19.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1240 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Settembru 2018

li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 2016 bit-titlu “Sistemi ta’ Informazzjoni Aktar b’Saħħithom u Aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà” ddeskriviet il-ħtieġa li l-Unjoni ssaħħaħ u ttejjeb is-sistemi tal-IT tagħha, l-arkitettura tad-data u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hija tenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni. B’mod partikolari, tistabbilixxi opzjonijiet possibbli biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, jiġu żviluppati sistemi ġodda u komplementari biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li għadhom preżenti fil-qasam tal-informazzjoni.

(2)

Fil-fatt, il-Komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2016 identifikat sensiela ta’ nuqqasijiet fil-qasam tal-informazzjoni. Fosthom, il-fatt li l-awtoritajiet tal-fruntieri fuq il-fruntieri esterni ta’ Schengen ma għandhom ebda informazzjoni dwar vjaġġaturi li jkunu eżentati mill-ħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (“il-ħtieġa ta’ viża”). Il-Komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2016 ħabbret li l-Kummissjoni kellha tniedi studju dwar il-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS). L-istudju dwar il-fattibilità tlesta f’Novembru 2016. Is-sistema tista’ tiddetermina l-eliġibbiltà ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża qabel ma jivvjaġġaw lejn iż-Żona Schengen, u jekk tali vvjaġġar joħloqx riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 bit-titlu “It-titjib tas-sigurtà f’dinja ta’ mobbiltà: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar” tikkonferma l-prijorità li l-fruntieri esterni jsiru aktar siguri u tippreżenta inizjattivi konkreti biex jiġi aċċellerat u mifrux ir-rispons tal-Unjoni biex tkompli ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

(4)

Huwa neċesarju li jiġu speċifikati l-objettivi tal-ETIAS, biex tiġi definita l-arkitettura teknika u organizzativa tagħha, biex jiġu stabbiliti regoli dwar l-operazzjoni u l-użu tad-data li għandha tiddaħħal fis-sistema mill-applikant u regoli dwar il-ħruġ jew ir-rifjut tal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar, u biex jiġu stabbiliti l-finijiet li għalihom għandha tiġi pproċessata d-data, biex jiġu identifikati l-awtoritajiet awtorizzati li jaċċessaw id-data u biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data personali.

(5)

Jenħtieġ li l-ETIAS tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża.

(6)

Jenħtieġ li din tapplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi mid-dritt tal-moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u l-pajjiż terz min-naħa l-oħra u li ma jkollhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (4). L-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, soġġett għal-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati biex dawn isiru effettivi. Il-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet rispettivi jinstabu fid-Direttiva 2004/38/KE.

(7)

Kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja (5), tali membri tal-familja għandhom id-dritt li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri u jiksbu viża ta’ dħul għal dak il-fini. Konsegwentement, jenħtieġ li membri tal-familja eżentati mill-ħtieġa ta’ viża jkollhom id-dritt li jiksbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lil tali persuni kull faċilità biex jiksbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li jenħtieġ li tinħareġ mingħajr ħlas.

(8)

Id-dritt għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mhuwiex mingħajr kondizzjonijiet, billi din tista’ tiġi rrifjutat lil dawk il-membri tal-familja li huma ta’ riskju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika skont id-Direttiva 2004/38/KE. F’dan il-kuntest, il-membri tal-familja jistgħu jintalbu jipprovdu d-data personali tagħhom relatata mal-identifikazzjoni u l-istatus tagħhom biss sakemm din tkun rilevanti għall-valutazzjoni tat-theddida għas-sigurtà li jistgħu jirrappreżentaw. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-eżami tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom isir esklużivament fil-konfront tat-tħassib relatat mas-sigurtà u mhux ta’ dak relatat mar-riskji tal-migrazzjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-ETIAS tipprovdi awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża li tippermetti konsiderazzjoni dwar jekk il-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri toħloqx jew tkunx ser toħloq riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali, jew riskju għoli ta’ epidemija. Jenħtieġ għalhekk li awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tikkostitwixxi deċiżjoni li tindika li ma hemmx indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi biex wieħed iqis li l-preżenza ta’ persuna fit-territorju tal-Istati Membri toħloq riskji bħal dawn. Bħala tali, awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar hija min-natura tagħha differenti minn viża; ma tkunx teħtieġ aktar informazzjoni u lanqas ma tqiegħed piż akbar fuq l-applikanti meta mqabbla ma’ viża. Jenħtieġ li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida tkun kondizzjoni ġdida għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri. Is-sempliċi pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, iżda, ma jagħtix dritt awtomatiku ta’ dħul.

(10)

Jenħtieġ li l-ETIAS tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà, għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi tipprovdi valutazzjoni tal-viżitaturi qabel il-wasla tagħhom fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni.

(11)

Jenħtieġ li l-ETIAS tikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fuq il-fruntieri mwettqa mill-gwardji tal-fruntiera fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni. Jenħtieġ li tiżgura wkoll valutazzjoni koordinata u armonizzata taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li għandhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw lejn Stati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiffaċilita li l-applikanti jkunu informati aħjar dwar l-eliġibbiltà tagħhom li jivvjaġġaw lejn Stati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ETIAS tikkontribwixxi wkoll biex tiffaċilita l-verifiki fuq il-fruntieri billi tnaqqas l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul fuq il-fruntieri esterni u billi tagħti lill-gwardji tal-fruntieri ċerta informazzjoni addizzjonali relatata mal-immarkar.

(12)

Jenħtieġ li l-ETIAS tappoġġa wkoll l-objettivi tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) relatati mal-allerti rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn, rigward persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja jew għal finijiet ta’ estradizzjoni, dwar persuni nieqsa, dwar persuni mfittxija biex jgħinu fi proċedura ġudizzjarja u dwar persuni għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-ETIAS tqabbel data rilevanti mill–fajls tal-applikazzjonijiet mal-allerti rilevanti fis-SIS. Fejn mit-tqabbil jirriżulta li hemm korrispondenza bejn data personali fil-fajl ta’ applikazzjoni u l-allerti rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn, persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja jew għal finijiet ta’ estradizzjoni, jenħtieġ li l-fajl tal-applikazzjoni jiġi pproċessat manwalment mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli. Jenħtieġ li l-valutazzjoni mwettqa mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS twassal għal deċiżjoni jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tinħariġx jew le. Fejn mit-tqabbil jirriżulta li hemm korrispondenza bejn data personali fil-fajl ta’ applikazzjoni u l-allerti dwar persuni nieqsa, dwar persuni mfittxija biex jgħinu fi proċedura ġudizzjarja u persuni għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi, jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi ttrasferita lill-Uffiċċju SIRENE, u jenħtieġ li tiġi ttrattata f’konformità mal-leġislazzjoni rilevanti dwar is-SIS.

