22.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1799

tal-21 ta' Novembru 2018

dwar l-istabbiliment ta' azzjoni statistika diretta temporanja għad-disseminazzjoni ta' suġġetti magħżula taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar tal-2021 ġeokodifikat fuq grilja ta' 1 km2

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-istatistika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-disseminazzjoni ta' suġġetti taċ-ċensiment armonizzati fl-Unjoni kollha fuq grilja tal-erja kostanti, b'mod partikolari fuq grilja ta' 1 km2, hija output statistiku Ewropew ewlieni għall-istrateġiji futuri tat-tfassil ta' politika u taċ-ċensiment mill-Istati Membri.

(2)

Skont l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi f'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati, sabiex tissodisfa ħtiġijiet mhux mistennija, dwar azzjoni statistika diretta temporanja li għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14(2) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Din l-azzjoni statistika diretta temporanja jenħtieġ li tipprevedi ġbir ta' data li jkopri sena waħda ta' referenza. L-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproduċu data taċ-ċensiment univarjata ġeokodifikata fuq grilja ta' 1 km2 fid-data ta' referenza għaċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar tal-2021; l-Unjoni jenħtieġ li tagħmel ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħrajn sabiex tkopri l-ispejjeż inkrimentali mġarrba minnhom. Din l-azzjoni hija appoġġata minn analiżi kosteffettiva u minn stima tal-ispejjeż kumplessivi tal-produzzjoni inkrimentali pprovduti mill-Kummissjoni.

(4)

Din l-azzjoni hija ġustifikata minn ħtieġa komuni fl-Unjoni għal informazzjoni affidabbli, korretta u komparabbli dwar id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni permezz ta' riżoluzzjoni spazjali suffiċjenti, ibbażata fuq rekwiżiti armonizzati tal-output u maħsuba b'mod partikolari għal tfassil ta' politika reġjonali pan-Ewropea.

(5)

Fl-Unjoni hija disponibbli informazzjoni demografika spazjalment riżolta, armonizzata, u l-għan huwa li jiġi disseminat sett ta' data wieħed għal kull Stat Membru, li jkun fih suġġetti magħżula taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar tal-2021 ġeokodifikat fuq grilja ta' 1 km2. Ma hemmx piż addizzjonali fuq dawk li jwieġbu għaliex l-informazzjoni kollha meħtieġa se tinkiseb mid-data taċ-ċensiment tal-2021.

(6)

B'mod partikolari, trid tiġi determinata grilja tal-erja kostanti mifruxa madwar l-Unjoni ta' ċelloli ta' 1 km2 sabiex jinkisbu outputs armonizzati komparabbli fl-Unjoni. Barra minn hekk, is-suġġetti speċifiċi u t-tqassim tagħhom kif ukoll il-programm dettaljat li jrid jiġi disseminat fuq din il-grilja ta' 1 km2 iridu jiġu stabbiliti. Finalment, huwa neċessarju li tiġi speċifikata l-metadata spazjali u statistika meħtieġa għal tali sett ta' data.

(7)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni relatati jistipulaw il-metadata meħtieġa (3), il-format tad-data (4), u s-servizzi tan-netwerk (5) għad-disseminazzjoni tad-data spazjali. B'mod partikolari, il-punt 1 tal-Anness III jkopri sistemi ta' grilja statistika possibbli għad-disseminazzjoni tad-data spazjali u, b'konformità mal-punt 10 tal-Anness III, huwa applikabbli għas-settijiet tad-data spazjali skont it-tema “Distribuzzjoni tal-popolazzjoni – demografija”.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni relatati li jistabbilixxu regoli komuni għat-trażmissjoni tad-data taċ-ċensiment tal-2021, b'mod partikolari s-sena ta' referenza u l-metadata meħtieġa (7), l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti taċ-ċensimenti u t-tqassim tagħhom (8), u l-format tekniku (9).

(9)

L-Istati Membri jenħtieġ li jittrażmettu d-data u l-metadata vvalidati tagħhom b'mod elettroniku, fil-format tekniku xieraq li se jiġi fornut mill-Kummissjoni. L-inizjattiva tal-Iskambju tad-Data u l-Metadata Statistiċi (SDMX) dwar l-istandards statistiċi u tekniċi għall-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data u tal-metadata, li fuqha huwa bbażat il-Hub taċ-Ċensiment, tnediet mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (Eurostat), il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), in-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji. Għall-iskambju tal-istatistika uffiċjali, l-SDMX u l-Hub taċ-Ċensiment jipprovdu standards tal-istatistika, tekniċi u tat-trażmissjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi introdott format tekniku konformi ma' dawk l-istandards.

