8.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1660

tas-7 ta' Novembru 2018

li jimponi kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ċertu ikel li mhux ġej mill-annimali minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskji ta' kontaminazzjoni b'residwi ta' pestiċidi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 669/2009 u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 885/2014

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta' emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex jitħarsu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, meta jkun evidenti li l-ikel u l-għalf ikkonċernat aktarx jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u għas-saħħa tal-annimali u li tali riskju ma jistax jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri li jieħdu l-Istati Membri individwali. Dawn il-miżuri ta' emerġenza tal-Unjoni jistgħu jikkonsistu mill-impożizzjoni ta' kondizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (3) jipprevedi livell miżjud ta' kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjonijiet tal-ikel u l-għalf li mhux ġej mill-annimali elenkat fl-Anness I tiegħu. Il-weraq tad-dwieli mit-Turkija u l-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam huwa inkluż f'dan l-Anness u għalhekk huwa soġġett għal livell miżjud ta' kontrolli uffiċjali.

(3)

Ir-riżultati mill-kontrolli uffiċjali li jsiru mill-Istati Membri fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 669/2009, data li tirriżulta minn notifiki li jaslu mis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf kif stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 178/2002, rapporti ta' awditi mill-Kummissjoni, rapporti li jaslu minn pajjiżi terzi u skambju ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel juru frekwenza għolja kontinwa ta' nuqqas ta' konformità tal-weraq tad-dwieli mit-Turkija mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Għalhekk ma seta' jiġi osservat l-ebda titjib fis-sitwazzjoni anki wara li żdiedet il-frekwenza tal-kontrolli fil-fruntieri tal-Unjoni.

(4)

Ir-riżultati mill-kontrolli uffiċjali li jsiru mill-Istati Membri fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 juru frekwenza għolja ta' nuqqas ta' konformità fil-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005. Barra minn hekk, awditu li sar mill-Kummissjoni fil-Vjetnam f'Marzu 2017 sabiex jevalwa kontrolli ta' pestiċidi f'ikel li joriġina minn pjanti maħsub għall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea sab li m'hemm l-ebda sistema ta' kontroll ta' pestiċidi effettiva uffiċjali għal ikel esportat fl-Unjoni Ewropea u li l-awtoritajiet ma jistgħux jiżguraw konformità ta' prodotti mill-Vjetnam mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi.

(5)

Dan jipprovdi evidenza li l-importazzjoni ta' weraq tad-dwieli mit-Turkija u tal-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam aktarx tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa u li tali riskju ma jistax jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri fis-seħħ. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet speċjali ta' importazzjoni għall-weraq tad-dwieli mit-Turkija u għall-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam.

(6)

Il-weraq tal-kari mill-Indja attwalment huwa soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali ta' importazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2014 (5). Il-kondizzjonijet speċjali ta' importazzjoni għal dan il-prodott għandhom jinżammu, u dan fid-dawl tad-data li tirriżulta minn notifiki li jaslu mis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf u tar-riżultati mill-kontrolli uffiċjali li jsiru mill-Istati Membri fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 885/2014, li juru frekwenza għolja kontinwa ta' nuqqas ta' konformità.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-weraq tal-kari mill-Indja, il-weraq tad-dwieli mit-Turkija u l-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali qabel l-esportazzjoni fl-Unjoni, inkluż il-kampjunar u l-analiżi, sabiex jiġi żgurat li dawn il-prodotti jikkonformaw mar-rekwiżiti legali rilevanti. Il-konsenji kollha ta' tali prodotti għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa li jiddikjara li l-prodotti ġew ikkampjunati skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE (6).

(8)

Sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni effiċjenti u sabiex jiġi żgurat grad ta' uniformità fil-livell tal-Unjoni tal-kontrolli fl-importazzjoni fir-rigward tal-preżenza ta' residwi ta' pestiċidi fil-weraq tal-kari mill-Indja u fuqhom, fil-weraq tad-dwieli mit-Turkija fuqhom, u fil-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam u fuqu, huwa xieraq li f'dan ir-Regolament jiġu previsti proċeduri ta' kontroll li jkunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009.

