fil-qafas tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. L-Artikolu 5(1) tas-CDI bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jiddefinixxi stabbiliment permanenti bħala “post fiss ta' negozju li permezz tiegħu intrapriża tkun tista' twettaq in-negozju kollu tagħha jew parti minnu”. Għalkemm l-istabbiliment permanenti huwa għalhekk iddefinit fil-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti, it-terminu “negozju” mhuwiex. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jinkludi l-kunċett ta' “profitti tal-intrapriżi”, li mhuwiex iddefinit.

(113)

F'din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 3(2) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jqis li kwalunkwe espressjoni li mhix iddefinita fih għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha mil-liġi tal-Istat li jkun qed japplika l-konvenzjoni, jiġifieri, f'dan il-każ, il-Lussemburgu. Kif spjegat f'aktar dettall fil-premessi 119 sa 121 u għall-kuntrarju ta' dak li affermat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, fil-każ ta' differenzi fl-interpretazzjoni jew fil-valutazzjoni fattwali bejn l-Istati kontraenti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-KTD mil-Lussemburgu mhuwiex biżżejjed li l-fergħa Amerikana tikkostitwixxi stabbiliment permanenti skont il-liġi nazzjonali tal-Amerika (59) u lanqas ma huwa biżżejjed li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kienu konxji tan-nontassazzjoni tad-dħul tal-fergħa fl-Istati Uniti (60). Jekk il-fergħa Amerikana tikkostitwixxi stabbiliment permanenti li jwettaq attività fl-Istati Uniti skont il-liġi dwar it-taxxa nazzjonali tal-Lussemburgu, u għalhekk għandha profitti li huma attribwibbli lilha, dawn il-profitti huma eżentati mit-taxxa skont il-liġi dwar it-taxxa tal-Lussemburgu skont l-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti.

(114)

F'dak li jirrigwarda l-liġi dwar it-taxxa tal-Lussemburgu, il-paragrafu 16 tal-StAnpG jiddefinixxi l-kunċett ta' stabbiliment permanenti u, f'dan ir-rigward, jagħmel referenza għal kull tagħmir jew post fiss li jintuża biex titwettaq attività “industrijali” jew “kummerċjali” sostenibbli. Fit-talba tiegħu għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-konsulent tat-taxxa japplika l-kriterji tal-paragrafu 16 tal-StAnpG għall-karatteristiċi tal-attività mwettqa mill-fergħa Amerikana (61) u jikkonkludi li dawn il-kriterji huma sodisfatti. Għaldaqstant, mill-perspettiva finanzjarja tal-Lussemburgu, “jenħtieġ li jiġi konkluż li [l-fergħa Amerikana] twettaq attivitajiet relatati mal-proprjetà intellettwali permezz ta' stabbiliment permanenti Amerikan skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Lussemburgu” (62).

(115)

Skont il-kummenti riċevuti mill-awtoritajiet Lussemburgiżi u minn McD Europe bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ (63), il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni għaliex ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-konsulent tat-taxxa li l-fergħa Amerikana tikkostitwixxi stabbiliment permanenti skont il-paragrafu 16 tal-StAnpG. Skont il-liġi tal-Lussemburgu, fl-Istati Uniti jeżisti stabbiliment permanenti, u ma ġiex stabbilit li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi applikaw b'mod żbaljat il-KTD billi qiesu li d-dħul tal-fergħa Amerikana “huwa taxxabbli” fl-Istati Uniti skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti.

(116)

F'dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza nazzjonali tal-Lussemburgu, fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ (64), il-konsulent tat-taxxa kif ukoll il-Lussemburgu u McDonald's jirreferu għas-sentenza La Coasta, li tittratta interpretazzjonijiet differenti tal-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-Lussemburgu u Franza. F'din is-sentenza, it-Tribunal Amministrattiv tal-Lussemburgu rrikonoxxa li nontassazzjoni doppja tista' sseħħ minkejja l-applikazzjoni korretta ta' konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja, peress li kull Stat kontraenti ma jiddependix fuq l-ieħor fl-interpretazzjoni tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja. L-għan prinċipali ta' konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja huwa l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja reali u potenzjali. Dan mhux dejjem jiżgura tassazzjoni reali (65).

