20.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/41


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/294

tat-18 ta' Frar 2019

li tistabbilixxi l-lista tat-territorji u tal-pajjiżi terzi awtorizzati biex l-Unjoni timporta minnhom klieb, qtates u inmsa, u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għal dawn l-importazzjonijiet

(notifikata bid-dokument C(2019) 1059)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-frażi ta' introduzzjoni u l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2), il-punt (a) tal-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ċerti annimali. Din tipprevedi li l-kundizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa jridu jkunu għall-inqas ekwivalenti għall-kundizzjonijiet rilevanti previsti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi li meta l-għadd ta' klieb, qtates jew insma li jiġu spustati għal skopijiet mhux kummerċjali f'moviment wieħed ikun iżjed minn ħamsa, dawk l-annimali domestiċi għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet dwar is-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva 92/65/KEE għall-ispeċijiet ikkonċernati, minbarra ċerti kategoriji ta' annimali li għalihom hemm deroga prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 skont ċerti kundizzjonijiet.

(3)

Id-Direttiva 92/65/KEE tipprevedi li l-klieb, il-qtates u l-inmsa għandhom jiġu impurtati fl-Unjoni minn dawk il-pajjiżi terzi biss li huma elenkati f'lista stabbilita skont il-proċedura msemmija f'dik id-Direttiva. Barra minn hekk, dawn l-annimali jrid ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa li jkun jaqbel ma' mudell imfassal skont il-proċedura msemmija hemmhekk.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/519/UE (3) jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa komuni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, qtates u inmsa, u jipprevedi li t-territorji jew il-pajjiżi terzi, u kull-territorju jew pajjiż terz li jgħaddu minnhom jenħtieġ li jkunu elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (4), fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (5), jew fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (6).

(5)

Billi d-Deċiżjoni 2004/211/KE tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/659 (7) fl-1 ta' Ottubru 2018, jenħtieġ li wieħed jirreferi għal-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet mit-territorju ta' pajjiżi terzi li minnhom jidħlu fl-Unjoni konsenji ta' ekwidi u tas-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. Madankollu jkun tajjeb li jiġi ċċarat li l-importazzjoni ta' klieb, qtates u inmsa mill-pajjiżi terzi elenkati f'dak l-Anness jenħtieġ li jiġu awtorizzati biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ikun elenkat mingħajr il-limitu taż-żmien indikat fil-kolonna 16 tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/659.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tipprevedi li l-importazzjonijiet ta' klieb, qtates jew insma fl-Unjoni jkunu awtorizzati biss mit-territorji u mill-pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, jew li huma elenkati mingħajr limitu taż-żmien fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/659.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi li l-klieb, il-qtates u l-inmsa ma għandhomx jiġu spustati minn territorju jew minn pajjiż, barra dawk elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, għal ġol-Unjoni sakemm ma jkunux għaddew minn test ta' titrazzjoni għall-antikorpi tar-rabja li jikkonforma mar-rekwiżiti ta' validità stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(8)

Fost dawk ir-rekwiżiti hemm l-obbligu li dak it-test isir f'laboratorju approvat skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE (8) li tipprevedi li l-Agence française de sécurité sanitaire des aliments (AFSSA) f'Nancy, fi Franza (li mill-1 ta' Lulju 2010 ġiet integrata fl-Agence nationale de sécurité sanitaire de l'alimentation, de l'environnement et du travail, ANSES) trid tevalwa l-laboratorji tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi biex dawn jiġu awtorizzati li jwettqu t-testijiet seroloġiċi li jikkontrollaw l-effettività tat-tilqim kontra r-rabja fil-klieb, fil-qtates u fl-insma.

(9)

Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa komuni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, qtates u inmsa stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE japplika wkoll għall-importazzjoni ta' klieb, qtates u insma għall-korpi, istituti u ċentri approvati skont id-Direttiva 92/65/KEE. Billi jista' jkun il-każ li ma jkunx ingħata tilqim kontra r-rabja lil dawn l-annimali, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tipprevedi li l-importazzjoni fl-Unjoni ta' klieb, qtates jew insma ddestinati għall-korpi, l-istituti u ċ-ċentri approvati skont id-Direttiva 92/65/KEE jkunu awtorizzati biss mit-territorji u mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE (9) tistipula r-regoli li jridu jiġu osservati biex jinħarġu ċ-ċertifikati meħtieġa mil-leġiżlazzjoni veterinarja biex ma ssirx ċertifikazzjoni li tqarraq jew frawdulenti. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-veterinarji uffiċjali tal-pajjiżi terzi japplikaw regoli u prinċipji li għall-inqas ikunu ekwivalenti ma' dawk stipulati f'dik id-Direttiva meta joħorġu ċ-ċertifikati tas-saħħa.

(11)

Barra minn hekk, wara r-rieżami obbligatorju tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1152/2011 (10), ir-Regolament Delegat adottat tal-Kummissjoni (UE) 2018/772 (11) li fost affarijiet oħra jistipula r-regoli għall-kategorizzazzjoni tal-Istati Membri jew ta' partijiet minnhom, rigward l-eliġibbiltà tagħhom biex japplikaw miżuri preventivi tas-saħħa għall-kontroll tal-infezzjoni tal-klieb bl-Echinococcus multilocularis. Dak ir-Regolament ħassar ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1152/2011 b'effett mill-1 ta' Lulju 2018.

Il-lista tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/772 fit-territorju kollu tagħhom jew f'partijiet minnu hija stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/878 (12). Għaldaqstant jixraq li r-referenzi għar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1152/2011 jiġu sostitwiti minn referenzi għar-Regolament Delegat (UE) 2018/772 u għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/878 fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-lista l-ġdida tat-territorji u tal-pajjiżi terzi li hija awtorizzata l-importazzjoni ta' klieb, qtates jew inmsa minnhom, u l-mudell ta' ċertifikat tas-saħħa komuni għall-importazzjonijiet ta' dawn l-annimali fl-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/519/UE titħassar.

(13)

Sabiex jiġi evitat it-tfixkil tal-importazzjoni fl-Unjoni ta' konsenji ta' klieb, qtates jew inmsa, jeħtieġ li jiġi previst perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2019 biex, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jibqgħu jintużaw il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa maħruġin skont ir-regoli tal-Unjoni li kienu japplikaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(14)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista tat-territorji jew il-pajjiżi terzi li minnhom huwa awtorizzat li jiġu importati l-klieb, il-qtates u l-inmsa skont id-Direttiva 92/65/KEE

1.   Il-konsenji ta' klieb, qtates jew inmsa li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/65/KEE għandhom jiġu importati biss jekk it-territorji jew il-pajjiżi terzi li jkunu ġejjin minnhom u kull territorju jew pajjiż terz li jgħaddu minnu fil-vjaġġ ikunu mniżżlin f'waħda mil-listi stabbiliti:

(a)

fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010;

(b)

fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013;

(c)

fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/659, minbarra dawk il-pajjiżi li għandhom limitu taż-żmien indikat fil-kolonna 16 tat-tabella f'dak l-Anness.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-konsenji ta' klieb, qtates jew inmsa ddestinati għall-korpi, l-istituti u ċ-ċentri approvati skont id-Direttiva 92/65/KEE għandhom jiġu importati fl-Unjoni biss jekk it-territorji jew il-pajjiżi terzi li jkunu ġejjin minnhom u kull territorju jew pajjiż terz li jgħaddu minnu fil-vjaġġ ikunu mniżżlin fil-lista msemmija fil-paragrafu 1(b).

Artikolu 2

Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet minn territorji jew minn pajjiżi terzi

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw biss l-importazzjonijiet ta' klieb, qtates jew inmsa li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mfassal skont il-mudell stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness u li jkun imtela u ġie ffirmat minn veterinarju uffiċjali b'konformità man-noti ta' spjegazzjoni stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness;

(b)

jikkonformaw mar-rekwiżiti taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (a) rigward it-territorji jew il-pajjiżi terzi li jkunu ġejjin minnhom u kull territorju jew pajjiż terz li jgħaddu minnu, kif imsemmi fil-paragrafi 1(a), (b) u (c) tal-Artikolu 1.

Artikolu 3

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE titħassar.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE għandhom jinqraw bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, qtates u inmsa li jkollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa li jikkonforma mal-mudell stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE li ma jkunx inħareġ aktar tard mit-30 ta' Novembru 2019.

