17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 129/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/797

tas-17 ta' Mejju 2019

dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Ġunju 2017 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar qafas għal rispons diplomatiku konġunt għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (is-“Sett ta' Għodod taċ-Ċiberdiplomazija”), li fihom il-Kunsill esprima t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-kapaċità u r-rieda ta' atturi statali u mhux statali li jilħqu l-objettivi tagħhom billi jwettqu attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi u saħaq fuq il-ħtieġa dejjem akbar li jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u ċ-ċittadini tagħhom kontra theddid ċibernetiku u attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi.

(2)

Il-Kunsill saħaq li indikazzjoni ċara tal-konsegwenzi probabbli ta' rispons diplomatiku konġunt tal-Unjoni għal tali attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi tinfluwenza l-imġiba ta' aggressuri potenzjali fiċ-ċiberspazju, u b'hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Afferma wkoll li miżuri fi ħdan il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), inkluż, jekk ikun meħtieġ, miżuri restrittivi, adottati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, huma adegwati għal qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-Unjoni għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, bil-għan li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni, jiffaċilitaw il-mitigazzjoni ta' theddid immedjat u fit-tul, u jinfluwenzaw l-imġiba ta' aggressuri potenzjali fit-tul.

(3)

Fil-11 ta' Ottubru 2017 il-linji gwida ta' implimentazzjoni għas-Sett ta' Għodod taċ-Ċiberdiplomazija ġew approvati mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà. Il-linji gwida ta' implimentazzjoni jirreferu għal ħames kategoriji ta' miżuri, inkluż miżuri restrittivi, fi ħdan is-Sett ta' Għodod taċ-Ċiberdiplomazija, u l-proċess biex jiġu invokati dawk il-miżuri.

(4)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-16 ta' April 2018 dwar attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi kkundannaw bil-qawwa l-użu malizzjuż ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u saħqu li l-użu tal-ICTs għal finijiet malizzjużi mhuwiex aċċettabbli peress li jdgħajjef l-istabbiltà, is-sigurtà u l-benefiċċji pprovduti mill-internet u l-użu ta' ICTs. Il-Kunsill fakkar li s-Sett ta' Għodod taċ-Ċiberdiplomazija jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' kunflitti, il-kooperazzjoni u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju billi jistabbilixxi l-miżuri fi ħdan il-PESK, inkluż miżuri restrittivi, li jistgħu jintużaw għall-prevenzjoni ta' attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi u r-rispons għalihom. Huwa ddikjara li l-Unjoni ser tkompli tiddefendi bil-qawwa l-fatt li d-dritt internazzjonali eżistenti hu applikabbli għaċ-ċiberspazju u enfasizza li r-rispett għad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, hu essenzjali għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà. Il-Kunsill issottolinja wkoll li l-Istati m'għandhomx jużaw intermedjarji biex iwettqu atti internazzjonali illeċiti bl-użu ta' ICTs, u jenħtieġ li jippruvaw jiżguraw li t-territorju tagħhom ma jintużax minn atturi mhux Statali biex iwettqu tali atti kif espress fir-rapport tal-2015 tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Żviluppi fil-Qasam tal-Informazzjoni u t-Telekomunikazzjoni fil-Kuntest tas-Sigurtà Internazzjonali.

(5)

Fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li fihom enfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet kontra t-theddid għaċ-ċibersigurtà minn barra l-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew talab lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri biex jimplimentaw il-miżuri msemmija fil-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Ġunju 2018 intitolata “Inżidu r-reżiljenza u nsaħħu l-kapaċitajiet biex nindirizzaw it-theddidiet ibridi”, inkluż l-użu prattiku tas-Sett ta' Għodod taċ-Ċiberdiplomazija.

(6)

Fit-18 ta' Ottubru 2018 il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li appellaw sabiex il-ħidma fuq il-kapaċità ta' rispons u ta' deterrent għall-attakki ċibernetiċi permezz ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni titmexxa 'l quddiem, abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017.

