5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/33


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1644

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw il-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jistipula l-kundizzjonijiet li jippermettu li parametri referenzjarji fornuti minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz ikunu jistgħu jintużaw fl-Unjoni. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li deċiżjoni ta' ekwivalenza tkun ġiet adottata li tirrikonoxxi l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorji ta' pajjiż terz bħala ekwivalenti. Paragrafu (4) tal-Artikolu 30 jitlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tistabbilixxi arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe pajjiż terz li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta' ekwivalenza.

(2)

L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jippermettu lill-ESMA u lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz biex jiskambjaw l-informazzjoni kollha rilevanti għat-twettiq tal-kompiti superviżorji rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tadotta għadd ta' deċiżjonijiet ta' ekwivalenza, u l-parametri referenzjarji fornuti minn amministraturi li jinsabu f'kull wieħed mill-pajjiżi relevanti jistgħu mbagħad ikunu eliġibbli biex jintużaw minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni. Għalhekk huwa importanti li kull sett ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni jkun fih l-istess rekwiżiti minimi fir-rigward tal-formoli u l-proċeduri li għandhom jintużaw għall-iskambju ta' informazzjoni, inkluż l-istess dispożizzjonijiet ta' kunfidenzjalità u l-istess kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-informazzjoni miksuba taħt l-arranġamenti ta' kooperazzjoni.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti se jkollhom għarfien adegwat tal-avvenimenti rilevanti kollha u l-bidliet ta' ċirkostanzi li x'aktarx jaffettwaw lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Jekk l-entitajiet taħt superviżjoni jużaw il-parametri referenzjarji pprovduti mill-amministraturi minn dawk il-ġurisdizzjonijiet fl-Unjoni, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti f'dawk il-ġurisdizzjonijiet iżommu lill-ESMA infurmata dwar tali avvenimenti u bidliet. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom għalhekk jinkludu dispożizzjoni biex l-ESMA tiġi notifikata b'kull tali avvenimenti jew bidliet.

(4)

Bl-istess mod, l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi jridu jinżammu infurmati dwar l-attivitajiet tal-amministraturi li jkunu qed jissorveljaw. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom għalhekk jipprevedu li l-ESMA tinforma lill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jekk l-amministraturi taħt superviżjoni minn dik l-awtorità kompetenti jinnotifikaw lill-ESMA dwar il-kunsens tagħhom li l-parametri referenzjarji tagħhom qegħdin jintużaw minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni.

(5)

Bl-eċċezzjoni tal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/1011 li tirtira r-reġistrazzjoni ta' amministratur li jinsab f'pajjiż terz, l-ESMA ma għandha l-ebda setgħat superviżorji diretti fuq amministraturi li jinsabu f'pajjiżi terzi. Hija tibbaża ruħha minflok fuq is-superviżjoni minn, u l-kooperazzjoni ma', l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom għalhekk jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-rwoli rispettivi tal-partijiet involuti fil-kooperazzjoni superviżorja, inklużi l-ispezzjonijiet fuq il-post.

(6)

Il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' referenza jkollhom l-istess kontenut minimu bħall-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li, fl-istabbiliment tal-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-ESMA, il-kontenut huwa xieraq ukoll għal-arranġamenti ta' kooperazzjoni skont l-Artikolu 32(5).

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(8)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, kif l-ESMA kkonkludiet li dawn kienu jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tal-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, b'kont meħud tal-fatt li l-istandards tekniċi regolatorji se jkunu ta' interess dirett biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-ESMA, u mhux għall-parteċipanti fis-suq.

(9)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Jenħtieġ li l-amministraturi jingħataw żmien biżżejjed biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament għalhekk jibda japplika xahrejn wara li jidħol fis-seħħ.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni

L-arranġamenti ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (“arranġamenti ta' kooperazzjoni”) għandhom jistabbilixxu b'mod ċar l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom. Dan l-ambitu għandu jinkludi l-kooperazzjoni mill-partijiet fuq mill-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-iskambju tal-informazzjoni u l-provvediment ta' notifiki rilevanti għat-twettiq tal-kompiti superviżorji rispettivi tagħhom;

(b)

kull kwistjoni li tista' tkun rilevanti għall-operazzjonijiet, attivitajiet jew servizzi tal-amministraturi koperta mill-arranġamenti ta' kooperazzjoni inkwistjoni, inkluż il-provvista lill-ESMA ta' informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti li għalihom dawk l-amministraturi jkunu suġġetti fil-pajjiż terz u kull bidla materjali lil dawk il-liġijiet jew regolamenti;

(c)

kull azzjoni regolatorja jew superviżorja meħuda, jew approvazzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fir-rigward ta' kwalunkwe amministratur li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-użu ta' parametri referenzjarji fl-Unjoni inklużi bidliet lill-obbligi jew ir-rekwiżiti li għalihom l-amministratur huwa suġġett li jista' jkollhom impatt fuq il-konformità kontinwa mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-amministratur.