(10)

Il-Kummissjoni (Eurostat) ospitat proġett dwar il-“Protezzjoni armonizzata tad-data taċ-ċensiment fl-ESS”, li wassal prassi tajba u linji gwida tal-implimentazzjoni għall-protezzjoni armonizzata tal-iżvelar tad-data tal-grilja ta' 1 km2.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Azzjoni statistika diretta temporanja hija b'dan stabbilita sabiex tiżviluppa, tipproduċi u tiddissemina suġġetti magħżula taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar tal-2021 ġeokodifikat fuq grilja ta' 1 km2 (“data ta' grilja ta' 1 km2”).

Għal dan il-fini, qed tiġi determinata grilja unika ta' referenza ġeospazjali kostanti u armonizzata li tikkonsisti minn ċelloli b'erja ta' 1 km2. Huma stabbiliti wkoll is-suġġetti speċifiċi u t-tqassim tagħhom kif ukoll il-programm dettaljat u l-metadata għad-disseminazzjoni tad-data taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar tal-2021 ġeokodifikat fuq il-grilja ta' referenza ta' 1 km2.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 763/2008.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“grilja”, “ċellola ta' grilja” u “punt ta' grilja” ifissru grilja, ċellola ta' grilja u punt ta' grilja kif definiti fl-Anness II (2.1) tar-Regolament (UE) Nru 1089/2010;

(2)

“popolazzjoni totali” tfisser il-persuni kollha ta' ċellola ta' grilja li r-residenza abitwali tagħhom tinsab f'dik iċ-ċellola ta' grilja;

(3)

“oġġett tad-data” tfisser kejl uniku li jinsab fit-tabella definit fl-Anness II ta' dan ir-Regolament;

(4)

“valur tad-data” tfisser l-informazzjoni pprovduta minn oġġett tad-data. Valur tad-data jista' jkun “valur numeriku” jew “valur speċjali”;

(5)

“valur numeriku” tfisser numru sħiħ daqs jew ikbar minn “0” li jipprovdi informazzjoni statistika dwar l-osservazzjoni ta' dak l-oġġett tad-data;

(6)

data validata” tfisser data verifikata mill-Istati Membri konformi mar-regoli ta' validazzjoni maqbula;

(7)

“valur osservat” tfisser valur numeriku li jirrappreżenta informazzjoni osservata jew inputed ibbażata fuq l-aħjar għarfien dwar l-informazzjoni kollha disponibbli fuq iċ-ċensiment tal-2021, b'mod partikolari qabel l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' kontroll dwar l-iżvelar statistiku;

(8)

“valur kunfidenzjali” tfisser valur numeriku li, sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità statistika tad-data, ma jridx jiġi żvelat b'konformità mal-miżuri protettivi kontra l-iżvelar tad-data statistika tal-Istati Membri;

(9)

“valur speċjali” tfisser simbolu li huwa trażmess f'oġġett tad-data minflok valur numeriku;

(10)

“markatur” tfisser kodiċi li jista' jakkumpanja oġġett partikolari tad-data sabiex jiddeskrivi karatteristika speċifika tal-valur tad-data tiegħu.

Artikolu 3

Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-grilja ta' referenza ta' 1 km2

1.   B'konformità mat-Taqsima 1.5 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1089/2010, il-grilja statistika ta' referenza ta' 1 km2 għall-użu pan-Ewropew għandha tkun il-Grilja b'Erja Indaqs “Grilja ETRS89-LAEA1000”. L-estent spazjali tal-grilja ta' referenza fis-sistema ta' koordinati speċifikati għal din il-grilja fit-Taqsima 2.2.1 tal-Anness II tal-istess Regolament għandha tkun limitata għal valuri fil-Lvant ta' bejn 900 000 u 7 400 000 metru u valuri fit-Tramuntana ta' bejn 900 000 u 5 500 000 metru għall-fini ta' dan ir-Regolament.