(7)

F'dan il-kuntest, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati biex jiskoraġġixxu u jirrispondu għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Fejn jitqies bħala neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-PESK fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din id-Deċiżjoni tippermetti wkoll li miżuri restrittivi jiġu applikati bħala rispons għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti kontra Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

(8)

Sabiex ikollhom effett ta' deterrent u dissważiv, miżuri restrittivi mmirati jenħtieġ li jiffukaw fuq attakki ċibernetiċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li jitwettqu intenzjonalment.

(9)

Jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-miżuri restrittivi mmirati u l-attribuzzjoni ta' responsabbiltà għal attakki ċibernetiċi lil Stat terz. L-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi mmirati ma tammontax għal tali attribuzzjoni, li hija deċiżjoni politika sovrana meħuda fuq bażi ta' każ b'każ. Kull Stat Membru huwa liberu li jagħmel id-determinazzjoni tiegħu stess fir-rigward tal-attribuzzjoni ta' attakki ċibernetiċi lil Stat terz.

(10)

Hi meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti, inkluż tentattivi ta' attakki ċibernetiċi b'effett potenzjalment sinifikanti, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

2.   Attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna jinkludu dawk li:

(a)

joriġinaw, jew jitwettqu, barra mill-Unjoni;

(b)

jużaw infrastruttura barra mill-Unjoni;

(c)

jitwettqu minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp stabbilit jew li jopera barra mill-Unjoni; jew

(d)

jitwettqu bl-appoġġ, taħt id-direzzjoni jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jopera barra mill-Unjoni.

3.   Għal dan il-fini, l-attakki ċibernetiċi huma azzjonijiet li jinvolvu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

aċċess għal sistemi ta' informazzjoni;

(b)

interferenza f'sistema ta' informazzjoni;

(c)

interferenza fid-data; jew

(d)

interċettazzjoni ta' data,

meta tali azzjonijiet mhumiex debitament awtorizzati mis-sid jew minn detentur ieħor tad-dritt tas-sistema jew tad-data jew parti minnha, jew mhumiex permessi skont il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-Istati Membri jinkludu dawk li jaffettwaw sistemi ta' informazzjoni relatati, fost l-oħrajn, ma':

(a)

infrastruttura kritika, inkluż cables sottomarini u oġġetti mitfugħa fl-ispazju, li hija essenzjali għaż-żamma ta' funzjonijiet vitali tas-soċjetà, jew is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, u l-benesseri ekonomiku jew soċjali tal-persuni;

(b)

servizzi neċessarji għaż-żamma ta' attivitajiet soċjali u/jew ekonomiċi essenzjali, partikolarment fis-setturi ta': l-enerġija (l-elettriku, iż-żejt u l-gass); it-trasport (bl-ajru, bil-ferrovija, bl-ilma u bit-triq); is-settur bankarju; infrastrutturi tas-swieq finanzjarji; is-saħħa (fornituri tal-kura tas-saħħa, sptarijiet u kliniki privati); provvista u distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb; infrastruttura diġitali; u kwalunkwe settur ieħor li huwa essenzjali għall-Istat Membru kkonċernat;

(c)

funzjonijiet kritiċi tal-Istat, b'mod partikolari fl-oqsma tad-difiża, il-governanza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet, inkluż għall-elezzjonijiet pubbliċi jew il-proċess tal-votazzjoni, il-funzjonament ta' infrastruttura ekonomika u ċivili, is-sigurtà interna, u r-relazzjonijiet esterni, inkluż permezz ta' missjonijiet diplomatiċi;

(d)

il-ħażna jew l-ipproċessar ta' informazzjoni klassifikata; jew

(e)

skwadri ta' rispons f'emerġenza tal-gvern.

5.   L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-Unjoni jinkludu dawk imwettqa kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tagħha, id-delegazzjonijiet tagħha għal pajjiżi terzi jew għal organizzazzjonijiet internazzjonali, l-operazzjonijiet u l-missjonijiet tagħha tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u r-rappreżentanti speċjali tagħha.

6.   Fejn jitqies bħala neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-PESK fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, miżuri restrittivi skont din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu applikati wkoll bħala rispons għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti kontra Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“sistemi ta' informazzjoni” tfisser apparat jew grupp ta' apparati interkonnessi jew relatati, li wieħed jew aktar minnhom, skont programm, jipproċessa awtomatikament data diġitali, kif ukoll data diġitali maħżuna, ipproċessata, miġbura jew trażmessa minn dak l-apparat jew grupp ta' apparati għall-finijiet tal-operat, tal-użu, tal-protezzjoni u tal-manutenzjoni tiegħu jew tagħhom.