(9)

Sabiex tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tan-nuqqas ta' konformità ma' rekwiżiti dokumentarji, huwa xieraq li jiġu stipulati regoli dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fejn il-konsenja ma tkunx akkumpanjata kemm mir-riżultati tal-kampjunar kif ukoll miċ-ċertifikat tas-saħħa, jew fejn dawn ir-riżultati jew dan iċ-ċertifikat tas-saħħa ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-każijiet ta' rifjut mal-fruntieri. Fir-rigward tal-pestiċidi, huwa xieraq li jiġi ċċarat li meta l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw konsenja ta' ikel elenkat f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li t-tali notifika ssir meta ma jkunx ġie osservat il-livell massimu ta' residwi stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 396/2005, irrispettivament minn jekk tkunx inqabżet id-doża akuta ta' referenza.

(11)

Sabiex tinġabar data għal evalwazzjoni tar-riskju kontinwa fir-rigward tal-oġġetti koperti minn dan ir-Regolament u sabiex jiġu adottati miżuri eżistenti kif meħtieġ, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu meħtieġa biex darbtejn f'sena jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar ir-riżultati analitiċi kollha ta' kontrolli uffiċjali li jkunu saru skont dan ir-Regolament. Ċerti Stati Membri jirreġistraw id-dokument komuni tad-dħul li jikkonċerna għalf u ikel li mhux ġej mill-annimali fuq bażi volontarja fis-sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti (TRACES) stabbilita mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2003/24/KE (7) u 2004/292/KE (8), u hekk il-Kummissjoni tiġi pprovduta b'informazzjoni dwar in-numru ta' konsenji importati u r-riżultati tal-kontrolli previsti f'dan ir-Regolament. Għalhekk dan l-obbligu ta' rapportar għandu jitqies bħala li jkun ġie ssodisfat meta l-Istati Membri jirreġistraw fi TRACES id-dokumenti komuni għad-dħul maħruġa skont dan ir-Regolament.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom jiġu rieżaminati qabel il-31 ta' Ottubru 2019 sabiex jiġi vvalutat jekk għadhomx meħtieġa.

(13)

Għandu jkun hemm disponibbli riżorsi finanzjarji adegwati għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali skont dan ir-Regolament. B'hekk, l-ispejjeż li jirriżultaw minn tali kontrolli uffiċjali għandhom jitħallsu mill-operaturi tan-negozju tal-ikel responsabbli għall-konsenja.

(14)

Għall-finijiet ta' trasparenza u konsistenza tar-regoli applikabbli, il-kondizzjonijiet speċifiċi kollha li jirregolaw l-importazzjoni ta' weraq tal-kari mill-indja, ta' weraq tad-dwieli mit-Turkija u ta' Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam fir-rigward tal-preżenza ta' residwi ta' pestiċidi għandhom jiġu stabbiliti f'dan ir-Regolament. Għalhekk jenħtieġ li l-entrati għall-weraq tad-dwieli mit-Turkija u għall-Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam jitneħħew minn Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 885/2014 li jikkonċerna l-weraq tal-kari mill-Indja jenħtieġ li jitħassar.

(15)

Sabiex l-operaturi jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika mit-8 ta' Diċembru 2018. Fl-interess ta' ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi previst li l-Istati Membri, waqt perjodu ta' tranżizzjoni, jenħtieġ li jawtorizzaw l-importazzjoni ta' konsenji ta' weraq tad-dwieli mit-Turkija, ta' Pitaħaja (frott tad-dragun) mill-Vjetnam u ta' weraq tal-kari mill-Indja li jkunu ħallew il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u l-pajjiż mnejn tinbagħat il-konsenja jekk dan il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini qabel it-8 ta' Diċembru 2018 diment li dawn il-konsenji jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 fis-seħħ fis-7 ta' Diċembru 2018 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 885/2014 rispettivament.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal konsenji tal-ikel li mhux ġej mill-annimali, li huwa elenkat fl-Anness I.