(117)

In-nontassazzjoni f'dan il-każ tirriżulta prinċipalment mill-fatt li l-Istati Uniti ma jużawx id-dritt ta' tassazzjoni li ġie attribwit lilhom mill-KTD minħabba l-interpretazzjoni tat-terminu “attivitajiet” fil-liġi tal-Amerika. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-fatt li n-nontassazzjoni doppja tad-dħul mill-konċessjoni ta' McD Europe kienet dovuta għal interpretazzjoni differenti bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti jew għal kunflitt ta' klassifikazzjoni fil-qafas tal-applikazzjoni tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. B'mod partikolari, il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2)(a) tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti (“[f]il-Lussemburgu, it-tassazzjoni doppja hija eliminata kif ġej:”) tidher li tindika li l-Lussemburgu huwa obbligat li jeżenta d-dħul biss biex jelimina t-tassazzjoni doppja (66).

(118)

Barra minn hekk, fil-qafas tal-eżami preliminari, tqajmet il-mistoqsija dwar jekk fin-nuqqas ta' sitwazzjoni ta' tassazzjoni doppja virtwali (67), in-nontassazzjoni doppja f'dan il-każ kinitx dovuta għal kunflitt ta' klassifikazzjoni u jekk il-Lussemburgu setax jirkupra d-dritt ta' tassazzjoni tiegħu minħabba kunflitt bħal dan. Ir-referenza li tagħmel id-deċiżjoni tal-ftuħ għall-kummenti relatati mal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD f'dak li jirrigwarda l-kunflitti ta' klassifikazzjoni, b'mod partikolari l-paragrafu 32.6 (68), għandha għalhekk tinftiehem f'dan il-kuntest.

(119)

Kunflitt ta' klassifikazzjoni jirreferi għal sitwazzjoni fejn l-Istati kontraenti japplikaw artikoli differenti tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja skont l-interazzjoni bejn il-liġi nazzjonali tagħhom u l-konvenzjoni (69). Skont il-kummenti tal-OECD, fil-każ ta' kunflitt ta' klassifikazzjoni, l-Istat ta' residenza (il-Lussemburgu) għandu jqis il-klassifikazzjoni tal-Istat tas-sors (l-Istati Uniti) (70). Fi kliem ieħor, meta, mill-perspettiva tal-Istat tas-sors, huwa ma jkollux id-dritt li jintaxxa element ta' dħul skont il-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja, l-Istat ta' residenza mhux meħtieġ jeżenta d-dħul (71).

(120)

Għall-kuntrarju, id-differenzi fl-interpretazzjoni jew fil-valutazzjoni fattwali jirreferu għall-mod li bih l-Istati kontraenti jinterpretaw il-konvenzjoni jew japplikawha għal sett partikolari ta' fatti, li mhux relatat mal-liġi nazzjonali. Is-sitwazzjonijiet ta' differenzi fl-interpretazzjoni wasslu biex fil-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD jiġi inkluż l-Artikolu 23 A(4), sabiex tinstab soluzzjoni għal dawn il-każijiet ta' nontassazzjoni doppja (72).

(121)

Kif spjegat fil-premessi 112 sa 117, matul l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza li ssostni d-dubji dwar il-possibbiltà, f'dan il-każ, li kellha quddiemha kunflitt ta' klassifikazzjoni. L-interpretazzjonijiet differenti tat-terminu “attivitajiet” fil-liġi dwar it-taxxa tal-Lussemburgu u fil-liġi dwar it-taxxa tal-Amerika ma wasslux lil-Lussemburgu u lill-Istati Uniti biex japplikaw dispożizzjonijiet differenti tal-KTD, iżda biex jinterpretaw b'mod differenti l-istess dispożizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 5 tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Fil-każ ta' interpretazzjoni differenti, ir-Rapport tal-1999 jispeċifika li l-Istat ta' residenza (il-Lussemburgu) mhux obbligat jaċċetta l-interpretazzjoni proposta mill-Istat tas-sors (l-Istati Uniti) (73). Barra minn hekk, fil-każ ta' differenzi fl-interpretazzjoni u fin-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni fil-KTD, li tikkorrispondi għall-Artikolu 23 A(4), tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD (kif inhu l-każ tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti), nontassazzjoni doppja hija possibbli. Tali nontassazzjoni doppja li tirriżulta minn interpretazzjonijiet differenti tal-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja tista' tiġi solvuta billi tiġi nnegozjata emenda għaliha (74) jew billi tintuża l-proċedura ta' ftehim reċiproku prevista fl-Artikolu 27 ta' dik il-konvenzjoni.

