28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/94


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/871

tas-26 ta' Marzu 2019

dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għas-sena finanzjarja 2018

(notifikata bid-dokument C(2019) 2357)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u abbażi tal-kontijiet annwali mressqa mill-Istati Membri, li magħhom intbagħtet l-informazzjoni meħtieġa għall-approvazzjoni tal-kontijiet u opinjoni tal-awditjar dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet u tar-rapporti stabbiliti mill-Korpi ta' Ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni trid tapprova l-kontijiet tal-Aġenziji tal-Pagamenti msemmija fl-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament qabel il-31 ta' Mejju tas-sena li tiġi wara s-sena baġitarja kkonċernata.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, is-sena finanzjarja agrikola tibda fis-16 ta' Ottubru tas-sena N-1 u tispiċċa fil-15 ta' Ottubru tas-sena N. Meta jiġu approvati l-kontijiet għas-sena finanzjarja 2018, jenħtieġ li titqies in-nefqa mġarrba mir-Renju Unit bejn is-16 ta' Ottubru 2017 u l-15 ta' Ottubru 2018, kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2).

(3)

Billi r-Renju Unit diġà kkomunika l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa lill-Kummissjoni, huwa xieraq li jipproċedi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet rilevanti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(4)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 jistipula li l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mingħand kull Stat Membru jew li jistgħu jitħallsu lilu, skont id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 33(1) ta' dak ir-Regolament, iridu jiġu stabbiliti billi l-pagamenti ta' kull xahar imħallsa għas-sena finanzjarja kkonċernata jitnaqqsu mill-infiq rikonoxxut għal dik is-sena skont l-Artikolu 33(1).

(5)

Wara t-trażmissjoni tal-informazzjoni mir-Renju Unit, u wara l-kontrolli u l-emendi kollha meħtieġa, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti li ġejjin: “Department of Agriculture, Environment and Rural Affairs”, “The Scottish Government Rural Payments and Inspections Directorate”, “Welsh Government” u “Rural Payments Agency” fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG). Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni li tressqet mir-Renju Unit u kkomunikat ir-riżultati tal-verifiki tagħha lir-Renju Unit qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, flimkien mal-emendi meħtieġa.

(6)

Għal dawn l-aġenziji tal-pagamenti, il-kontijiet annwali u d-dokumenti mehmuża magħhom jippermettu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali mressqa.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (3), kull data ta' skadenza maqbuża matul Awwissu, Settembru u Ottubru trid titqies fid-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet. Parti min-nefqa ddikjarata mir-Renju Unit matul dawk ix-xhur fl-2018 saret wara l-iskadenzi applikabbli. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiffissa t-tnaqqis rilevanti.

(8)

Skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni diġà naqqset għadd ta' pagamenti ta' kull xahar relatati mar-Renju Unit għas-sena finanzjarja 2018 minħabba nuqqas ta' konformità mal-iskadenzi tal-pagamenti. F'din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis dawn l-ammonti mnaqqsa sabiex tevita li jsiru xi pagamenti jew rimborżi mhux xierqa jew mhux f'waqthom, ta' ammonti li iktar tard jistgħu jkunu soġġetti għal korrezzjoni finanzjarja. Meta jkun xieraq, l-ammonti inkwistjoni jistgħu jiġu eżaminati, skont il-proċeduri tal-approvazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(9)

Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istat Membru kkonċernat irid iħallas 50 % mill-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru tal-irregolaritajiet jekk l-irkupru ma jkunx sar fi żmien erba' snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew fi żmien tmien snin f'każ li l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jirrikjedi li flimkien mal-kontijiet annwali li jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, l-Istati Membri jehmżu wkoll tabella ċċertifikata li tirrifletti l-ammonti li jridu jitħallsu minnhom skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri li jirrappurtaw l-ammonti li jridu jiġu rkuprati huma stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. L-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jistabbilixxi l-mudell tat-tabella li l-Istati Membri jridu jużaw biex jipprovdu l-informazzjoni dwar l-ammonti li jridu jiġu rkuprati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru tal-irregolaritajiet li jmorru lura għal iżjed minn erba' snin jew għal iżjed minn tmien snin rispettivament, abbażi tat-tabelli li l-Istati Membri jkunu mlew.

(10)

Skont l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux l-irkupru. Din id-deċiżjoni tista' tittieħed biss jekk l-ispejjeż li jkunu ġġarrbu diġà, u dawk li x'aktarx jiġġarrbu, ikunu jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat jew jekk jirriżulta li l-irkupru ma jkunx jista' jsir minħabba l-insolvenza, irreġistrata u rrikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuni legalment responsabbli għall-irregolarità. Jekk dik id-deċiżjoni tittieħed fi żmien erba' snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew fi żmien tmien snin f'każ li l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru jenħtieġ li jitħallsu 100 % mill-baġit tal-Unjoni. L-ammonti li għalihom ir-Renju Unit iddeċieda li ma jsegwix l-irkupru u l-bażi li fuqha jkun ħa d-deċiżjoni jinsabu fir-rapport ta' sinteżi msemmi fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 flimkien mal-punt (c)(iv) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(1) ta' dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li t-tali ammonti ma jitħallsux mir-Renju Unit iżda jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni minflok.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni jaf tieħu sussegwentement biex teskludi xi nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni li ma tkunx saret skont ir-regoli tal-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit, “Department of Agriculture, Environment and Rural Affairs”, “The Scottish Government Rural Payments and Inspections Directorate”, “Welsh Government” u “Rural Payments Agency” huma b'dan approvati fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), fir-rigward tas-sena finanzjarja 2018.

L-Anness ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mingħand ir-Renju Unit jew li jistgħu jitħallsu lilu skont din id-Deċiżjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-konformità li l-Kummissjoni jaf tieħu fil-futur skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biex teskludi xi nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni li ma tkunx saret skont ir-regoli tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).


ANNESS

APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI

SENA FINANZJARJA 2018

Ammont li jrid jiġi rkuprat mill-Istat Membru jew jitħallas lilu

SM

 

2018 - Nefqa / Dħul Assenjat lill-Aġenziji tal-Pagamenti li għalihom il-kontijiet huma

Total ta' a + b

Tnaqqis u sospensjonijiet għas-sena finanzjarja kollha (1)

Ammont li jrid jiġġarrab skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 1306/2013

Total li jinkludi t-tnaqqis u s-sospensjonijiet

Pagamenti li saru lill-Istat Membru għas-sena finanzjarja

Ammont li jrid jiġi rkuprat minn (-) jew imħallas lil (+) l-Istat Membru (2)

approvat

diżassoċjat

= nefqa/dħul assenjat iddikjarati fid-dikjarazzjoni annwali

= total tan-nefqa/tad-dħul assenjat fid-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar

 

 

a

b

c=a+b

d

e

f=c+d+e

g

h=f-g

UK

GBP

0,00

0,00

0,00

0,00

– 81 567,52

– 81 567,52

0,00

– 81 567,52

UK

EUR

3 134 431 581,76

0,00

3 134 431 581,76

– 7 568 165,96

0,00

3 126 863 415,80

3 131 942 681,20

– 5 079 265,40

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

SM

 

Nefqa (3)

Dħul assenjat (3)

Artikolu 54(2) (=e)

Total (=h)

 

05 07 01 06

6701

6702

i

j

k

l = i+j+k

UK

GBP

0,00

0,00

– 81 567,52

– 81 567,52

UK

EUR

0,00

– 5 079 265,40

0,00

– 5 079 265,40

NB:

Nomenklatura 2019: 05 07 01 06, 6701, 6702


(1)  It-tnaqqis u s-sospensjonijiet huma dawk meqjusa fis-sistema tal-pagamenti, li magħhom jiżdiedu, b'mod partikolari, il-korrezzjonijiet għan-nuqqas ta' rispett tal-iskadenzi tal-pagamenti stabbiliti f'Awwissu, f'Settembru u f'Ottubru 2018 u tnaqqis ieħor fil-kuntest tal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(2)  Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont li jrid jiġi rkuprat mill-Istat Membru jew li jrid jitħallas lilu, l-ammont li jitqies huwa t-total tad-dikjarazzjoni annwali għan-nefqa approvata (kol.a) jew, it-total tad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar għan-nefqa diżassoċjata (kol.b). Rata tal-kambju applikabbli: it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014.

(3)  Il-linja baġitarja 05 07 01 06 għandha tinqasam bejn il-korrezzjonijiet negattivi li jsiru dħul assenjat fil-linja baġitarja 67 01 u dawk pożittivi favur l-Istat Membru li issa għandhom jiddaħħlu fin-naħa tan-nefqa fil-linja baġitarja 05 07 01 06 skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.