Artikolu 2

Skambju ta' informazzjoni u notifiki

L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas id-disposizzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew notifiki li għandhom jiġu skambjati jew mogħtija taħt l-arranġamenti:

(a)

dispożizzjoni li tirrikjedi li t-talbiet għal informazzjoni jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni mitluba mill-awtorità li titlob dan u dettalji fil-qosor li jiddeskrivu s-suġġett tat-talba, il-fini li għalih qed tintalab l-informazzjoni u l-liġijiet u r-regolamenti rilevanti applikabbli għall-attività tal-parametri referenzjarji;

(b)

id-dettalji tal-mekkaniżmu jew mekkaniżmi li permezz tagħhom l-informazzjoni u n-notifiki għandhom jiġu skambjati jew mogħtija;

(c)

dispożizzjoni li teħtieġ li l-informazzjoni u n-notifiki għandhom jiġu skambjati jew mogħtija bil-miktub;

(d)

dispożizzjoni li teħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li kwalunkwe skambju jew għoti ta' informazzjoni iseħħ b'mod sigur;

(e)

dispożizzjoni li teħtieġ li l-informazzjoni u n-notifiki għandhom jiġu pprovduti fil-pront u, fejn applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' żmien speċifikati fl-arranġamenti;

Artikolu 3

Kooperazzjoni superviżorja

1.   L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jispeċifikaw qafas għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji tal-partijiet fil-qasam tas-superviżjoni tal-parametri referenzjarji, inklużi mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

rekwiżit li firmatarju li jixtieq iwettaq attività superviżorja jagħmel talba bil-miktub inizjali fir-rigward tal-attività;

(b)

rekwiżit li t-talba tispjega l-kuntest fattwali u ġuridiku, u tagħti stima ta' żmien, għall-attività in kwistjoni;

(c)

rekwiżit li l-firmatarju l-ieħor jirrikonoxxi l-wasla tat-talba bil-miktub fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mir-riċevuta.

2.   Għall-finijiet tal-koordinazzjoni tal-ispezzjonijiet fuq il-post tal-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz, l-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jistabbilixxu proċedura sabiex il-partijiet jaslu għal qbil dwar it-termini li jirregolaw tali spezzjonijiet fuq il-post, inkluż mill-anqas it-termini li jiddikjaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, id-dritt tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li takkumpanja kull spezzjoni fuq il-post u kwalunkwe dmir fuq l-imsemmija awtorità sabiex tgħin fir-rieżami, fl-interpretazzjoni u fl-analiżi tal-kontenut ta' kotba u reġistri pubbliċi u mhux pubbliċi u fil-kisba ta' informazzjoni minn diretturi u maniġers superjuri ta' kwalunkwe amministratur kopert mill-arranġamenti.

Artikolu 4

Kunfidenzjalità, użu tal-informazzjoni u protezzjoni tad-data

1.   L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jeħtieġu lill-partijiet biex jastjenu milli jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni skambjata jew mogħtija lilhom taħt arranġamenti ta' kooperazzjoni, ħlief meta l-parti li kienet ipprovdiet l-informazzjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel bil-miktub jew fejn l-iżvelar ta' data huwa obbligu meħtieġ u proporzjonat skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

2.   L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jeħtieġu li l-informazzjoni miksuba minn awtorità skont l-arranġamenti għandha tiġi maħżuna b'mod sikur, u għandhom jippermettu li l-informazzjoni tintuża biss għall-għan stabbilit minn dik l-awtorità fit-talba tagħha għal informazzjoni jew, jekk l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta mod ieħor għajr talba, għall-iskop biss li tippermetti lill-imsemmija awtorità teżerċita funzjonijiet regolatorji u superviżorji. Dik l-awtorità tista', madankollu, tuża l-informazzjoni għal skop ieħor jekk tkun kisbet kunsens minn qabel bil-miktub sabiex tagħmel dan mingħand l-awtorità li pprovdiet l-informazzjoni taħt l-arranġamenti.

3.   Fejn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jippermettu li d-data personali tiġi skambjata, għandhom jinkludu dispożizzjonijiet biex jiżguraw mezzi adegwati għall-protezzjoni ta' din id-data li tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li huma parti mill-arranġament ta' kooperazzjoni rispettiv.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).