(13)

Il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jenħtieġ li jkunu koerenti mal-objettivi speċifiċi assoċjati mat-tipi differenti ta’ allerti irreġistrati fis-SIS. B’mod partikolari, il-fatt li l-applikanti jkunu soġġetti għal allert rigward persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja jew għal finijiet ta’ estradizzjoni, jew għal allert rigward persuni għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi, jenħtieġ li ma jżommx milli tinħarġilhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar bil-għan li l-Istati Membri jieħdu azzjoni xierqa f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (6).

(14)

Jenħtieġ li l-ETIAS tkun tikkonsisti minn sistema ta’ informazzjoni fuq skala kbira, is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS.

(15)

Jenħtieġ li l-Unità Ċentrali tal-ETIAS tkun parti mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Jenħtieġ li l-Unità Ċentrali tal-ETIAS tkun responsabbli biex tivverifika, f’każijiet fejn il-proċess awtomatizzat ta’ applikazzjoni jkun irrapporta hit, jekk id-data personali tal-applikant tikkorrispondix mad-data personali tal-persuna li tkun iġġenerat dik il-hit. Meta hit tiġi kkonfermata jew fejn jifdal dubji, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS jenħtieġ li tibda l-ipproċessar manwali tal-applikazzjoni. Hija jenħtieġ li tiżgura li d-data li ddaħħal fil-fajls tal-applikazzjonijiet tkun aġġornata u tiddefinixxi, tistabbilixxi, tivvaluta ex ante, timplimenta, tevalwa ex post, tirrevedi u tħassar l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi, filwaqt li tiżgura li l-verifiki li huma mwettqa u r-riżultati tagħhom huma rreġistrati fil-fajls tal-applikazzjonijiet. Hija jenħtieġ ukoll li twettaq awditi regolari tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS, inkluż billi tivvaluta b’mod regolari l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. Barra minn dan, jenħtieġ li hija tkun responsabbli sabiex twettaq għadd ta’ kompiti ta’ appoġġ bħal li tiżgura li n-notifiki meħtieġa jintbagħtu u li tipprovdi informazzjoni u appoġġ. Jenħtieġ li hija topera 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.

(16)

Jenħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi Unità Nazzjonali tal-ETIAS responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjonijiet u tiddeċiedi jekk toħroġx, jew tirrifjutax, tannullax jew tirrevokax awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar. Jenħtieġ li l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għall-fini tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet. L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jenħtieġ li jingħataw riżorsi adegwati biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom f’konformità mal-iskadenzi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Sabiex ikun iffaċilitat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni u jitqassar il-ħin sa ma tingħata tweġiba, huwa preferibbli li l-Unitajiet Nazzjonali kollha tal-ETIAS jikkomunikaw b’lingwa waħda.

(17)

Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, l-ETIAS tenħtieġ tipprovdi formola ta’ applikazzjoni online li jenħtieġ li timtela mill-applikant b’dikjarazzjonijiet rigward l-identità, id-dokument tal-ivvjaġġar, l-informazzjoni ta’ residenza, id-dettalji ta’ kuntatt, il-livell tal-edukazzjoni u l-grupp ta’ impjieg tiegħu, kwalunkwe status li għandu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu u li ma għandhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, fejn l-applikant ikun minorenni, id-dettalji tal-persuna responsabbli għalih, u tweġibiet għal sett ta’ mistoqsijiet ġenerali.

(18)

Jenħtieġ li l-ETIAS taċċetta applikazzjonijiet li jiġu introdotti f’isem l-applikant għall-vjaġġaturi li huma stess ma jkunux f’pożizzjoni li joħolqu applikazzjoni, għal xi raġuni jew oħra. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata minn terza parti awtorizzata mill-vjaġġatur jew li tkun legalment responsabbli għalih jew għaliha, dment li l-identità ta’ din il-persuna tiġi inkluża fil-formola tal-applikazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-vjaġġaturi sabiex jawtorizzaw lill-intermedjarji kummerċjali biex joħolqu u jippreżentaw applikazzjoni f’isimhom. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS jenħtieġ li tieħu passi xierqa kontra kwalunkwe rapport ta’ abbuż minn intermedjarji kummerċjali.

(19)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti parametri sabiex jiġu żgurati l-kompletezza ta’ applikazzjoni u l-koerenza tad-data ppreżentata biex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Pereżempju, jenħtieġ li tali verifika tipprekludi l-użu ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li ser jiskadu f’inqas minn tliet xhur, li jkunu skadew jew li jkunu nħarġu aktar minn 10 snin qabel. Jenħtieġ li l–verifika sseħħ qabel ma l-applikant jintalab iħallas it-tariffa.

(20)

Sabiex din l-applikazzjoni tiġi ffinalizzata, jenħtieġ li l-applikanti jintalbu jħallsu tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jenħtieġ li l-ħlas jiġi ġestit minn bank jew minn intermedjarju finanzjarju. Jenħtieġ li d-data mitluba biex jiġi żgurat il-ħlas elettroniku tiġi pprovduta biss lill-bank jew lill-intermedjarju finanzjarju li jagħmel it-transazzjoni finanzjarja u li ma tkunx tagħmel parti mid-data maħżuna fl-ETIAS.

(21)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar jinħarġu fi ftit minuti, għalkemm għadd inqas jista’ jkollu bżonn ta’ aktar ħin, speċjalment f’każijiet eċċezzjonali. F’każijiet eċċezzjonali bħal dawn, jista’ jkun neċessarju li tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mill-applikant, biex dik l-informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali tiġi pproċessata u, insegwitu għall-eżami tal-informazzjoni jew tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-applikant, li jiġi mistieden l-applikant għal intervista. L-intervisti jenħtieġ li jitwettqu biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħala l-aħħar rimedju u meta jkun għad hemm dubji serji dwar l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta mill-applikant. B’kont meħud tan-natura eċċezzjonali tal-intervisti, inqas minn 0,1 % tal-applikanti għandhom jiġu mistiedna għal intervista. L-għadd ta’ applikanti mistiedna għal intervista jenħtieġ li jkun soġġett għal rieżami regolari mill-Kummissjoni.

(22)

Jenħtieġ li d-data personali pprovduta mill-applikanti tiġi pproċessata mill-ETIAS għall-uniku fini li jiġi vvalutat jekk id-dħul tal-applikant fl-Unjoni jistax joħloq riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija fl-Unjoni.