Artikolu 5

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2019.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/519/UE tal-21 ta' Ottubru 2013 li tistabbilixxi l-lista ta' territorji u pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjoni ta' klieb, qtates u inmsa u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għal tali importazzjonijiet (ĠU L 281, 23.10.2013, p. 20).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/659 tat-12 ta' April 2018 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (ĠU L 110, 30.4.2018, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta' Marzu 2000 li taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandarizazzjoni ta' testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija (ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE tas-17 ta' Diċembru 1996 dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali (ĠU L 13, 16.1.1997, p. 28).

(10)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1152/2011 tal-14 ta' Lulju 2011 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb (ĠU L 296, 15.11.2011, p. 6).

(11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/772 tal-21 ta' Novembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb, u li jħassar ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1152/2011 (ĠU L 130, 28.5.2018, p. 1).

(12)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/878 tat-18 ta' Ġunju 2018 li jadotta l-lista tal-Istati Membri, jew partijiet tat-territorju tal-Istati Membri, li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/772 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb (ĠU L 155, 19.6.2018, p. 1).


ANNESS

IL-PARTI 1

Mudell ta' ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' klieb, ta' qtates u ta' inmsa

Image 1 Test ta 'immaġni Image 2 Test ta 'immaġni Image 3 Test ta 'immaġni Image 4 Test ta 'immaġni Image 5 Test ta 'immaġni

PARTI 2

Noti ta' spjegazzjoni dwar kif għandu jimtela ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali

(a)

Fejn iċ-ċertifikat jiddikjara li ċerti dikjarazzjonijiet għandhom jinżammu kif imiss, id-dikjarazzjonijiet li ma jkunux rilevanti jistgħu jiġu ingassati, inizjalati u ttimbrati mill-veterinarju uffiċjali, jew jitħassru għalkollox miċ-ċertifikat.

(b)

L-oriġinal ta' kull ċertifikat tas-saħħa jrid ikun magħmul minn folja waħda jew, fejn ikun meħtieġ aktar test, irid ikun magħmul b'mod li l-folji kollha jiffurmaw ċertifikat sħiħ integrat li ma jkunx diviżibbli.

(c)

Iċ-ċertifikat għandu jitħejja b'tal-inqas waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jinsab il-post ta' spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul tal-konsenja fl-Unjoni, u bil-lingwa tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Madankollu, dawk l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-ħruġ taċ-ċertifikat bil-lingwa uffiċjali ta' Stat Membru ieħor, u jekk hemm bżonn ikollu traduzzjoni uffiċjali mehmuża miegħu.

(d)

Jekk għal raġunijiet ta' identifikazzjoni tal-oġġetti fil-konsenja (skeda fil-punt I.28 tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali), jinhemżu maċ-ċertifikat folji ta' karta addizzjonali jew dokumenti ta' appoġġ, dawk il-folji ta' karta jew dokument iridu jitqiesu ukoll bħala parti miċ-ċertifikat oriġinali billi jiġu ffirmati u ttimbrati fuq kull waħda mill-paġni mill-veterinarju iffiċjali.

(e)

Meta ċ-ċertifikat, inklużi l-folji jew id-dokumenti addizzjonali msemmija fil-punt (d), ikun magħmul minn aktar minn paġna waħda, fil-qiegħ ta' kull paġna jrid ikun hemm in-numru tal-paġna min-numru totali tal-paġni, u man-naħa ta' fuq tagħha jrid ikollha n-numru tar-referenza taċ-ċertifikat li jkun ingħata mill-awtorità kompetenti.

(f)

Iċ-ċertifikat oriġinali għandu jimtela u jkun iffirmat minn veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz li jkun qed jesporta. L-awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz li qed jesporta għandha tiżgura li jiġu osservati r-regoli u l-prinċipji taċ-ċertifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva 96/93/KE.

(g)

Il-kulur tal-firma għandu jkun differenti minn dak tal-istampar. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għat-timbri li ma jkunux ibbuzzati jew b'marka tal-ilma.

(h)

In-numru ta' referenza taċ-ċertifikat imsemmi fil-kaxxi I.2 u II.a. għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz esportatur.