21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2034

tat-18 ta' Ottubru 2018

li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv l-iskartar fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti fuq il-qbid.

(2)

Sabiex jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art, l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-pjanijiet għall-iskartar permezz ta' att delegat għal perjodu inizjali ta' mhux iżjed minn tliet snin li jista' jiġġedded għal perjodu totali ieħor ta' tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2438 (2), stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2016-2018, wara rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata lill-Kummissjoni mill-Belġju, Spanja, Franza l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit. Dak ir-Regolament tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 (3).

(4)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2375, stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2017-2018, kif issuġġerit f'rakkomandazzjoni konġunta ġdida ppreżentata mill-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit. Dak ir-Regolament tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/46 (4).

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/46, stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali u fil-baħar fond fl-ilmijiet tal-Majjistral għas-sena 2018, wara rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit.

(6)

Il-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar tat-Tramuntana. Wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Majjistral u l-Kunsill Konsultattiv Pelaġiku, fil-31 ta' Mejju 2018 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-Ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021. Ir-rakkomandazzjoni konġunta kienet emendata fit-30 ta' Awwissu 2018.

(7)

Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mingħand il-korpi xjentifiċi rilevanti li ġew evalwati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (5). Fil-11 ta' Settembru 2018 saret laqgħa tal-grupp ta' esperti li għaliha attendew ir-rappreżentanti tat-28 Stat Membru, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew bħala osservatur, u ġew diskussi l-miżuri kkonċernati. Fil-każ ta' xi stokkijiet, bħall-barbun tat-tbajja', l-STECF sab li r-rati ta' sopravivenza ta' ħut individwali ma jistgħux ikunu sodi daqs dak li jinsab fi speċijiet oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-impatt relattiv ta' din l-eżenzjoni fuq l-istokk totali, meta mqabbel ma' ħut individwali, u bbilanċjatha kontra l-ħtieġa li titkompla din l-attività tas-sajd biex jiġi pprovdut ġbir tad-data ħalli jindirizza l-kummenti magħmula mill-STECF. F'każijiet fejn l-ammont relattiv tar-rimi lura ta' ħut mejjet huwa relattivament baxx, il-Kummissjoni tqis li approċċ prammatiku u prudenti għall-ġestjoni tas-sajd ikun li jiġu permessi eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehim li jekk ma jsirx hekk jista' jintilef il-ġbir tad-data indispensabbli meħtieġ għal ġestjoni korretta u informata tar-rimi fid-dawl tad-dħul fis-seħħ sħiħ tal-obbligu ta' ħatt l-art.

(8)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/46 inkluda eżenzjoni dwar s-sopravivabbiltà mill-obbligu ta' ħatt l-art, kif imsemmi fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-iskampu maqbud f'nases, xbieki tat-tidwir u nases fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES, abbażi tal-evidenza xjentifika li kienet turi r-rati tas-sopravivenza. Dik l-evidenza tkun ġiet evalwata fis-snin preċedenti u l-STECF ikkonkluda (6) li l-eżenzjoni hija ġġustifikata. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi l-kontinwazzjoni ta' dik l-eżenzjoni. Peress li ċ-ċirkustanzi ma nbidlux, dik l-eżenzjoni għandha għalhekk titkompla fil-pjan għall-iskartar għall-2019-2021.

(9)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/46 inkluda eżenzjoni dwar is-sopravivabbiltà għal-lingwata komuni taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni (MCRS) maqbuda b'apparat ta' għażel ta' tkarkir ta' bejn 80-99 mm fid-diviżjoni 7d tal-ICES sa sitt mili nawtiċi mill-kosta u barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati, ibbażati fuq evidenza xjentifika li wriet ir-rati tas-sopravivenza tal-ħut skartat. Dik l-evidenza tkun ġiet evalwata fis-snin preċedenti u l-STECF ikkonkluda (7) li l-evidenza kienet suffiċjenti. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li l-eżenzjoni tibqa' tapplika. L-STECF osserva li l-ebda informazzjoni ġdida dwar il-lokalità ta' żoni tat-tkabbir ma ġiet ipprovduta (8). Peress li bħalissa ma hemm l-ebda żoni tat-tkabbir identifikati, l-eżenzjoni tista' tiġi inkluża fil-pjan ta' skartar il-ġdid għas-snin 2019-2021, iżda l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti hekk kif tali żoni jkunu identifikati.