2.   B'konformità mat-Taqsima 1.4.1.1 tal-Anness IV tal-istess Regolament, kull ċellola individwali tal-grilja ta' referenza ta' 1 km2 għandha tkun identifikata mill-kodiċi uniku taċ-ċellola tal-grilja, li huwa magħmul mill-karattri “CRS3035RES1000mN”. Dan huwa segwit minn valur tat-Tramuntana f'metri tal-punt tal-grilja fil-kantuniera tal-qiegħ tax-xellug taċ-ċellola tal-grilja, segwit mill-karattru “E”, segwit mill-valur tal-Lvant f'metri tal-punti tal-grilja fil-kantuniera tal-qiegħ tax-xellug taċ-ċellola tal-grilja.

3.   Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru trażmittenti kif definit fil-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali ppubblikata mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, segwit mill-karattru “_”, għandu jiġi miżjud minn qabel mal-kodiċi taċ-ċellola ta' kull ċellola tal-grilja trażmessa minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 4

Speċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti tad-data tal-grilja ta' 1 km2 u t-tqassim tagħhom

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti stipulati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543 għad-data taċ-ċensiment tal-2021 għandhom japplikaw. It-tqassim tas-suġġetti għal dan il-fini ta' dan ir-Regolament huma speċifikati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Programm tad-data tal-grilja ta' 1 km2

1.   Il-programm tad-data tal-grilja ta' 1 km2 li jrid jiġi trażmess minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni (Eurostat) għas-sena ta' referenza 2021 huwa speċifikat fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jissostitwixxu kwalunkwe valur kunfidenzjali bil-valur speċjali “mhux disponibbli”.

Artikolu 6

Armonizzazzjoni tal-output

1.   Għandhom ikunu armonizzati l-valuri tad-data tal-output li se jiġu disseminati, sabiex jiffaċilitaw il-komparabbiltà fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, kemm jista' jkun għandha tingħata preferenza għall-valuri numeriċi fuq il-valuri speċjali.

2.   Sabiex tkun żgurata informazzjoni suffiċjentament korretta u affidabbli dwar id-distribuzzjoni spazjali tal-popolazzjoni totali, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

oġġetti tad-data dwar il-popolazzjoni totali ma għandhomx jiġu rapportati bħala kunfidenzjali;

(b)

oġġetti tad-data dwar il-popolazzjoni totali b'valur osservat differenti minn “0” għandhom jiġu mmarkati bil-markatur “popolat”; u

(c)

oġġetti tad-data dwar il-popolazzjoni totali b'valur osservat “0” ma għandhomx jiġu mmarkati bil-markatur “popolat”.

Artikolu 7

Metadata

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'metadata għad-data tal-grilja ta' 1 km2 b'konformità mal-Anness III.

Artikolu 8

Data ta' referenza

Id-data ta' referenza tad-data tal-grilja ta' 1 km2 trażmessa minn kull Stat Membru għandha tkun identika għad-data ta' referenza rapportata minn dak l-Istat Membru b'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/712.

Artikolu 9

Data tat-trażmissjoni tad-data u tal-metadata

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data validata u aggregata u b'metadata dwar il-popolazzjoni totali sal-31 ta' Diċembru 2022.

2.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data validata u aggregata u b'metadata sal-31 ta' Marzu 2024.

Artikolu 10

Format tekniku għat-trażmissjoni tad-data u tal-metadata

Il-format tekniku li għandu jintuża għat-trażmissjoni tad-data u tal-metadata għandu jkun il-format SDMX kif implimentat permezz tal-Hub taċ-Ċensiment. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data u l-metadata meħtieġa b'konformità mad-definizzjonijiet tal-istruttura tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati pprovduti mill-Kummissjoni (Eurostat). L-Istati Membri għandhom jaħżnu d-data u l-metadata meħtieġa sal-31 ta' Diċembru 2034 għal kwalunkwe trażmissjoni mitluba aktar tard mill-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 11

Rekwiżiti tal-kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-data trażmessa.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kriterji tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandhom japplikaw għad-data li trid tiġi trażmessa.

3.   Fuq talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovduha b'informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-informazzjoni statistika.

