20.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/53


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1975

tal-14 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-operazzjonijiet bl-ajru għall-gliders u l-electronic flight bags

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għas-sikurezza ta' bosta tipi ta' operazzjonijiet bl-ajru b'kategoriji differenti ta' inġenji tal-ajru, inklużi l-operazzjonijiet bil-gliders.

(2)

L-operaturi involuti fl-operat tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (b) (i) u (ii) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139 huma meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness V ta' dak ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 (3) li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward l-operat ta' gliders. Mid-data tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li dawn l-operazzjonijiet ma jibqgħux soġġetti għar-regoli ġenerali għall-operazzjonijiet bl-ajru stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 965/2012. Madankollu, ir-regoli relatati mas-sorveljanza tal-operazzjonijiet bl-ajru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 u fl-Anness II tiegħu, jenħtieġ li jkomplu japplikaw fir-rigward tal-operazzjonijiet bl-ajru bil-gliders, peress li dawk ir-rekwiżiti mhumiex speċifiċi għal xi attività partikolari ta' operazzjoni bl-ajru, iżda japplikaw b'mod orizzontali fir-rigward tal-attivitajiet kollha bħal dawn.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 965/2012 jiġi emendat skont dan, sabiex jitqiesu r-regoli l-ġodda applikabbli għall-operazzjonijiet bil-gliders u biex jiġu ċċarati liema mid-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament se jkomplu japplikaw għall-gliders.

(5)

Minħabba r-rabta mill-qrib bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1976 u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tagħhom tiġi allinjata.

(6)

Fl-2014, l-ICAO introduċiet fl-Anness 6, fil-Parti I u fil-Parti III, it-Taqsima II, dispożizzjonijiet għall-użu tal-electronic flight bags għal operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru. Dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu rekwiżiti ġeneriċi għall-użu tal-electronic flight bags u wkoll rekwiżit għal approvazzjoni operattiva għall-użu ta' applikazzjonijiet tal-electronic flight bags użati għat-tħaddim sikur tal-inġenji tal-ajru. Għalhekk jeħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 965/2012 jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-ICAO billi tiġi introdotta regola ġdida li fiha rekwiżiti ġeneriċi għall-użu tal-electronic flight bags għat-trasport kummerċjali bl-ajru u dispożizzjonijiet ġodda li jappoġġaw approvazzjoni operattiva għall-użu ta' applikazzjonijiet tal-electronic flight bags li għandhom kundizzjoni ta' ħsara kklassifikata bħala minuri jew inqas.

(7)

Fl-2014, l-ICAO introduċiet ukoll fl-Anness 6, fil-Parti II u fil-Parti III, it-Taqsima III, dispożizzjonijiet għall-użu tal-electronic flight bags fl-avjazzjoni ġenerali. Dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu rekwiżiti ġeneriċi għall-użu tal-electronic flight bags u wkoll rekwiżit għall-Istati Kontraenti biex jistabbilixxu kriterji għall-użu ta' applikazzjonijiet tal-electronic flight bags użati għat-tħaddim sikur tal-inġenji tal-ajru. Għalhekk jeħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 965/2012 jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-ICAO billi jiġu introdotti, għal operazzjonijiet mhux kummerċjali b'inġenji tal-ajru kumplessi u li jaħdmu bil-magni u għal operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati b'inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni regoli ġodda li fihom rekwiżiti ġeneriċi għall-użu tal-electronic flight bags u rekwiżiti għall-użu tal-applikazzjonijiet tal-electronic flight bags b'kundizzjoni ta' ħsara kklassifikata bħala minuri jew inqas. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 billi jallinja r-rekwiżiti għal tagħmir elettroniku li jista' jinġarr għal operazzjonijiet mhux kummerċjali b'inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni mad-dispożizzjonijiet ġeneriċi tal-ICAO għat-tagħmir tal-electronic flight bags.