(23)

Il-valutazzjoni ta’ tali riskji ma tistax issir mingħajr l-ipproċessar tad-data personali li għandha tiġi pprovduta f’applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jenħtieġ li d-data personali fl-applikazzjonijiet jitqabbel mad-data li tinsab fir-rekord, fajl jew allert irreġistrat f’sistema ta’ informazzjoni jew bażi ta’ data tal-UE (is-Sistema ċentralizzata ETIAS, l-SIS, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) jew l-Eurodac), fid-data tal-Europol jew fil-bażijiet ta’ data tal-Interpol (il-bażi ta’ data tal-Interpol ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) jew fil-bażi ta’ data tal-Interpol ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN)). Id-data personali fl-applikazzjonijiet jenħtieġ li wkoll tiġi mqabbla mal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u ma’ indikaturi ta’ riskji speċifiċi. Jenħtieġ li l-kategoriji ta’ data personali li jintużaw għat-tqabbil ikunu limitati għall-kategoriji ta’ data li jinsabu f’dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jiġu kkonsultati, fid-data tal-Europol fil-bażijiet ta’ data tal-Interpol, fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS jew fl-indikaturi ta’ riskji speċifiċi.

(24)

Jenħtieġ li t-tqabbil isir b’mezzi awtomatizzati. Kull meta tali tqabbil jiżvela li hemm korrispondenza (“hit”) bejn kwalunkwe data personali jew kombinazzjoni tagħha fl-applikazzjoni u l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi jew id-data personali jew f’rekord, fajl jew allert fis-sistemi ta’ informazzjoni msemmija hawn fuq, jew fil-lista’ ta’ sorveljanza tal-ETIAS, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiġi pproċessata manwalment mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli. Jenħtieġ li l-valutazzjoni mwettqa mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS twassal għad-deċiżjoni biex l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tinħareġ jew ma tinħariġx.

(25)

Huwa mistenni li l-maġġoranza kbira tal-applikazzjonijiet jingħataw tweġiba pożittiva b’mezzi awtomatizzati. Jenħtieġ li ebda rifjut, annullament jew revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma jkun ibbażat biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali fl-applikazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet li jiġġeneraw hit jiġu pproċessati manwalment minn Unità Nazzjonali tal-ETIAS.

(26)

Jenħtieġ li l-applikanti li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom tkun ġiet irrifjutata, ikollhom id-dritt għal appell. Jenħtieġ li l-appelli jinstemgħu fl-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

(27)

Jenħtieġ li r-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS jintużaw biex jiġi analizzat fajl tal-applikazzjoni billi jippermettu tqabbil bejn id-data rreġistrata fih u l-indikaturi tar-riskji speċifiċi li jikkorrispondu ma’ riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija identifikat qabel. Jenħtieġ li l-kriterji użati għad-definizzjoni tal-indikaturi speċifiċi tar-riskju fl-ebda ċirkostanza ma jkunu bbażati biss fuq is-sess jew l-età tal-persuna. Jenħtieġ ukoll li fl-ebda ċirkostanza ma jkunu bbażati fuq informazzjoni li tiżvela l-kulur, ir-razza, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. Jenħtieġ li l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi jiġu definiti, stabbiliti, ivvalutati ex ante, implimentati, ivvalutati ex post, riveduti u mħassra mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS wara konsultazzjoni ma’ bord tal-iskrinjar tal-ETIAS magħmul minn rappreżentanti tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS u l-aġenziji involuti. Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord ta’ Gwida tal-ETIAS għad-Drittijiet Fundamentali sabiex jgħin biex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS u l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi. Jenħtieġ li s-segretarjat għal-laqgħat tiegħu jkun pprovdut mill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(28)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għall-iskopijiet li jiġu identifikati l-konnessjonijiet bejn id-data f’fajl ta’ applikazzjoni u informazzjoni relatata ma’ persuni li huma suspettati li wettqu jew li ħadu sehem f’reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor jew li dwarhom hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi, abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali ta’ persuna, biex wieħed jemmen li ser iwettqu reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor. Jenħtieġ li l-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS tifforma parti mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Jenħtieġ li d-data tiddaħħal fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS mill-Europol, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u mill-Istati Membri. Qabel ma tiddaħħal data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-data tkun adegwata, preċiża u importanti biżżejjed biex tiġi inkluża fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u li d-dħul tagħha ma tkunx twassal għal għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet li jkollhom jiġu pproċessati manwalment. Jenħtieġ li d-data tiġi riveduta u vverifikat regolarment biex tkun żgurata l-preċiżjoni kontinwa tagħhom.

(29)

Il-ħolqien kontinwu ta’ forom ġodda ta’ theddid għas-sigurtà, tendenzi ġodda ta’ immigrazzjoni irregolari u riskji għolja ta’ epidemija jirrikjedi reazzjonijiet effettivi bl-użu ta’ mezzi moderni. Billi dawn il-mezzi ħafna drabi jinvolvu l-ipproċessar ta’ ammonti sinifikanti ta’ data personali, jenħtieġ li jiġu introdotti salvagwardji adegwati biex l-interferenza mad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali tinżamm limitata għal dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika.

(30)

Għalhekk, jenħtieġ li d-data personali tal-ETIAS tinżamm sigura. Jenħtieġ li l-aċċess għaliha jkun limitat għall-persunal strettament awtorizzat. Jenħtieġ li f’ebda ċirkostanza l-aċċess ma jintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet bbażati fuq xi forma ta’ diskriminazzjoni. Jenħtieġ li d-data personali maħżuna tinżamm b’mod sigur f’faċilitajiet tal-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA) fl-Unjoni.

(31)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar li nħarġu jiġu annullati jew revokati hekk kif isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom ma kinux issodisfati jew ma jkunux għadhom issodisfati. B’mod partikolari, meta fis-SIS jiddaħħal allert ġdid dwar rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn jew allert li jirrapporta dokument tal-ivvjaġġar bħala mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat, jenħtieġ li s-SIS tinforma lill-ETIAS. L-ETIAS jenħtieġ li mbagħad tivverifika jekk dan l-allert il-ġdid jikkorrispondix ma’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Jekk ikun inħareġ allert ġdid dwar rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn, jenħtieġ li l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jekk awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun marbuta ma’ dokument tal-ivvjaġġar irrappurtat mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat fis-SIS, jew irrappurtat mitluf, misruq jew invalidat fl-SLTD, jenħtieġ li l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tipproċessa manwalment il-fajl tal-applikazzjoni. Bl-istess mod, jenħtieġ li data ġdida mdaħħla fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS titqabbel mal-fajls tal-applikazzjonijiet maħżuna fl-ETIAS sabiex jiġi vverifikat jekk dik id-data l-ġdida tkunx tikkorrispondi ma’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li daħħal id-data l-ġdida, jew tal-Istat Membru tal-ewwel soġġorn intenzjonat fil-każ ta’ data mdaħħla mill-Europol, tivvaluta l-hit u, fejn meħtieġ, tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi revokata fuq talba tal-applikant.

(32)

Meta, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, Stat Membru jikkunsidra li hu meħtieġ li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun permess jivvjaġġa fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali, jenħtieġ li huwa jkollu l-possibbiltà li joħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li tkun valida biss għal territorju u perijodu limitati.