Artikolu 12

Disseminazzjoni

1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiddissemina s-settijiet tad-data tal-grilja ta' 1 km2 imsemmija fl-Artikolu 5 kif ukoll il-metadata assoċjata msemmija fl-Artikolu 7.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-programm tad-data u tal-metadata tal-grilja ta' 1 km2 li għandu jiġi trażmess mill-Istati Membri u disseminat minn Eurostat jikkorrispondi għad-data li l-Istati Membri jiddisseminaw fil-livell nazzjonali b'konformità mad-Direttiva 2007/2/KE u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tagħha (KE) Nru 1205/2008, (KE) Nru 976/2009 u (UE) Nru 1089/2010.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(2)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2008 tat-3 ta' Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metadata (ĠU L 326, 4.12.2008, p. 12).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 tat-23 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta' data u servizzi ġeografiċi (ĠU L 323, 8.12.2010, p. 11).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 976/2009 tad-19 ta' Ottubru 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-Servizzi ta' Netwerk (ĠU L 274, 20.10.2009, p. 9).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/712 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi s-sena ta' referenza u l-programm tad-data statistika u tal-metadata għaċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar previst bir-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 105, 21.4.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/543 tat-22 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti u tal-kategorizzazzjonijiet tagħhom (ĠU L 78, 23.3.2017, p. 13).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/881 tat-23 ta' Mejju 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar, fir-rigward tal-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti ta' kwalità u l-format tekniku għat-trażmissjoni tad-data, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1151/2010 (ĠU L 135, 24.5.2017, p. 6).


ANNESS I

Speċifikazzjonijiet tekniċi tat-tqassim tas-suġġetti taċ-ċensiment imsemmija fl-Artikolu 4

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tqassim għall-fini ta' dan ir-Regolament tas-suġġetti taċ-ċensiment speċifikati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543 għandhom jiġu ppreżentati kif ġej:

Kull suġġett magħżul għad-disseminazzjoni fuq il-grilja ta' referenza ta' 1 km2 huwa kkwotat bl-intestatura tiegħu mill-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543.

Għandhom japplikaw b'mod ġenerali l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543 li jirreferu għal dak is-suġġett.

Minn hemm 'il quddiem, it-tqassim għal dak is-suġġett huwa speċifikat.

It-tqassim kollu huwa maħsub biex iqassam kwalunkwe total jew subtotal li jirreferi għall-persuni.

Suġġett: Post ta' residenza abitwali

Il-kategoriji tat-tqassim ta' dan is-suġġett li dwaru għandu jirrapporta l-Istat Membru huma lkoll ċelloli tal-grilja ta' referenza ta' 1 km2 speċifikata fl-Artikolu 3(1) li l-erja tagħhom tinkludi parti mit-territorju ta' dak l-Istat Membru, ikkumplimentata minn ċellola virtwali tal-grilja unika għal kull Stat Membru biex tinkludi l-persuni li mhumiex allokati.

Erja ġeografika li hija bbażata fuq il-grilja ta' referenza ta' 1 km2  (1)

GEO.G.

x.

Iċ-ċelloli tal-grilja kollha jappartjenu parzjalment jew fl-intier tagħhom għat-territorju tal-Istat Membru

x.

y.

Ċellola virtwali tal-grilja unika għal kull Stat Membru

y.

Jekk ma jkunx magħruf il-post ta' residenza abitwali ta' persuna fit-territorju tal-Istat Membru rapportatur li huwa kopert mill-grilja ta' referenza, jistgħu jintużaw metodi ta' stima statistika addizzjonali b'bażi xjentifika, dokumentati sew, u disponibbli pubblikament, biex jallokaw lil din il-persuna għal ċellola speċifika tal-grilja. Persuni li mhumiex allokati għall-ebda ċellola tal-grilja ta' referenza għandhom jiġu allokati għaċ-ċellola virtwali tal-grilja GEO.G.y ta' dak l-Istat Membru.

Suġġett: Sess

It-tqassim SEX. speċifikat fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543 għal dan is-suġġett għandu japplika għall-fini ta' dan ir-Regolament.

Suġġett: Età

Għandhom jiġu rapportati l-kategoriji ta' tqassim li ġejjin:

Età

AGE.G.

1.

Taħt il-15-il sena

1.

2.

Bejn 15 u 64 sena

2.

3.

65 sena jew aktar

3.

Kif speċifikat fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543, għandha tiġi rrapportata l-età milħuqa fl-età fi snin magħluqa fid-data ta' referenza.

Suġġett: Stat ta' attività attwali (għadd ta' persuni impjegati)

Għandha tiġi rrapportata l-kategorija ta' tqassim li ġejja inkluża fit-tqassim CAS.L. speċifikat fir-Regolament (UE) 2017/543:

Stat ta' attività attwali

CAS.L.

