24.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1595

tat-23 ta' Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 23 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fis-7 ta' Ġunju 2017, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika l-Interpretazzjoni 23 Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Interpretations Committee, IFRIC 23). IFRIC 23 jispeċifika kif għandha tkun riflessa l-inċertezza fil-kontabilità għat-taxxi fuq l-introjtu.

(3)

L-adozzjoni tal-IFRIC 23 timplika, bħala konsegwenza, emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards ta' kontabilità kkonċernati.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IFRIC 23 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-interpretazzjoni 23 Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRIC 23) tiddaħħal kif stipulat fl-Anness ma' dan ir-Regolament;

(b)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 huwa emendat skont l-IFRIC 23 kif stabbilit fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mid-data tat-tnedija tal-ewwel sena finanzjarja tagħha, li tibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

IFRIC 23

INĊERTEZZA DWAR IT-TRATTAMENTI TAT-TAXXA FUQ ID-DĦUL

IFRIC 23

INĊERTEZZA DWAR IT-TRATTAMENTI TAT-TAXXA FUQ ID-DĦUL

REFERENZI

IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji

IAS 8 Politika ta' Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta' Kontabilità u Żbalji

IAS 10 Avvenimenti wara l-Perjodu tar-Rappurtar

IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul

SFOND

1.

IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul tispeċifika r-rekwiżiti għal assi u obbligazzjonijiet ta' taxxa kurrenti u diferiti. Entità tapplika r-rekwiżiti fl-IAS 12 abbażi tal-liġijiet tat-taxxa applikabbli.

2.

Jista' ma jkunx ċar kif il-liġi fiskali tapplika għal tranżazzjoni jew ċirkostanza partikolari. L-aċċettabbiltà ta' trattament tat-taxxa partikolari skont il-liġi tat-taxxa tista' ma tkunx magħrufa sakemm l-awtorità ta' tassazzjoni jew qorti kompetenti tieħu deċiżjoni fil-futur. Konsegwentement, tilwima jew eżami ta' xi trattament tat-taxxa partikolari mill-awtorità tat-tassazzjoni tista' taffettwa l-kontabilità ta' entità għal assi jew obbligazzjoni ta' taxxa kurrenti jew diferita.

3.

F'din l-Interpretazzjoni:

(a)

“trattamenti tat-taxxa” tirreferi għat-trattamenti użati minn entità jew li hija biħsiebha tuża fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul tagħha.

(b)

“awtorità ta' tassazzjoni” tirreferi għal korp jew korpi li jiddeċiedu jekk trattamenti tat-taxxa humiex aċċettabbli skont il-liġi tat-taxxa. Dan jista' jinkludi qorti.

(c)

“trattament tat-taxxa inċert” huwa trattament li dwaru hemm inċertezza dwar jekk l-awtorità ta' tassazzjoni kompetenti hijiex se taċċetta t-trattament skont il-liġi tat-taxxa. Pereżempju, deċiżjoni ta' entità li ma tissottomettix kwalunkwe dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul f'ġuriżdizzjoni tat-taxxa, jew li ma tinkludix dħul partikolari fil-profitt taxxabbli, huwa trattament tat-taxxa inċert jekk l-aċċettazzjoni tiegħu hija inċerta skont il-liġi tat-taxxa.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

4.

Din l-interpretazzjoni tikkjarifika kif għandhom jiġu applikati l-ħtiġijiet ta' rikonoxximent u kejl f'IAS 12 meta jkun hemm inċertezza dwar it-trattamenti tat-taxxa fuq id-dħul. F'tali ċirkostanza, entità għandha tirrikonoxxi u tkejjel l-assi jew l-obbligazzjoni ta' taxxa kurrenti jew diferita tagħha billi tapplika r-rekwiżiti fl-IAS 12 abbażi tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u r-rati tat-taxxa determinati skont din l-Interpretazzjoni.

KWISTJONIJIET

5.

Fejn hemm inċertezza dwar it-trattamenti tat-taxxa fuq id-dħul, din l-Interpretazzjoni tindirizza:

(a)

jekk entità tikkunsidrax trattament tat-taxxa inċert b'mod separat;

(b)

l-assunzjonijiet li tagħmel entità dwar l-eżami ta' trattamenti tat-taxxa mill-awtoritajiet tat-taxxa;

(c)

kif entità tiddetermina l-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa; kif ukoll

(d)

kif entità tikkunsidra tibdiliet fil-fatti u ċ-ċirkostanzi.

KUNSENS

Jekk entità tikkunsidra trattament tat-taxxa inċert b'mod separat;

6.

Entità għandha tiddetermina jekk tikkunsidrax kull trattament tat-taxxa inċert separatament jew flimkien ma' trattament tat-taxxa inċerti wieħed jew aktar fuq il-bażi ta' liema approċċ jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza. Fid-determinazzjoni tal-approċċ li jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza, entità tista' tikkunsidra, pereżempju, (a) kif tħejji d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tagħha u kif tappoġġa trattamenti tat-taxxa; jew (b) kif l-entità tistenna li l-awtorità ta' tassazzjoni twettaq l-eżami tagħha u ssolvi kwistjonijiet li jistgħu jqumu minn dan l-eżami.