(122)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li n-nuqqas ta' tassazzjoni tad-dħul tal-fergħa Amerikana jista' jiġi solvut ukoll permezz ta' emenda tal-Artikolu 16 tal-StAnpG, li attwalment ma jipprevedix is-sitwazzjonijiet fejn l-attivitajiet tal-intrapriża jitqiesu bħala stabbiliment permanenti fil-liġi tal-Lussemburgu, iżda mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq il-limitu li jagħmel lill-intrapriża stabbiliment permanenti skont il-liġi tal-Amerika (ara l-premessa 41).

(123)

Fl-aħħar nett, kif sostniet McDonald's fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ (75), l-analiżi ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem oħrajn mogħtija mil-Lussemburgu u ppubblikati mill-każ ta' LuxLeaks (76) turi li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati ma jiddevjawx mid-deċiżjonijiet miksuba minn kontribwenti oħra skont din l-interpretazzjoni u din l-applikazzjoni tal-KTD mil-Lussemburgu. L-analiżi ta' 25 deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem oħrajn (77) turi li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi segwew interpretazzjoni konsistenti tal-KTD, applikabbli għall-kontribwenti kollha f'sitwazzjoni komparabbli. Il-KTD ma tipprevedi l-ebda kundizzjoni ta' tassazzjoni effettiva u d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ma jimponux tali kundizzjoni, sakemm din ma tiġix speċifikament inkluża fil-konvenzjoni applikabbli.

8.2.1.   Konklużjoni

(124)

Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni tikkonkludi li f'dan il-każ, ma ġiex stabbilit li l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi applikaw b'mod żbaljat iil-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti. Għaldaqstant, fid-dawl tad-dubji mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ u tad-definizzjoni tagħha ta' sistema ta' referenza, il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati taw vantaġġ selettiv lil McD Europe minħabba applikazzjoni żbaljata tal-KTD bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti.

(125)

Billi l-kriterji għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi, mhux meħtieġ li jiġu eżaminati l-kriterji l-oħra.

9.   KONKLUŻJONIJIET RIGWARD L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA

(126)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi għal McD Europe Franchising, S.à.r.l. ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Lussemburgu ma applikax b'mod żbaljat il-Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-Lussemburgu u l-Istati Uniti fid-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi fit-30 ta' Marzu 2009 u fis-17 ta' Settembru 2009 għal McD Europe Franchising, S.à.r.l., peress li dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 258, 15.7.2016, p. 11.

(2)  Din l-ittra ntbagħtet bir-referenza HT.4020 – Prattiki fir-rigward tad-deċiżjoni tat-taxxa.

(3)  Madankollu, din l-investigazzjoni hija limitata għal deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ikkontestati u hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem oħra maħruġa mill-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża għall-grupp McDonald's u s-sussidjarji tiegħu.

(4)  It-trejdjunjins inkwistjoni huma dawn li ġejjin: il-Federazzjoni Ewropea tal-Junjins tas-Servizzi Pubbliċi (EPSU), il-European Federation of Food, Agriculture and Tourism Trade Unions (EFFAT) u s-Service Employees International Union (SEIU).

(5)  ĠU C 258, 15.7.2016, p. 11.

(6)  Rapport “Form 10-K” imressaq minn McDonald's Corporation lill-Kummissjoni Federali dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju (US Securities and Exchange Commission) għall-2017, p. 1.

(7)  Rapport “Form 8-K” imressaq minn McDonald's Corporation lill-Kummissjoni Federali dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju fit-18 ta' Settembru 2015, p. 2.