(8)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni b'rabta mar-regoli speċifiċi għall-operat tal-gliders u ressqitu bħala opinjoni (4) lill-Kummissjoni f'konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(9)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet abbozz tar-regoli ta' implimentazzjoni dwar l-użu tal-electronic flight bags u ressqitu bħala opinjoni (5) lill-Kummissjoni f'konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi għar-Regolament (UE) Nru 965/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operazzjonijiet bl-ajru bl-ajruplani u l-ħelikopters, inklużi l-ispezzjonijiet fir-rampa ta' inġenji tal-ajru ta' operaturi li huma taħt is-sorveljanza tas-sikurezza ta' Stat ieħor meta jinżlu f'ajrudromi li jinsabu fit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati tal-operaturi ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (b)(i) u (ii) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, ħlief għall-blalen tal-arja, u l-gliders attivi f'operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru, il-privileġġi u r-responsabilitajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati kif ukoll dawk il-kundizzjonijiet fejn l-operazzjonijiet għandhom ikunu pprojbiti, limitati jew soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza;

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni mressqa mill-operaturi involuti f'operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati ta' ajruplani u ħelikopters jew f'operazzjonijiet mhux kummerċjali ta' inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni, inklużi l-operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati ta' inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni, tal-kapaċità tagħhom u tad-disponibbiltà tal-mezzi biex l-operaturi jaqdu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-operat tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll għas-sorveljanza ta' tali operaturi.”;

(b)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal operazzjonijiet bl-ajru bil-blalen tal-arja u bil-gliders. Madankollu, fir-rigward ta' dawn l-operazzjonijiet bl-ajru bil-blalen tal-arja, ħlief il-blalen tal-gass marbutin, u bil-gliders għandhom japplikaw ir-rekwiżiti relatati mas-sorveljanza tal-Artikolu 3.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (1), (1a) u 1(b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(1)

“ajruplan” tfisser inġenju tal-ajru itqal mill-arja li jaħdem bil-magna u li għandu ġwienaħ fissi, li huwa sostnut waqt it-titjir mir-reazzjoni dinamika tal-arja fuq il-ġwienaħ tiegħu;

(1a)

“ħelikopter” tfisser inġenju tal-ajru li huwa itqal mill-arja li huwa sostnut waqt it-titjir prinċipalment mir-reazzjonijiet tal-arja fuq rotor wieħed jew iktar immexxija bil-mutur, fuq assi sostanzjalment vertikali;

(1b)

“ballun tal-arja” tfisser inġenju tal-ajru eħfef mill-arja b'ekwipaġġ li ma jkollux magna u li jtir permezz ta' gass eħfef mill-arja jew permezz ta' sistema ta' tisħin fl-ajru, inklużi l-blalen tal-gass, il-blalen tal-arja sħuna, il-blalen tal-arja mħallta u, għalkemm bil-magna, l-iġfna tal-ajru tal-arja sħuna;”;

(b)

jiddaħħlu l-punti (1c), (1d) u (1e) li ġejjin:

“(1c)

“glider” tfisser inġenju tal-ajru itqal mill-ajru li huwa sostnut waqt it-titjir mir-reazzjoni dinamika tal-arja mas-superfiċji fissi tar-refgħa tiegħu, li t-titjir ħieles tiegħu ma jiddependix minn magna;

(1d)

“operazzjoni kummerċjali” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta' inġenju tal-ajru, bi ħlas jew konsiderazzjoni ta' valur oħra, li tkun disponibbli għall-pubbliku jew, meta ma tkunx disponibbli għall-pubbliku, li tkun imwettqa b'kuntratt bejn operatur u klijent, meta dan tal-aħħar m'għandu l-ebda kontroll fuq l-operatur;

(1e)

“ballun tal-gass marbut” tfisser ballun tal-gass b'sistema ta' rbit li żżomm il-ballun tal-arja kontinwament ankrat f'punt fiss matul l-operat;”;

(c)

il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(9)

“titjira introduttorja” tfisser kwalunkwe operazzjoni bi ħlas jew konsiderazzjoni ta' valur oħra li tikkonsisti f'mawra bl-ajru b'tul ta' żmien qasir, bl-għan li jiġu attirati apprendisti jew membri ġodda, imwettqa minn organizzazzjoni ta' taħriġ imsemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (*1) jew minn organizzazzjoni maħluqa bl-għan li jiġu promossi l-isport tal-ajru jew l-avjazzjoni ta' divertiment;

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).”"

(3)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-operaturi għandhom joperaw ajruplan jew ħelikopter biss għall-fini tal-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “CAT”) kif speċifikat fl-Annessi III u IV.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

ajruplani u ħelikopters użati għat-trasport ta' oġġetti perikolużi (DG);”;

(c)

il-paragrafi 4, 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   L-operaturi ta' ajruplani u ta' ħelikopters ħlief ajruplani u ħelikopters kumplessi li jaħdmu bil-magni involuti f'operazzjonijiet mhux kummerċjali, inklużi operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati, għandhom joperaw l-inġenju tal-ajru biss skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VII.

