28.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/39


REGOLAMENT (UE) 2018/1806 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Novembru 2018

li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament jenħtieġ li jiġi kkodifikat.

(2)

Dan ir-Regolament jipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa rigward il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri (imsemmija wkoll hawnhekk bħala l-“ħtieġa ta' viża”) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa.

(3)

Id-deċiżjoni dwar il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżenti minn, il-ħtieġa ta' viża, jenħtieġ li tkun imsejsa fuq valutazzjoni meqjusa skont il-każ ta' diversi kriterji. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li ssir perjodikament u tista' twassal għal proposti leġislattivi għall-emendament tal-Anness I għal dan-ir-Regolament, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, u l-Anness II għal dan-ir-Regolament, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum, minkejja l-possibilità li jsiru emendi għal pajjiżi speċifiċi lil dawk l-Annessi f'ċirkostanzi partikolari, pereżempju bħala riżultat ta' proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża jew bħala konsegwenza aħħarija tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża (imsemmija wkoll hawnhekk bħala l-“eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża”).

(4)

Il-kompożizzjoni tal-listi ta' pajjiżi terzi fl-Annessi I u II jenħtieġ li jkun, u jenħtieġ li jibqa', konsistenti mal-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawk il-kriterji, jenħtieġ li jkunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(5)

Żviluppi fid-dritt internazzjonali li jġibu magħhom bidliet fl-istatus jew deskrizzjoni ta' ċerti Stati jew entitajiet jenħtieġ li jkunu riflessi fl-Annessi I u II.

(6)

Minħabba li l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (4) jeżenta ċ-ċittadini ta' l-Islanda, Liechtenstein u tan-Norveġja mill-ħtieġa tal-viża, dawk il-pajjiżi jenħtieġ li ma jkunux inklużi fil-lista fl-Anness II.

(7)

Minħabba li l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu ta' persuni (5), jippermetti moviment liberu mingħajr viżi għal ċittadini tal-Isvizzera u ta' l-Istati Membri, l-Isvizzera jenħtieġ li ma tkunx inkluża fil-lista fl-Anness II.

(8)

F'dak li jirrigwardja refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi), mingħajr preġudizzju għall-obbligi skond ftehim internazzjonali iffirmati mill-Istati Membri u partikolarment il-Ftehim Ewropew dwar l-Abolizzjoni tal-Viżi għar-Refuġjati tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmat fi Strasburgu fl-20 ta' April 1959, id-deċiżjoni rigward il-ħtieġa jew l-eżenzjoni tal-viża jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-pajjiż terz li fih dawk il-persuni jirrisjedu u li jkun ħareġ id-dokumenti tal-ivjaġġar. B'dana kollu, meqjusa d-differenzi fil-liġi nazzjonali applikabbli għal refuġjati rikonoxxuti u għall-persuni mingħajr stat (apolidi), l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk dawk il-kategoriji ta' persuni għandhomx ikunu eżenti, meta l-pajjiż terz li fih dawk il-persuni jkunu jirrisjedu u li joħroġ id-dokumenti għall-ivvjaġġar tagħhom ikun pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża.

(9)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li tkun stabbilita eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal detenturi ta' permess tat-traffiku tal-fruntiera lokali.

(10)

Jenħtieġ li jkun possibbli għal Stati Membri biex jipprovdu għal eżenzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża għal detenturi ta' ċerti passaporti minbarra passaporti ordinarji.

(11)

F'każi speċifiċi meta regoli speċjali tal-viża huma ġġustifikati, jenħtieġ li jkun possibbli għal Stati Membri biex jeżentaw ċerti kategoriji ta' persuni mill-ħtieġa tal-viża jew li jimponuha fuqhom skont id-dritt internazzjonali pubbliku jew il-konswetudini.

(12)

Jenħtieġ li jkun possibbli għal Stati Membri li jeżentaw mill-ħtieġa tal-viża refuġjati rikonoxxuti, il-persuni kollha mingħajr stat (apolidi), kemm dawk koperti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus ta' Persuni Mingħajr Stat tat-28 ta' Settembru 1954 kif ukoll dawk barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni, u studenti tal-iskola li jivjaġġaw f'ħarġiet tal-iskola, fejn il-persuni ta' dawn il-kategoriji jkunu jirrisjedu f'pajjiż terz li hu elenkat fil-lista fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

(13)

L-arranġamenti li jirregolaw l-eżenzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża jenħtieġ li jirriflettu bis-sħiħ il-prattiki attwali. Ċerti Stati Membri jagħtu eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża lil ċittadini ta' pajjiżi terzi inklużi fil-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li huma membri tal-forzi armati li jkunu qed jivjaġġaw fuq xogħol tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO) jew tas-Sħubija għall-Paċi. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dawk l-eżenzjonijiet, li huma bbażati fuq obbligi internazzjonali esterni għad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li madankollu jissemmew f'dan ir-Regolament.

(14)

Ir-reċiproċità sħiħa fir-rigward tal-viżi hi objettiv li l-Unjoni jenħtieġ li ssegwi b'mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u b'hekk tikkontribwixxi biex tittejjeb il-kredibbiltà u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni.