(33)

Jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru u tal-baħar u trasportaturi internazzjonali li jġorru gruppi fuq l-art b’kowċ ikollhom l-obbligu li qabel l-imbarkazzjoni jivverifikaw li l-vjaġġaturi jkollhom fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Jenħtieġ li l-fajl tal-ETIAS innifsu ma jkunx aċċessibbli għat-trasportaturi. Jenħtieġ li t-trasportaturi ikollhom aċċess sigur għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS biex tippermettilhom li jikkonsultawha bl-użu tad-data tad-dokument tal-ivvjaġġar.

(34)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS permezz tal-portal tat-trasportaturi, jenħtieġ li jillimitaw l-impatt fuq l-ivvjaġġar tal-passiġġieri u t-trasportaturi kemm jista’ jkun. Għal dan l-għan, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-integrazzjoni mal-EES.

(35)

Bil-għan li jkun limitat l-impatt tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq trasportaturi internazzjonali li jġorru gruppi fuq l-art permezz ta’ kowċ, jenħtieġ li jkunu disponibbli soluzzjonijiet mobbli faċli għall-utent.

(36)

Fi żmien sentejn mill-bidu tal-operazzjonijiet tal-ETIAS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza, il-kompatibbiltà u l-koerenza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (8) għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-ETIAS għat-trasport fuq l-art bil-kowċis. Jenħtieġ li jittieħed kont tal-evoluzzjoni reċenti tat-trasport fuq l-art bil-kowċis. Jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għal dispożizzjonijiet emendatorji dwar trasport fuq l-art bil-kowċis imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ dik il-Konvenzjoni jew f’dan ir-Regolament.

(37)

Sabiex ikunu konformi mal-kondizzjonijiet riveduti għad-dħul, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntieri jivverifikaw jekk il-vjaġġaturi jkollhomx fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Għalhekk, matul il-proċess standard ta’ verifika fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera jaqraw id-data tad-dokument tal-ivvjaġġar b’mod elettroniku. Jenħtieġ li din l-operazzjoni tiġġenera konsultazzjoni f’bażijiet ta’ data differenti kif previst skont ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), inkluż konsultazzjoni fl-ETIAS li jenħtieġ li tipprovdi l-istatus aġġornat tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jekk ma jkun hemm ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera jirrifjutaw id-dħul u jlestu l-proċess ta’ verifika fuq il-fruntiera kif adatt. Jekk ikun hemm awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera jieħdu d-deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta d-dħul. Jenħtieġ li ċerta data fil-fajl tal-ETIAS tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-fruntiera sabiex tassistihom fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

(38)

Fejn l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tqis li jkun jixraq li xi aspetti tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jiġu eżaminati f’aktar dettall mill-awtoritajiet tal-fruntiera, jenħtieġ li hija tkun tista’ tagħmel marka fl-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li toħroġ, li tirrakkomanda verifika tat-tieni linja fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li marka tkun tista’ titwaħħal fuq talba ta’ Stat Membru kkonsultat. Fejn l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tqis li hit speċifika ġġenerata waqt l-ipproċessar tal-applikazzjoni tkun tikkostitwixxi hit falza jew fejn l-ipproċessar manwali juri li ma kien hemm l-ebda raġunijiet għal rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, jenħtieġ li hija tkun tista’ twaħħal marka mal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li hija toħroġ sabiex tiffaċilita l-verifiki fuq il-fruntieri billi tipprovdi lill-awtoritajiet tal-fruntieri b’informazzjoni relatata mal-verifiki li twettqu u biex tillimita l-konsegwenzi negattivi tal-hits foloz fuq vjaġġaturi. Jenħtieġ li f’manwal prattiku jiġu pprovduti struzzjonijiet operazzjonali għall-awtoritajiet tal-fruntieri għat-trattament ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar.

(39)

Peress li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida hija kondizzjoni ta’ dħul u soġġorn għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS meta tkun saret tfittxija preċedenti fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u din it-tfittxija tindika li l-EES ma għandhiex rekord ta’ dħul li jikkorrispondi mal-preżenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri jkollhom aċċess għal ċerta informazzjoni maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, b’mod partikolari għall-fini ta’ ritorn.

(40)

Fil-ġlieda kontra reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra u minħabba l-globalizzazzjoni ta’ netwerks kriminali, huwa imperattiv li l-awtoritajiet maħtura responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra (“awtoritajiet maħtura”) ikollhom l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. L-aċċess għad-data li tinsab fil-VIS għal tali finijiet diġà wera li hu effettiv biex jgħin lill-investigaturi jagħmlu progress sostanzjali f’każijiet relatati mat-traffikar ta’ bnedmin, it-terroriżmu u t-traffikar ta’ drogi. Il-VIS ma tinkludix data dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża.

(41)

L-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fl-ETIAS hu meħtieġ għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jew ta’ reati kriminali serji oħra kif imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (11). F’investigazzjoni speċifika u sabiex jiġu stabbiliti l-evidenza u l-informazzjoni relatati ma’ persuna suspettata li wettqet reat serju jew ma’ vittma ta’ reat serju, l-awtoritajiet maħtura jistgħu jeħtieġu aċċess għad-data ġġenerata mill-ETIAS. Id-data maħżuna fl-ETIAS tista’ wkoll tkun meħtieġa biex tidentifika l-awtur ta’ reat terroristiku jew reati kriminali serji oħra, speċjalment meta tkun meħtieġa azzjoni urġenti. L-aċċess għall-ETIAS għall-fini tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra jikkostitwixxi interferenza mad-drittijiet fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata tal-individwi u tal-protezzjoni ta’ data personali ta’ dawk il-persuni li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata fl-ETIAS. Għalhekk, jenħtieġ li d-data fl-ETIAS tinżamm u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u tal-Europol biss, soġġett għall-kondizzjonijiet stretti stipulati f’dan ir-Regolament. Dan jiżgura li l-ipproċessar tad-data tal-ETIAS huwa limitat għal dak li hu strettament neċessarju għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti notevolment fil-ġurisprudenza tal-Qorti, b’mod partikolari l-kawża Digital Rights Ireland (12).

(42)

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-aċċess għad-data maħżuna fl-ETIAS għall-fini tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra jingħata biss wara talba motivata mill-unità operattiva ta’ awtorità maħtura li tispjega r-raġunijiet għaliex huwa meħtieġ. F’każijiet ta’ urġenza, fejn ikun hemm ħtieġa li jiġi prevenut periklu imminenti għall-ħajja ta’ persuna assoċjata ma’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor, jenħtieġ li l-verifika ta’ jekk ġewx issodisfati l-kondizzjonijiet, issir wara li jkun ingħata l-aċċess għal tali data lill-awtoritajiet kompetenti maħtura. Din il-verifika ex post jenħtieġ li ssir mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta’ xogħol wara l-ipproċessar tat-talba.

(43)

Jenħtieġ għalhekk li jinħatru l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma awtorizzati jitolbu aċċess bħal dan jinħatru għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra.