5.   L-organizzazzjonijiet ta' taħriġ imsemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 u li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru, meta jwettqu t-taħriġ fit-titjir lejn, ġewwa jew barra mill-Unjoni, għandhom joperaw:

(a)

ajruplani u ħelikopters kumplessi u li jaħdmu bil-magni skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VI;

(b)

ajruplani u ħelikopters oħrajn skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VII.

6.   L-operaturi għandhom joperaw ajruplan jew ħelikopter biss għall-fini tal-operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati f'konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Annessi III u VIII.”;

(4)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139 u għas-Subparti P tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*2) dwar il-permess għat-titjir, it-titjiriet li ġejjin għandhom ikomplu joperaw skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew, fejn l-operatur ma jkollu l-ebda post prinċipali tan-negozju, il-post fejn l-operatur ikun stabbilit jew residenti:

(a)

titjiriet relatati mal-introduzzjoni jew il-modifika ta' tipi ta' ajruplan jew ta' ħelikopter imwettqa minn organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni fl-ambitu tal-privileġġi tagħhom;

(b)

titjiriet li ma jġorru l-ebda passiġġier jew merkanzija meta l-ajruplan jew il-ħelikopter jiġi ttrasportat għal rinnovament, tiswija, verifiki ta' manutenzjoni, spezzjonijiet, konsenja, esportazzjoni jew għanijiet simili.

(*2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 4a huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4a.

“B'deroga mill-Artikolu 5(1) u (6), l-operazzjonijiet li ġejjin b'ajruplani u ħelikopters ħlief ajruplani u ħelikopters kumplessi li jaħdmu bil-magni jistgħu jitwettqu f'konformità mal-Anness VII:”;”

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

titjiriet introduttorji, qbiż bil-paraxut, irmunkar ta' gliders jew titjiriet ajrubatiċi mwettqa minn organizzazzjoni ta' taħriġ bil-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat Membru u msemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jew minn organizzazzjoni maħluqa bil-għan li tippromwovi l-sport tal-ajru jew l-avjazzjoni ta' divertiment, bil-kundizzjoni li l-inġenju tal-ajru jkun operat mill-organizzazzjoni fuq il-bażi ta' sjieda jew kiri mingħajr ekwipaġġ, li t-titjira ma tiġġenerax profitti mqassmin barra l-organizzazzjoni, u li kull meta jkunu involuti persuni li mhumiex membri tal-organizzazzjoni, it-tali titjiriet jirrappreżentaw biss attività marġinali tal-organizzazzjoni,”;

(5)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, in-numerazzjoni titħassar u t-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandu japplika mit-28 ta' Ottubru 2012.”;

(b)

Jitħassru l-paragrafi 2 sa 6.

(6)

L-Annessi I, II, III, IV, V, VI, VII u VIII huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-9 ta' Lulju 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 tal-14 ta' Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat ta' gliders skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 (ara l-paġna 64 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  L-Opinjoni Nru 07/2017 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tat-23 ta' Awwissu 2017 għal abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tar-regoli operattivi għall-gliders.

(5)  L-Opinjoni Nru 10/2017 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2017 għal abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012.


ANNESS

L-Annessi I, II, III, IV, V, VI, VII u VIII tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-punt (6);

(b)

jitħassar il-punt (11a);

(c)

jiddaħħlu l-punti (42a), (42b) u (42c) li ġejjin:

“(42a)

“applikazzjoni EFB” tfisser applikazzjoni ta' softwer installata fuq pjattaforma ospitanti tal-EFB li tipprovdi funzjoni operattiva speċifika waħda jew aktar li tkun ta' appoġġ għall-operazzjonijiet ta' titjir;

(42b)

“pjattaforma EFB ospitanti” tfisser it-tagħmir tal-ħardwer li fih ikunu residenti l-kapaċitajiet tal-kompjuter u tas-softwer bażiku, inklużi s-sistema operattiva u s-softwer tal-input/output;

(42c)