(15)

Jenħtieġ li ssir disposizzjoni għal mekkaniżmu tal-Unjoni li jippermetti il-prinċipju ta' reċiproċità biex ikun implementat jekk wieħed mill-pajjiżi terzi inklużi fil-lista fl-Anness II jiddieċedi li jagħmel liċ-ċittadini ta' wieħed jew aktar Stati Membri suġġetti għall-ħtieġa tal-viża. Dak il-mekkaniżmu jeħtieġ li jipprovdi rispons mill-Unjoni bħala att ta' solidarjetà, jekk tali pajjiżi terz jimponi ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' għall-anqas Stat Membru wieħed.

(16)

Wara li jkunu rċevew notifika minn Stat Membru li pajjiż terz inkluż fil-lista fl-Anness II japplika l-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru, l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jirreaġixxu b'mod kollettiv, u b'hekk jipprovdu rispons mill-Unjoni għal sitwazzjoni li taffettwa lill-Unjoni fl-intier tagħha u li tagħmel iċ-ċittadini tagħha soġġetti għal trattamenti differenti.

(17)

Sabiex jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni fażi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, minħabba n-natura politika partikolarment sensittiva tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz inklużi fil-lista fl-Anness II u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ta' Schengen u l-Unjoni nnifisha, b'mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta' ċerti elementi tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità. L-għoti ta' tali setgħa lill-Kummissjoni jieħu kont tal-ħtieġa għal diskussjoni politika dwar il-politika tal-Unjoni rigward il-viżi fiż-żona Schengen. Dan jirrifletti wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti u ċertezza legali fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat, b'mod partikolari permezz tal-emenda temporanja korrispondenti tal-Anness II għal dan ir-Regolament. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xoghol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(18)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovvdi mekkaniżmu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal pajjiż terz inkluż fil-lista fl-Anness II (“il-mekkaniżmu ta' sospensjoni”) f'sitwazzjoni ta' emerġenza, fejn risposta urġenti hija meħtieġa biex issolvi d-diffikultajiet li jkun qed jiffaċċja għall-anqas Stat Membru wieħed, u li jieħu l-impatt ġenerali tas-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-Unjoni fl-intier tagħha inkunsiderazzjoni.

(19)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni u ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, u b'mod partikolari sabiex ikun jista' jittieħed kont adegwat tal-fatturi rilevanti kollha u l-implikazzjonijiet possibbli tal-applikazzjoni ta' dawk. il-mekkaniżmi, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li ikunu mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li jenħtieġ li ikunu soġġetti għal sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fil-qafas tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, u tad-durata korrispondenti ta' dik is-sospensjoni, kif ukoll fir-rigward tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Il-proċedura ta' eżami jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta' tali atti ta' implimentazzjoni.

(20)

Hu meħtieġ li jiġi evitat u miġġieled kwalunke abbuż li jirriżulta minn eżenżjoni mill-ħtieġa tal-viża għall-żjarat ta' soġġorn qasir għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz fejn dawn joħolqu theddida għall-ordni pubbliku (ordre public) u s-sigurtà interna tal-Istat Membru konċernat.

(21)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta' sospensjoni jippermetti lill-Istati Membri li jinnotifikaw ċirkostanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli u li l-Kummissjoni tkun tista' tattiva l-mekkaniżmu ta' sospensjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess.

(22)

B'mod partikolari, jenħtieġ li l-użu tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni jkun iffaċilitat permezz ta' perijodi ta' referenza u dati ta' skadenza qosra, billi tkun permessa proċedura rapida u r-raġunijiet ta' sospensjoni possibli jkunu jinkludu tnaqqis fil-kooperazzjoni fir-riammissjoni kif ukoll żieda sostanzjali fir-riskji għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dak it-tnaqqis fil-kooperazzjoni jkopri żieda sostanzjali fir-rata ta' rifjut ta' applikazzjonijiet għar-riammissjoni, inkluż għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għaddew fi transitu mill-pajjiż terz ikkonċernat, fejn ftehim ta' riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew Stat Membru u dak il-pajjiż terz jipprovdi għal tali obbligu ta' riammissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha wkoll il-possibbiltà li tattiva l-mekkaniżmu ta' sospensjoni f'każ li l-pajjiż terz jonqos milli jikkoopera fir-riammissjoni, b'mod partikolari fejn ftehim ta' riammissjoni jkun ġie konkluż bejn il-pajjiż terz ikkonċernat u l-Unjoni.

(23)

Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni, żieda sostanzjali tindika żieda li taqbeż il-limitu ta' 50 %. Tista' tindika wkoll żieda iktar baxxa jekk il-Kummissjoni kienet qieset dan applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru kkonċernat.

(24)

Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni, rata baxxa ta' rikonoxximent tindika rata ta' rikonoxximent ta' applikazzjonijiet għal asil ta' madwar 3 jew 4 %. Tista' tindika wkoll rata ogħla ta' rikonoxximent jekk il-Kummissjoni kien dehrilha li dan huwa applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru kkonċernat.