(44)

Jenħtieġ li l-punt(i) ta’ aċċess ċentrali jaġixxu b’mod indipendenti mill-awtoritajiet maħtura u jivverifikaw li l-kondizzjonijiet biex jintalab aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS fil-każ konkret inkwistjoni jkunu ssodisfati.

(45)

Il-Europol hija ċ-ċentru għall-iskambju ta’ informazzjoni fl-Unjoni. Hija taqdi rwol kruċjali fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall–investigazzjonijiet ta’ reati kriminali transfruntieri billi tappoġġa l-prevenzjoni, l-analiżi u l-investigazzjoni tal-kriminalità fl-Unjoni. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Europol ikollha aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS fil-qafas tal-kompiti tagħha u f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 f’każijiet speċifiċi jekk dan ikun meħtieġ biex il-Europol tappoġġa u ssaħħaħ l-azzjoni tal-Istati Membri sabiex tipprevjeni, tikxef u tinvestiga reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra.

(46)

Biex jiġu esklużi tfittxijiet sistematiċi, jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS isir biss f’każijiet speċifiċi u biss meta jkun meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra. Jenħtieġ li l-awtoritajiet maħtura u l-Europol jitolbu aċċess għall-ETIAS biss meta jkollhom raġunijiet validi biex jemmnu li dan l-aċċess ikun ser jipprovdi informazzjoni li tgħinhom fil-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor.

(47)

Jenħtieġ li d-data personali rreġistrata fl-ETIAS tinżamm għal mhux aktar minn kemm ikun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data. Sabiex l-ETIAS tiffunzjona, jenħtieġ li d-data relatata mal-applikanti tinżamm għall-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Wara li l-perijodu ta’ validità ikun skada, jenħtieġ li d-data tkun maħżuna biss, bil-kunsens espliċitu tal-applikant u għall-fini biss tal-iffaċilitar ta’ applikazzjoni ġdida tal-ETIAS. Deċiżjoni li tirrifjuta, tannulla jew tirrevoka awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tista’ tindika li l-applikant joħloq riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija. Fejn tkun inħarġet tali deċiżjoni, jenħtieġ għaldaqstant li d-data tinżamm għal ħames snin mid-data ta’ dik id-deċiżjoni, sabiex l-ETIAS tkun tista’ tieħu kont b’mod preċiż tar-riskju ogħla li possibbilment iġib miegħu l-applikant ikkonċernat. Jekk id-data li twassal għal din id-deċiżjoni titħassar qabel, il-fajl tal-applikazzjoni jenħtieġ li jitħassar fi żmien sebat ijiem. Jenħtieġ li wara l-iskadenza ta’ tali perijodu, id-data personali titħassar.

(48)

Jenħtieġ li d-data personali maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ma ssir disponibbli għall-ebda pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew soġġett privat. Bħala eċċezzjoni għal dik ir-regola, madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li tali data personali tiġi trasferita lejn pajjiż terz fejn it-trasferiment ikun soġġett għal kondizzjonijiet stretti u jkun meħtieġ fil-każijiet individwali għall-fini ta’ ritorn. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza meħuda permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew ta’ salvagwardji xierqa li għalihom huma soġġetti t-trasferimenti skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li jkun eċċezzjonalment possibbli li tiġi ttrasferita data maħżuna fl-ETIAS lejn pajjiż terz għall-finijiet ta’ ritorn, iżda biss fejn it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku kif imsemmi f’dak ir-Regolament.

(49)

Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li data personali miksuba mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament tiġi trasferita lil pajjiż terz f’każ eċċezzjonali ta’ urġenza, fejn ikun hemm periklu imminenti assoċjat ma’ reat terroristiku jew fejn ikun hemm periklu imminenti għall-ħajja ta’ persuna assoċjata ma’ reat kriminali serju. Periklu imminenti għall-ħajja ta’ persuna jenħtieġ li jinftiehem li jkopri periklu li jirriżulta minn reat kriminali serju mwettaq kontra dik il-persuna bħal offiżi gravi fuq il-persuna, kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem, ħtif, żamma illegali u teħid ta’ ostaġġi, sfruttament sesswali tat-tfal u pornografija tat-tfal, u stupru.

(50)

Sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun konxju tal-ETIAS, b’mod partikolari ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-ETIAS, inkluż il-leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti, u l-proċedura għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta’ sit web pubbliku u applikazzjoni għal apparati mobbli li għandhom jintużaw għall-applikazzjoni tal-ETIAS. Din l-informazzjoni tenħtieġ ukoll tiġi disseminata permezz ta’ fuljett komuni u permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-applikanti għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jirċievu notifika bil-posta elettronika bl-informazzjoni relatata mal-applikazzjoni tagħhom. Dik in-notifika tal-posta elettronika tenħtieġ li tinkludi links elettroniċi għal-leġislazzjoni tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli.

(51)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-eu-LISA għat-tfassil, l-iżvilupp u l-ġestjoni teknika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u r-responsabbiltajiet tal-Europol fir-rigward tal-ETIAS. Jenħtieġ li eu-LISA tagħti attenzjoni partikolari lir-riskju ta’ żieda fl-ispejjeż u tiżgura li jkun hemm monitoraġġ suffiċjenti tal-kuntratturi.

(52)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) japplika għall-attivitajiet ta’ eu-LISA u tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta meta jwettqu l-kompiti fdati lilhom f’dan ir-Regolament.

(53)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri abbażi ta’ dan ir-Regolament..

(54)

Fejn l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri għall-fini tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet jitwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra, tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(55)

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra skont dan ir-Regolament.

(56)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji indipendenti stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 jissorveljaw il-legalità tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri, filwaqt li jenħtieġ li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Jenħtieġ li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji jikkooperaw ma’ xulxin fil-monitoraġġ tal-ETIAS.

(57)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli stretti dwar l-aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u s-salvagwardji meħtieġa. Jenħtieġ ukoll li jiġu previsti d-drittijiet għal aċċess, rettifika, restrizzjoni, tlestija, tħassir u rimedju rigward data personali tal-individwi b’mod partikolari d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kif ukoll is-superviżjoni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti.

(58)

Sabiex jiġi vvalutat ir-riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija li jista’ jġib miegħu vjaġġatur, jenħtieġ li tiġi stabbilita interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS u sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE. L-interoperabbiltà jenħtieġ li tiġi stabbilita f’konformità sħiħa mal-acquis tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali. Jekk fil-livell tal-Unjoni tiġi stabbilita sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri li jżommu informazzjoni dwar il-kundanna ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi, l-ETIAS tenħtieġ li tkun tista’ tikkonsultaha.

(59)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar ir-responsabbiltà u d-dritt għal kumpens f’każ ta’ pproċessar illegali ta’ data personali jew f’każ ta’ kwalunkwe att ieħor inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament. Tali dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għad-dritt għal kumpens u għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew tal-proċessur skont ir-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001. L-eu-LISA jenħtieġ li tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tikkawża bħala proċessur tad-data meta ma tkunx osservat l-obbligi imposti b’mod speċifiku fuqha minn dan ir-Regolament, jew fejn aġixxiet lil hinn mill-istruzzjonijiet legali tal-Istat Membru li hu l-kontrollur tad-data, jew kontra dawk l-istruzzjonijiet.

(60)

Il-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ evalwazzjoni f’intervalli regolari. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

(61)

Sabiex jiġu stabbiliti l-miżuri tekniċi meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex:

tiddefinixxi r-rekwiżiti tas-servizz ta’ kont sigur;

tistabbilixxi l-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formula tal-applikazzjoni;

tispeċifika l-kontenut u l-format tal-mistoqsijiet lill-applikanti rigward kundanni għal reati kriminali, soġġorni f’żoni ta’ gwerra jew ta’ konflitt u deċiżjonijiet biex persuna tħalli t-territorju jew deċiżjonijiet ta’ ritorn;

tispeċifika l-kontenut u l-format ta’ mistoqsijiet addizzjonali li jsiru lill-applikanti li jkunu wieġbu b’mod affermattiv għal waħda mill-mistoqsijiet rigward kundanni għal reati kriminali, soġġorni f’żoni ta’ gwerra jew ta’ konflitt u deċiżjonijiet biex persuna tħalli t-territorju jew deċiżjonijiet ta’ ritorn, u biex tistabbilixxi lista predeterminata tat-tweġibiet;

tistabbilixxi l-metodi tal-ħlas u l-proċess għall-ġbir tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u kwalunkwe bidla fl-ammont ta’ dik it-tariffa sabiex tirrifletti kwalunkwe żieda fl-ispejjeż tal-ETIAS;

tistabbilixxi l-kontenut u l-format ta’ lista predeterminata ta’ għażliet għall-applikanti li jintalbu jipprovdi informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali;

tiddefinixxi ulterjorment l-għodda ta’ verifika;

tkompli tiddefinixxi r-riskji għas-sigurtà, dawk tal-immigrazzjoni illegali, jew ir-riskji għolja ta’ epidemija li għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi;

tiddefinixxi t-tip ta’ informazzjoni addizzjonali relatata mal-marki li jistgħu jiżdiedu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-ETIAS, il-formati u l-lingwa tagħhom u r-raġunijiet għall-marki;

tistabbilixxi salvagwardji adegwati billi tipprovdi regoli u proċeduri biex jiġu evitati konflitti ma’ allerti f’sistemi ta’ informazzjoni oħra u biex tiddefinixxi l-kondizzjonijiet, il-kriterji u d-durata tal-immarkar;

tkompli tiddefinixxi l-għodda li għandha tintuża mill-applikanti biex jagħtu u jirtiraw il-kunsens tagħhom;

testendi t-tul tal-perijodu transizzjonali li fih ma hija meħtieġa ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u l-perijodu ta’ konċessjoni li fih il-gwardji tal-fruntiera ser jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar iżda li ma jkollhomx waħda, jidħlu b’eċċezzjoni soġġett għal ċerti kondizzjonijiet;

tiddefinixxi l-appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri għall-infiq li huma jkollhom sabiex jadattaw u jawtomatizzaw il-verifiki fuq il-fruntiera meta jimplimentaw l-ETIAS.

(62)

Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (16). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(63)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi konferita setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta regoli dettaljati dwar:

formola li tippermetti r-rappurtar ta’ abbużi minn intermedjarji kummerċjali awtorizzati mill-applikanti biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet f’isimhom;

il-kondizzjonijiet għat-tħaddim tas-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli, u regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għas-sit web pubbliku u għall-applikazzjoni għal apparati mobbli;

ir-rekwiżiti li jirregolaw il-format tad-data personali li għandha tiddaħħal fil-formola tal-applikazzjoni u l-parametri u l-verifiki li għandhom jiġu implimentati sabiex tiġi żgurata l-kompletezza tal-applikazzjoni u l-koerenza ta’ din id-data;

ir-rekwiżiti, l-ittestjar u t-tħaddim tal-mezzi ta’ komunikazzjoni bl-awdjo u bil-vidjo li fuqhom jiddependu l-intervisti tal-applikant, u regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-data, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità applikabbli għal tali komunikazzjoni;

ir-riskji relatati mas-sigurtà, l-immigrazzjoni illegali u riskji għolja ta’ epidemija, li fuqhom għandhom jiġu bbażati l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi;

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u tal-għodda ta’ valutazzjoni li għandhom jintużaw biex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali tad-dħul ta’ data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS fuq il-proporzjon ta’ applikazzjonijiet li huma pproċessati b’mod manwali;

formola għar-rifjut, l-annullament jew ir-revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

il-kondizzjonijiet sabiex jiġi żgurat aċċess sikur għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS mit-trasportaturi, u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għal dan l-aċċess;

skema ta’ awtentikazzjoni għal aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għal membri tal-persunal debitament awtorizzati tat-trasportaturi;

il-proċeduri ta’ riżerva li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ impossibbiltà teknika biex it-trasportaturi jikkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS;

mudell ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ impossibbiltà teknika biex l-awtoritajiet tal-fruntiera jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew f’każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament tal-ETIAS;

mudell ta’ pjan għas-sigurtà u mudell ta’ pjan għall-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastri rigward is-sigurtà tal-ipproċessar ta’ data personali;

l-aċċess għad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS;

l-emendar, it-tħassir u t-tħassir minn qabel ta’ data;

iż-żamma għar-reġistrazzjonijiet u l-aċċess għalihom;

ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni;

speċifikazzjonijiet għal soluzzjonijiet tekniċi għall-ikkonnettjar tal-punti ta’ aċċess ċentrali mas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

mekkaniżmu, proċeduri u interpretazzjonijiet tal-konformità tal-kwalità tad-data għad-data li tinsab fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

fuljetti komuni biex jinformaw lill-vjaġġaturi bil-ħtieġa li jkollhom fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida;

l-operazzjoni ta’ repożitorju ċentrali li jkun fih data unikament għall-fini ta’ rappurtar u statistika, u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għar-repożitorju; u

l-ispeċifikazzjonijiet ta’ soluzzjoni teknika għall-fini tal-iffaċilitar tal-ġbir ta’ data statistika meħtieġa biex tiġi rappurtata l-effettività tal-aċċess għad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi.

Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(64)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri, l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u l-ħolqien ta’ obbligi, kondizzjonijiet u proċeduri komuni għall-użu ta’ data maħżuna fiha ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(65)

L-ispejjeż operazzjonali u ta’ manutenzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jenħtieġ li jiġu koperti kollha kemm huma mid-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Għaldaqstant jenħtieġ li t-tariffa tiġi aġġustata kif meħtieġ fid-dawl tal-ispejjeż li saru.