7.

Jekk, fl-applikazzjoni tal-paragrafu 6, entità tikkunsidra flimkien iktar minn trattament wieħed tat-taxxa, l-entità għandha taqra r-referenzi għal “trattament tat-taxxa inċert” f'din l-Interpretazzjoni bħala li jirreferu għall-grupp ta' trattamenti ta' taxxa inċerti kkunsidrati flimkien.

Eżami mill-awtoritajiet tat-taxxa

8.

Fil-valutazzjoni ta' jekk u kif xi trattament tat-taxxa inċert jaffettwax id-determinazzjoni ta' profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa, entità għandha tassumi li awtorità ta' tassazzjoni se teżamina l-ammonti li għandha dritt li teżamina u jkollha għarfien sħiħ tal-informazzjoni kollha relatata meta twettaq dawn l-eżamijiet.

Determinazzjoni tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa

9.

Entità għandha tqis jekk ikunx probabbli li awtorità ta' tassazzjoni taċċetta trattament tat-taxxa inċert.

10.

Jekk entità tikkonkludi li jkun probabbli li awtorità ta' tassazzjoni se taċċetta trattament tat-taxxa inċert, l-entità għandha tiddetermina l-profitt taxxabbli, (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, impenji ta' taxxa mhux użati jew rati tat-taxxa b'mod konsistenti mat-trattament tat-taxxa użat jew ippjanat li jintuża fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul tagħha.

11.

Jekk entità tikkonkludi li mhuwiex probabbli li l-awtorità ta' tassazzjoni se taċċetta trattament tat-taxxa inċert, l-entità għandha tirrifletti l-effett ta' inċertezza fid-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli relatat, (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati jew rati tat-taxxa. Entità għandha tirrifletti l-effett ta' inċertezza għal kull trattament tat-taxxa inċert billi tuża wieħed mill-metodi segwenti, skont liema metodu l-entità tistenna li jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza:

(a)

l-ammont l-aktar probabbli — l-ammont singolu l-aktar probabbli fost il-firxa ta' eżiti possibbli. L-ammont l-iktar probabbli jista' jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza jekk l-eżiti possibbli huma binarji jew huma kkonċentrati fuq valur wieħed.

(b)

il-valur mistenni — is-somma tal-ammonti ponderati skont il-probabbiltà f'firxa ta' eżiti possibbli. Il-valur mistenni jista' jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza jekk ikun hemm firxa ta' eżiti possibbli li la jkunu binarji u lanqas ikkonċentrati fuq valur wieħed.

12.

Jekk trattament tat-taxxa inċert jaffettwa taxxa kurrenti u taxxa diferita (pereżempju, jekk taffettwa kemm il-profitt taxxabbli li jintuża biex tiġi determinata t-taxxa kurrenti u l-bażijiet tat-taxxa użati biex tiġi determinata t-taxxa differita), entità għandha tagħmel kostatazzjonijiet u stimi konsistenti kemm għat-taxxa kurrenti kif ukoll għat-taxxa diferita.

Tibdiliet fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi

13.

Entità għandha tirrivaluta kostatazzjoni jew stima meħtieġa minn din l-Interpretazzjoni jekk il-fatti u ċ-ċirkostanzi li fuqhom il-kostatazzjoni jew l-istima kienet ibbażata jinbidlu jew bħala riżultat ta' informazzjoni ġdida li taffettwa l-kostatazzjoni jew l-istima. Pereżempju, bidla fil-fatti u ċ-ċirkostanzi tista' tibdel il-konklużjonijiet ta' entità dwar l-aċċettabbiltà ta' trattament tat-taxxa jew l-istima tal-entità tal-effett ta' inċertezza, jew it-tnejn. Il-paragrafi A1–A3 jistabbilixxu gwida dwar tibdiliet fil-fatti u ċ-ċirkostanzi.

14.

Entità għandha tirrifletti l-effett ta' bidla fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi jew ta' informazzjoni ġdida bħala bidla fl-istima tal-kontabilità billi tapplika l-IAS 8 Politika ta' Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta' Kontabilità u Żbalji. Entità għandha tapplika l-IAS 10 Avvenimenti wara l-Perjodu tar-Rappurtar biex tiddetermina jekk bidla li sseħħ wara l-perjodu tar-rappurtar hijiex avveniment ta' aġġustament jew ta' nuqqas ta' aġġustament.

Appendiċi A

Gwida tal-Applikazzjoni

Dan l-Appendiċi huwa parti integrali mill-IFRIC 23 u għandu l-istess awtorità tal-partijiet l-oħra tal-IFRIC 23.