(25)

Jenħtieġ li jiġi evitat u miġġieled kwalunkwe abbuż tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fejn dan iwassal għal żieda fil-pressjoni migratorja, li tirriżulta minn, pereżempju, żieda f'applikazzjonijiet għal asil mingħajr bażi, u kif ukoll meta dan iwassal għal applikazzjonijiet mingħajr bażi għal permessi ta' residenza.

(26)

Bl-għan li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi li ntużaw biex tiġi vvalutata kemm hi adatta l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, mogħtija b'riżultat tal-konklużjoni b'suċċess ta' djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, jibqgħu jkunu sodisfatti matul iż-żmien, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi kkonċernati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddedika attenzjoni partikolari lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil- pajjiżi terzi kkonċernati.

(27)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-inqas darba fis-sena, għal perijodu ta' seba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal pajjiż terz partikolari, kif ukoll wara dan il-perijodu kull meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

(28)

Qabel ma tieħu xi deċiżjoni biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' pajjiż terz, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu in konsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż terz u l-konsegwenzi possibbli ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal dik is-sitwazzjoni.

(29)

Jenħtieġ li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża permezz ta' att ta' implimentazzjoni tkopri ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, b'referenza għat-tipi rilevanti ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun adatt, skont kriterji addizzjonali, bħalma huma persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għall-ewwel darba lejn it-territorju tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l–att ta' implimentazzjoni jistabbilixxi l-kategoriji ta' ċittadini li għalihom jenħtieġ li tapplika s- sospensjoni, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi nnotifikati minn Stat Membru wieħed jew minn diversi Stati Membri jew irrappurtati mill-Kummissjoni, u tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(30)

Sabiex jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni, minħabba n-natura politikament sensittiva ta' sospensjoni ta' eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz inkluż fil-lista fl-Anness II għal dan ir-Regolament u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri u l-Unjoni nnifisha, b'mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tas-sospensjoni temporanja tal--eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti,u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(31)

Bil-għan li jkun assigurat li s-sistema tal-viża tkun amministrata apertament u li l-persuni ikkonċernati jkunu nfurmati, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra il-miżuri li jiieħdu bis-saħħa ta' dan ir-Regolament. Għall-istess raġunijiet, dik l-informazzjoni jenħtieġ li wkoll tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal- Unjoni Ewopeja.

(32)

Il-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew il-ħruġ tal-viżi ma għandhomx jaffettwaw ir-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent tal-validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

(33)

B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropeja, ir-rikors għal Regolament li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jenħtieġ li jkollhom pussess ta' viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni, u dawk li ċ-ċittadini tagħhom li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, huwa mezz meħtieġ u xieraq li jassigura li l-politika komuni tal-viża titħaddem b'effiċċjenza.

(34)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ 'tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li joħolqu l-ħtieġa ta' deroga mill-politika komuni tal-viżi, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(35)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fl-ambitu msemmi punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

(36)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (11), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti B u C tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (12).

(37)

Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Kommunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (13), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti B u C tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (14).

(38)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (15); għalhekk, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(39)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (16); għalhekk, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżenti, mill-ħtieġa tal-viża, abbażi ta' valutazzjoni skont il-każ ta' diversi kriterji relatati, inter alia, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f'termini ta' turiżmu u ta' kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta' koerenza reġjonali u reċiproċità.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “viża” tfisser viża kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

Artikolu 3

1.   Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet li joħorġu mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati tal-Kunsill tal-Ewropa ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta'April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi) għandhom ikun meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri jekk il-pajjiż terz fejn huma residenti u li ħarġilhom id-dokument ta' l-ivvjaġġar tagħhom huwa pajjiż terz elenkat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Ċittadini ta' pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa stabbilita fl-Artikolu 3(1) għal soġġorni ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

2.   Il-persuni li ġejjin għandhom ukoll jiġu eżenti mill-ħtieġa tal-viża:

(a)

iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament li huma detenturi ta' permess tat-traffiku tal-fruntieri lokali maħruġa mill-Istati Membri skond ir-Regolament (KE) Nru 1936/2006 meta dawk id-detenturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom fil-kuntest tar-reġim tat-traffiku tal-fruntieri lokali;

(b)

studenti tal-iskola li huma ċittadini ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness I għal dan ir-Regolament, li joqogħdu fi Stat Membru li japplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/795/ĠAI (18) u li jkunu qed jivvjaġġaw fil-kuntest ta' ħarġa skolastika bħala membri ta' grupp ta' studenti tal-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola konċernata;

(c)

refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi) u persuni oħra li m'għandhomx iċ-ċittadinanza ta' kwalunkwe pajjiż, li joqogħdu fi Stat Membru u huma detenturi ta' dokument ta' l-ivvjaġġar maħruġ minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 5

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ġodda li preċedentament kienu parti mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Annessi I u II għandhom ikunu suġġetti rispettivament għall-Artikoli 3 u 4 sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor permezz tal-proċedura stabbilita fid-dispożizzjoni relevanti tat-TFUE.