(66)

Jenħtieġ li d-dħul iġġenerat mill-ħlas tat-tariffi tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jiġi assenjat biex ikopri l-ispejjeż operazzjonali u ta’ manutenzjoni rikorrenti tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS. Fid-dawl tan-natura speċifika tas-sistema, jixraq li d-dħul jiġi ttrattat bħala dħul assenjat intern. Kwalunkwe dħul li jifdal wara li jiġu koperti dawk l-ispejjeż jenħtieġ li jiġi assenjat lill-baġit tal-Unjoni.

(67)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE.

(68)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(69)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(70)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (18); għalhekk ir-Renju Unit mhux jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(71)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (19); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(72)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (20), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (21).

(73)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (22), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (23) u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (24).

(74)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (25) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (26) u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (27).

(75)

Sabiex jiġu determinati l-modalitajiet relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li jiġu konklużi arranġamenti ulterjuri bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li dawn l-arranġamenti jikkostitwixxu ftehimiet internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 218 TFUE.

(76)

Sabiex dan ir-Regolament jiġi integrat fil-qafas legali attwali u biex = jirrifletti l-bidliet operattivi neċessarji għall-eu-LISA u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011 (28), (UE) Nru 515/2014 (29), (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 (30) u (UE) 2017/2226 (31) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġu emendati.

(77)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta l-opinjoni tiegħu fis-6 ta’ Marzu 2017 (32),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi “Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar” (ETIAS) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mir-rekwiżit li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni (“il-ħtieġa ta’ viża”) li tippermetti li jiġi kkunsidrat jekk il-preżenza ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri toħloqx riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija. Għal din ir-raġuni, qed jiġu introdotti awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex din tinħareġ jew tiġi rrifjutata.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u l-Europol jistgħu jikkonsultaw id-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (33) li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri għal tul ta’ żmien ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum;

(b)

persuni li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri ta’ tul ta’ żmien ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum;

(c)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tkun tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi mid-dritt tal-moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u pajjiż terz min-naħa l-oħra; u

(ii)

ma jkollhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

refuġjati jew persuni apolidi jew persuni oħra li m’huma ċittadini tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fi Stat Membru u li huma detenturi ta’ dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn dak l-Istat Membru;

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tkun tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li jkollhom karta ta’ residenza f’konformità ma’ dik id-Direttiva;

(c)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi minn dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni, skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u pajjiż terz min-naħa l-oħra, u li huma detenturi ta’ karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002;

(d)

detenturi ta’ permessi ta’ residenza msemmija fil-punt 16 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(e)

detenturi ta’ viżi uniformi;

(f)

detenturi ta’ viżi nazzjonali għal soġġorn fit-tul;

(g)

ċittadini ta’ Andorra, Monaco u San Marino u detenturi ta’ passaport maħruġ mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan jew mis-Santa Sede;

(h)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma detenturi ta’ permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera maħruġ mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) meta tali detenturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom fil-kuntest tar-reġim tat-Traffiku Lokali tal-Fruntiera;

(i)

persuni jew kategoriji ta’ persuni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001;

(j)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma detenturi ta’ passaporti diplomatiċi jew tas-servizzi li jkunu ġew eżentati mill-ħtieġa ta’ viża skont ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni u pajjiż terz;

(k)

persuni li huma soġġetti għall-ħtieġa ta’ viża skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001;

(l)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-mobbiltà f’konformità mad-Direttiva 2014/66/UE (35) jew (UE) 2016/801 (36) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“fruntieri esterni” tfisser il-fruntieri esterni kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(2)

“infurzar tal-liġi” tfisser il-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra;

(3)

“verifika tat-tieni linja” tfisser verifika tat-tieni linja kif definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(4)

“awtorità tal-fruntiera” tfisser il-gwardja tal-fruntiera bil-kariga skont il-liġi nazzjonali li twettaq verifiki fuq il-fruntiera kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(5)

“awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar” tfisser deċiżjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament li hija meħtieġa biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament ikunu jistgħu jissodisfaw il-kondizzjoni għad-dħul stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 u li tindika:

(a)

li ma jkunux ġew identifikati indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi bbażati fuq indikazzjonijiet fattwali biex il-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri titqies li toħloq jew li ser toħloq riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija;

(b)

li ma jkunux ġew identifikati indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi bbażati fuq indikazzjonijiet fattwali biex il-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri titqies li toħloq jew li ser toħloq riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija, għalkemm ikun jifdal dubju dwar l-eżistenza ta’ biżżejjed raġunijiet biex l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi rrifjutata, f’konformità mal-Artikolu 36(2);

(c)

fejn ikunu ġew identifikati indikazzjonijiet fattwali biex il-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri titqies li toħloq jew li ser toħloq riskju għas-sigurtà, riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija, li l-validità territorjali tal-awtorizzazzjoni ġiet limitata f’konformità mal-Artikolu 44; jew

(d)

fejn ikunu ġew identifikati indikazzjonijiet fattwali biex il-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri titqies li toħloq jew li ser toħloq riskju għas-sigurtà, li l-vjaġġatur ikun is-soġġett ta’ allert fis-SIS dwar persuni għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi jew ta’ allert fis-SIS dwar persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jew imfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni, b’appoġġ tal-objettivi tas-SIS imsemmija fil punt (e) tal-Artikolu 4;

(6)

“riskju għas-sigurtà” tfisser ir-riskju ta’ theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna jew għar-relazzjonijiet internazzjonali għal kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri;

(7)

“riskju ta’ immigrazzjoni illegali” tfisser ir-riskju li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul u ta soġġorn kif jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(8)

“riskju għoli ta’ epidemija” tfisser kwalunkwe marda b’potenzjal epidemiku kif definit fir-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u mard infettiv ieħor jew mard parassitiku kontaġjuż jekk ikunu s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni li japplikaw għal ċittadini tal-Istati Membri;

(9)

“applikant” tfisser kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 2 li jkun ippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(10)

“dokument tal-ivvjaġġar” tfisser passaport jew dokument ekwivalenti ieħor, li jagħti d-dritt lid-detentur li jaqsam il-fruntieri esterni u li miegħu tista’ titwaħħal viża;

(11)

“soġġorn qasir” tfisser soġġorni fit-territorju tal-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399;

(12)

“persuna li tibqa’ fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew li ma għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet marbutin mat-tul tas-soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri;

(13)

“applikazzjoni għal apparati mobbli” tfisser software f’forma ta’ applikazzjoni ddisinjata biex taħdem fuq apparati mobbli bħal smartphones u tablets;

(14)

“hit” tfisser l-eżistenza ta’ korrispondenza stabbilita permezz tat-tqabbil ta’ data personali rreġistrata f’fajl ta’ applikazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mal-indikaturi ta’ riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 33 jew mad-data personali preżenti f’rekord, fajl jew allert irreġistrat fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, f’sistema ta’ informazzjoni oħra tal-UE jew f’bażi tad-data elenkata fl-Artikolu 20(2) (“sistemi ta’ informazzjoni tal-UE”), f’data tal-Europol jew f’bażi ta’ data tal-Interpol li tkun ġiet ikkonsultata mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

