2.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1467
tas-27 ta' Lulju 2018
li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward taż-żieda tal-Pakistan mat-tabella fil-punt I tal-Anness
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-preklużjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Unjoni trid tiżgura protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma ta' theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
(2) |
Jenħtieġ li f'mumenti xierqa l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir elenkati fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 (2) fid-dawl tal-progress li jkun sar minn dawk il-pajjiżi terzi b'riskju kbir biex ineħħu n-defiċjenzi strateġiċi fir-reġim dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”). Jenħtieġ li fil-valutazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni tqis l-informazzjoni ġdida li tasal mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jfasslu standards, bħal dawk maħruġa mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF). Fid-dawl ta' din l-informazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika wkoll aktar pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw defiċjenzi strateġiċi fir-reġim tagħhom AML/CFT. |
(3) |
B'konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-iktar informazzjoni reċenti disponibbli b'mod partikolari l-Istqarriji Pubbliċi reċenti tal-FATF, id-dokument tal-FATF “Titjib tal-Konformità Globali tal-AML/CFT: proċess li għadu għaddej”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta' Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali b'konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849. |
(4) |
L-FATF identifikat lill-Pakistan bħala pajjiż li għandu defiċjenzi strateġiċi fir-reġim tiegħu ta' finanzjament tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u dik kontra t-terroriżmu (“AML/CFT”) li jippreżentaw riskju lis-sistema finanzjarja internazzjonali, u li għalihom żviluppa pjan ta' azzjoni mal-FATF. |
(5) |
Il-qafas AML/CFT fis-seħħ fil-Pakistan u l-mod li bih dak il-qafas huwa applikat jiżvelaw defiċjenzi strateġiċi. Id-defiċjenzi jinkludu s-superviżjoni u l-infurzar ta' kontrolli tal-AML/CFT minn istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi negozji tas-servizz tal-flus; miżuri insuffiċjenti biex jiġi evitat it-trasport transfruntier illeċitu ta' flus; l-ebda track record robust ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta' finanzjament tat-terroriżmu, inkluż in-nuqqas ta' koordinazzjoni meħtieġa bejn id-diversi awtoritajiet; l-implimentazzjoni insuffiċjenti ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati u tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1267 (1999) u 1373 (2001); infurzar insuffiċjenti ta' projbizzjoni ta' fondi u servizzi finanzjarji. |
(6) |
Meta jitqies il-livell għoli ta' integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta' tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-grad ta' ftuħ tas-suq, il-Kummissjoni qis li kull theddida AML/CFT ippreżentata għas-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE. |
(7) |
Skont l-informazzjoni relevanti l-aktar reċenti, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Pakistan jenħtieġ li jitqies bħala ġurisdizzjoni ta' pajjiż terz li għandu defiċjenzi strateġiċi fir-reġim AML/CFT tiegħu li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Madankollu, dan il-pajjiż ipprovda impenn politiku ta' livell għoli bil-miktub sabiex jindirizza id-defiċjenzi identifikati u żviluppa pjan ta' azzjoni mal-FATF, li se jippermettilu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849. Il-Kummissjoni se terġa' tivvaluta l-istatus ta' dan il-pajjiż fid-dawl tal-implimentazzjoni ta' dan l-impenn. |
(8) |
Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fit-tabella fil-punt I jiddaħħlu l-linji li ġejjin:
“14 |
Il-Pakistan” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).