Artikolu 6

1.   Stat Membru jista' jipprovdi eċċezzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża previst fl-Artikolu 3 jew mill-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża kif previst fl-Artikolu 4, f'dak li jirrigwarda:

(a)

id-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' passaporti ta' servizz/passaporti uffiċjali jew ta' passaporti speċjali;

(b)

il-membri tal-ekwipaġġ ċivili ta' titjiriet bl-ajru u tat-tbaħħir fit-twettiq ta' dmirijiethom;

(c)

il-membri tal-ekwipaġġ ċivili tat-tbaħħir, meta jmorru fuq l-art, li jkollhom dokument ta' identità ta' baħħara maħruġ skont il-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 108 tat-13 ta' Mejju 1958 jew Nru 185 tas-19 ta' Ġunju 2003 jew il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali tad-9 ta' April 1965;

(d)

l-ekwipaġġ u l-membri tal-missjonijiet ta' emerġenza jew ta' salvataġġ fil-każ ta' diżastru jew inċident;

(e)

l-ekwipaġġ ċivili ta' vapuri li jbaħħru f'ibħra interni internazzjonali;

(f)

id-detenturi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali li tagħhom huwa membru għall-anqas Stat Membru wieħed jew minn entitajiet oħra rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala suġġetti tad-dritt internazzjonali, għall-uffiċjali ta' dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet.

2.   Stat Membru jista' jeżenta mill-ħtieġa tal-viża kif previst fl-Artikolu 3:

(a)

student tal-iskola li jkollu ċ-ċittadinanza ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness I, li hu residenti f'pajjiż terz elenkat fl-Anness II jew fl-Iżvizzera u Liechtenstein u li jkun qed jivvjaġġa fil-kuntest ta' ħarġa skolastika bħala membru ta' grupp ta' studenti tal-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola konċernata;

(b)

refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi) jekk il-pajjiż terz fejn joqogħdu u li jkun ħareġ id-dokument ta' l-ivvjaġġar tagħhom ikun wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anneess II;

(c)

membri tal-forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-NATO jew tas-Sħubija għall-Paċi u detenturi ta' ordnijiet ta' identifikazzjoni u moviment previsti fil-Ftehim bejn il-Partijiet tat-Trattat tat-Tramuntana ta' l-Atlantiku dwar l-Istatus tal-forzi tagħhom tad-19 ta' Ġunju 1951;

(d)

mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati tal-Kunsill tal-Ewropa ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta'April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi) u persuni oħra li m'għandhom ċittadinanza tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mir-Renju Unit jew l-Irlanda, li huwa rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

3.   Stat Membru jista jipprovdi għal eċċezzjonijiet mill-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża kif previst fl-Artikolu 4 f'dak li jirrigwardja l-persuni li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn tagħhom.

Artikolu 7

Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II jimponi ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni mill-pajjiż terz tal-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika b'dan lill-Parlamet Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-miktub.

Dik in-notifika għandha:

(i)

tispeċifika d-data ta' implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati;

(ii)

tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li l-Istat Membru kkonċernat ħa bil-ħsieb li jiżgura l-ivvjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha.

L-informazzjoni dwar dik in-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-informazzjoni dwar id-data tal-implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati.

Jekk il-pajjiż terz jiddeċiedi li jneħħi l-ħtieġa tal-viża qabel it-tmiem tal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, in-notifika m'għandhiex issir jew inkella għandha tkun rtirata u l-informazzjoni m'għandhiex tiġi ppubblikata;

(b)

il-Kummissjoni għandha, immedjatament wara d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u f'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz kkonċernat, b'mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid jew introdott l-ivvjaġġar mingħajr viża u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien b'dawk il-passi;

(c)

jekk fi żmien 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u minkejja l-passi kollha meħudin skont il-punt (b), il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat jista' jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mil-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' dak il-pajjiż terz. Meta Stat Membru jagħmel tali talba, għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha;

(d)

il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

(e)

jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u sussegwentement f'intervalli li ma jaqbżux sitt xhur f'perijodu totali li ma jistax jestendi lil hinn mid-data li fiha l-att delegat imsemmi fil-punt (f) jidħol fis-seħħ jew jiġi oġġezzjonat:

(i)

tadotta, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew fuq inizjattiva tagħha stess, att ta' implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jistabilixxi data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tieħu effett b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri. Meta tadotta atti ta' implimentazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni tista' testendi l-perijodu ta' dik is-sospensjoni b'aktar perijodi ta' mhux aktar minn sitt xhur u tista' timmodifika l-kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għalihom l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perijodi ta' sospensjoni l-kategoriji kollha ta' ċittadini tal-pajjiż terz imsemmi fl–att ta' implimentazzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri; jew

(ii)

tippreżenta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 11(1) rapport li jevalwa s-sitwazzjoni u li jsemmi r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

F'dak ir-rapport għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħal dawk imsemmijin fil-punt (d). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jista' jkollhom diskussjoni politika abbażi ta' dak ir-rapport;

(f)

jekk fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt(a), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 10 li jissospendi b'mod temporanju l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal perijodu ta' 12-il xahar għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz. L-att delegat għandu jistabilixxi data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tieħu effett, b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f'qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta' dik is-sospensjoni.