TIBDILIET FIL-FATTI U FIĊ-ĊIRKOSTANZI (PARAGRAFU 13)

A1   Bl-applikazzjoni tal-paragrafu 13 ta' din l-Interpretazzjoni, entità għandha tivvaluta r-rilevanza u l-effett ta' bidla fil-fatti u ċ-ċirkostanzi jew ta' informazzjoni ġdida fil-kuntest ta' liġijiet tat-taxxa applikabbli. Pereżempju, avveniment partikolari jista' jwassal għal rivalutazzjoni ta' kostatazzjoni jew stima magħmula għal trattamenti tat-taxxa iżda mhux għal ieħor, jekk dawn it-trattamenti tat-taxxa jkunu suġġetti għal liġijiet tat-taxxa differenti.

A2   Eżempji ta' tibdiliet fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi jew informazzjoni ġdida li, skont iċ-ċirkostanzi, tista' tirriżulta fir-rivalutazzjoni ta' kostatazzjoni jew stima meħtieġa minn din l-Interpretazzjoni jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn:

(a)

eżamijiet jew azzjonijiet minn awtorità ta' tassazzjoni. Pereżempju:

(i)

qbil jew nuqqas ta' qbil mill-awtorità ta' tassazzjoni mat-trattament tat-taxxa jew trattament tat-taxxa simili li jintuża mill-entità;

(ii)

informazzjoni li l-awtorità tat-tassazzjoni qablet jew ma qablitx ma' trattament tat-taxxa simili użat minn entità oħra; u

(iii)

informazzjoni dwar l-ammont riċevut jew imħallas biex jiġi saldat trattament ta' taxxa simili.

(b)

bidliet fir-regoli stabbiliti minn awtorità tat-tassazzjoni.

(c)

l-iskadenza tad-dritt ta' kull awtorità tat-tassazzjoni li teżamina jew tirrieżamina trattament tat-taxxa.

A3   L-assenza ta' qbil jew nuqqas ta' qbil minn awtorità tat-tassazzjoni bi trattament tat-taxxa, f'iżolazzjoni, x'aktarx ma jikkostitwixxix bidla fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi jew informazzjoni ġdida li taffettwa l-kostatazzjonijiet u l-istimi meħtieġa minn din l-Interpretazzjoni.

DIVULGAZZJONI

A4   Meta jkun hemm inċertezza dwar it-trattamenti tat-taxxa fuq id-dħul, entità għandha tiddetermina jekk għandhiex tiżvela:

(a)

il-kostatazzjonijiet u l-istimi li jsiru fil-kalkolu tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa li japplikaw il-paragrafu 122 tal-IAS 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji; u

(b)

informazzjoni dwar il-kostatazzjonijiet u l-istimi li jsiru fil-kalkolu tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa li japplikaw il-paragrafi 125–129 tal-IAS 1.

A5   Jekk entità tikkonkludi li jkun probabbli li awtorità tat-tassazzjoni taċċetta trattament tat-taxxa inċert, l-entità għandha tiddetermina jekk għandhiex tiżvela l-effett potenzjali ta' inċertezza bħala kontinġenza relatata mat-taxxa billi jiġi applikat il-paragrafu 88 tal-IAS 12.

Appendiċi B

Data u tranżizzjoni effettiva

Dan l-Appendiċi huwa parti integrali mill-IFRIC 23 u għandu l-istess awtorità ta' partijiet oħra tal-IFRIC 23.

DATA EFFETTIVA

B1   Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi ta' rapportar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

TRANŻIZZJONI

B2   Mal-applikazzjoni inizjali, entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni jew:

(a)

tapplika b'mod retrospettiv l-IAS 8, jekk dan ikun possibbli mingħajr l-użu tal-esperjenza; jew

(b)

b'mod retrospettiv bl-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali tal-Interpretazzjoni rikonoxxuta fid-data tal-applikazzjoni inizjali. Jekk entità tagħżel dan l-approċċ ta' tranżizzjoni, ma għandhiex terġa' tiddikjara b'mod ġdid informazzjoni komparattiva. Minflok, l-entità għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni mill-bidu ta' din l-Interpretazzjoni bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ miżmum (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq). Id-data tal-applikazzjoni inizjali hija l-bidu tal-perjodu ta' rappurtar annwali li fih entità tapplika għall-ewwel darba din l-Interpretazzjoni.

Appendiċi C

Entità għandha tapplika l-emenda f'dan l-Appendiċi meta tapplika l-IFRIC 23.

Emenda għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju

Il-paragrafu 39AF ġie miżjud.

39AF   IFRIC 23 Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq id-Dħul żied il-paragrafu E8. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRIC 23.

Fl-Appendiċi E, il-paragrafu E8 u l-intestatura relatata huma miżjuda.

Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq id-Dħul

E8   Wieħed li jadotta għall-ewwel darba li d-data tat-tranżizzjoni tiegħu għall-IFRS hija qabel l-1 ta' Lulju 2017 jista' jagħżel li ma jirriflettix l-applikazzjoni tal-IFRIC 23 Inċertezza fuq it-Trattamenti tat-Taxxa fuq id-Dħul f'informazzjoni komparattiva fl-ewwel rapporti finanzjarji IFRS tiegħu. Entità li tagħmel dik l-għażla għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni tal-IFRIC 23 bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ miżmum (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq) fil-bidu tal-ewwel perjodu ta' rappurtar IFRS.