“sistema EFB” tfisser it-tagħmir tal-ħardwer (inklużi kwalunkwe batterija, dispożizzjonijiet ta' konnettività, komponenti ta' input/output) u softwer (inklużi bażijiet ta' data u s-sistema operattiva) meħtieġa biex tappoġġa l-applikazzjoni(jiet) EFB maħsuba;”;

(d)

jiddaħħal il-punt (44a) li ġej:

“(44 a)

“electronic flight bag (EFB)” tfisser sistema ta' informazzjoni elettronika, li tikkonsisti mit-tagħmir u l-applikazzjonijiet għall-ekwipaġġ tat-titjira, li tippermetti l-ħażna, l-aġġornament, il-wiri u l-ipproċessar tal-funzjonijiet tal-EFB b'appoġġ għall-operazzjonijiet jew id-dmirijiet tat-titjira;”;

(e)

jitħassar il-punt (57);

(f)

jiddaħħal il-punt (69a) li ġej:

“(69a)

“human–machine interface (HMI) (interfaċċa bniedem-magna)” tfisser komponent ta' ċertu tagħmir li huwa kapaċi jittratta l-interazzjonijiet bejn il-bniedem u l-magna. L-interfaċċa tikkonsisti f'ħardwer u softwer li jippermettu li l-inputs tal-utenti jiġu interpretati u pproċessati minn magni jew sistemi li, min-naħa tagħhom, jipprovdu r-riżultati meħtieġa lill-utent;”;

(g)

il-punt (78a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(78 a)

“kundizzjoni minuri ta' nuqqas ta' funzjoni” tfisser kundizzjoni ta' ħsara li ma tnaqqasx is-sikurezza tal-inġenji tal-ajru b'mod sinifikanti, u li tinvolvi azzjonijiet tal-ekwipaġġ tat-titjira li jkunu kapaċi jagħmlu b'mod tajjeb ħafna;”;

(h)

jiddaħħal il-punt (78b) li ġej:

“(78b)

“użu ħażin ta' sustanzi” tfisser l-użu ta' sustanza psikoattiva waħda jew aktar mill-ekwipaġġ tat-titjira, mill-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina u minn persunal ieħor sensittiv mil-lat tas-sikurezza b'mod li:

(a)

jikkostitwixxi periklu dirett għall-utent jew jipperikola l-ħajjiet, is-saħħa jew il-benesseri ta' oħrajn, u/jew

(b)

jikkawża jew jaggrava problema jew disturb okkupazzjonali, soċjali, mentali jew fiżiku;”;

(i)

jiddaħħlu l-punti (96a) u (96b) li ġejjin:

“(96 a)

“EFB portabbli” tfisser pjattaforma ospitanti portabbli tal-EFB, użata fil-kabina tal-bdot, li ma tkunx parti mill-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru ċċertifikat;

(96b)

“portable electronic device (PED) (tagħmir elettroniku portabbli)” tfisser kwalunkwe tip ta' apparat elettroniku, tipikament tal-konsumatur iżda mhux limitat għal dan, li jittella' abbord l-inġenju tal-ajru mill-membri tal-ekwipaġġ, mill-passiġġieri, jew bħala parti mill-merkanzija, li ma jkunx inkluż fil-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru ċċertifikat. Dan jinkludi t-tagħmir kollu li jista' jikkonsma l-enerġija elettrika. L-enerġija elettrika tista' tiġi pprovduta minn sorsi interni bħall-batteriji (li jistgħu jiġu ċċarġjati jew dawk li ma jistgħux jiġu ċċarġjati mill-ġdid) jew l-apparati jistgħu wkoll jiġu konnessi ma' sorsi speċifiċi tal-enerġija tal-inġenju tal-ajru;”;

(j)

jiddaħħlu l-punti (120a) u (120b) li ġejjin:

“(120 a)

“applikazzjoni tat-tip A EFB” tfisser applikazzjoni EFB li l-malfunzjoni jew l-użu ħażin tagħha ma għandu l-ebda effett fuq is-sikurezza;

(120b)

“applikazzjoni tat-tip B EFB” tfisser applikazzjoni EFB li:

(a)

il-malfunzjoni jew l-użu ħażin tiegħu huwa kklassifikat bħala kundizzjoni ta' ħsara minuri jew inqas; u

(b)

la jissostitwixxi u lanqas jidduplika kwalunkwe sistema jew funzjonalità meħtieġa mir-regolamenti dwar l-ajrunavigabbiltà, ir-rekwiżiti tal-ispazju tal-ajru, jew ir-regoli operazzjonali;”;