Mid-data meta s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat ikollha effett jew meta oġġezzjoni għall-att delegat tiġi espressa skont l-Artikolu 10(7), kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-punt (e) ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandu jiskadi. Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġislattiva kif imsemmi fil-punt (h), il-perijodu ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt għandu jiġi estiż b'sitt xhur. In-nota ta' qiegħ il-paġna li hemm referenza għaliha f'dak is-subparagrafu għandha tiġi emendata kif xieraq.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perijodi ta' dik is-sospensjoni ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-att delegat għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

(g)

kwalunkwe notifika sussegwenti magħmula minn Stat Membru ieħor skont il-punt (a) dwar l-istess pajjiż terz matul il-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri adottati skont il-punt (e) jew (f) fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandha tiġi amalgamata fil-proċeduri li għaddejjin mingħajr ma jkunu estiżi l-iskadenzi jew il-perijodi stipulati f'dawk il-punti;

(h)

jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-punt (f), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I;

(i)

il-proċeduri msemmijin fil-punti(e), (f) u (h) m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-Kummissjoni li tippreżenta fi kwalunkwe ħin proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex tiġi trasferita r-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat mill-Anness II għall-Anness I;

(j)

fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ineħħi l-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat għandu minnufih jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'dan. In-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kwalunkwe att ta' implimentazzjoni jew delegat adottat skont il-punt (e) jew (f) dwar il-pajjiż terz ikkonċernat għandu jiskadi sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt. Fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ikun introduċa ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' żewġ Stati Membri jew aktar, l-att ta' implimentazzjoni jew delegat li jikkonċerna lil dak il-pajjiż terz għandu jiskadi sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tan-notifika dwar l-aħħar Stat Membru kkonċernat li ċ-ċittadini tiegħu kienu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża minn dak il-pajjiż terz. In-nota ta' qiegħ il-paġna msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt (f) għandha titħassar meta jiskadi l-att delegat ikkonċernat. L-informazzjoni dwar dik l-iskadenza għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ineħħi l-ħtieġa tal-viża mingħajr ma l-Istat Membru kkonċernat jinnotifikah skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, il-Kummissjoni għandha fuq inizjattiva tagħha stess tipproċedi mingħajr dewmien bil-pubblikazzjoni msemmija f'dak is-subparagrafu u t-tieni subparagrafu ta' dan il-punt għandu japplika.

Artikolu 8

1.   B'deroga mill-Artikolu 4, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II għandha tiġi sospiża temporanjament, abbażi ta' data rilevanti u oġġettiva, f'konformità ma' dan l-Artikolu.

2.   Stat Membru jista' jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi kkonfrontat, fuq perijodu ta' xahrejn, meta mqabbel mal- istess perijodu fis-sena preċedenti jew mal-aħħar xahrejn qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II, b'waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

żieda sostanzjali fl-għadd ta' ċittadini ta' dak il-pajjiż terz li jiġu rrifjutati milli jidħlu jew li jiġu skoperti li jkunu qed joqogħdu fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt għal dan;

(b)

żieda sostanzjali fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal asil miċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz li għalih ir-rata ta' rikonoxximent hija baxxa;

(c)

tnaqqis fil-kooperazzjoni fir-riammissjoni ma' dak il-pajjiż terz, issostanzjat minn data adegwata, b'mod partikolari żieda sostanzjali fir-rata ta' rifjut ta' applikazzjonijiet għar-riammissjoni ppreżentati mill-Istat Membru lil dak il- pajjiż terz għaċ-ċittadini tiegħu stess jew, fejn ftehim ta' riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew dak l-Istat Membru u dak il-pajjiż terz jipprovdi għal dan, għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għaddew bi transitu minn dak il-pajjiż terz;

(d)

żieda fir-riskju jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, b'mod partikolari żieda sostanzjali ta' reati kriminali serji, relatati ma' ċittadini ta' dak il-pajjiż terz, sostanzjata minn informazzjoni u data oġġettiva, konkreta u rilevanti pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tinkludi data u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Fin-notifika tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista' jispeċifika l-kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għandhom ikunu koperti b'att ta' implimentazzjoni taħt il-punt (a) tal-paragrafu 6, filwaqt li jindika r-raġunijiet dettaljati għal dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih dwar tali notifika.

3.   Fejn il-Kummissjoni, b'kont meħud tad-data, rapporti u statistika rilevanti, ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli li ċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2 ikunu qed jokkorru fi Stat Membru jew aktar, jew li l-pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera fir-riammissjoni, b'mod partikolari fejn ftehim ta' riammissjoni jkun ġie konkluż bejn dak il-pajjiż terz u l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih bl-analiżi tagħha, u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6.