(8)  Rapport “Form 10-K” imressaq minn McDonald's Corporation lill-Kummissjoni Federali dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju għall-2017, p. 13.

(9)  Talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, p. 1.

(10)  Taħt kuntratt ta' konċessjoni tradizzjonali, McDonald's Corporation tippossjedi l-art u l-bini jew tiggrantixxi kiri fit-tul għall-kiri tar-ristorant u l-konċessjonarju jħallas għat-tagħmir, is-sinjali, il-postijiet bilqiegħda u d-dekor.

(11)  Rapport “Form 10-K” imressaq minn McDonald's Corporation lill-Kummissjoni Federali dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju għall-2009.

(12)  Is-swieq stabbiliti jinkludu l-Ġermanja, l-Awstralja, il-Kanada, Franza, ir-Renju Unit u s-swieq relatati.

(13)  Swieq li, skont l-intrapriża, għandhom potenzjal relattivament ogħla ta' espansjoni u ta' konċessjoni tar-ristoranti, inkluż iċ-Ċina, il-Korea, Spanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Russja, l-Iżvizzera u s-swieq relatati.

(14)  Dan huwa l-isem ta' swieq oħra fis-sistema ta' McDonald's, li ħafna minnhom joperaw fuq il-bażi ta' mudell li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa konċessjonarju. L-attivitajiet ta' dan is-settur huma deskritti wkoll (ara r-rapport “Form 10-K” imressaq minn McDonald's Corporation lill-Kummissjoni Federali dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju għall-2017, p. 20).

(15)  L-assi intanġibbli relatati mad-drittijiet ta' konċessjoni jirrigwardaw dawn l-elementi li ġejjin: l-iżvilupp u l-pożizzjoni tat-trademark, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar, id-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-ristoranti, ir-rinovazzjoni tar-ristoranti, l-iżvilupp tal-platti u tal-menus, il-katina tal-provvista, il-pjattaforma u s-sistemi operazzjonali (inklużi l-assi intanġibbli relatati mat-taħriġ), l-implimentazzjoni tas-sistemi, l-amministrazzjoni tal-konċessjonijiet, l-analiżi tal-attività, il-kontroll tal-kwalità, ir-riżorsi umani, l-appoġġ ġuridiku.

(16)  Sors: tweġiba miktuba minn McDonald's għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni TAX3 tal-Parlament Ewropew, 18 ta' Ġunju 2018.

(17)  Konvenzjoni bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u tiġi ostakolata l-evażjoni tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmata fil-Lussemburgu fit-3 ta' April 1996.

(18)  It-territorji kkonċernati mill-Buy-in Agreement u l-ftehim QCS huma dawn li ġejjin: […].

(19)  Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Lussemburgiżi lill-Kummissjoni, il-fergħa Amerikana ma tħaddimx persunal direttament.

(20)  Bħall-koordinazzjoni tal-ftehim QCS bejn McD Europe u McDonald's Corporation li jkopri d-drittijiet ta' konċessjoni relatati mar-reġjun Ewropew ta' McDonald's u t-twettiq tal-funzjoni tal-kontijiet pagabbli u tal-kontijiet riċevibbli tal-fergħa, billi żżomm il-kontijiet tagħha skont il-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati tal-Istati Uniti (US GAAP).

(21)  L-Anness nru 4 għat-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem.

(22)  [Lista ta' konċessjonanti minn diversi pajjiżi Ewropej]

(23)  B'mod partikolari, huwa mistenni li s-servizzi jinkludu għajnuna strateġika u għajnuna għall-ġestjoni relatata mat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ġestjoni tal-pjattaformi operazzjonali, it-tfassil tal-katina ta' provvista, l-iżvilupp tal-istokk tal-bini, id-disinn tar-ristoranti, l-immaniġġjar tal-menus, l-analiżi tat-tendenzi fis-swieq lokali, ir-riżorsi umani, il-kontroll tal-kwalità u l-kummerċjalizzazzjoni; dan kollu fil-kuntest tal-attivitajiet Ewropej.

(24)  L-Anness nru 8 għat-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem.

(25)  L-Anness nru 6 għat-talba għall-ewwel deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem.

