18.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/12


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/2004

tas-17 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333.

(2)

Fil-5 ta' Novembru 2018 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2441 (2018), fejn afferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza, l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Libja u ddetermina li s-sitwazzjoni fil-Libja għadha tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-KSNU ddeċieda li jinkludi eżempji ġodda ta' mġiba koperti mill-kriterji ta' deżinjazzjoni.

(3)

Fis-17 ta' Diċembru 2018 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/2012 (3) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 sabiex tirrifletti l-bidliet fir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2441 (2018).

(4)

Dawn il-miżuri huma koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk, b'mod partikolari bil-ħsieb tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/44, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafu 19, 22 jew 23 tal-UNSCR 1973 (2011), il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2213 (2015), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2362(2017) jew il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2441 (2018).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)  ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta' Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2012 tas-17 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ara paġna 51 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).