(b)

“interferenza f'sistema ta' informazzjoni” tfisser tfixkil jew interruzzjoni tal-funzjonament ta' sistema ta' informazzjoni billi tiddaħħal data diġitali, permezz tat-trażmissjoni, il-ħsara, it-tħassir, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' tali data, jew billi tali data ssir inaċċessibbli.

(c)

“interferenza fid-data” tfisser it-tħassir, il-ħsara, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' data diġitali f'sistema ta' informazzjoni, jew billi tali data ssir inaċċessibbli; din tinkludi wkoll serq ta' data, fondi, riżorsi ekonomiċi jew proprjetà intellettwali.

(d)

“interċettazzjoni ta' data” tfisser interċettazzjoni, b'mezzi tekniċi, ta' trażmissjonijiet mhux pubbliċi ta' data diġitali għal, minn jew fi ħdan sistema ta' informazzjoni, inkluż emissjonijiet elettromanjetiċi minn sistema ta' informazzjoni li ġġorr tali data diġitali.

Artikolu 3

Il-fatturi li jiddeterminaw jekk attakk ċibernetiku għandux effett sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-portata, l-iskala, l-impatt jew is-severità tat-tfixkil ikkawżat, inkluż għall-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, is-servizzi essenzjali, il-funzjonijiet Statali kritiċi, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza pubblika;

(b)

l-għadd ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi affettwati;

(c)

l-għadd ta' Stati Membri kkonċernati;

(d)

l-ammont ta' telf ekonomiku kkawżat, bħal permezz ta' serq ta' fondi, riżorsi ekonomiċi jew proprjetà intellettwali fuq skala kbira;

(e)

il-benefiċċju ekonomiku miksub mill-awtur, għalih innifsu jew għal oħrajn;

(f)

l-ammont jew in-natura tad-data misruqa jew l-iskala tal-ksur tad-data; jew

(g)

in-natura tad-data kummerċjalment sensittiva aċċessata.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, min-naħa ta':

(a)

persuni fiżiċi li huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi;

(b)

persuni fiżiċi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi jew huma b'xi mod ieħor involuti fihom, inkluż billi jippjanaw, iħejju, jipparteċipaw fi, jidderieġu, jassistu jew jinkoraġġixxu tali attakki, jew jiffaċilitawhom kemm jekk permezz ta' azzjoni jew ta' ommissjoni;

(c)

persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni koperti mill-punti (a) u (b);

kif elenkat fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta' ċittadini tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt il-patroċinju tagħha;

(c)

skont ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jitqies bħala li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għar-raġuni ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett l-objettivi ta' politika ta' miżuri restrittivi, inkluż is-sigurtà u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-transitu jkun neċessarju għall-fini ta' proċess ġudizzjarju.

8.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija għajr jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjona bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika tal-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

9.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6, 7 jew 8, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni kkonċernati direttament minnha.

Artikolu 5

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi;

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi jew huma b'xi mod ieħor involuti fihom, inkluż billi jippjanaw, iħejju, jipparteċipaw fi, jidderieġu, jassistu jew jinkoraġġixxu tali attakki, jew jiffaċilitawhom kemm jekk permezz ta' azzjoni jew ta' ommissjoni;

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi koperti mill-punti (a) u (b),

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu iddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inkluż ħlas għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

iridu jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali ħlasijiet ikunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti t-talbiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali talbiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut skont kuntratt iffirmat qabel id-data li fiha dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

ħlas dovut skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

ħlas dovut skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u ħlas ieħor jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista stabbilita fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.

Artikolu 7

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 4 u 5.

2.   L-Anness għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, din l-informazzjoni tista' tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; is-sess; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 8

Ebda talba b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun intlaqtet, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż talbiet għal indennizz jew xi talba oħra ta' dan it-tip, bħal talba għal kumpens jew talba taħt garanzija, b'mod partikolari talba għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

Artikolu 9

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa sat-18 ta' Mejju 2020 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


ANNESS

Lista tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 4 u 5

[…]