8.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/144


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/236

tas-7 ta' Frar 2019

li tistabbilixxi regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta' informazzjoni lil suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni Ewropea għall-fini ta' attivitajiet tas-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni teħtieġ li topera f'ambjent sigur u mingħajr periklu. Biex dan jitwettaq teħtieġ approċċ koerenti u integrat fir-rigward is-sigurtà tagħha, li tipprovdi livelli xierqa ta' protezzjoni għall-persuni, l-assi u l-informazzjoni skont ir-riskji identifikati, u li tiżgura forniment effiċjenti u f'waqtu tas-sigurtà. Il-Kummissjoni tiffaċċja theddid u sfidi kbar fil-qasam tas-sigurtà, b'mod partikolari fir-rigward tat-terroriżmu, l-attakki ċibernetiċi u l-ispjunaġġ politiku u kummerċjali.

(2)

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni, il-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tad-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jieħu miżuri kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (1) li jinvolvu l-ipproċessar ta' diversi kategoriji ta' data personali. Dawk il-miżuri jinkludu t-twettiq ta' kontrolli tas-sigurtà fl-isfond skont l-Artikolu 7(5), il-valutazzjonijiet tat-theddid skont l-Artikolu 12 u l-inkjesti dwar is-sigurtà skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Fil-qafas tal-mandat investigattiv tagħha, il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni ta' interess investigattiv, inkluża data personali, minn diversi sorsi — awtoritajiet pubbliċi, entitajiet privati u persuni fiżiċi — u tiskambjahom ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, ma' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali qabel, matul u wara l-attivitajiet ta' investigazzjoni jew ta' koordinazzjoni.

(3)

Pereżempju, il-kategoriji ta' data personali pproċessata mill-Kummissjoni huma data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, u data relatata jew ippreżentata b'rabta ma' kontrolli tas-sigurtà fl-isfond, valutazzjoni ta' theddid jew inkjesta dwar is-sigurtà. Id-data personali hija maħżuna f'ambjent elettroniku sigur biex tevita aċċess illegali jew trasferiment ta' data lil persuni barra l-Kummissjoni. Id-data personali tinżamm mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-inkjesta sakemm tispiċċa l-inkjesta. Perjodi differenti ta' ritenzjoni japplikaw għal attivitajiet ta' pproċessar differenti, skont il-kategorija tal-inkjesta, jiġifieri jekk fil-qasam tar-reati kriminali suspettati, il-counter-intelligence jew il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fi tmiem il-perjodu ta' ritenzjoni, l-informazzjoni relatata mal-każ, inkluża data personali tiġi eliminata (2).

(4)

Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija mitluba li tikkonforma mar-regoli stretti ta' kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

(5)

F'ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq b'mod effettiv il-kompiti tagħha li tiżgura s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, b'mod partikolari l-inkjesti dwar is-sigurtà, kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' suġġetti tad-data oħrajn. F'dan is-sens, l-Artikolu 25(1)(c), (d) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 ta' dak ir-Regolament.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni twettaq b'mod effettiv il-kompiti tagħha li tiżgura s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, b'mod partikolari l-inkjesti tagħha dwar is-sigurtà, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli interni li skonthom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 25(1)(c), (d) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(7)

Jenħtieġ li dawk ir-regoli interni jkopru l-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar imwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha biex tiżgura s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, b'mod partikolari l-funzjoni investigattiva tagħha fil-qasam tas-sigurtà. Jenħtieġ li dawn japplikaw għall-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa qabel ma tinfetaħ investigazzjoni, matul investigazzjoni u matul il-monitoraġġ tas-segwitu tal-eżitu tal-investigazzjonijiet.

(8)

Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b'mod trasparenti u koerenti permezz ta' avviż ta' protezzjoni tad-data ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

(9)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma individwalment, f'format xieraq, is-suġġetti tad-data involuti f'inkjesta dwar is-sigurtà, jiġifieri l-persuni kkonċernati u x-xhieda. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma b'mod individwali lill-persuni li d-data tagħhom hija pproċessata fil-kuntest tal-miżuri ta' sigurtà meħuda skont l-Artikolu 7(5) u 12(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, jiġifieri fit-tiftix tal-bini tal-Kummissjoni u tas-sistemi u t-tagħmir tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni.

(10)

Abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jista' jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-eżerċizzju ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi, b'mod partikolari, inkjesta dwar is-sigurtà, l-għodod u l-metodi ta' investigazzjoni tagħha, l-inkjesti dwar is-sigurtà u l-proċedimenti ta' awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħra relatati ma' dik l-inkjesta, investigazzjonijiet u/jew proċedimenti ta' sigurtà.

(11)

F'xi każijiet, l-għoti ta' informazzjoni partikolari lis-suġġetti tad-data jew il-kxif tal-eżistenza ta' inkjesta jew ta' miżuri ta' sigurtà meħuda skont l-Artikolu 12(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, jiġifieri t-tfittxijiet fil-bini tal-Kummissjoni u s-sistemi u t-tagħmir tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni, jistgħu jrendu impossibbli jew ifixklu serjament l-iskop tal-inkjesta u l-kapaċità tal-Kummissjoni li tiżgura s-sigurtà tagħha u b'mod partikolari li tinvestiga b'mod effettiv l-inkjesti dwar is-sigurtà.

(12)

Barra minn hekk, biex tinżamm il-kooperazzjoni effettiva, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom ) 2015/443, jista' jkun meħtieġ għall-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi l-attivitajiet ta' pproċessar ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lil dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, aġenziji u awtoritajiet rilevanti fuq ir-raġunijiet rilevanti biex timponi restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet.

(13)

Il-Kummissjoni tista' wkoll ikollha tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta' data personali riċevuta minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tikkoopera ma' dawk il-pajjiżi jew l-organizzazzjoni u b'hekk tissalvagwardja għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Madankollu, f'ċerti ċirkustanzi l-interess jew id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu jegħlbu l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali.

(14)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fis-sistema ta' reġistrazzjoni korrispondenti.

(15)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu, iħallu barra jew jiċħdu l-għoti ta' informazzjoni fuq ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk l-għoti ta' dik l-informazzjoni fi kwalunkwe każ jikkomprometti l-fini tar-restrizzjoni. Dan, b'mod partikolari, huwa l-każ tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(16)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi b'mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġi ristrett biss sakemm dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa mill-Kummissjoni biex tkun tista' tiżgura s-sigurtà tagħha u b'mod partikolari biex twettaq l-inkjesti tagħha dwar is-sigurtà.

(17)

Fejn jiġu ristretti drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-għan tagħha.

(18)

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni.

(19)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Diċembru 2018.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li jridu jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq il-kompiti tagħha skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

Tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f'konformità mal-Artikolu 25(1)(c), (d) u (h) ta' dak ir-Regolament.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni għall-fini ta' jew b'relazzjoni mal-attivitajiet imwettqa biex isiru l-kompiti tagħha sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni fil-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

Artikolu 2

Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

1.   Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu mad-dritt u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun ta' preġudizzju għas-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni inkluż in-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika tagħhom, inkluż bl-iżvelar ta' għodod u metodi investigattivi tagħha, jew ikun jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

3.   Skont l-Artikoli 3 sa 7, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' data personali miksuba minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji, uffiċċji oħra tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħrajn tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' atti oħrajn previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament, jew skont ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (5);

(b)

meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta' skambji ta' informazzjoni dwar counter-intelligence potenzjali u theddid kontra t-terroriżmu u fit-twettiq tal-inkjesti tagħha dwar is-sigurtà.

Qabel ma' tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-istituzzjonijiet il-korpi, l-aġenziji, l-uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni hija prevista minn xi wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti jew jekk din il-konsultazzjoni tipperikola l-fini tal-attivitajiet tagħha skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jkun megħlub mill-interessi jew id-drittijiet fundamentali u libertà tas-suġġetti tad-data.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni li jikkonċernaw l-għoti ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-forniment ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha avviżi ta' protezzjoni tad-data li jinfurmaw lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom li hija twettaq sabiex tissodisfa l-kompiti tagħha skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment lix-xhieda u lill-persuni kkonċernati b'inkjesta dwar is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f'format xieraq. Għandha wkoll tinforma b'mod individwali l-persuni li d-data tagħhom hija pproċessata fil-kuntest tal-miżuri ta' sigurtà meħuda skont l-Artikolu 7(5) u l-Artikolu 12(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, jiġifieri fit-tiftix fil-bini tal-Kummissjoni u tas-sistemi u t-tagħmir tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni tirrestrinġi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, hija għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Dritt ta' aċċess mis-suġġetti tad-data, dritt ta' tħassir u dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Fejn il-Kummissjoni tillimita, totalment jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess għad-data min-naħa tas-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir jew id-dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġuni prinċipali talli sar hekk, u bil-possibilità li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għoti ta' informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi diferit, jitħalla barra jew miċħud sakemm jibqa' jimmina l-fini tar-restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

4.   Meta d-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta' aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont l-Artikolu 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 5

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali tas-suġġetti tad-data

Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali għas-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Irrekordjar u reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrekordja r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt jipperikola l-għan tal-kompiti tal-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(2) jew (3), jew li jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

2.   It-tniżżil u fejn applikabbli id-dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

Artikolu 7

Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ta' din id-Deċiżjoni ma jkunux għadhom japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjonijiet u tagħti r-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'kull ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 6 kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u fl-għeluq tal-investigazzjoni rilevanti. Minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-ħtieġa li jinżamm/tinżamm xi restrizzjoni/differiment fuq bażi annwali.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun ipprovdut b'aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jista' jitlob rieżami tar-restrizzjonijiet. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun infurmat dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   L-iskambji tal-informazzjoni mal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data matul il-proċedura kollha għandhom jiġu rreġistrati fil-formola xierqa.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(2)  Iż-żamma tal-fajls fil-Kummissjoni hija rregolata mil-Lista komuni ta' ritenzjoni, dokument regolatorju (l-aħħar verżjoni hija SEC(2012)713) fil-forma ta' skeda ta' ritenzjoni li tistabbilixxi l-perjodi taż-żamma għat-tipi differenti ta' fajls tal-Kummissjoni.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”, ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).