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-ikel kompost, li fih kull ikel elenkat fl-Anness I fi kwantità ta' aktar minn 20 %.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal konsenji ta' ikel li huma destinati għal persuna privata għall-konsum u l-użu personali biss. F'każ ta' dubju, l-oneru tal-provi huwa fuq min jirċievi l-konsenja.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Id-definizzjonijiet ta' “dokument komuni tad-dħul” u “punt tad-dħul magħżul” stabbiliti f'punti (a) u (b) rispettivament tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 ukoll għandhom japplikaw.

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, “konsenja” tfisser “lott” kif definit fid-Direttiva 2002/63/KE.

Għall-għanijiet tal-Artikolu 11(3), għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005.

Artikolu 3

Importazzjoni fl-Unjoni

Il-konsenji ta' ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) jistgħu jiġu importati fl-Unjoni biss skont il-proċeduri stipulati f'dan ir-Regolament.

Tali konsenji jistgħu jidħlu fl-Unjoni biss mill-punt tad-dħul magħżul.

Artikolu 4

Riżultati tal-kampjunar u analiżi

1.   Kull konsenja ta' ikel li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi akkumpanjata mir-riżultati tal-kampjunar u mill-analiżi li jagħmlu l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini kif hemm referenza għaliha fl-Anness I jew tal-pajjiż terz fejn il-konsenja tiġi kkonsenjata minnu jekk dan il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini, biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi.

2.   Il-kampjunar li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jsir skont id-Direttiva 2002/63/KE.

3.   L-analiżi li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha ssir minn laboratorji akkreditati skont l-istandard ISO/IEC 17025 dwar “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji ta' ttestjar u kalibrazzjoni”.

Artikolu 5

Ċertifikat tas-saħħa

1.   Kull konsenja tal-ikel li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi akkumpanjata mill-verżjoni oriġinali ta' ċertifikat tas-saħħa, skont il-mudell stabbilit fl-Anness II.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jimtela, jiġi ffirmat u jiġi vverifikat minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-pajjiż mnejn tintbagħat il-konsenja jekk dan il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini.

3.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jinkiteb bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru fejn jinsab il-punt tad-dħul magħżul. Madankollu, Stat Membru jista' jaċċetta li ċ-ċertifikati tas-saħħa jinkitbu b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

4.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jinħareġ qabel il-konsenja relatata miegħu ma tibqax taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat.

5.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun validu biss għal erba' xhur mid-data tal-ħruġ.

6.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa oriġinali għandu jiġi ppreżentat lil, u jinżamm minn, l-awtoritajiet kompetenti tal-punt tad-dħul magħżul.

Artikolu 6

Identifikazzjoni

Kull konsenja ta' ikel li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi identifikata b'kodiċi ta' identifikazzjoni li jikkorrispondi mal-kodiċi ta' identifikazzjoni msemmi fuq ir-riżultati tal-kampjunar u tal-analiżi li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 u fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5. Kull borża individwali, jew xi forma oħra ta' imballaġġ, tal-konsenja għandha tiġi identifikata b'dan il-kodiċi.

Artikolu 7

Notifika minn qabel dwar il-konsenji

1.   L-operaturi tan-negozju tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom javżaw minn qabel bid-data u l-ħin stmati tal-wasla fiżika tal-konsenji tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) lill-awtoritajiet kompetenti fil-punt tad-dħul magħżula u dwar in-natura tal-konsenja.

2.   Għall-għanijet ta' notifika minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jimlew il-Parti I tad-dokument komuni tad-dħul (CED) u jibagħtu dan id-dokument lill-awtoritajiet kompetenti tal-post tad-dħul magħżul, tal-inqas ġurnata tax-xogħol waħda qabel il-wasla fiżika tal-konsenja.

3.   Biex jimlew is-CED skont dan ir-Regolament, l-operaturi tan-negozju tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jikkunsidraw in-noti għal gwida għas-CED stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Artikolu 8

Il-kontrolli uffiċjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti fil-punt tad-dħul magħżul għandhom iwettqu kontrolli tad-dokumenti ta' kull konsenja ta' ikel li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) biex jaċċertaw il-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 5.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli tal-identità u fiżiċi fuq il-konsenji, inkluż kampjunar u analiżi, skont l-Artikoli 8(1), 9 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 bil-frekwenza stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

3.   Wara li jitlestew il-kontrolli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jimlew l-entrati rilevanti tal-Parti II tas-CED;