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt ARO.GEN.120, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

L-awtorità kompetenti għandha tevalwa l-mezzi alternattivi kollha ta' konformità proposti minn organizzazzjoni skont:

(1)

il-punt ORO.GEN.120(b) tal-Anness III (il-Parti-ORO) ta' dan ir-Regolament;

(2)

għall-blalen tal-arja bil-punt BOP.ADD.010 tal-Anness II (il-Parti-BOP) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 (*1); jew

(3)

għall-gliders bil-punt SAO.DEC.100(c) tal-Anness II (il-Parti-SAO) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 (*2);

billi tanalizza d-dokumentazzjoni pprovduta u, jekk jitqies meħtieġ, billi tagħmel spezzjoni tal-organizzazzjoni.

Meta l-awtorità kompetenti ssib li l-mezzi ta' konformità alternattivi huma skont ir-Regoli ta' Implimentazzjoni, din għandha mingħajr dewmien żejjed:

(1)

tinnotifika lill-applikant li l-mezzi alternattivi ta' konformità jistgħu jiġu implimentati u, jekk ikun applikabbli, temenda l-approvazzjoni, l-awtorizzazzjoni ta' operazzjoni speċjalizzata jew iċ-ċertifikat tal-applikant kif xieraq; u

(2)

tinnotifika lill-Aġenzija dwar il-kontenut tagħhom, inklużi kopji tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha;

(3)

tinforma lil Stati Membri oħra dwar mezzi alternattivi ta' konformità li ġew aċċettati.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 71, 14.3.2018, p. 10)."

(*2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 tal-14 ta' Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat ta' gliders skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 326, 20.12.2018, p. 64)”;"

(b)

Fil-punt ARO.GEN.345, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

Meta tirċievi dikjarazzjoni minn organizzazzjoni li twettaq jew li jkollha l-ħsieb li twettaq attivitajiet li għalihom hija meħtieġa dikjarazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li d-dikjarazzjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa:

(1)

skont il-punt ORO.DEC.100 tal-Anness III (il-Parti-ORO) ta' dan ir-Regolament;

(2)

għall-operaturi ta' blalen tal-arja skont BOP.ADD.100 tal-Anness II (il-Parti-BOP) tar-Regolament (UE) 2018/395; jew

(3)

għall-operaturi ta' gliders skont SAO.DEC.100 tal-Anness II (il-Parti-SAO) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1976.

Wara li tkun ivverifikat l-informazzjoni meħtieġa, l-awtorità kompetenti għandha tikkonferma lill-organizzazzjoni li rċeviet id-dikjarazzjoni.”;

(c)

fl-Appendiċi II, it-tabella (IL-FORMOLA 139 TAL-EASA) hija sostitwita b'dan li ġej:

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

(3)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt ORO.GEN.110, il-punt (k) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(k)

Minkejja l-punt (j), l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet kummerċjali b'xi wieħed mill-inġenji tal-ajru li ġejjin għandhom jiżguraw li l-ekwipaġġ tat-titjira jkun irċieva taħriġ jew struzzjonijiet xierqa dwar l-oġġetti perikolużi, biex ikunu jistgħu jagħrfu oġġetti perikolużi mhux iddikjarati li jkunu ddaħħlu abbord minn passiġġieri jew bħala merkanzija:

(1)

ajruplan b'magna waħda li jaħdem bl-iskrejjen b'MCTOM ta' 5 700 kg jew inqas u b'MOPSC ta' 5 jew inqas, li jitħaddem f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar;

(2)

ħelikopter ħlief ħelikopters kumplessi li jaħdmu bil-maġni, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5 jew inqas, operat f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar.”;

(b)

fil-punt ORO.MLR.101, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Ħlief għall-operazzjonijiet b'ajruplani b'magna waħda li jaħdmu bl-iskrejjen b'MOPSC ta' 5 jew inqas jew ħelikopters ħlief ħelikopters kumplessi li jaħdmu bil-maġni, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5 jew inqas, operat f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar, l-istruttura prinċipali tal-OM għandha tkun kif ġej:”;

