10.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/41


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/570

tat-8 ta' April 2019

li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE

(notifikata bid-dokument C(2019) 2644)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(1)(g) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“il-Mekkaniżmu tal-Unjoni”) stabbilit fid-Deċiżjoni 1313/2013/UE jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex itejjeb ir-rispons tal-Unjoni għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

(2)

Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tiddefinixxi l-qafas legali tar-rescEU. rescEU għandha l-għan li tipprovdi assistenza f'sitwazzjonijiet predominanti fejn il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali u dawk impenjati mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ma jkunux jistgħu jiżguraw rispons effettiv.

(3)

F'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda qawwija fin-numru ta' nirien estremi tal-foresti fl-Ewropa b'konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali serji. B'mod partikolari, l-istaġuni tan-nirien tal-foresti tal-2017 u l-2018 urew il-ħtieġa li nkunu ppreparati meta jseħħu diżastri severi u fl-istess ħin jaffettwaw diversi Stati Membri.

(4)

In-natura li qed tinbidel tar-riskju ta' nirien tal-foresti rriżultat f'nuqqasijiet ta' kapaċità ta' rispons ippruvati fil-livell tal-Unjoni. Dawn il-lakuni kienu partikolarment evidenti matul l-istaġun tat-tifi tan-nar fil-foresti tal-2017 meta l-kapaċitajiet disponibbli permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni ma kinux biżżejjed biex jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jitolbu l-assistenza.

(5)

Il-kompożizzjoni inizjali ta' rescEU għandha għalhekk tiġi definita bl-akbar urġenza skont l-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE u fl-ewwel deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tinkludi kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru biex wieħed jirreaġixxi għan-nirien fil-foresti. Minħabba l-flessibbiltà meħtieġa matul il-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, l-għadd ta' kapaċitajiet tar-rescEU jenħtieġ li jiġi stabbilit b'mod indikattiv f'deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni sussegwenti.

(6)

Skont l-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, ir-rekwiżiti ta' kwalità għal kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru taħt rescEU għandhom jiġu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u għandhom ikunu bbażati fuq standards internazzjonali stabbiliti, fejn standards bħal dawn diġà jeżistu. Minħabba n-nuqqas ta' standards internazzjonali stabbiliti għall-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, ir-rekwiżiti ta' kwalità għall-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru fil-foresti għandhom ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti ġenerali eżistenti għall-moduli skont ir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili u l-aħjar prattiki fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Dawk ir-rekwiżiti tal-kwalità għandhom jiġu stipulati f'Anness għal din id-Deċiżjoni.

(7)

Għal raġunijiet ta' dixxiplina baġitarja, huwa meħtieġ li f'din id-Deċiżjoni jiġu stabbiliti l-ispejjeż assoċjati mal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni taħt ir-rescEU matul il-perjodu tranżitorju.

(8)

Fl-interess ta' ġestjoni finanzjarja tajba, l-għotjiet diretti għall-kapaċitajiet tar-rescEU matul il-perjodu tranżitorju għandhom jingħataw abbażi ta' programm ta' ħidma annwali.

(9)

Bid-dħul fis-seħħ fil-21 ta' Marzu 2019 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-regoli dwar l-indirizzar ta' nuqqasijiet temporanji f'diżastri straordinarji stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (3) saru obsoleti. Għal raġunijiet ta' konsistenza, il-Kapitolu 7 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/762/UE għandu jitħassar.

(10)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistipula regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, fir-rigward:

(a)

Tal-kompożizzjoni inizjali ta' rescEU f'termini ta' kapaċitajiet u r-rekwiżiti ta' kwalità tagħha;

(b)

il-finanzjament tal-kapaċitajiet matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.

Artikolu 2

Il-kompożizzjoni inizjali ta' rescEU

1.   rescEU għandha tikkonsisti f'kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru.

2.   Il-kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu tal-ajruplani;

(b)

kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu ta' ħelikopters.

3.   Ir-rekwiżiti ta' kwalità għall-kapaċitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Arranġamenti finanzjarji għall-kapaċitajiet ta' rescEU kif riferuti fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi fil-programm ta' ħidma annwali l-kriterji għall-għoti ta' għotjiet diretti biex ikopru l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE li huma meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess rapidu għall-kapaċitajiet li jikkorrispondu ma' dawk imsemmija fl-Artikolu 2.

2.   L-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandhom ikunu spejjeż stand-by, inkluż, jekk applikabbli, spejjeż relatati ma' manutenzjoni, spejjeż relatati ma' taħriġ, inkluż it-taħriġ tal-ekwipaġġ u l-persunal tekniku, spejjeż relatati mal-ħżin, spejjeż relatati mal-assigurazzjoni, kif ukoll spejjeż oħra meħtieġa biex tiġi żgurata d-disponibbiltà effettiva ta' dawn il-kapaċitajiet.

Artikolu 4

Emenda għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/762/UE

Il-Kapitolu 7 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/762/UE jitħassar.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Christos STYLIANIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 77 I, 20.3.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE tas-16 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u li tħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom u 2007/606/KE, Euratom (ĠU L 320, 6.11.2014, p. 1).


ANNESS

REKWIŻITI TA' KWALITÀ GĦALL-KAPAĊITAJIET TAR-RESCEU

1.   Kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu tal-ajruplani

Il-kompiti

Kontribuzzjoni fit-tifi ta' nirien kbar f'foresti jew veġetazzjonijiet permezz ta' tifi tan-nar mill-ajru.

Kapaċitajiet

2 ajruplani b'kapaċità minima ta' 3 000 litru kull wieħed jew ajruplan b'kapaċità minima ta' 8 000 litru (1).

Ħila biex jitwettqu operazzjonijiet kontinwi.

Elementi prinċipali

Ajruplan.

Minimu ta' żewġ ekwipaġġi.

Persunal tekniku.

Apparat għall-manutenzjoni fuq il-post.

Tagħmir ta' komunikazzjoni li jippermetti komunikazzjoni mill-ajru fuq il-baħar u mill-ajru għall-art.

Awtosuffiċjenza

Ħażna u manutenzjoni tat-tagħmir tal-modulu.

Tagħmir għall-komunikazzjoni mas-sieħba rilevanti, notevolment dawk responsabbli mill-koordinazzjoni fuq il-post.

Skjerament

Disponibbiltà għat-tluq sa mhux aktar minn 3 sigħat wara l-aċċettazzjoni tal-offerta f'każ ta' rispons ta' intervent rapidu (2).

L-abbiltà li tintuża f'firxa ta' 2 000 km fi żmien massimu ta' 24 siegħa.

2.   Kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu ta' ħelikopters

Il-kompiti

Kontribuzzjoni fit-tifi ta' nirien kbar f'foresti jew veġetazzjonijiet permezz ta' tifi tan-nar mill-ajru.

Kapaċitajiet

Ħelikopter b'kapaċità minima ta' 3 000 litru (3).

Ħila biex jitwettqu operazzjonijiet kontinwi.

Elementi prinċipali

Ħelikopter b'minimu ta' żewġ ekwipaġġi.

Persunal tekniku.

Barmil tal-ilma jew kits tar-rilaxx.

Sett tal-manutenzjoni.

Sett ta' spare parts.

Winċijiet għas-salvataġġ.

Tagħmir ta' komunikazzjoni li jippermetti komunikazzjoni mill-ajru fuq il-baħar u mill-ajru għall-art.

Awtosuffiċjenza

Ħażna u manutenzjoni tat-tagħmir tal-modulu;

Tagħmir għall-komunikazzjoni mas-sieħba rilevanti, notevolment dawk responsabbli mill-koordinazzjoni fuq il-post.

Skjerament

Disponibbiltà għat-tluq sa mhux aktar minn 3 sigħat wara l-aċċettazzjoni tal-offerta f'każ ta' rispons ta' intervent rapidu (4).

L-abbiltà li tintuża f'firxa ta' 2 000 km fi żmien massimu ta' 24 siegħa.


(1)  Tali rekwiżiti jistgħu jkunu soġġetti għal rieżami bbażat fuq l-iżviluppi possibbli fis-suq tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar mill-ajru ta' foresti, inkluż fir-rigward tad-disponibbiltà tal-parts tal-bdil.

(2)  Rispons ta' intervent rapidu huwa operazzjoni ta' rispons li ddum sa ġurnata waħda, inkluża t-titjira lejn u mis-sit fejn tinsab il-kapaċità rescEU.

(3)  Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE u meta jkun iġġustifikat abbażi tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà reġjonali, il-kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu ta' ħelikopters jistgħu jkunu magħmula minn massimu ta' 3 ħelikopters b'kapaċità minima totali ta' 3 000 litru.

(4)  Rispons ta' intervent rapidu huwa operazzjoni ta' rispons li ddum sa ġurnata waħda, inkluża t-titjira lejn u mis-sit fejn tinsab il-kapaċità rescEU.