(26)  Liġi emendata tal-4 ta' Diċembru 1967 dwar it-taxxa fuq id-dħul.

(27)  Konvenzjoni bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Konfederazzjoni Żvizzera sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmata f'Berne fil-21 ta' Jannar 1993.

(28)  It-test oriġinali.

(29)  P. 3 tat-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta.

(30)  P. 3 tat-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta.

(31)  P. 4 tat-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta.

(32)  Sentenza tat-Tribunal Amministrattiv tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tat-3 ta' Diċembru 2001, nru 12831 tal-lista, segwita mis-sentenza tal-Qorti Amministrattiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu tat-23 ta' April 2002, nru 14442c tal-lista.

(33)  Konvenzjoni bejn Franza u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u jiġu stabbiliti regoli ta' assistenza amministrattiva reċiproka fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital tal-1 ta' April 1958.

(34)  Minbarra d-deskrizzjoni tal-attività, il-konsulent tat-taxxa jagħmel referenza għall-kriterji li ġejjin biex jikkonkludi li l-fergħa Amerikana twettaq attività stabbli permezz ta' fergħa fissa: il-fergħa tikri spazju għall-uffiċċji biex tkun tista' twettaq l-attivitajiet tagħha permezz ta' post fiss ta' negozju; il-fergħa għandha aċċess għal servizzi, direttur u “impjegati oħra”; il-fergħa għandha uffiċjalment id-dritt li tuża l-bini; huwa previst li l-ispazju għall-uffiċċji jkun disponibbli għall-fergħa għal perjodu twil; il-fergħa tħallas miżata annwali lis-sid; il-fergħa se tkun irreġistrata formalment fl-Istati Uniti; hija għandha l-kont bankarju tagħha stess u McD Europe żżomm rapporti finanzjarji separati għall-fergħa Amerikana; il-persunal se jwettaq xogħlu prinċipalment fil-bini tal-fergħa; il-fergħa għandha intestatura; il-fergħa se tħallas miżata annwali għas-servizzi tad-direttur tagħha; l-ispejjeż kollha msemmija hawn fuq jidhru fil-kontijiet tal-fergħa.

(35)  P. 8 tat-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta.

(36)  P. 8 tat-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta.

(37)  L-Artikolu 163(1) tal-LIR: “It-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji hija applikabbli fuq id-dħul taxxabbli realizzat mill-kontribwent f'sena kalendarja partikolari”.

(38)  It-taxxa tal-Lussemburgu fuq id-dħul tal-kumpaniji tikkonsisti f'taxxa fuq il-profitti (“taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji” jew “IRC”) b'rata ta' 21 % u, għall-intrapriżi stabbiliti fil-belt tal-Lussemburgu, taxxa kummerċjali fuq il-profitti (“taxxa kummerċjali”) b'rata ta' 6,75 %. Barra minn hekk, żieda ta' 5 % tapplika għar-rata ta' tassazzjoni ta' 21 % għal fond għall-impjieg ikkalkulat fuq l-IRC. Fl-2012, it-taxxa ta' solidarjetà żdiedet minn 5 % għal 7 %, b'effett mis-sena finanzjarja 2013. Bl-emendi introdotti għas-sena finanzjarja 2013, ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul aggregat żdiedet minn 28,80 % għal 29,22 % għall-intrapriżi stabbiliti fil-belt tal-Lussemburgu. Barra minn hekk, l-intrapriżi Lussemburgiżi huma soġġetti għal taxxa annwali fuq il-kapital, imposta b'rata ta' 0,5 % tal-valur nett globali tal-intrapriża fl-1 ta' Jannar ta' kull sena.

(39)  L-Artikolu 162 tal-LIR jistipula li: “1. Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu I ta' din il-liġi huma applikabbli biex jiġu ddeterminati d-dħul taxxabbli u d-dħul nett inklużi fiha, biex jiġu ddeterminati l-profitti taċ-ċessjoni jew tal-likwidazzjoni u biex tiġi ddikjarata, stabbilita u tinġabar it-taxxa, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor hawn taħt jew sakemm l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma tkunx iġġustifikata minħabba n-natura speċjali tal-korpi kollettivi. 2. Regolament tal-Gran Dukat se jispeċifika d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-korpi kollettivi għall-implimentazzjoni tal-paragrafu preċedenti.”