(c)

fil-punt ORO.FC.005, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

It-TAQSIMA 2 li tispeċifika rekwiżiti addizzjonali applikabbli għal operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru, bl-eċċezzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru ta' passiġġieri li jsiru skont il-VFR binhar, li jibdew u jintemmu fl-istess ajrudrom jew sit tal-operat u f'żona lokali speċifikata mill-awtorità kompetenti, bi:

(1)

ajruplani b'magna waħda li jaħdmu bl-iskrejjen b'MCTOM ta' 5 700 kg jew inqas u b'MOPSC ta' 5 jew inqas; jew

(2)

ħelikopters ħlief ħelikopters kumplessi li jaħdmu bil-maġni, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5 jew inqas.”;

(d)

fil-punt ORO.FTL.105, il-punt (13) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(13)

“ħin tat-titjira” tfisser, għall-ajruplani, il-ħin bejn meta l-inġenju tal-ajru jiċċaqlaq għall-ewwel darba mill-post fejn ikun ipparkjat għall-iskop li jitlaq, sa meta jieqaf fil-post ippjanat għall-ipparkjar u l-magni u l-iskrejjen kollha jkunu ntfew.”;

(4)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-punt CAT.GEN.105;

(b)

jiddaħħal il-punt CAT.GEN.MPA.141 li ġej:

CAT.GEN.MPA.141 Użu tal-electronic flight bags (EFBs)

(a)

Meta jintuża EFB abbord inġenju tal-ajru, l-operatur għandu jiżgura li dan ma jaffettwax b'mod negattiv il-prestazzjoni tas-sistemi jew it-tagħmir tal-inġenju tal-ajru, jew il-kapaċità tal-membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li jopera l-inġenju tal-ajru.

(b)

L-operatur ma għandux juża applikazzjoni tat-tip B EFB sakemm ma jkunx approvat skont is-Subparti M tal-Anness V (il-Parti SPA).”;

(c)

fis-Subparti A, titħassar it-Taqsima 2;

(d)

fis-Subparti B, titħassar it-Taqsima 2;

(e)

fil-punt CAT.POL.MAB.105, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

F'każijiet fejn id-data u d-dokumentazzjoni dwar il-bilanċ u l-massa jiġu ġġenerati minn sistema kompjuterizzata għall-bilanċ u l-massa, l-operatur għandu:

(1)

jivverifika l-integrità tad-data tal-output biex jiżgura li d-data tkun fi ħdan il-limitazzjonijiet AFM; u

(2)

jispeċifika l-istruzzjonijiet u l-proċeduri għall-użu tagħha fil-manwal tal-operat tagħha.”;

(f)

fil-punt CAT.POL.MAB.105, jitħassar il-punt (e);

(g)

fis-Subparti C, titħassar it-Taqsima 4;

(h)

fis-Subparti D, titħassar it-Taqsima 3;

(5)

Fl-Anness V, tiddaħħal is-Subparti M li ġejja:

“SUBPARTI M

ELECTRONIC FLIGHT BAGS (EFBs)

SPA.FB.100 Użu tal-electronic flight bags (EFBs) — approvazzjoni operattiva

(a)

Operatur tat-trasport kummerċjali bl-ajru għandu juża applikazzjoni tat-tip B EFB biss jekk l-operatur ikun ingħata approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għal dan l-użu.

(b)

Sabiex tinkiseb approvazzjoni operattiva mill-awtorità kompetenti għall-użu ta' applikazzjoni tat-tip B EFB, l-operatur għandu jipprovdi evidenza li:

(1)

twettqet valutazzjoni tar-riskju relatata mal-użu tat-tagħmir EFB li jospita l-applikazzjoni u mal-applikazzjoni EFB u l-funzjoni(jiet) assoċjata(i) tiegħu, li tidentifika r-riskji assoċjati u li jiġi żgurat li dawn qed jiġu ġestiti u mmitigati kif xieraq;

(2)

l-interfaċċi bniedem-magna tat-tagħmir EFB u tal-applikazzjoni EFB ġew ivvalutati skont il-prinċipji tal-fatturi umani;

(3)

stabbilixxa sistema ta' amministrazzjoni tal-EFB u li l-proċeduri u r-rekwiżiti ta' taħriġ għall-amministrazzjoni u l-użu tat-tagħmir EFB u tal-applikazzjoni EFB ġew stabbiliti u implimentati; dawn għandhom jinkludu proċeduri għal:

(i)

l-operat tal-EFB;

(ii)

il-ġestjoni ta' bidliet lill-EFB;

(iii)

il-ġestjoni tad-data tal-EFB;

(iv)

il-manutenzjoni tal-EFB; u

(v)

is-sigurtà tal-EFB;

(4)

il-pjattaforma ospitanti EFB hija adattata għall-użu maħsub tal-applikazzjoni EFB.

