10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/49


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/718

tat-30 ta' April 2019

dwar il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “PRO-NUTRISCORE”

(notifikata bid-dokument C(2019) 3232)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “PRO-NUTRISCORE” jirreferi għal li ġej: “Qed nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea timponi tikketta ssimplifikata “Nutriscore” fuq il-prodotti tal-ikel, biex tiggarantixxi li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni nutrizzjonali ta' kwalità u biex tħarsilhom saħħithom.”

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “1. It-tikkettar dwar in-nutrizzjoni jsir aktar faċli biex jinqara u jinftiehem, sabiex il-valur nutrizzjonali tal-ikel ikun jista' jinftiehem fil-kuntest tad-diversità tal-provvista tal-ikel; 2. Tittieħed azzjoni dwar kwistjonijiet ta' saħħa pubblika billi l-professjonisti jiġu inkoraġġiti jtejbu l-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom; 3. Tiġi armonizzata l-informazzjoni nutrizzjonali fil-livell Ewropew billi tiġi imposta sistema unika ta' tikkettar uffiċjali, u b'hekk tintemm il-konfużjoni li jesperjenzaw il-konsumaturi Ewropej meta jiltaqgħu mal-varjetà kbira ta' logos eżistenti.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi iktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

Att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jista' jiġi adottat għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b'xi liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li jkollhom bħala objettiv l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, f'konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 TUE.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “PRO-NUTRISCORE” tiġi rreġistrata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “PRO-NUTRISCORE” hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-8 ta' Mejju 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem ta' “PRO-NUTRISCORE”, irrappreżentata minn Cédric MUSSO u Ivo MECHELS li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.