(10)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni dwar is-sopravivabbiltà għall-iskampu maqbud bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ugwali għal 100 mm jew akbar u għall-iskampu maqbud bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ta' 70-99 mm flimkien ma' għażliet ta' rkaptu selettiv (żoni tas-sajd TRI u TR2) fis-subżona 7 tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati tas-sopravivenza tal-ħut skartat għall-iskampu f'dik iż-żona tas-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF, li kkonkluda li l-istudju ta' sopravivenza li sar bix-xibka tat-tkarkir Seltra pprovda biżżejjed data, għalkemm l-effett globali fuq is-sajd estensiv tal-iskampu b'irkapti oħrajn tas-sajd baqa' diffiċli biex jiġi assessjat. L-STECF innota li jekk wieħed jassumi li tapplika r-rata ta' sopravivenza relattivament għolja għall-irkapti kollha, f'dik iż-żona tas-sajd tiġi implikata rata ta' skartar relattivament baxxa. Għalhekk, jenħtieġ li din l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan ta' skartar il-ġdid għas-snin 2019-2021.

(11)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni dwar is-sopravivabbiltà għall-iskampu maqbud fid-diviżjoni 6a tal-ICES, sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta, billi jintużaw xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti b'malji ta' daqs ta' 80-110 mm flimkien ma' għażliet ta' rkaptu selettiv. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati tas-sopravivenza tal-ħut skartat għall-iskampu f'dik iż-żona tas-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li l-istudju dwar is-sopravivabbiltà huwa robust u jindika rata ta' sopravivenza relattivament għolja. Għalhekk, jenħtieġ li din l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan ta' skartar il-ġdid għas-snin 2019-2021.

(12)

Għar-rebekkini u r-raj li jinqabdu bi kwalunkwe rkaptu fis-subżoni tal-ICES 6 u 7, mhix disponibbli evidenza xjentifika dettaljata dwar ir-rati ta' sopravivenza għal kull segment tal-flotta u għall-kombinazzjonijiet kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet, ir-rati ta' sopravivenza jitqiesu li huma ġeneralment robusti, iżda aktar dettall huwa meħtieġ. Sabiex tinġabar din id-data, is-sajd jeħtieġ li jkompli u bħala tali, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta kompletament il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis (possibbli) u qabel il-31 ta' Mejju ta' kull sena: (a) pjan ta' direzzjoni żviluppat sabiex tiżdied il-kapaċità ta' sopravivabbiltà u biex jimtlew il-lakuni fid-data identifikati mill-STECF, biex jiġu evalwati kull sena mill-STECF, (b) rapporti annwali dwar il-progress u kwalunkwe modifiki jew aġġustamenti magħmula għall-programmi dwar is-sopravivabbiltà.

(13)

Meta wieħed iqis ir-rati ta' sopravivenza ta' rebekkini u raj, ir-raj kukù (Leucoraja naevus) instabu li għandhom rata ta' sopravivenza konsiderevolment inqas minn speċijiet oħra, b'inqas għarfien xjentifiku b'saħħtu. Madankollu li tiġi eskluża għalkollox din l-ispeċi mill-eżenzjoni tista' twaqqaf is-sajd u t-tkomplija tal-ġbir ta' data preċiża. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-eżenzjoni għandha tingħata biss għal sena waħda (1) u li studji ġodda flimkien ma' miżuri ta' sopravivabbiltà mtejba għandhom jiġu żviluppati bħala kwistjoni ta' urġenza u jiġu pprovduti lill-STECF għall-valutazzjoni mill-aktar fis qabel il-31 ta' Mejju 2019.

(14)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjonijiet ta' sopravivenza tal-barbun tat-tbajja' maqbud b'pariti jew xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati tas-sopravivenza tal-barbun tat-tbajja' f'dik iż-żona tas-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li l-istudju dwar is-sopravivabbiltà huwa robust u jindika rata ta' sopravivenza relattivament għolja. Għalhekk, jenħtieġ li din l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan ta' skartar il-ġdid għas-snin 2019-2021.