(40)  Ir-Regolament tal-Gran Dukat tat-3 ta' Diċembru 1969 li jimplimenta l-Artikolu 162 jistipula li: “[i]d-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tal-liġi tal-4 ta' Diċembru 1967 dwar it-taxxa fuq id-dħul li huma applikabbli skont l-Artikolu 162 tal-istess liġi għat-tassazzjoni tal-korpi kollettivi msemmija fit-Titolu II ta' din il-liġi huma speċifikati fil-lista mehmuża ma' dan ir-Regolament li minnu tifforma parti integrali”.

(41)  Steueranpassungsgesetz vom 16. Oktober 1934, Rgesetzbl. I S. 925). Fil-verżjoni oriġinali tiegħu (bil-Ġermaniż), l-Artikolu 16(1) jistipula dan li ġej: “Betriebsstätte im Sinn der Steuergesetze ist jede feste örtliche Anlage oder Einrichtung, die der Ausübung des Betriebs eines stehenden Gewerbes dient.

(42)  Konvenzjoni bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u tiġi ostakolata l-evażjoni tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmata fil-Lussemburgu fit-3 ta' April 1996.

(43)  Liġi tal-5 ta' Marzu 1999 li tapprova l-Konvenzjoni bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u tiġi ostakolata l-evażjoni tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmata fil-Lussemburgu fit-3 ta' April 1996, kif emendata bl-iskambju ta' ittri bejn iż-żewġ Gvernijiet tat-28 ta' Awwissu 1996, il-Ġurnal Uffiċjali tal-Grand Dukat tal-Lussemburgu, is-16 ta' Marzu 1999, A – No25. Il-liġi ġiet emendata fl-2010 permezz tal-liġi tal-31 ta' Marzu 2010 li tapprova l-konvenzjonijiet dwar it-taxxa u li tipprevedi l-proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba, il-Ġurnal Uffiċjali tal-Grand Dukat tal-Lussemburgu, A – No51, is-6 ta' April 2010.

(44)  Dawn spiss jissejħu wkoll “konvenzjonijiet dwar it-taxxa” jew “ftehimiet dwar it-tassazzjoni doppja”.

(45)  OECD, Kunsill tal-Ewropa, Konvenzjoni Multilaterali dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam Fiskali, 2011.

(46)  Hemm żewġ mudelli prinċipali ta' konvenzjonijiet dwar it-taxxa biex l-Istati kontraenti jkunu jistgħu jinnegozjaw it-termini u d-dispożizzjonijiet preċiżi ta' konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja: il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-ONU u l-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD (minn hawn 'il quddiem l-“MCF tal-OECD”). L-ewwel MCF tal-OECD ġie ppubblikat fl-1958 u minn dakinhar ġie rivedut u aġġornat regolarment. L-MCF tal-OECD huwa kkomplementat mill-kummenti dwar l-artikoli tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa, li jispjegaw u jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tal-MCF tal-OECD u jiġu aġġornati u riveduti regolarment. Il-kummenti tal-OECD jipprovdu wkoll l-osservazzjonijiet ta' ċerti pajjiżi dwar aspetti speċifiċi tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja u dwar il-mod li bih dawn il-pajjiżi jinterpretaw ċerti artikoli tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja fil-liġi nazzjonali tagħhom stess.

(47)  Il-“klawżola ta' bdil” tippermetti lil Stat kontraenti jemenda b'mod unilaterali l-metodu biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja jekk l-Istat kontraenti l-ieħor japplika l-konvenzjoni jew il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tiegħu biex jeżenta ċertu dħul jew kapital mit-tassazzjoni jew biex japplika rati ta' taxxa mnaqqsa f'ras il-għajn tad-dividendi, l-imgħaxijiet jew ir-royalties.

