1.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1462

tat-28 ta' Settembru 2018

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għal ċerti esteri tas-sorbitan (E 491 Monostearat tas-sorbitan, E492 Tristearat tas-sorbitan u E495 Monopalmitat tas-sorbitan)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(2)

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

(3)

Fl-14 ta' Ottubru 2014, intbagħtet applikazzjoni għall-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw dawn l-addittivi tal-ikel: il-monostearat tas-sorbitan (E491), it-tristearat tas-sorbitan (E492) u l-monopalmitat tas-sorbitan (E495). L-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

L-ispeċifikazzjonijiet attwali tal-Unjoni jistabbilixxu medda ta' temperaturi għall-konġelar (parametru tal-identifikazzjoni) għall-monostearat tas-sorbitan (E491), it-tristearat tas-sorbitan (E492) u l-monopalmitat tas-sorbitan (E495).

(5)

L-applikant qed jitlob li r-referenza għall-medda tal-konġelar bħala metodu tal-identifikazzjoni għall-monostearat tas-sorbitan (E491), it-tristearat tas-sorbitan (E492) u l-monopalmitat tas-sorbitan (E495) fl-ispeċifikazzjonijiet tal-Unjoni titneħħa billi mhijiex metodu ottimali għall-identifikazzjoni minħabba n-nuqqas ta' metodoloġija ċara u komuni.

(6)

Fl-opinjoni tagħha tal-5 ta' Mejju 2017 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-emenda għall-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tat-tneħħija tal-parametru “medda tal-konġelar” għall-identifikazzjoni tal-monostearat tas-sorbitan (E491), it-tristearat tas-sorbitan (E492) u l-monopalmitat tas-sorbitan (E495) kif proposti mill-applikant ma tagħtix lok għal tħassib dwar is-sikurezza.

(7)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li t-tneħħija tal-medda tal-konġelar mill-ispeċifikazzjonijiet tal-Unjoni tirriżulta f'inqas karatterizzazzjoni tad-diversi esteri tas-sorbitan tal-aċidi xaħmin saturati, u li dan il-parametru tal-identifikazzjoni jista' jiġi sostitwit b'ieħor. L-Awtorità nnutat li mill-metodi analitiċi kollha disponibbli, jidher li l-analiżi tal-kromatografija b'fażi gassuża hija l-iktar waħda preċiża u affidabbli u hija tajba biex tintuża għall-kontrolli fuq l-ikel.

(8)

Konsegwentement, jixraq li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tal-Unjoni rigward it-tneħħija tal-“medda tal-konġelar” bħala parametru tal-identifikazzjoni għall-addittivi tal-ikel, il-monostearat tas-sorbitan (E491), it-tristearat tas-sorbitan (E492) u l-monopalmitat tas-sorbitan (E495), u li jiġu sostitwitu bi “Test tal-identifikazzjoni - bil-valur tal-aċidu, bil-valur tal-jodju, il-kromatografija b'fażi gassuża”.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  Il-Bord tal-ANS tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel), 2017. Scientific Opinion on the re-evaluation of sorbitan monostearate (E 491), sorbitan tristearate (E 492), sorbitan monolaurate (E 493), sorbitan monooleate (E 494) and sorbitan monopalmitate (E 495) when used as food additives. EFSA Journal 2017;15(5):4788, 56 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4788


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-entrata għall-addittiv alimentari, E491 il-monostearat tas-sorbitan, l-ispeċifikazzjoni fir-rigward tal-“medda tal-konġelar” tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Test tal-identifikazzjoni

bil-valur tal-aċidu, il-valur tal-jodju (mhux iktar minn 4), il-kromatografija b'fażi gassuża”

(2)

Fl-entrata għall-addittiv tal-ikel E 492, it-tristearat tas-sorbitan, l-ispeċifikazzjoni fir-rigward tal-“medda tal-konġelar” tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Test tal-identifikazzjoni

bil-valur tal-aċidu, il-valur tal-jodju (mhux iktar minn 4), il-kromatografija b'fażi gassuża”

(3)

Fl-entrata għall-addittiv tal-ikel E 495, il-monopalmitat tas-sorbitan, fir-rigward tal-“medda tal-konġelar” tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Test tal-identifikazzjoni

bil-valur tal-aċidu, il-valur tal-jodju (mhux iktar minn 4), il-kromatografija b'fażi gassuża”