(15)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjonijiet ta' sopravivenza tal-barbun tat-tbajja' maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7a-7k minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu, b'qawwa massima tal-magna ta' 221 kW, tul massimu ta' 24 metru, li jistadu sa 12-il mil nawtiku u b'ħinijiet ta' rmunkar mhux aktar minn 1:30 siegħa u minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qawwa tal-magna ta' aktar minn 221 kW, bl-użu ta' ħabel flip-up jew ipannell tar-rilaxx bentiku L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati tas-sopravivenza tal-barbun tat-tbajja' f'dik iż-żona tas-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li l-informazzjoni xjentifika hija ta' kwalità tajba. L-STECF madankollu rrapporta li d-data ma tkoprix l-Istati Membri kollha kkonċernati u li f'dawk iż-żoni tas-sajd is-sopravivabbiltà hija affettwata minn bosta fatturi u tvarja ħafna. L-STECF innota wkoll li bħala konsegwenza ta' din il-varjabbiltà ma jkunx possibbli li l-impatt probabbli tal-eżenzjoni jiġi vvalutat b'mod affidabbli. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżenzjoni għandha tkun limitata għal sena waħda (1) li xorta tippermetti l-ġbir ta' data u l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta kompletament il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni. Din l-eżenzjoni għaldaqstant tista' tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar sal-31 ta' Diċembru 2019 u jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju 2019 għal valutazzjoni mill-STECF.

(16)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni dwar is-sopravivabbiltà għall-ispeċijiet maqbuda f'nases, xbieki tat-tidwir u nases tal-gambli f'ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 5, 6 u 7 tal-ICES). L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati tas-sopravivenza tal-ispeċijiet maqbuda f'dik iż-żona tas-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li s-sopravivenza ta' speċijiet mormija minn nases u xbieki tat-tidwir x'aktarx tkun sostanzjali. Għalhekk, jaf din l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan ta' skartar il-ġdid għas-snin 2019-2021.

(17)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/46 inkluda eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd. L-evidenza mogħtija mill-Istati Membri ġiet riveduta mill-STECF (9), li kkonkluda li d-dokumenti sottomessi mill-Istati Membri inkludew argumenti raġunati li juri li huwa diffiċli li jinkiseb aktar titjib fis-selettività u/jew argumenti relatati ma' spejjeż sproporzjonati fl-immaniġġar ta' qabdiet mhux mixtieqa, appoġġati f'xi każijiet minn valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u meta wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi ma nbidlux, huwa xieraq li jitkomplew l-eżenzjonijiet de minimis, skont il-perċentwali proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida, għal:

merlangu maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal jew akbar minn 80 mm (OTB, OTT, PTB, OT, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) bid-daqs tal-malja ta' 80-119 mm fid-diviżjoni 7d tal-ICES,

merlangu maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal jew akbar minn 80 mm (OTB, OTT, PTB, OT, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) bid-daqs tal-malja ta' 80-119 mm fid-diviżjonijiet 7b-c u 7e-k tal-ICES,

lingwata komuni maqbuda minn bastimenti li jużaw irkaptu TBB bid-daqs tal-malja ta' 80-119 mm u b'iktar selettività fid-diviżjonijiet tal-ICES 7d, 7e, 7f, 7 g u 7h,

lingwata komuni maqbuda minn bastimenti li jużaw pariti u għeżula biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet tal-ICES 7d, 7e, 7f u 7 g.

(18)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida ssuġġeriet eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art għal:

merluzz tal-linja sewda maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qies tal-malji daqs jew akbar minn 80 mm fid-diviżjonijiet 7b-c u 7e-7k tal-ICES,

maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qies tal-malji daqs jew akbar minn 80 mm fid-diviżjonijiet 7b-c u 7e-7k tal-ICES;

sawrell maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet tal-ICES 7b-7k,

kavall maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet tal-ICES 7b-7k.

(19)

L-evidenza mill-Istati Membri dwar l-eżenzjonijiet de minimis il-ġodda rigward il-merluzz tal-linja sewda, il-merluzz, is-sawrell u l-kavalli li jinqabdu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu ġiet riveduta mill-STECF, li kkonkluda (10) li hemm bżonn li tiġi pprovduta informazzjoni ulterjuri. Fid-dawl tal-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd u tal-ġbir tad-data biex titwassal din l-informazzjoni, l-eżenzjonijiet individwali għal kull speċi għandha ikunu limitati għal sena waħda (1) u l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-obbligu li jissottomettu data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta kompletament il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju 2019 għal valutazzjoni mill-STECF. Dawn l-eżenzjonijiet għandhom għalhekk jiġu applikati provviżorjament sal-31 ta' Diċembru 2019.

(20)

Biex jiġu żgurati stimi affidabbli dwar il-livelli ta' skartar għall-fini tal-iffissar tal-qabdiet totali permissibbli (TACs), l-Istati Membri jenħtieġ li, f'każijiet fejn l-eżenzjoni de minimis hija msejsa fuq l-estrapolazzjoni ta' sitwazzjonijiet b'data limitata u informazzjoni parzjali tal-flotta, tiġi żgurata l-provvista ta' data eżatta u verifikabbli għall-flotta kollha koperta minn din id-dispożizzjoni de minimis.

(21)

Skont l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 il-pjanijiet għall-iskartar jistgħu jinkludu wkoll miżuri tekniċi għas-sajd jew għall-ispeċijiet koperti mill-obbligu ta' ħatt l-art. Biex tiżdied is-selettività tal-irkaptu u jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali fil-Baħar Ċeltiku u l-Baħar Irlandiż, huwa xieraq li jiddaħħal numru ta' miżuri selettivi għas-sajd demersali. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, l-STECF ikkonkluda li l-bidliet proposti biex tiżdied is-selettività fl-ilmijiet tal-Majjistral hija waħda mill-veru ftit tentattivi minn gruppi reġjonali biex jissolvew il-kwistjonijiet ta' qabdiet mhux mixtieqa. Il-miżuri tekniċi għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi fil-pjan tal-iskartar il-ġdid għas-snin 2019-2021.

(22)

Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida huma konformi mal-Artikolu 15(4), l-Artikolu 15(5)(c) u l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk jistgħu jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(23)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni qieset kemm l-istima tal-STECF u l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-1 ta' Jannar 2019. F'diversi każijiet, l-eżenzjonijiet jeħtieġu li l-attività tas-sajd u tal-ġbir tad-data jitkomplew sabiex jiġu indirizzati l-kummenti magħmula mill-STECF. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tqis li approċċ prammatiku u prudenti għall-ġestjoni tas-sajd ikun li jiġu permessi eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehim li jekk ma jsirx hekk jista' jintilef il-ġbir tad-data indispensabbli meħtieġ għal ġestjoni korretta u informata tar-rimi fid-dawl tad-dħul fis-seħħ sħiħ tal-obbligu ta' ħatt l-art.

(24)

Wara r-rakkomandazzjoni konġunta ġdida, jixraq li r-Regolament Delegat (UE) 2018/46 jitħassar.

(25)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art

Fis-subżoni tal-ICES 5 (eskluża 5a u inklużi l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta' 5b), 6 u 7 l-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għaż-żoni tas-sajd demersali skont dan ir-Regolament għall-perjodu 2019-2021.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Il-“Pannell Fjamming” tfisser l-aħħar parti li ġejja għad-djieq ta' xibka tat-tkarkir bi travu, li l-parti ta' wara tagħha hija direttament imwaħħla mal-manka. Il-partijiet ta' fuq u ta' taħt tax-xibka tal-pannell iridu jkunu magħmula minn malja ta' mill-inqas 120 mm imkejla bejn l-għoqiedi u l-pannell irid ikollu tul imġebbed ta' mill-inqas 3 m.

2.   “Pannell Seltra” huwa apparat ta' selettività li:

(a)

huwa magħmul minn pannell ta' fuq bid-daqs tal-malja ta' mill-inqas 270 mm (malja maqrut) imqiegħed f'sezzjoni ta' erba' pannelli u magħqud f'daqqa bil-proporzjon ta' tliet malji ta' daqs 90 mm għal kull malja waħda ta' 270 mm, jew b'pannell ta' fuq li jkollu daqs tal-malja ta' mill-inqas 140 mm (malja kwadra);

(b)

ikun mill-inqas twil tliet metri;

(c)

jitqiegħed mhux aktar minn erba' metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq; kif ukoll

(d)

ikun daqs il-wisgħa kollha tas-saff ta' fuq tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).

3.   “Apparat ta' selettività Netgrid” huwa apparat ta' selettività magħmul minn sezzjoni b'erba' pannelli imdaħħla f'xibka tat-tkarkir b'żewġ pannelli b'xibka inklinata ta' malja maqrut bid-daqs tal-malja ta' mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħarbu l-ħut fil-parti ta' fuq tax-xibka;

4.   “CEFAS Netgrid” tfisser apparat ta' selettività Netgrid żviluppat minn The Centre for Environment, Fisheries and Aquaculture Science għall-qabdiet ta' awwisti fil-Baħar Irlandiż;

5.   “Xibka tat-tkarkir flip-flap” tfisser irkaptu tat-tkarkir mgħammar bi xbieki tal-grilja żviluppati biex inaqqsu l-qabdiet ta' merluzz, merluzz tal-linja sewda u merlangu f'żoni tas-sajd għall-iskampu;

6.   “Ħabel flipup” tfisser irkaptu tat-tkarkir bit-travu demersali modifikat biex jgħin jipprevjeni ġebel u blat kbir lixx li jidħlu fix-xbieki tat-tkarkir u jikkawżaw ħsara kemm lill-irkaptu u lill-qabdiet;

7.   “Pannell tar-rilaxx bentiku” tfisser pannell ta' malji tax-xbieki ikbar jew xibka bit-toqob kwadri mwaħħla fil-pannell t'isfel tax-xbiek tat-tkarkir, normalment f'forma ta' xibka tat-tkarkir bit-travu, li tirrilaxxa kwalunkwe materjal u fdal ieħor ta' qiegħ il-baħar qabel ma dan jgħaddi ġol-manka;

8.   “Iż-Żona għall-Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku” tfisser l-ilmijiet fid-diviżjonijiet tal-ICES 7f, 7 g u l-parti minn 7j li tinsab fit-Tramuntana tal-latitudni 50° N u fil-Lvant ta' 11° W.

Artikolu 3

Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għall-iskampu

1.   L-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:

(a)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud fin-nases, ix-xbieki jew in-nases tal-gambli (kodiċijiet tal-irkaptu (11): FPO u FIX) fis-subżoni tal-ICES 6 u 7;

(b)

Skampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ugwali jew akbar minn 100 mm fis-subżona 7 tal-ICES;

(c)

Skampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ta' 70-99 mm flimkien ma' għażliet ta' rkaptu selettiv ħafna, kif stipulat fl-Artikoli 9(2) u 10(2) ta' dan ir-Regolament, fis-subżona 7 tal-ICES;

(d)

Skampu (Nephrops norvegicus) maqbud b'xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti b'daqs tal-malja ta' 80-110 mm flimkien ma' għażliet ta' rkaptu selettiv ħafna, kif stipulat fl-Artikoli 9(2) u 10(2) ta' dan ir-Regolament, fid-diviżjoni 6a tal-ICES sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta.

2.   Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-iskampu għandu jinħeles sħiħ, minnufih, u fiż-żona fejn ikun inqabad.

Artikolu 4

Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għal-lingwata komuni

1.   Fid-diviżjoni 7d tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati, l-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-lingwata komuni (Solea solea) taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni magħmula bl-użu ta' rkaptu tax-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b'manka li jkollha daqs tal-malja ta' 80-99 mm, minn bastimenti:

(a)

li għandhom tul massimu ta' 10 metri u saħħa massima tal-magna ta' 221 kW; kif ukoll

(b)

li jistadu f'ilmijiet b'fond ta' 30 metru jew inqas u b'ħinijiet ta' rmunkar ta' mhux aktar minn 1:30 siegħa.

2.   Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-lingwata komuni għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 5

Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għar-rebekkini u r-raj

1.   L-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet totali permissibbli ta' rebekkini u raj (Rajiformes) maqbuda bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd fl-ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 6 u 7 tal-ICES).

2.   L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu ta' kull sena.

3.   L-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tapplika għar-raj kukù sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni dik l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu 2019.

4.   Meta jiġu skartati ir-rebekkini u r-raj fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-rebekkini u r-raj għandhom jinħelsu minnufih u taħt wiċċ il-baħar.

Artikolu 6

Eżenzjoni għas-sopravivabbiltà tal-barbun tat-tbajja'

1.   L-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:

(a)

barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7d, 7e, 7f u 7 g b'pariti;

(b)

barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7d, 7e, 7f u 7 g b'xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti;

(c)

barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7a-7k minn bastimenti li jkollhom piż massimu tal-magna akbar minn 221 kW, u li jużaw xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) mgħammra b'ħabel jew ir-rilaxx bentiċi flipup tal-bord;

(d)

barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet tal-ICES 7a-7k minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2), b'saħħa massima tal-magna ta' 221 kW jew tul massimu ta' 24 metri, li huma mibnija biex jistadu sa 12il mili nawtiku mill-kosta u b'medja ta' rmunkar ta' mhux aktar minn 1:30 siegħa.

2.   L-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1(c) u (d) għandhom ikunu applikabbli b'mod provviżorju sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis possibbli qabel il-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni dawk l-eżenzjonijiet. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għandu jivvaluta dik l-informazzjoni qabel l-1 ta' Awwissu 2019.

3.   Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja' fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-barbun tat-tbajja' għandu jinħeles minnufih u taħt wiċċ il-baħar.

Artikolu 7

Eżenzjoni għas-sopravivibbiltà għal speċijiet maqbuda f'nases, xbieki jew nases tal-gambli

1.   Fis-subżoni tal-ICES 5 (esklużi 5a u inklużi l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta' 5b), 6 u 7 l-eżenzjoni għas-sopravivabbiltà prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal speċijiet li jinqabdu b'nases, xbieki u nases tal-gambli.

2.   Meta jiġi skartat il-ħut li jinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-ħut għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 8

Eżenzjonijiet de minimis

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(5)(c) ta' dak ir-Regolament:

(a)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % fl-2019, u ta' 5 % fl-2020 u fl-2021, tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal jew akbar minn 80 mm (OTB, OTT, PTB, OT, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) b'daqs tal-malja ta' 80-119 mm fid-diviżjoni 7d tal-ICES;

(b)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % fl-2019, u ta' 5 % fl-2020 u fl-2021, tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal jew akbar minn 80 mm (OTB, OTT, PTB, OT, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bit-travu (BT2) b'daqs tal-malja ta' 80-119 mm fid-diviżjonijiet 7b-c u 7e-k tal-ICES;

(c)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw pariti u għeżula biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES;

(d)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw irkaptu TBB b'malja ta 80-119 mm mgħammra b'pannell Fjamming, biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f, 7 g u 7h tal-ICES;

(e)

għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), sa massimu ta' 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qies tal-malji daqs jew akbar minn 80 mm fid-diviżjonijiet 7b-7c u 7e-7k tal-ICES;

(f)

għall-merluzz (Gadus morhua), 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu b'qies tal-malji daqs jew akbar minn 80 mm fid-diviżjonijiet 7b-7c u 7e-7k tal-ICES;

(g)

għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta' 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet 7b-7k tal-ICES;

(h)

għall-kavall (Scomber scombrus), sa massimu ta' 7 % fl-2019 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bit-travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet 7b-7k tal-ICES.

2.   L-eżenzjonijiet de minimis stabbiliti fil-paragrafu 1 punti (e)-(h) għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2019. L-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta għandhom jissottomettu mill-aktar fis qabel il-31 ta' Mejju 2019, informazzjoni xjentifika addizzjonali li ssostni l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għandu jevalwa l-informazzjoni xjentifika mogħtija qabel l-1 ta' Awwissu 2019.