Din iprova għandha tkun speċifika għall-applikazzjoni EFB u għall-pjattaforma ospitanti EFB li fuqha hija installata l-applikazzjoni.”;

(6)

L-Anness VI huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt NCC.GEN.131 li ġej:

NCC.GEN.131 Użu tal-electronic flight bags (EFBs)

(a)

Meta jintuża EFB abbord inġenju tal-ajru, l-operatur għandu jiżgura li dan ma jaffettwax b'mod negattiv il-prestazzjoni tas-sistemi jew it-tagħmir tal-inġenju tal-ajru, jew il-kapaċità tal-membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li jopera l-inġenju tal-ajru.

(b)

Qabel ma juża applikazzjoni tat-tip B EFB, l-operatur għandu:

(1)

iwettaq valutazzjoni tar-riskju relatata mal-użu tal-apparat EFB li jospita l-applikazzjoni u mal-applikazzjoni EFB konċernati u l-funzjoni(jiet) assoċjata(i) tiegħu, li tidentifika r-riskji assoċjati u li jiġi żgurat li dawn qed jiġu ġestiti u mmitigati kif xieraq; il-valutazzjoni tar-riskju għandha tindirizza r-riskji assoċjati mal-interfaċċa bniedem-magna tat-tagħmir EFB u tal-applikazzjoni EFB ikkonċernati; u

(2)

jistabbilixxi sistema ta' amministrazzjoni tal-EFB, li tinkludi proċeduri u rekwiżiti ta' taħriġ għall-amministrazzjoni u l-użu tat-tagħmir u l-applikazzjoni EFB.”;

(b)

fil-punt NCC.OP.200, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

Minkejja l-punt (a), meta titjiriet ta' taħriġ jitwettqu minn organizzazzjoni ta' taħriġ imsemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, tali sitwazzjonijiet jistgħu jiġu simulati flimkien ma' studenti bdoti abbord.”;

(7)

L-Anness VII huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-punt NCO.GEN.102;

(b)

fil-punt NCO.GEN.103, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-bidu u t-tmiem fl-istess ajrudrom jew sit tal-operat;”;

(c)

Fil-punt NCO.GEN.105, il-punt (a)(4)(iii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(iii)

l-istrumenti u t-tagħmir meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dik it-titjira huma installati fuq l-inġenju tal-ajru u huma operattivi, sakemm ma tkunx permessa l-operazzjoni b'tagħmir mhux operattiv bil-lista ta' tagħmir minimu (MEL) jew b'dokument ekwivalenti, jekk ikun applikabbli, kif previst fil-punti NCO.IDE.A.105 jew NCO.IDE.H.105;”;

(d)

il-punt NCO.GEN.125 huwa sostitwit b'dan li ġej:

NCO.GEN.125 Tagħmir elettroniku portabbli

Il-bdot fil-kmand ma għandu jippermetti l-ebda persuna milli tuża tagħmir elettroniku portabbli (portable electronic device/PED) abbord inġenju tal-ajru, inkluża electronic flight bag (EFB), li jaffettwa b'mod negattiv il-prestazzjoni tas-sistemi u t-tagħmir tal-inġenju tal-ajru jew il-kapaċità tal-membru tal-ekwipaġġ tat-titjira biex iħaddem l-inġenju tal-ajru.”;

(e)

fil-punt NCO.GEN.135, jitħassar il-punt (c);

(f)

fil-punt NCO.OP.120, it-titlu huwa sostitwit b'dan li ġej:

NCO.OP.120 Proċeduri tat-tnaqqis tal-istorbju — l-ajruplani u l-ħelikopters”;

(g)

jitħassar il-punt NCO.OP.156;

(h)

fil-punt NCO.OP.180, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

Minkejja (a), meta titjiriet ta' taħriġ jitwettqu minn organizzazzjoni ta' taħriġ imsemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, tali sitwazzjonijiet jistgħu jiġu simulati flimkien ma' studenti bdoti abbord.”;

(i)

fil-punt NCO.POL.105, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

L-użin għandu jsir mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata.”;

(j)

fil-punt NCO.IDE.A.160, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

L-ajruplani, għajr l-ajruplani ELA1, għandhom ikunu mgħammra mill-inqas b'estintur tan-nar wieħed manwali:

(1)

fil-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira; u

(2)

f'kull kompartiment tal-passiġġieri li jkun separat mill-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira, ħlief jekk il-kompartiment ikun faċilment aċċessibbli għall-ekwipaġġ tat-titjira.”;

(k)

fis-Subparti D, titħassar it-Taqsima 3;

(8)

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt SPO.GEN.005, il-punt (c)(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)

titjiriet introduttorji, qbiż bil-paraxut, irmunkar ta' gliders jew titjiriet ajrubatiċi mwettqa minn organizzazzjoni ta' taħriġ bil-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat Membru u msemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jew minn organizzazzjoni maħluqa bil-għan li tippromwovi l-sport tal-ajru jew l-avjazzjoni ta' divertiment, bil-kundizzjoni li l-inġenju tal-ajru jkun operat mill-organizzazzjoni fuq il-bażi ta' sjieda jew kiri mingħajr ekwipaġġ, li t-titjira ma tiġġenerax profitti mqassmin barra l-organizzazzjoni, u li kull meta jkunu involuti persuni li mhumiex membri tal-organizzazzjoni, it-tali titjiriet jirrappreżentaw biss attività marġinali tal-organizzazzjoni,”;

(b)

jitħassar il-punt SPO.GEN.102;

(c)

Fil-punt SPO.GEN.107, il-punt (a)(4)(iii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(iii)

l-istrumenti u t-tagħmir meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dik it-titjira huma installati fuq l-inġenju tal-ajru u huma operattivi, sakemm ma tkunx permessa l-operazzjoni b'tagħmir mhux operattiv bil-lista ta' tagħmir minimu (MEL) jew b'dokument ekwivalenti, jekk applikabbli, kif mitlub fil-punti SPO.IDE.A.105 jew SPO.IDE.H.105;”;

(d)

jiddaħħal il-punt SPO.GEN.131 li ġej:

SPO.GEN.131 Użu tal-electronic flight bags (EFBs)

(a)

Meta jintuża EFB abbord inġenju tal-ajru, l-operatur għandu jiżgura li dan ma jaffettwax b'mod negattiv il-prestazzjoni tas-sistemi jew it-tagħmir tal-inġenju tal-ajru, jew il-kapaċità tal-membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li jopera l-inġenju tal-ajru.

(b)

Qabel ma juża applikazzjoni tat-tip B EFB, l-operatur għandu:

(1)

jwettaq valutazzjoni tar-riskju relatata mal-użu tat-tagħmir EFB li jospita l-applikazzjoni, għall-applikazzjoni EFB ikkonċernata u l-funzjoni(jiet) assoċjata tiegħu, filwaqt li jidentifika r-riskji assoċjati u jiżgura li dawn jiġu mitigati adegwatament; il-valutazzjoni tar-riskju għandha tindirizza r-riskji assoċjati mal-interfaċċa bniedem-magna tat-tagħmir EFB u tal-applikazzjoni EFB ikkonċernati; u

(2)

jistabbilixxi sistema ta' amministrazzjoni tal-EFB, li tinkludi proċeduri u rekwiżiti ta' taħriġ għall-amministrazzjoni u l-użu tat-tagħmir EFB u tal-applikazzjoni EFB.”;

(e)

fil-punt SPO.GEN.140, jitħassar il-punt (c);

(f)

fil-punt SPO.POL.105, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

L-użin għandu jsir mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata.”;

(g)

Fil-punt SPO.IDE.A.180 il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

L-ajruplani, għajr l-ajruplani ELA1, għandhom ikunu mgħammra mill-inqas b'estintur tan-nar wieħed manwali:

(1)

fil-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira; u

(2)

f'kull kompartiment tal-kabina li jkun separat mill-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira, ħlief jekk il-kompartiment ikun faċilment aċċessibbli għall-ekwipaġġ tat-titjira.”;

(h)

fis-Subparti D, titħassar it-Taqsima 3.


(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/395 tat-13 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat tal-blalen tal-arja skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 71, 14.3.2018, p. 10).

(*2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1976 tal-14 ta' Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operat ta' gliders skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 326, 20.12.2018, p. 64)”;”