(48)  L-element essenzjali tal-metodu ta' imputazzjoni, kemm jekk jingħata b'mod unilaterali kif ukoll jekk jingħata permezz ta' konvenzjoni dwar it-taxxa bilaterali, huwa li l-Istat ta' residenza jittratta taxxa fuq id-dħul barrani mħallsa lill-Istat sors mir-residenti tiegħu, f'ċerti limiti regolatorji, daqslikieku kienet taxxa fuq id-dħul li tkun tħallset lilu stess. Meta r-rata tat-taxxa barranija tkun inqas mir-rata nazzjonali, huwa biss il-qligħ eċċessiv tat-taxxa nazzjonali fuq it-taxxa barranija li huwa dovut għall-Istat ta' residenza. Meta t-taxxa barranija tkun l-aktar waħda għolja, l-Istat ta' residenza ma jirċievi l-ebda taxxa. Il-piż tat-taxxa globali effettiv huwa dak l-aktar għoli bejn it-taxxa nazzjonali u t-taxxa barranija.

(49)  Ara l-premessa 43. L-ewwel nett, f'sentenza tal-Kunsill tal-Istat Franċiż tat-18 ta' Marzu 1994, Franza ma ngħatatx id-dritt li tintaxxa l-gwadanji kapitali realizzati minn kumpanija Lussemburgiża, fuq il-bejgħ ta' bini li jinsab fi Franza, għar-raġuni li s-sempliċi żamma tal-bini ma kinitx tikkostitiwixxi stabbiliment permanenti fi Franza u li d-dħul kummerċjali kien intaxxabbli fi Franza biss meta kien attribwibbli għal stabbiliment permanenti Franċiż. Bħala riżultat ta' din is-sentenza, il-Lussemburgu pprova jintaxxa d-dħul u l-gwadanji kapitali tal-kumpaniji Lussemburgiżi fil-Lussemburgu minn proprjetà immobbli ta' oriġini Franċiża. Madankollu, fis-sentenza tiegħu La Coasta, it-Tribunal Amministrattiv tal-Lussemburgu sab il-kontra, billi ddeċieda li l-konvenzjoni dwar it-taxxa bejn Franza u l-Lussemburgu kienet tattribwixxi d-drittijiet ta' tassazzjoni tad-dħul minn proprjetà immobbli lill-Istat li fih jinsabu dawn il-proprjetajiet, f'dan il-każ, fi Franza.

(50)  Il- Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD huwa mudell għall-pajjiżi li jikkonkludu konvenzjonijiet dwar it-taxxa bilaterali u għandu rwol essenzjali fit-tneħħija tal-ostakli tat-taxxa għall-kummerċ u l-investimenti transkonfinali. Huwa jikkostitwixxi l-bażi għan-negozjar u l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar it-taxxa bilaterali bejn il-pajjiżi, u għandu l-għan li jgħin lill-intrapriżi filwaqt li jikkontribwixxi biex jiġu evitati l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa. Il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD jipprovdi wkoll mezz biex il-problemi l-aktar komuni li jirriżultaw fil-qasam tat-tassazzjoni doppja internazzjonali jiġu indirizzati b'mod uniformi.

(51)  Fil-ħarifa tal-2014, aktar minn 500 deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem li nkisbu b'mod partikolari minn PwC ġew żvelati u ġew ippubblikati fuq l-Internet (il-każ ta' LuxLeaks).

(52)  Ara l-Kawża C-399/08 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, ECLI:EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(53)  Ara l-Kawża C-399/08 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, ECLI:EU:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(54)  Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“l-Avviż dwar il-Kunċett tal-għajnuna”) (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1), paragrafu 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(55)  Il-Kawża 173/73, L-Italja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1974:71, punt 13.

(56)  Ara l-Kawża C-66/02, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2005:768, punt 78; il-Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio di Firenze et, ECLI:EU:C:2006:8, punt 132; u l-Kawża C-522/13, Ministerio de Defensa u Navantia, ECLI:EU:C:2014:2262, punti 21 sa 31.

(57)  Il-Kawżi Konġunti minn C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos et ECLI:EU:C:2011:550.

(58)  Ara l-Kawżi Konġunti minn C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos et ECLI:EU:C:2011:550, punt 65.

(59)  Il-Premessa 84 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(60)  Il-Premessa 91 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(61)  Ara l-premessa 44.

(62)  P. 8 tat-talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem riveduta.

(63)  Ara l-premessi 70, 71, 76 u 92.

(64)  Ara l-premessa 92.

(65)  Ara l-premessa 72.

(66)  Ara “L'application du Modèle de Convention fiscale de l'OCDE aux sociétés de personnes” (L-applikazzjoni tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD għas-sħubiji) tal-OECD, Kwistjonijiet ta' tassazzjoni internazzjonali, nru 6 (1999) (minn hawn 'il quddiem ir-Rapport tal-1999), il-paragrafu 116.

(67)  It-tassazzjoni doppja virtwali tidher f'sitwazzjonijiet fejn l-Istat sors ikollu b'mod ċar id-dritt li jintaxxa element ta' dħul skont il-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja, iżda jagħżel li ma jeżerċitax dan id-dritt abbażi tal-liġi nazzjonali tiegħu dwar it-taxxa.

(68)  Il-paragrafu 32.6 tal-kummenti relatati mal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD (2000) jispeċifika li “il-kliem ‘huma taxxabbli, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Konvenzjoni’ għandu jiġi interpretat ukoll b'rabta mal-każijiet possibbli ta' eżenzjoni doppja li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 23. Meta l-Istat sors iqis li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jipprojbixxuh milli jintaxxa element ta' dħul jew ta' kapital li normalment kien ikun intitolat li jintaxxa, l-Istat ta' residenza għandu, għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 23 A, iqis li dan l-element ta' dħul mhuwiex taxxabbli mill-Istat sors skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni anke jekk huwa stess ikun applika l-Konvenzjoni b'mod differenti, fis-sens li, li kieku kien l-Istat sors, huwa kien ikollu d-dritt li jintaxxa dan id-dħul. Għalhekk, l-Istat ta' residenza mhux mitlub mill-paragrafu 1 li jeżenta l-element ta' dħul, li huwa konsistenti mal-funzjoni bażika tal-Artikolu 23 li hija li tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja.”

(69)  Rapport tal-1999, il-paragrafu 94.

(70)  Rapport tal-1999, il-paragrafu 105.

(71)  Rapport tal-1999, il-paragrafu 109, li jaqra kif ġej: “[m]eta l-Istat tas-sors iqis li d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni jipprojbixxuh milli jintaxxa element ta' dħul li normalment kien jintaxxa, għalhekk l-Istat ta' residenza […] mhux mitlub mill-paragrafu 1 [tal-Artikolu 23 A] li jeżenta l-element ta' dħul”.

(72)  L-Artikolu 23 A(4) tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD jistipula li: “Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma japplikawx għad-dħul riċevut jew għall-kapital possedut minn resident ta' Stat kontraenti meta l-Istat Kontraenti l-ieħor japplika d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni biex jeżenta mit-taxxa dan id-dħul jew dan il-kapital jew japplika d-dispożizzjonijiet tal-pargarafu 2 tal-Artikolu 10 jew 11 għal dan id-dħul.”

(73)  Rapport tal-1999, il-paragrafu 108.

(74)  Ara l-premessa 70.

(75)  Ara l-premessa 91.

(76)  Fil-ħarifa tal-2014, aktar minn 500 deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem li nkisbu b'mod partikolari minn PwC ġew żvelati u ġew ippubblikati fuq l-Internet.

(77)  McDonald's irrevediet id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem żvelati f'dan il-kuntest u pprovdiet lill-Kummissjoni 25 każ li fihom l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi kkonfermaw li l-profitti tal-intrapriża attribwiti lil stabbiliment permanenti ma kinux taxxabbli fil-Lussemburgu skont il-konvenzjoni dwar it-tassazzjoni doppja applikabbli. L-istabbilimenti permanenti kienu stabbiliti fil-pajjiżi li ġejjin: il-Ġermanja, l-Istati Uniti, Franza, Hong Kong, l-Irlanda, l-Iżlanda, il-Ġappun, in-Netherlands, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera u l-Vietnam. L-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ma timponi kundizzjoni ta' tassazzjoni tal-profitti tal-intrapriżi fil-livell tal-istabbiliment permanenti.