24.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/84


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/845

tas-17 ta' Mejju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit mill-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tiegħu ta' proċedura

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 (2). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-13 ta' Diċembru 2015.

(2)

L-Artikolu 15.3(1) tal-Ftehim jistabbilixxi l-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, taħt l-awspiċi tal-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit permezz tal-Artikolu 15.1(1) tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 15(4) tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat għall-Kummerċ UE-Korea (3), kull Grupp ta' Ħidma jista' jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess li għandhom jiġu rrappurtati lill-Kumitat għall-Kummerċ.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta' proċedura tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-rigward tar-regoli ta' proċedura tiegħu, għaliex dawn ir-regoli jkunu vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' dak il-Grupp ta' Ħidma mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2).

(3)  Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat Kummerċjali tal-UE u l-Korea tat-23 ta' Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ [2013/110/UE] (ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9).


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-GRUPP TA' ĦIDMA UE-KOREA DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

ta' …

dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tiegħu

IL-GRUPP TA' ĦIDMA UE-KOREA DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat għall-Kummerċ UE-Korea tat-23 ta' Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ [2013/110/UE] (2), b'mod partikolari l-Artikoli 15.4 tal-Anness tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 15.4 tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat għall-Kummerċ UE-Korea, kull Kumitat Speċjalizzat u kull Grupp ta' Ħidma jista' jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess li għandhom jiġu rrappurtati lill-Kumitat għall-Kummerċ.

(2)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta' proċedura tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' proċedura tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Il-Mexxej tat-Tim

Il-Kap tal-Unità

Il-Ministeru tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija tar-Repubblika tal-Korea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kopresident tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Il-Kopresident tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi


(1)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

(2)  ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9.

ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-GRUPP TA' ĦIDMA DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

Artikolu 1

Kompożizzjoni u Presidenza

1.   Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ”) stabbilit skont l-Artikolu 15.3.1(g) tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previsti fl-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

2.   Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tar-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”), minn naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra.

3.   Skont l-Artikolu 15.3.3 tal-Ftehim, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandu jkun kopresedut minn rappreżentanti tal-Korea u tal-Unjoni Ewropea.

4.   Kull kopresident jista' jiddelega l-funzjonijiet tal-kopresident, kollha jew kwalunkwe waħda minnhom, lil deputat nominat, f'liema każ ir-referenzi kollha minn hawn 'il quddiem għall-kopresident għandhom japplikaw bl-istess mod għad-deputat nominat.

5.   Kull kopresident għandu jaħtar punt ta' kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ. Dawk il-punti ta' kuntatt għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt għad-dmirijiet segretarjali tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ.

Artikolu 2

Laqgħat

Skont l-Artikolu 10.25.2 tal-Ftehim, il-post tal-laqgħa għandu jalterna bejn il-Partijiet. Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandu jiltaqa' f'ħin u post u b'mod li jista' jkun ukoll permezz ta' konferenza vidjo, li dwarhom iż-żewġ Partijiet jaqblu reċiprokament, iżda mhux aktar tard minn 90 jum wara t-talba minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

Artikolu 3

Korrispondenza

1.   Il-korrispondenza lill-Presidenti tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandha tiġi mgħoddija lill-punti ta' kuntatt għaċ-ċirkolazzjoni lill-membri tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ.

2.   Il-korrispondenza tista' ssir permezz ta' kwalunkwe mezz bil-miktub, inkluża l-posta elettronika.

3.   Skont l-Artikolu 15 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiġi infurmat dwar il-punti ta' kuntatt maħtura mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ. Il-korrispondenza, dokumenti u komunikazzjonijiet kollha inkluż l-iskambju tal-emails bejn il-punti ta' kuntatt tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jiġu mgħoddija simultanjament lis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ, lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Korea u lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Korea għall-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Aġendi għal-laqgħat

1.   Għandha titfassal aġenda provviżorja mill-punti ta' kuntatt qabel kull laqgħa. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-membri tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ inklużi l-kopresidenti tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa. L-aġenda provviżorja tista' tinkludi kwalunkwe punt kopert mill-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

2.   Kwalunkwe Parti tista' titlob li punti koperti mill-Artikolu 10.25 tal-Ftehim jiġu inklużi fl-aġenda provviżorja mill-inqas 21 jum qabel il-laqgħa. Dawk il-punti għandhom jiġu inklużi fl-aġenda provviżorja.

