19.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2017

tat-18 ta' Diċembru 2018

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat imniżżel fil-lista tal-Unjoni biss jista' jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni. L-ikel tradizzjonali minn pajjiż terz huwa ikel ġdid iddefinit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(2)

Bi qbil mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni u dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' ikel tradizzjonali minn pajjiż terz. Fil-5 ta' April 2018, il-kumpanija Sorghum Zrt. (“l-applikant”) ippreżentat notifika lill-Kummissjoni li kienet biħsiebha tqiegħed il-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench fis-suq tal-Unjoni bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant qed jitlob li l-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench jiġi kkunsmat mill-popolazzjoni ġenerali fil-forma naturali tiegħu, inkella bħala ingredjent tal-ikel.

(4)

Id-data ddokumentata ppreżentata mill-applikant turi li l-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench għandu storja ta' użu sikur bħala ikel fl-Istati Uniti.

(5)

Bi qbil mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fit-30 ta' April 2018, il-Kummissjoni bagħtet in-notifika valida lill-Istati Membri u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(6)

Ma tressqux oġġezzjonijiet debitament motivati b'rabta mas-sigurtà għat-tqegħid tal-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench fis-suq fl-Unjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew mill-Awtorità fil-perjodu ta' erba' xhur stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tawtorizza t-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench u taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandu jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat) f'ordni alfabetika:

L-ikel il-ġdid awtorizzat

Il-kundizzjonijiet li fihom jista' jintuża l-ikel il-ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

“Il-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench

(Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz)

Mhux speċifikat

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “Ġulepp tas-Sorghum (Sorghum bicolor)”.”

 

(2)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) f'ordni alfabetika:

L-Ikel il-Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Il-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench.

(Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz)

Deskrizzjoni/Definizzjoni

L-ikel tradizzjonali huwa l-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench (tal-ġeneru Sorghum; tal-familja Poaceae (alt. Gramineae)).

Il-ġulepp jinkiseb miz-zkuk tas-S. bicolor, wara li jsiru l-proċessi tal-produzzjoni bħat-tgħaffiġ, l-estrazzjoni u l-evaporazzjoni li tinkludi trattament bis-sħana biex jinkiseb ġulepp b'minimu ta' 74 Brix

Id-data dwar il-kompożizzjoni tal-ġulepp tas-Sorghum bicolor (L.) Moench

Ilma: 22,7 g/100 g

Rmied: 2,4

Total ta' żokkor: > 74,0 g/100 g”