Għall-iskopijiet tal-ewwel subparagrafu, in-nuqqas ta' kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni tista' tikkonsisti, perezempju:

f'li jiġi rifjutat il-proċessar ta', jew ma' jiġux ipproċessati, applikazzjonijiet ta' riammissjoni fiż-żmien dovut,

f'li ma jinħarġux id-dokumenti tal-ivvjaġġar fiż-żmien dovut għall-finijiet ta' ritorn fi żmien l-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta' riammissjoni jew ma jiġux aċċettati dokumenti tal-ivvjaġġar Ewropej maħruġa wara t-tmiem tal-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta' riammissjoni, jew

f'li jiġi terminat jew sospiż il-ftehim ta' riammissjoni,

4.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-konformità kontinwa mal-ħtiġijiet speċifiċi, li huma bbażati fuq l-Artikolu 1 u li ntużaw biex jiġi vvalutat kemm hu xieraq l-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża, mill-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom saru eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri bħala riżultat tal-konklużjoni b'suċċess ta' djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mill-inqas darba kull sena, għal perijodu ta' seba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz, kif ukoll wara dan il-perijodu kull meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka fuq il-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis li, abbażi ta' informazzjoni konkreta u affidabbli, ma għadhomx jikkonformaw ma' ċerti ħtiġijiet.

Għandu japplika l-paragrafu 6 fejn rapport tal-Kummissjoni juri li wieħed jew aktar mill-ħtiġijiet speċifiċi ma għadhomx jiġu sodisfatti fir-rigward ta' pajjiż terz partikolari.

5.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kull notifika magħmula skont il-paragrafu 2, filwaqt li tikkunsidra dan li ġej:

(a)

jekk teżistix xi waħda miċ-ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 2;

(b)

l-għadd ta' Stati Membri affettwati minn xi waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 2;

(c)

l-impatt ġenerali taċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tas-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif tkun tidher mid-data pprovduta mill-Istati Membri jew disponibbli lill-Kummissjoni;

(d)

ir-rapporti mħejjija mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil jew l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni jew xi organizzazzjoni internazzjonali kompetenti fil-materji koperti minn dan ir-Regolament, jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan fil-każ speċifiku;

(e)

l-informazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jista' jkun ta fin-notifika tiegħu b'rabta ma' miżuri possibbli taħt il-punt (a) tal-paragrafu 6;

(f)

il-kwistjoni ġenerali tal-ordni pubblika u s-sigurtà interna, f'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

6.   Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 3, tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 4, jew tal-eżami msemmi fil-paragrafu 5, u b'kont meħud tal-konsegwenzi ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul, il-Kummissjoni tiddeċiedi li hija meħtieġa azzjoni, jew fejn maġġoranza sempliċi ta' Stati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta' disa' xhur. Is-sospensjoni għandha tapplika għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, skont it-tipi rilevanti ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun xieraq, skont kriterji addizzjonali. Meta tiddetermina għal liema kategoriji s-sospensjoni għandha tapplika, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, tinkludi kategoriji li jkunu wiesgħa biżżejjed sabiex jikkontribwixxu b'mod effiċjenti biex iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 f'kull każ speċifiku jiġu indirizzati, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta' implimentazzjoni fi żmien xahar minn meta:

(i)

tkun irċeviet in-notifika msemmija fil-paragrafu 2;

(ii)

tkun saret konxja tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

(iii)

tkun ippreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 4; jew

(iv)

tkun irċeviet in-notifika minn maġġoranza sempliċi ta' Stati Membri bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2.

Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Huwa għandu jistabilixxi d-data li fiha għandha ssir effettiva s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

Matul il-perijodu ta' sospensjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu msaħħaħ mal-pajjiż terz ikkonċernat bil-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi inkwistjoni.

(b)

Fejn iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu jippersistu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma jiskadi l-perijodu ta' disa' xhur imsemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, att delegat skont l-Artikolu 10, li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta' 18-il xahar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat. L-att delegat għandu jsir effettiv mid-data ta' skadenza tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi tiddaħħal nota ta' qiegħ il-paġna ħdejn l-isem tal-pajjiż terz inkwistjoni, li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta' dik is-sospensjoni.

Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 7, il-perijodu ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża previst fl-att delegat għandu jiġi estiż b'sitt xhur. In-nota ta' qiegħ il-paġna għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perijodu ta' sospensjoni, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati għandhom ikunu obbligati li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

Stat Membru li, skont l-Artikolu 6, jipprovdi għal eżenzjonijiet ġodda mill-ħtieġa tal-viża għal kategorija ta' ċittadini tal- pajjiż terz kopert mill-att li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandu jikkomunika dawk il-miżuri skont l-Artikolu 12.

7.   Qabel tmiem il-perijodu ta' validità tal-att delegat adottat skont il-punt (b) tal-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista' jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mill- Anness II għall-Anness I.

8.   Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 7 hija tista' testendi l-validità tal-att ta' implimetazzjoni adottat skont il-punt (a) tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu b'perijodu li ma jaqbiżx 12-il xahar. Id-deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tal-att ta' implimetazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 9

1.   Sal-10 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità previst fl-Artikolu 7 u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq kwalunkwe proposta bħal din permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

2.   Sad-29 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l- effettività tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni previst fl-Artikolu 8 u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Artikolu 10

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mid-9 ta' Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-28 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

4.   Id-delega tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7 u fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din m'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

5.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

6.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Att delegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien erba' xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

8.   Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill “fi żmien” xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw.

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn il-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu jkun applikabbli t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-miżuri li jieħdu skont l-Artikolu 6, fi żmien ħames ġranet ta' xogħol mill-adozzjoni ta' dawk il-miżuri.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-miżuri ikkommunikati skont il-paragrafu 1 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal skopijiet ta' informazzjoni.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri f'dak li jirrigwardja r-rikonoxximent ta' Stati u unitajiet territorjali u l-passaporti, id-dokumenti tal-ivjaġġar u tal-identità maħruġa mill-awtoritajiet tagħhom.

Artikolu 14

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqaraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Ottubru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2018.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2011 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn din il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  Ara l-Anness III.

(4)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(5)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

(6)  Regolament (KE ) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p.1.

(8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(13)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(15)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(16)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(17)  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(18)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1994 dwar azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu K.3.2.b tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea rigward faċilitajiet ta' l-ivvjaġġar għal tfal ta' l-iskola minn pajjiżi terzi li joqogħdu fi Stat Membru (ĠU L 327, 19.12.1994, p. 1).


ANNESS I

LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI Ċ-ĊITTADINI TAGĦHOM GĦANDHOM IKOLLHOM VIŻA FIL-PUSSESS TAGĦHOM META JAQSMU L-FRUNTIERI ESTERNI TAL-ISTATI MEMBRI

1.   STATI

l-Afganistan

l-Armenja

l-Angola

l-Ażerbajġan

il-Bangladesh

il-Burkina Faso

il-Bahrain

il-Burundi

il-Benin

il-Bolivja

il-Bhutan

il-Botswana

il-Belarussja

il-Beliże

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

il-Kongo

il-Kosta tal-Avorju

il-Kamerun

iċ-Ċina

Kuba

Cape Verde

il-Djibouti

ir-Repubblika Domenicana

l-Alġerija

l-Ekwador

l-Eġittu

Eritrea

Eswatini

l-Etjopja

il-Fiġi

il-Gabon

il-Ghana

il-Gambja

il-Guinea

il-Guinea Ekwatorjali

il-Guinea-Bissau

il-Guyana

il-Haïti

l-Indoneżja

l-Indja

l-Iraq

l-Iran

il-Ġamajka

il-Ġordan

il-Kenja

il-Kirġiżstan

il-Kambodja

Comoros

il-Korea ta' Fuq

il-Kuwajt

il-Każakistan

il-Laos

il-Libanu

is-Sri Lanka

il-Liberja

il-Lesoto

il-Libja

il-Marokk

Madagascar

il-Mali

il-Myanmar/Burma

il-Mongolja

il-Mauritania

il-Maldivi

il-Malawi

il-Możambique

in-Namibja

in-Niġer

in-Niġerja

in-Nepal

l-Oman

Papua New Guinea

il-Filippini

il-Pakistan

il-Qatar

ir-Russja

ir-Rwanda

l-Arabja Sawdija

is-Sudan

Sierra Leone

is-Senegal

is-Somalja

is-Suriname

is-Sudan t'Isfel

São Tomé u Príncipe

is-Sirja

iċ-Chad

it-Togo

it-Tajlandja

it-Taġikistan

it-Turkmenistan

it-Tuneżija

it-Turkija

it-Tanzanija

l-Uganda

l-Użbekistan

il-Vjetnam

il-Jemen

l-Afrika t'Isfel

iż-Żambja

iż-Żimbabwe

2.   L-ENTITAJIET U L-AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MA HUMIEX RIKONOXXUTI BĦALA STATI MINN TAL-ANQAS STAT MEMBRU WIEĦED

il-Kosovo kif definita mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Ġunju 1999

l-Awtorità Palestinjana


ANNESS II

LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI Ċ-ĊITTADINI TAGĦHOM HUMA EŻENTI MILL-ĦTIEĠA LI JKOLLHOM VIZA FIL-PUSSESS TAGĦHOM META JAQSMU L-FRUNTIERI ESTERNI TAL-ISTATI MEMBRI GĦAL SOĠĠORNI TA' MHUX AKTAR MINN 90 JUM FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM

1.   STATI

l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (1)

l-Andorra

l-Emirati Għarab Magħquda (2)

Antigua u Barbuda

l-Albanija (1)

l-Arġentina

l-Awstralja

il-Bożnija-Ħerzegovina (1)

Barbados

il-Brunei

il-Brażil

il-Baħamas

il-Kanada

iċ-Ċili

Kolombja

il-Costa Rica

Dominica (2)

il-Mikroneżja (2)

Grenada (2)

il-Georġja (3)

il-Gwatemala

il-Honduras

Iżrael

il-Ġappun

Kiribati (2)

Saint Kitts u Nevis

il-Korea t'Isfel

Saint Luċia (2)

Monaco

Moldova (4)

il-Montenegro (5)

il-Gżejjer Marshall (6)

Mauritius

il-Messiku

il-Malasja

in-Nikaragwa

Nauru (6)

New Zealand

il-Panama

il-Perù (6)

Palau (6)

il-Paragwaj

is-Serbja (esklużi d-detenturi ta' passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (bil-lingwa Serba: Koordinaciona uprava)) (5)

il-Gżejjer Solomon

Seychelles

Singapore

San Marino

El Salvador

Timor-Leste (6)

Tonga (6)

Trinidad u Tobago

Tuvalu (6)

l-Ukrajna (7)

l-Istati Uniti

l-Urugwaj

is-Santa Sede

Saint Vincent u l-Grenadini (6)

Il-Venezwela

Vanuatu (6)

Samoa

2.   IR-REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SPEĊJALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

Hong Kong SAR (8)

Il-Macao SAR (9)

3.   ĊITTADINI BRITTANNIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA' FUQ GĦALL-FINIJIET TAL-LIĠI TAL-UNJONI

Ċittadini Britanniċi (barra mill-pajjiż)

Ċittadini Brittaniċi tat-territorji barra l-pajjiż (BOTC)

Ċittadini Britanniċi barra l-pajjiż (BOC)

Persuni Britanniċi protetti (BPP)

Soġġetti Brittaniċi (BS)

4.   ENTITAJIET U AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MA HUMIEX RIKONOXXUTI BĦALA STATI MINN TAL-ANQAS STAT MEMBRU WIEĦED

It-Tajwan (10)


(1)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta' passaporti biometriċi.

(2)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(3)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta' passaporti biometriċ maħruġa mill-Georġja skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(4)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tkun limitata għad-detenturi tal-passaporti biometriċi maħruġa mill-Moldova skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(5)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta' passaporti biometriċi.

(6)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(7)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta' passaporti biometriċ maħruġa mill-Ukrajna skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(8)  L-eżenzjoni tal-ħtieġa ta' viża a għandha tapplika biss għad-detenturi ta' passaport “Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong”.

(9)  L-eżenzjoni tal-ħtieġa ta' viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta' passaport “Região Administrativa Especial de Macau”.

(10)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti maħruġa mit-Tajwan li jinkludu numru tal-karta ta' identità.


ANNESS III

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001

(ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2414/2001

(ĠU L 327, 12.12.2001, p. 1)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 453/2003

(ĠU L 69, 13.3.2003, p. 10)

 

Att ta' Adeżjoni tal-2003, Anness II, punt 18(B)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005

(ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1)

Il-ħdax inċiż biss tal-Artikolu 1(1) fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, u l-punt 11(B)(3) tal-Anness

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006

(ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009

(ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 1091/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 329, 14.12.2010, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 1211/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 339, 22.12.2010, p. 6)

 

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013

(ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1)

Ir-raba' inċiż biss tal-Artikolu 1(1)(k), u l-punt 13(B)(2) tal-Anness

Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1)

L-Artikolu 4 biss

Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 347, 20.12.2013, p. 74)

 

Regolament (UE) Nru 259/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 105, 8.4.2014, p. 9)

 

Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67)

 

Regolament (UE) 2017/371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 61, 8.3.2017, p. 1)

 

Regolament (UE) 2017/372 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 61, 8.3.2017, p. 7)

 

Regolament (UE) 2017/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 133, 22.5.2017, p. 1)

 


ANNESS IV

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 539/2001

Dan ir-Regolament

Artikolu -1

Artikolu 1

Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(1)

Artikolu 1(1), it-tieni subpargrafu

Artikolu 3(2)

Artikolu 1(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 4(1)

Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, kliem ta' introduzzjoni

Artikolu 4(2), il-kliem ta' introduzzjoni

Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 4(2)(a)

Artikolu 1(2), it-tieni subpargarfu, it-tieni inċiż

Artikolu 4(2)(b)

Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 4(2)(c)

Artikolu 1(3)

Artikolu 5

Artikolu 1(4)

Artikolu 7

Artikolu 1a(1) u (2)

Artikolu 8(1) u (2)

Artikolu 1a (2a)

Artikolu 8(3)

Artikolu 1a (2b)

Artikolu 8(4)

Artikolu 1a (3)

Artikolu 8(5)

Artikolu 1a (4)

Artikolu 8(6)

Artikolu 1a (5)

Artikolu 8(7)

Artikolu 1a (6)

Artikolu 8(8)

Artikolu 1b

Artikolu 9

Artikolu 1c

Artikolu 9(2)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 4a

Artikolu 11

Artikolu 4b (1) u (2)

Artikolu 10 (1) u (2)

Artikolu 4b (2a)

Artikolu 10(3)

Artikolu 4b (3)

Artikolu 10(4)

Artikolu 4b (3a)

Artikolu 10(5)

Artikolu 4b (4)

Artikolu 10(6)

Artikolu 4b (5)

Artikolu 10(7)

Artikolu 4b (6)

Artikolu 10(8)

Artikolu 5

Artikolu 12

Artikolu 6

Artikolu 13

Artikolu 7

Artikolu 14

Artikolu 8

Artikolu 15

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV