7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1911

tas-26 ta' Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1588 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara permezz ta' regolamenti li ċerti kategoriji speċifikati ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern u huma eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(2)

Il-fondi tal-UE li huma ġestiti ċentralment, li jfisser il-fondi taħt ġestjoni diretta jew indiretta tal-Unjoni (bl-esklużjoni ta' fondi taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri), qegħdin dejjem aktar jappoġġaw attivitajiet fl-interess komuni tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji jew ta' garanziji baġitarji, u b'hekk jipprovdu kontribut partikolarment utli għat-tkabbir u l-koeżjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tiddikjara li, f'ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, fejn tali għajnuna tgħaddi minn jew tkun appoġġata minn tali strumenti finanzjarji jew garanziji baġitarji ġestiti ċentralment, hija kompatibbli mas-suq intern u mhix soġġetta għar-rekwiżit ta' notifika. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma tikkawżax distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni, billi hija allinjata mal-kondizzjonijiet applikabbli għall-istrumenti finanzjarji jew il-garanziji baġitarji rilevanti, kif implimentati mill-korpi tal-Unjoni, u jistgħu jiġu definiti kondizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà.

(3)

Il-promozzjoni tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija prijorità importanti tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tiddikjara li, f'ċerti kondizzjonijiet, l-għajnuna għal proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija kompatibbli mas-suq intern u mhix soġġetta għar-rekwiżit ta' notifika. Fl-esperjenza tal-Kummissjoni, din l-għajnuna għandha biss effetti limitati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jistgħu jiġu definiti kondizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2015/1588 jiġi estiż biex jinkludi tali kategoriji ta' għajnuna.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/1588 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt (a) tal-Artikolu l(1) tar-Regolament (UE) 2015/1588, jiżdiedu s-sottopunti li ġejjin:

“(xv)

finanzjament li jgħaddi minn strumenti finanzjarji jew garanziji baġitarji tal-UE ġestiti ċentralment jew appoġġat minnhom, fejn l-għajnuna tkun tikkonsisti f'forma ta' finanzjament addizzjonali pprovdut mir-riżorsi tal-Istat;

(xvi)

proġetti appoġġati minn programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-UE”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  L-Opinjoni tal-14 ta' Novembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).