(b)

jiġbru flimkien ir-riżultati tal-kampjunar u tal-analiżi mwettqa skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu tas-CED;

(c)

jipprovdu u jimlew in-numru ta' referenza tas-CED fuq is-CED;

(d)

jittimbraw u jiffirmaw il-kopja oriġinali tas-CED;

(e)

jagħmlu u jżommu kopja tas-CED iffirmat u ttimbrat.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post tad-dħul magħżul għandhom joħorġu lill-operatur responsabbli għall-konsenja kopja awtentikata taċ-ċertifikat tas-saħħa jew, jekk il-konsenja tkun maqsuma, kopji awtentikati individwalment ta' tali ċertifikat.

5.   Is-CED oriġinali għandu jakkumpanja l-konsenja waqt li tiġi ttrasportata sakemm din tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 9

Qsim ta' konsenja

1.   Il-konsenja ma għandhiex tinqasam qabel ma jkunu tlestew il-kontrolli uffiċjali kollha, u jkun imtela kompletament is-CED mill-awtoritajiet kompetenti kif previst fl-Artikolu 8.

2.   Fil-każ li wara dan, il-konsenja tinqasam, kopja awtentikata tas-CED għandha takkumpanja kull parti tal-konsenja matul it-trasport tagħha sakemm din tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 10

Rilaxx għal ċirkolazzjoni libera

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-konsenji għandu jiġi soġġett għall-preżentazzjoni mill-operaturi tan-negozju tal-ikel jew mir-rappreżentant tagħhom lill-awtoritajiet tad-dwana ta' CED mimli mill-awtorità kompetenti ladarba jkunu saru l-kontrolli uffiċjali kollha. L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-konsenja għaċ-ċirkolazzjoni libera jekk fil-kaxxa II.14 tas-CED tiġi indikata deċiżjoni favorevoli mill-awtorità kompetenti u s-CED jiġi ffirmat fil-kaxxa II.21 tiegħu.

Artikolu 11

Nuqqas ta' konformità

1.   Jekk il-kontrolli uffiċjali li jsiru skont l-Artikolu 8 jistabbilixxu li hemm nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha timla l-Parti III tas-CED u għandha tittieħed azzjoni skont l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

2.   Meta konsenja ma tiġix akkumpanjata kemm mir-riżultati tal-kampjunar u kemm mill-analiżi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4 kif ukoll miċ-ċertifikat tas-saħħa li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5, jew jekk dawk ir-riżultati jew dak iċ-ċertifikat tas-saħħa ma jkunux jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament, il-konsenja ma għandhiex tiġi importata fl-Unjoni u għandha tintbagħat lura lejn il-pajjiż barra l-Unjoni jew tinqered.

3.   Meta l-awtorità kompetenti fil-punt tad-dħul magħżul ma tippermettix l-introduzzjoni ta' konsenja ta' ikel li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) minħabba nuqqas ta' konformità mal-livelli massimi ta' residwi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005, din għandha tinnotifika immedjatament it-tali rifjut mal-fruntiera f'konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 12

Rapporti

1.   Darbtejn f'sena, sal-aħħar tax-xahar wara kull semestru, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni bir-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali li jkunu saru fuq il-konsenji tal-ikel skont dan ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd ta' konsenji importati;

(b)

l-għadd ta' konsenji soġġetti għal kampjunar għall-analiżi;

(c)

ir-riżultati tal-kontrolli kif previst fl-Artikolu 8(2).

2.   L-obbligazzjonijiet ta' rapportar stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li jkunu ġew sodisfatti meta l-Istati Membri jirreġistraw fi TRACES is-CEDs maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Rieżami

Dan ir-Regolament għandu jiġi rieżaminat qabel il-31 ta' Ottubru 2019.

Artikolu 14

Spejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali, inkluż il-kampjunar, l-analiżi, il-ħżin u kull miżura li tittieħed jekk jinstab nuqqas ta' konformità, għandhom jitħallsu mill-operaturi tan-negozju tal-ikel responsabbli għall-konsenja.

Artikolu 15

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 669/2009

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-entrati għat-Turkija, l-entrata li tirreferi għal “Weraq tad-dwieli” titħassar.

(b)

fl-entrati għall-Vjetnam, l-entrata li tirreferi għal “Pitaħaja (frott tad-dragun)” titħassar.

Artikolu 16

Tħassir

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 885/2014 jitħassar.

Artikolu 17

Miżuri tranżizzjonali

Għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' da ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikomplu jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' konsenji ta' weraq tal-kari li joriġinaw mill-Indja u li jkunu ħallew l-pajjiż tal-oriġini, jew il-pajjiż tal-konsenja jekk dan il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini qabel it-8 ta' Diċembru 2018 diment li dawn il-konsenji jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 885/2014.

Għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikomplu jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' konsenji ta' weraq tad-dwieli li joriġinaw mit-Turkija u ta' Pitaħaja (frott tad-dragun) li joriġinaw mill-Vjetnam u li jkunu ħallew il-pajjiż tal-oriġini, jew il-pajjiż tal-konsenja jekk dan il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini qabel it-8 ta' Diċembru 2018 diment li dawn il-konsenji jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 fis-seħħ fis-7 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mit-8 ta' Diċembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta' Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel ta' oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2014 tat-13 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-importazzjoni tal-okra u tal-weraq tal-kari mill-Indja u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 91/2013 (ĠU L 242, 14.8.2014, p. 20).

(6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE tal-11 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi metodi tal-Komunità ta' teħid ta' kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta' residwi ta' pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali u li tħassar id-Direttiva 79/700/KEE (ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).


ANNESS I

Ikel ta' oriġini mhux mill-annimali soġġett għal kondizzjonijiet speċjali rigward l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea

Ikel (użu maħsub)

Kodiċi NM (1)

Subdiviżjoni tat-TARIC

Pajjiż tal-oriġini

Periklu(i)

Frekwenza tal-kontrolli fiżiċi u ta' dawk tal-identità (%) waqt l-importazzjoni

Pitaħaja (frott tad-dragun)

(Ikel — frisk jew imkessaħ)

ex 0810 90 20

10

Il-Vjetnam (VN)

Ir-residwi ta' pestiċidi elenkati fil-programm ta' kontroll adottat skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (pestiċidi li għandhom jiġu mmonitorjati fi/fuq prodotti ta' oriġini mill-pjanti biss) (2) u residwi ta' dithiocarbamates (3) (dithiocarbamates espressi bħala CS2, inkluż maneb (3), mancozeb (3), metiram (3), propineb (3), thiram (3) u ziram (3)), Phenthoate (2) u Quinalphos (2).

10

Weraq tal-kari (Bergera/Murraya koenigii)

(Ikel – frisk, imkessaħ jew imnixxef)

ex 1211 90 86

10

L-Indja (IN)

Ir-residwi ta' pestiċidi elenkati fil-programm ta' kontroll adottat skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (pestiċidi li għandhom jiġu mmonitorjati fi/fuq prodotti ta' oriġini mill-pjanti biss) (2) u residwi tal-acephate (2).

20

Weraq tad-dwieli

(Ikel)

ex 2008 99 99

11 , 19

It-Turkija (TR)

Ir-residwi ta' pestiċidi elenkati fil-programm ta' kontroll adottat skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (pestiċidi li għandhom jiġu mmonitorjati fi/fuq prodotti ta' oriġini mill-pjanti biss) (2) u residwi ta' dithiocarbamates (3) (dithiocarbamates espressi bħala CS2, inkluż maneb (3), mancozeb (3), metiram (3), propineb (3), thiram (3) u ziram (3)) u metrafenone (2).

20


(1)  Meta jkun meħtieġ li jiġu eżaminati biss ċertu prodotti b'xi kodiċi NM, u fin-nomenklatura tal-prodotti ma tkunx teżisti sottotaqsima speċifika skont dak il-kodiċi, il-kodiċi NM jiġi mmarkat “ex”.

(2)  Residwi tal pestiċidi analizzati permezz ta' metodi multiresidwi bbażati fuq CG-MS u LC-MS.

(3)  Residwi tal-pestiċidi analizzati b'metodi ta' residwu wieħed.


ANNESS II

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni