16.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/8


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/65

tal-14 ta' Jannar 2019

li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE b'rabta mal-istatus ta' uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi u uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi u l-Anness II tad-Deċiżjoni 93/52/KEE b'rabta mal-istatus ta' uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (B. melitensis) ta' ċerti reġjuni ta' Spanja

(notifikata bid-dokument C(2019) 39)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-paragrafu 4 tal-Anness A.I u l-paragrafu 7 tal-Anness A.II tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta' Jannar 1991 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tan-nagħaġ u tal-mogħoż (2), u b'mod partikolari t-Taqsima II tal-Kapitolu 1 tal-Anness A tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 64/432/KEE tapplika għall-kummerċ ta' annimali bovini fl-Unjoni. Din tistipula l-kundizzjonijiet li skonthom Stat Membru jew reġjun tiegħu jista' jiġi ddikjarat uffiċjalment ħieles mit-tuberkulożi jew uffiċjalment ħieles mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(2)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE (3) jipprevedi li r-reġjuni tal-Istati Membri mniżżla fil-Kapitolu 2 tal-Anness I tagħha jiġu ddikjarati uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward tal-annimali bovini.

(3)

Spanja ppreżentat lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi li l-Provinċja ta' Pontevedra tal-Komunità Awtonoma tal-Galicja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE biex tkun rikonoxxuta bħala reġjun uffiċjalment ħieles mit-tuberkulożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(4)

Wara l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ppreżentata minn Spanja, il-Provinċja ta' Pontevedra tal-Komunità Awtonoma tal-Galicja jenħtieġ li tiġi rikonoxxuta bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(5)

Għaldaqstant, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jipprevedi li r-reġjuni tal-Istati Membri mniżżla fil-Kapitolu 2 tal-Anness II tagħha jiġu ddikjarati uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(7)

Spanja ppreżentat lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi li l-Komunitajiet Awtonomi ta' Madrid u ta' Valenzja u l-Provinċji ta' Almeria, Granada u Jaen tal-Komunità Awtonoma ta' Andalusija jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE biex ikunu rikonoxxuti bħala reġjuni uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(8)

Wara l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ppreżentata minn Spanja, jenħtieġ li l-Komunitajiet Awtonomi ta' Madrid u ta' Valenzja u l-Provinċji ta' Almeria, Granada u Jaen tal-Komunità Awtonoma ta' Andalusija jiġu rikonoxxuti bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jiġi emendat skont dan.

(10)

Id-Direttiva 91/68/KEE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Unjoni. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (B. melitensis) fir-rigward tal-merħliet tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/52/KEE (4) tipprevedi li r-reġjuni tal-Istati Membri mniżżla fl-Anness II tagħha huma rikonoxxuti uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (B. melitensis) fir-rigward tal-merħliet tan-nagħaġ u tal-mogħoż, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 91/68/KEE.

(12)

Spanja ressqet lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi li l-Komunità Awtonoma ta' Madrid, il-Provinċja ta' Cadiz tal-Komunità Awtonoma ta' Andalusija u l-Provinċja ta' Ciudad Real tal-Komunità Awtonoma ta' Kastilja-La Mancha jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 91/68/KEE biex ikunu rikonoxxuti uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (B. melitensis) fir-rigward tal-merħliet tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

(13)

Wara l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ppreżentata minn Spanja, jenħtieġ li l-Komunità Awtonoma ta' Madrid, il-Provinċja ta' Cadiz tal-Komunità Awtonoma ta' Andalusija u l-Provinċja ta' Ciudad Real tal-Komunità Awtonoma ta' Kastilja-La Mancha jiġu rikonoxxuti bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (B. melitensis) fir-rigward tal-merħliet tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

(14)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness II tad-Deċiżjoni 93/52/KEE jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE huma emendati skont l-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness II tad-Deċiżjoni 93/52/KEE huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(2)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE tat-23 ta' Ġunju 2003 li tistabbilixxi l-istatus ta' xi Stati Membri u reġjuni fl-Istati Membri bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi, bruċellosi u lewkosi bovina enżootika fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 74).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/52/KEE tal-21 ta' Diċembru 1992 li tieħu nota tal-konformità ta' ċerti Stati Membri jew reġjuni mal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-bruċellożi (B. melitensis) u li tagħtihom l-istatus ta' Stat Membru jew reġjun uffiċjalment ħieles mill-marda (ĠU L 13, 21.1.1993, p. 14).


ANNESS I

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE huma emendati kif ġej:

(1)

Fil-Kapitolu 2 tal-Anness I, l-entrata għal Spanja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Fi Spanja:

Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji,

Il-Komunità Awtonoma tal-Galicja: Il-Provinċja ta' Pontevedra.”

(2)

Fil-Kapitolu 2 tal-Anness II, l-entrata għal Spanja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Fi Spanja:

Il-Komunità Awtonoma ta' Andalusija: Il-Provinċji ta' Almeria, Granada u Jaen,

Il-Komunità Awtonoma tal-Asturji,

Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi,

Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji,

Il-Komunità Awtonoma ta' Kastilja-La Mancha,

Il-Komunità Awtonoma ta' Kastilja u León: Il-Provinċji ta' Burgos, Soria, Valladolid u Zamora,

Il-Komunità Awtonoma tal-Katalonja,

Il-Komunità Awtonoma tal-Galicja,

Il-Komunità Awtonoma ta' La Rioja,

Il-Komunità Awtonoma ta' Madrid,

Il-Komunità Awtonoma ta' Murcia,

Il-Komunità Awtonoma ta' Navarra,

Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask,

Il-Komunità Awtonoma ta' Valenzja.”


ANNESS II

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni 93/52/KEE, l-entrata għal Spanja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Fi Spanja:

Il-Komunità Awtonoma ta' Aragona,

Il-Komunità Awtonoma ta' Andalusija: Il-Provinċja ta' Cadiz,

Il-Komunità Awtonoma tal-Asturji,

Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi,

Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji,

Il-Komunità Awtonoma tal-Cantabria,

Il-Komunità Awtonoma ta' Kastilja-La Mancha: Il-Provinċji ta' Albacete, Ciudad Real, Cuenca u Guadalajara,

Il-Komunità Awtonoma ta' Kastilja u León,

Il-Komunità Awtonoma tal-Katalonja,

Il-Komunità Awtonoma ta' Extremadura,

Il-Komunità Awtonoma tal-Galicja,

Il-Komunità Awtonoma ta' La Rioja,

Il-Komunità Awtonoma ta' Madrid,

Il-Komunità Awtonoma ta' Navarra,

Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask,

Il-Komunità Awtonoma ta' Valenzja.”