20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1785

tal-15 ta' Novembru 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li, parzjalment jew kollha kemm hi, hija bbażata fuqha, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Kejbils iżolati (l-hekk imsejħa “stack cables”) f'tulijiet varji, mgħammra b'konnetturi fuq iż-żewġ naħat.

Kull kejbil jikkonsisti minn 32 konduttur individwali iżolat għal vultaġġ ta' mhux aktar minn 1 000 V, miġburin f'16-il par imlibbsin, mhux mibrumin. Dawn il-pari huma miksija b'fojl tal-metall u ħjut ta' metall.

Il-kejbils jgħaqqdu swiċċijiet li jiffurmaw stazzjonijiet ta' swiċċjar (l-hekk imsejħa “stacks”) użati fin-netwerks tat-telekomunikazzjoni (Netwerks taż-Żona Lokali (LAN)). Jippermettu t-trasferiment bidirezzjonali tad-data bejn l-iswitches permezz tat-teknoloġija tal-Ethernet.

Il-kejbils ma għandhom l-ebda funzjoni addizzjonali (pereżempju, għall-forniment tal-enerġija elettrika).

Ara l-istampa (*1)

8544 42 10

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8544 , 8544 42 u 8544 42 10 .

It-trasferiment tad-data bejn l-apparati bl-użu tat-teknoloġija tat-telekomunikazzjoni, bħal Ethernet, titqies bħala telekomunikazzjoni għall-finijiet tal-kodiċi tan-NM 8544 42 10 (ara Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1112/2012 (1)). Il-kejbils inkwistjoni huma mfassla biex jintużaw f'netwerks tat-telekomunikazzjoni kkonfigurati bħala LAN. Għalhekk, jitqiesu bħala kondutturi elettriċi, mgħammra b'konnetturi, użati f'networks tat-telekomunikazzjoni (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-NM tas-subintestatura 8544 42 10 ).

L-oġġetti għalhekk għandhom jiġi kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM 8544 42 10 bħala kondutturi tal-elettriku oħrajn għal vultaġġ li ma jeċċedix 1 000  V, mgħammra b'konnetturi, tat-tip użat għat-telekomunikazzjoni.

Image


(*1)  L-istampa hija biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.

(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1112/2012 tat-23 ta' Novembru 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 329, 29.11.2012, p. 9).