14.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/762

tat-13 ta' Mejju 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' April 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali).

(2)

Fil-21 ta' Frar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/312 (2) li testendi l-EUCAP Sahel Mali u li tipprovdilha ammont ta' referenza finanzjarja sal-14 ta' Jannar 2021.

(3)

Fil-25 ta' Ġunju 2018, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar is-Saħel/Mali, il-Kunsill issottolinja l-importanza tar-reġjonalizzazzjoni tal-PSDK fis-Saħel bil-għan li jissaħħaħ, kif adatt, l-appoġġ ċivili u militari għal kooperazzjoni transkonfinali, l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari dawk tal-G5 tas-Saħel, u l-kapaċità u s-sjieda tal-pajjiżi tal-G5 biex jindirizzaw l-isfidi ta' sigurtà fir-reġjun.

(4)

Fil-15 ta' Frar 2019, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania laqa' l-iskjerament previst tal-EUCAP Sahel Mali b'appoġġ għall-G5 tas-Saħel u għall-kapaċitajiet nazzjonali tal-Mauritania.

(5)

Fit-18 ta' Frar 2019, il-Kunsill approva Kunċett tal-Operazzjonijiet ċivili-militari konġunt dwar ir-Reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/219/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-EUCAP Sahel Mali ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/219/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Il-EUCAP Sahel Mali għandha tikkontribwixxi, mingħajr preġudizzju għall-mandat ewlieni tagħha fil-Mali, għar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel billi tikkontribwixxi għat-titjib tal-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni bejn il-forzi tas-sigurtà interna tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, kif ukoll billi tappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali, billi tappoġġa strutturi ta' kooperazzjoni reġjonali u billi tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. Il-EUCAP Sahel Mali tista' twettaq dawk l-attivitajiet fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. Għal dak il-għan, il-EUCAP Sahel Mali għandha tipprovdi taħriġ, konsulenza u appoġġ speċifiku ieħor lill-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, fuq talba mill-pajjiż ikkonċernat u b'kont meħud tas-sitwazzjoni ta' sigurtà.

4.   Biex tilħaq l-objettiv tagħha, il-EUCAP Sahel Mali għandha topera skont il-linji strateġiċi ta' operazzjoni definiti fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi approvati mill-Kunsill fis-17 ta' Marzu 2014 u ppreżentati fid-dokumenti ta' ppjanar operazzjonali approvati mill-Kunsill, inkluż il-Kunċett tal-Operazzjonijiet ċivili-militari konġunt dwar ir-Reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel. Qabel ma tinbeda attività ġdida f'pajjiż tal-G5 tas-Saħel ġdid, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jiġi infurmat b'dan.”;

(2)

fl-Artikolu 14(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali bejn l-1 ta' Marzu 2019 u l-14 ta' Jannar 2021 għandu jkun ta' EUR 68 150 000,00.”;

(3)

l-Artikolu 14a jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għandha tiġi stabbilita Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) fi ħdan il-EUCAP Sahel Mali.

2.   L-RACC għandha tinkludi l-persunal kollokat mal-EUCAP Sahel Mali u l-Esperti għas-Sigurtà Interna u d-Difiża (ISDE) li jinsabu fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali il-Mauritania u n-Niġer. L-RACC għandha gradwalment tirriloka persunal minn Bamako għal Nouakchott, f'konformità mal-paragrafu 7 u b'kont meħud tas-sitwazzjoni ta' sigurtà.

3.   L-objettivi tal-RACC, f'kooperazzjoni mill-qrib u delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Missjonijiet eżistenti tal-PSDK fis-Saħel, għandhom ikunu li:

(a)

tikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni min-naħa tal-Unjoni tal-ħtiġijiet u l-lakuni tas-sigurtà u d-difiża tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel li jappartjenu għall-kooperazzjoni transkonfinali reġjonali u li jindirizzaw sfidi ta' sigurtà;

(b)

tappoġġa l-istrutturi u l-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel sabiex jiġu msaħħa l-kooperazzjoni reġjonali u l-kapaċitajiet operazzjonali fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, f'konformità mad-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-Approċċ Strateġiku tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà stabbilit mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu fl-10 ta' Diċembru 2018;

(c)

tiffaċilita l-organizzazzjoni ta' taħriġ, il-forniment ta' konsulenza u appoġġ speċifiku ieħor mill-Missjonijiet tal-PSDK tal-Unjoni fis-Saħel għall-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, b'mod partikolari l-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ għat-trainees tas-sigurtà u d-difiża ta' dawk il-pajjiżi.

4.   L-ISDE għandhom jiġbru informazzjoni relatata ma' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża fil-pajjiżi ospitanti tagħhom. Huma għandhom jipprovdu tali informazzjoni u, fejn xieraq, jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kap tal-RACC. Huma għandhom iżommu infurmat kif xieraq lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-post fejn jinsabu.

5.   Il-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll strateġiċi tal-RACC, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ. B'deroga mill-Artikolu 6(1), il-Kap tal-RACC għandu jaqa' direttament taħt il-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili u għandu jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minnu. Il-Kap tal-RACC għandu joħroġ struzzjonijiet lill-persunal kollu tal-RACC.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita l-awtorità fuq il-persunal tal-RACC fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) sa (4) u l-Artikolu 11[, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

7.   Il-EUCAP Sahel Mali għandha tidħol fl-arranġamenti amministrattivi neċessarji mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer dwar l-appoġġ li għandu jingħata lill-persunal tagħha.

Dawk l-arranġamenti amministrattivi għandhom, b'mod partikolari:

(a)

jiżguraw li l-membri tal-persunal tal-EUCAP Sahel Mali, b'mod partikolari l-RACC jingħataw l-appoġġ loġistiku u ta' sigurtà neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom;

(b)

jipprevedu li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet ikollhom l-awtorità fuq il-membri tal-persunal tal-EUCAP Sahel Mali, b'mod partikolari l-RACC, fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni rispettivi tagħhom, b'mod partikolari sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmir ta' diliġenza tagħhom, jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' sigurtà applikabbli u jikkontribwixxu għall-eżerċitar ta' kontroll dixxiplinarju, u jinżammu infurmati kif xieraq minn tali membri tal-persunal dwar l-attivitajiet tagħhom.

(c)

jipprevedu li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal tal-EUCAP Sahel Mali, b'mod partikolari l-RACC, meta jinsabu f'Delegazzjoni tal-Unjoni, igawdu mill-istess privileġġi u immunitajiet kif mogħtija lill-persunal f'dik id-Delegazzjoni tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/312 tal-21 ta' Frar 2019 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 29).