1.

Persuni impjegati

1.1.

Għandha tapplika l-ispeċifikazzjoni tal-persuni “impjegati” fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/543 għal din il-kategorija.

Suġġett: Pajjiż/post tat-twelid

Għandhom jiġu rrapportati l-kategoriji ta' tqassim li ġejjin inklużi fit-tqassim POB.L. speċifikat fir-Regolament (UE) 2017/543:

Pajjiż/post tat-twelid

POB.L.

1.

Post tat-twelid fil-pajjiż rapportatur

1.

2.

Post tat-twelid fi Stat Membru tal-UE ieħor

2.1.

3.

Post tat-twelid xi mkien ieħor

2.2.

Suġġett: Post tar-residenza abitwali sena qabel iċ-ċensiment

Għandhom jiġu rrapportati l-kategoriji ta' tqassim li ġejjin inklużi fit-tqassim ROY. speċifikat fir-Regolament (UE) 2017/543:

Post tar-residenza abitwali sena qabel iċ-ċensiment

ROY.

1.

Residenza abitwali ma nbidlitx

1.

2.

Ċaqliqa fil-pajjiż rapportatur

2.1.

3.

Ċaqliqa minn barra l-pajjiż rapportatur

2.2.

Ċaqliqa fl-istess ċellola tal-grilja għandha tiġi rrapportata bħala “Ċaqliqa fil-pajjiż rapportatur” (ROY.2.1.) jew bħala “Ċaqliqa minn barra mill-pajjiż rapportatur” (ROY.2.2.) kif xieraq.


(1)  Il-kodiċijiet “x.” huma kodiċijiet ta' identifikazzjoni taċ-ċellola tal-grilja kif speċifikat fl-Artikolu 3. Il-kodiċi “y.” għandu jikkonsisti mill-istring ta' karattri “unallocated” fejn qabilha jiżdied il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru rapportatur kif speċifikat fl-Artikolu 3(3).


ANNESS II

Programm tad-data statistika taċ-ċensiment ġeokodifikat għall-grilja ta' referenza ta' 1 km2 imsemmija fl-Artikolu 5

Il-programm tad-data tal-grilja ta' 1 km2 li trid tiġi trażmessa għas-sena ta' referenza 2021 għandu jikkonsisti minn tabella waħda bidimensjonali li tagħmel tabulazzjoni inkroċjata tas-sett taċ-ċelloli tal-grilja GEO.G. definiti fl-Anness I mal-għażla li ġejja tal-kategoriji mit-tqassim tas-suġġetti taċ-ċensiment speċifikati fl-Anness I:

Kategoriji tat-temi taċ-ċensiment li għandhom jitqassmu fuq il-grilja ta' referenza ta' 1 km2

STAT.G.

0.

SEX.0.: Popolazzjoni totali

0.

1.

SEX.1.: Raġel

1.

2.

SEX.2.: Mara

2.

3.

AGE.G.1.: Taħt il-15-il sena

3.

4.

AGE.G.2.: Bejn 15 u 64 sena

4.

5.

AGE.G.3.: 65 sena jew aktar

5.

6.

CAS.L.1.1.: Persuni impjegati (1)

6.

7.

POB.L.1.: Post tat-twelid fil-pajjiż rapportatur

7.

8.

POB.L.2.1.: Post tat-twelid fi Stat Membru tal-UE ieħor

8.

9.

POB.L.2.2.: Post tat-twelid xi mkien ieħor

9.

10.

ROY.1.: Post tar-residenza abitwali sena qabel iċ-ċensiment mhux mibdul

10.

11.

ROY.2.1.: Post tar-residenza abitwali sena qabel iċ-ċensiment: ċaqliqa fil-pajjiż rapportatur

11.

12.

ROY.2.2.: Post tar-residenza abitwali sena qabel iċ-ċensiment: ċaqliqa minn barra l-pajjiż rapportatur

12.


(1)  Id-data dwar il-kategorija “persuni impjegati” għandha tiġi trażmessa sa fejn huwa possibbli, soġġett għad-disponibbiltà fl-Istat Membru trażmittenti.


ANNESS III

Metadata meħtieġa għad-data tal-grilja ta' 1 km2 imsemmija fl-Artikolu 7

Metadata dwar l-oġġetti tad-data

1.

Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom iżidu l-markaturi li ġejjin għal oġġett tad-data:

(a)

“provviżorju”;

(b)

“popolat”;

(c)

“rivedut”;

(d)

“ara l-informazzjoni mehmuża”;

(e)

“kunfidenzjali” (1).

2.

Għandhom jiġu akkumpanjati mill-markatur “provviżorju” biss dawk il-valuri tad-data dwar il-“popolazzjoni totali” li huma rapportati skont l-Artikolu 9(1) u li mhumiex ikkunsidrati data finali mill-Istat Membru fil-mument tar-rapportar.

3.

Il-markatur “popolat” għandu jkun applikabbli biss għal oġġetti tad-data dwar il-“popolazzjoni totali” skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 6(2).

4.

Għal kull valur tad-data akkumpanjat minn tal-inqas markatur wieħed minn “rivedut” jew “ara l-informazzjoni mehmuża” għandu jiġi fornut test ta' spjegazzjoni.

5.

Kull oġġett ta' data li l-valur kunfidenzjali tiegħu nbidel bil-valur speċjali “mhux disponibbli” għandu jiġi mmarkat bil-markatur “kunfidenzjali”.

Metadata dwar is-suġġetti

Flimkien mal-metadata dwar is-suġġetti trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/712, l-Istati Membri għandhom jipprovdu metadata dwar kull suġġett inkluż fl-Anness I li jinforma dwar is-sorsi ta' data u l-metodoloġija użata sabiex jinkisbu l-valuri tad-data għal dak is-suġġett fuq il-grilja ta' referenza ta' 1 km2. B'mod partikolari, il-metadata għandha tinkludi:

informazzjoni dwar l-affidabbiltà u l-korrettezza tal-valuri tad-data rapportati;

deskrizzjoni ta' kwalunkwe metodoloġija użata biex jiġu stmati l-valuri tad-data fuq grilja ta' referenza ta' 1 km2, inkluż l-affidabbiltà u l-korrettezza tal-valuri tad-data li jirriżultaw;

deskrizzjoni ta' kwalunkwe metodoloġija użata biex talloka l-persuni għal ċelloli speċifiċi tal-grilja skont is-suġġett “post tar-residenza abitwali”, inkluż informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta' persuni skont il-kategorija GEO.G.y.

Metadata ta' referenza

L-informazzjoni u l-istruttura tal-metadata stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/881 għandha tiġi ssuplimentata għall-fini ta' dak ir-Regolament mill-oġġetti li ġejjin speċifikament li jirreferu għad-data tal-grilja ta' 1 km2:

Oġġett 3.3. “Proċessar u evalwazzjoni” għandha tiġi ssuplimentata mis-suboġġett addizzjonali 3.3.3. “Informazzjoni addizzjonali dwar metodoloġija ġenerika (mhux relatata ma' suġġett) applikata sabiex tipproduċi s-sett tad-data tal-grilja ta' 1 km2”.

Oġġett 3.4. “Disseminazzjoni” għandha tiġi ssuplimentata minn informazzjoni speċifika dwar miżuri ta' kontroll tal-iżvelar statistiku marbuta mas-sett tad-data tal-grilja ta' 1 km2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'informazzjoni dwar il-miżuri relatati mal-protezzjoni armonizzata tad-data tal-grilja ta' 1 km2, b'mod partikolari jekk użaw il-prassi tajba u l-linji gwida ta' implimentazzjoni tal-ESS għall-protezzjoni armonizzata ta' data tal-grilja ta' 1 km2.

Oġġett 4.2. “Tempestività u puntwalità” għandhom jiġu ssuplimentati minn data/i speċifika/ċi tal-kalendarju tat-trażmissjoni u r-reviżjonijiet possibbli tad-data u l-metadata tal-grilja ta' 1 km2.

Oġġett 4. “Valutazzjoni tal-kwalità tad-data” għandha tiġi ssuplimentata minn suboġġett addizzjonali 4.7 “Informazzjoni ġeografika – kwalità tad-data” li tkopri l-prinċipji tal-kwalità ġeografika, b'mod partikolari l-kopertura u l-komparabbiltà territorjali, il-preċiżjoni pożizzjonali, kif ukoll il-koerenza temporali u l-kompletezza tad-data ġeografika għall-ġeokodifikazzjoni.


(1)  Dan il-markatur mhux applikabbli għal oġġetti tad-data dwar il-popolazzjoni totali, kif stipulat fl-Artikolu 6(2)(a).