3.   Verżjoni aħħarija tal-aġenda provviżorja għandha tiġi ċċirkolata lill-kopresidenti mill-inqas ħamest ijiem qabel il-laqgħa.

4.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-kopresidenti b'mod unanimu fil-bidu ta' kull laqgħa. Kwalunwe punt ieħor minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fl-aġenda jekk iż-żewġ kopresidenti jaqblu dwar dan.

Artikolu 5

Talbiet għal modifiki tal-Annessi 10-A jew 10-B tal-Ftehim

1.   Kwalunkwe Parti tista' titlob li żżid fl-Annessi 10-A jew 10-B tal-Ftehim, jew tneħħi minnhom, indikazzjonijiet ġeografiċi individwali permezz ta' ittra ffirmata mill-kopresident tal-Parti kkonċernata.

2.   Skont l-Artikoli 10.25.1 u 10.25.3 tal-Ftehim, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ jista' jiddeċiedi b'konsensus li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B biex iżid indikazzjonijiet ġeografiċi individwali tal-Unjoni Ewropea jew tal-Korea wara li tkun tlestiet il-proċedura rilevanti msemmija fil-Ftehim. Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ jista' jiddeċiedi wkoll b'konsensus li jirrakkomanda ż-żieda jew it-tneħħija ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għad-deċiżjoni finali fil-Kumitat għall-Kummerċ skont l-Artikolu 10.21.4, l-Artikolu 10.24 u l-Artikolu 10.25.

3.   Skont l-Artikolu 15.3.5, il-Kumitat għall-Kummerċ jista' jwettaq il-kompitu assenjat lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ u jiddeċiedi li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15.5.2, il-Kumitat għall-Kummerċ jista' jiddeċiedi li jemenda l-Annessi 10-A u 10-B u l-Partijiet jistgħu jadottaw id-deċiżjoni suġġett għar-rekwiżiti u proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom.

4.   Il-Partijiet, meta jiddeċiedu li jimmodifikaw l-Annessi 10-A u 10-B, għandhom jagħmlu ħilithom biex iqisu kif dovut l-interessi rispettivi taż-żewġ Partijiet fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Artikolu 6

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandu jadotta rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet b'konsensus kif previst fl-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ fis-sens tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim għandhom jiġu indirizzati lill-Partijiet u għandhom ikunu ffirmati mill-kopresidenti.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ fis-sens tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim għandhom ikunu ffirmati mill-kopresidenti. Kull deċiżjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

4.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandhom juru numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

1.   Rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ tista' tiġi adottata bi proċedura bil-miktub fejn iż-żewġ Partijiet jaqblu. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn il-kopresidenti tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ.

2.   Il-kopresident tal-Parti li tipproponi l-użu tal-proċedura bil-miktub għandu jissottometti l-abbozz ta' rakkomandazzjoni jew deċiżjoni lill-kopresident tal-Parti l-oħra, li għandu jwieġeb billi jindika jekk jaċċettax jew le l-abbozz ta' rakkomandazzjoni jew deċiżjoni. Il-kopresident tal-Parti l-oħra jista' wkoll jipproponi emendi jew jitlob aktar żmien għar-riflessjoni. Jekk ikun hemm qbil fuq l-abbozz, dan għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 6.

Artikolu 8

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitfassal mill-punti ta' kuntatt fi żmien 21 jum mil-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jiddikjara r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati u jinnota kwalunkwe konklużjoni oħra milħuqa.

2.   Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien 28 jum mil-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Hekk kif jiġu approvati, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-kopresidenti. Kopja oriġinali tal-minuti għandha tinżamm minn kull kopresident.

Artikolu 9

Rapporti

Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ għandu jirrapporta lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar l-attivitajiet tiegħu f'kull laqgħa regolari tal-Kumitat għall-Kummerċ kif previst fl-Artikolu 15.3.4 tal-Ftehim.

Artikolu 10

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż li hija tagħmel biex tieħu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ.

2.   L-ispejjeż marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Pubbliċità u konfidenzjalità

1.   Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ ma għandhomx ikunu pubbliċi.

2.   Meta Parti tissottometti informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali kif previst fl-Artikolu 15.1.7 tal-Ftehim.

3.   Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-IĠ fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.