Artikolu 9

Miżuri tekniċi speċifiċi fiż-Żona ta' Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku

1.   Mill-1 ta' Lulju 2019, il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fiż-Żona ta' Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku għandhom jużaw waħda mill għażliet ta' rkaptu li ġejjin:

(a)

manka ta' 110 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 120 mm (12);

(b)

manka T90 ta' 100 mm;

(c)

manka ta' 100 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 160 mm.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 5 % ta' skampu għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:

(a)

pannell ta' malja kwadra ta' 300 mm; bastimenti ta' inqas minn 12-il metru tul b'kollox jistgħu jużaw pannell ta' malja kwadra ta' 200 mm;

(b)

pannell Seltra;

(c)

Gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' 35 mm kif definit fl-Anness XIVa għar-Regolament (KE) Nru 850/98 (13) jew tagħmir tas-selettività Netgrid simili;

(d)

manka ta' 100 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 100 mm.

3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 55 % ta' petriċa, merluzz jew megrim għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:

(a)

manka ta' 100 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 100 mm.

(b)

manka T90 ta' 90 mm u estensjoni;

(c)

manka ta' 80 mm b'pannell ta' malja kwadra ta' 160 mm.

(d)

manka ta' 80 mm b'2 m immultipikati b'ċilindru ta' malja kwadra ta' 100 mm.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkollhom inqas minn 10 % ta' gadojdi (Gadidae) fid-diviżjoni ICES 7f fil-Lvant ta' 5° Punent, għandhom jużaw manka ta' 80 mm mgħammra b'pannell b'malja kwadra ta' 120 mm.

5.   Irkaptu selettiv jew apparat ivvalutat mill-STECF bħala li għandu karatteristiċi ta' selettività tal-istess livell jew ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista' jiżdied bħala alternattiva ta' rkaptu ma' ta' hawn fuq.

Artikolu 10

Miżuri tekniċi speċifiċi fil-Baħar Irlandiż

1.   Mill-1 ta' Jannar 2019, il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fid-diviżjoni 7a tal-ICES (il-Baħar Irlandiż) għandhom josservaw il-miżuri tekniċi stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni ma' manki b'malji daqs jew akbar minn 70 mm u iżgħar minn 100 mm u b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 5 % ta' skampu għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:

(a)

pannell ta' malja kwadra ta' 300 mm; bastimenti ta' inqas minn 12-il metru tul b'kollox jistgħu jużaw pannell ta' malja kwadra ta' 200 mm;

(b)

pannell Seltra;

(c)

Gradilja tat-tgħarbil bi spazju ta' bejn il-vireg ta' 35 mm kif definit fl-Anness XIVa għar-Regolament (KE) Nru 850/98;

(d)

CEFAS Netgrid;

(e)

xibka flipflap tat-tkarkir.

3.   Il-bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 10 % ta' bakkaljaw, merluzz u rebekkini u raj kkombinati, għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta' rkaptu li ġejjin:

(a)

manka ta' 120 mm;

(b)

xibka tat-tkarkir eliminatriċi b'malji kbar 600 mm u 100 mm fil-manka.

4.   Il-bastimenti li jaħdmu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b'qabdiet li jkunu jinkludu anqas minn 10 % ta' bakkaljaw, merluzz u rebekkini u raj kkombinati, għandhom japplikaw manka b'malja ta' 100 mm b'pannell tal-malja kwadra ta' 100 mm. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għal bastimenti b'qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta' skampu.

5.   Irkaptu selettiv jew apparat ivvalutat mill-STECF bħala li għandu karatteristiċi ta' selettività tal-istess livell jew ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista' jinżied bħala alternattiva ta' rkaptu ma' ta' hawn fuq.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2438 tat-12 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan ta' rimi għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 29).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 tat-12 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta' rimi għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 39).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/46 tal-20 ta' Ottubru 2017 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali u fil-baħar fond fl-ilmijiet tal-Majjistral għas-sena 2018 (ĠU L 7, 12.1.2018, p. 13).

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(7)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(8)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(9)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(10)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(11)  Il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.

(12)  Pannelli b'malja kwadra għandhom jintramaw skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar, (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1)