10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/55


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/721

tat-30 ta' April 2019

dwar l-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”

(notifikata bid-dokument C(2019) 3304)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva proposta taċ-ċittadini intitolata “Politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” jirreferi għas-segwenti: “Il-politika ta' koeżjoni tal-UE jenħtieġ li tagħti attenzjoni speċjali lil reġjuni b'karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi li huma differenti minn dawk tar-reġjuni tal-madwar.”

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “Għal dawn ir-reġjuni, inklużi żoni ġeografiċi bl-ebda kompetenzi amministrattivi, jenħtieġ li l-prevenzjoni ta' xogħol ekonomiku b'lura, is-sostenn tal-iżvilupp u l-preservazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jsiru b'mod li jiżguraw li l-karatteristiċi tagħhom jibqgħu l-istess. Għalhekk, dawn ir-reġjuni jridu jkollhom l-istess opportunità biex ikollhom aċċess għal fondi varji tal-UE u l-preservazzjoni tal-karatteristiċi tagħhom u l-iżvilupp ekonomiku xieraq tagħhom jridu jkunu garantiti, sabiex l-iżvilupp tal-UE jkun jista' jiġi sostnut u d-diversità kulturali tagħha tkun tista' tinżamm”.

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta'inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

L-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jistgħu jiġu adottati fid-definizzjoni tal-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali li jistgħu jinvolvu r-raggruppament tal-Fondi, skont l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, sa fejn għandha l-għan li tressaq proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)

L-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” jenħtieġ għalhekk li tiġi rreġistrata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” hija b'dan irreġistrata.

2.   Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jistgħu jinġabru, abbażi tal-fehim li timmira għal proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta' prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-7 ta' Mejju 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Il-politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”, irrappreżentata mis-Sur Balázs Árpád IZSÁK u s-Sur Attila DABIS li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.