(15)

“reat terroristiku” tfisser reat li jikkorrispondi jew li huwa ekwivalenti għal xi wieħed mir-reati msemmija fid-Direttiva (UE) 2017/541;

(16)

“reat kriminali serju” tfisser reat li jikkorrispondi jew li huwa ekwivalenti għal xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, jekk ikun punibbli skont il-liġi nazzjonali b’sentenza ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin;

(17)

“data tal-Europol” tfisser data personali pproċessata mill-Europol għall-fini msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/794;

(18)

“iffirmat elettronikament” tfisser il-konferma ta’ ftehim permezz tal-immarkar ta’ kaxxa adatta fil-formola tal-applikazzjoni jew fit-talba għal kunsens;

(19)

“minorenni” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida taħt l-età ta’ 18-il sena;

(20)

“konsulat” tfisser missjoni diplomatika ta’ Stat Membru jew uffiċċju konsulari ta’ Stat Membru kif definit mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24 ta’ April 1963;

(21)

“awtorità maħtura” tfisser awtorità maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 50 bħala responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra;

(22)

“awtorità tal-immigrazzjoni” tfisser awtorità kompetenti responsabbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, minn wieħed jew aktar minn dan li ġej:

(a)

li tivverifika fit-territorju tal-Istati Membri jekk il-kondizzjonijiet ta’ dħul jew ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri jkunux ġew issodisfati;

(b)

li teżamina l-kondizzjonijiet għal, u tieħu deċiżjonijiet marbuta mar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri sakemm dik l-awtorità ma tikkostitwixxix “awtorità determinanti” kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), u fejn rilevanti, tipprovdi pariri f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 (38);

(c)

ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn pajjiż terz ta’ oriġini jew ta’ transitu.

2.   It-termini definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sa fejn data personali tkun ipproċessata mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mill-eu-LISA.

3.   It-termini definiti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sa fejn data personali tkun ipproċessata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

4.   It-termini definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/680 għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sa fejn data personali tkun ipproċessata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet stipulati fil-punt (f) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Objettivi tal-ETIAS

Permezz ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-ETIAS għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà billi tipprovdi valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju għas-sigurtà li joħolqu l-applikanti qabel ma jaslu fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna, biex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi bbażati fuq indikazzjonijiet fattwali biex jiġi konkluż li l-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri tista’ toħloq riskju għas-sigurtà;

(b)

tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali billi tipprovdi valutazzjoni tar-riskju ta’ immigrazzjoni illegali li joħolqu l-applikanti, qabel ma jaslu fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna;

(c)

tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi tipprovdi valutazzjoni ta’ jekk l-applikant joħloqx riskju għoli ta’ epidemija skont it-tifsira tal-punt 8 tal-Artikolu 3(1), qabel ma jasal fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna;

(d)

issaħħaħ l-effettività tal-verifiki fuq il-fruntieri;

(e)

tappoġġa l-objettivi tas-SIS relatati mal-allerti rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn, allerti dwar persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja jew għal finijiet ta’ estradizzjoni, allerti dwar persuni nieqsa, allerti dwar persuni mfittxija biex jgħinu fi proċedura ġudizzjarja u allerti dwar persuni għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi;

(f)

tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra.

Artikolu 5

Struttura ġenerali tal-ETIAS

L-ETIAS hija magħmula minn:

(a)

is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 6;

(b)

l-Unità Ċentrali tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 7;

(c)

l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 6

Stabbiliment u arkitettura teknika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS

1.   L-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (“eu-LISA”) għandha tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS u tiżgura l-ġestjoni teknika tagħha.

2.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha tkun magħmula minn:

(a)

is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, li tinkludi l-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34;

(b)

interfaċċa nazzjonali uniformi (NUI) f’kull Stat Membru bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni u identika għall-Istati Membri kollha li tippermetti lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tikkonnettja b’mod sigur mal-infrastrutturi tal-fruntieri nazzjonali u mal-punti ta’ aċċess ċentrali fl-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 50(2);

(c)

infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u l-NUIs, li għandha tkun sigura u kriptata;

(d)

infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura bejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u s-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11;

(e)

sit web pubbliku u applikazzjoni għal apparati mobbli;

(f)

servizz ta’ posta elettronika;

(g)

servizz ta’ kont sikur li jippermetti li l-applikanti jipprovdu kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali rikjesta;

(h)

għodda ta’ verifika għall-applikanti;

(i)

għodda li tippermetti li l-applikanti jagħtu jew jirtiraw il-kunsens tagħhom biex il-fajl tal-applikazzjoni tagħhom jinżamm għal perijodu addizzjonali;

(j)

għodda li tippermetti lill-Europol u lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt potenzjali tad-dħul ta’ data ġdida fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS fuq il-proporzjon ta’ applikazzjonijiet li huma pproċessati manwalment;

(k)

portal għat-trasportaturi;

(l)

servizz web sikur li jippermetti lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS biex tikkomunika mas-sit web pubbliku, l-applikazzjoni għal apparati mobbli, is-servizz tal-posta elettronika, is-servizz ta’ kont sikur, il-portal għat-trasportaturi, l-għodda ta’ verifika għall-applikanti, l-għodda ta’ kunsens għall-applikanti, l-intermedjarju għall-ħlas u l-bażijiet ta’ data tal-Interpol;

(m)

software li jippermetti li l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jipproċessaw applikazzjonijiet u jiġġestixxu konsultazzjonijiet ma’ Unitajiet Nazzjonali oħra tal-ETIAS kif imsemmi fl-Artikolu 28 u mal-Europol, kif imsemmi fl-Artikolu 29;

(n)

repożitorju ċentrali tad-data għall-finijiet tar-rappurtar u tal-istatistika.

3.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, l-NUIs, is-servizz web, il-portal għat-trasportaturi u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tal-ETIAS għandhom safejn ikun teknikament possibbli, jaqsmu ma’ xulxin u jużaw mill-ġdid il-komponenti ta’ hardware u software tas-Sistema Ċentrali tal-EES, tal-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi tal-EES, tas-servizz web tal-EES u tal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni tal-EES imsemmija fir-Regolament (UE) 2017/2226.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 sabiex tiddefinixxi r-rekwiżiti tas-servizz ta’ kont sigur imsemmi fil-punt (g) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Unità Ċentrali tal-ETIAS

1.   B’dan qed tiġi stabbilita Unità Ċentrali tal-ETIAS fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

2.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tkun topera 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa. Hija għandu jkollha r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

f’każijiet fejn il-proċess awtomatizzat ta’ applikazzjoni jirrapporta hit, tivverifika skont l-Artikolu 22 jekk id-data personali tal-applikant tikkorrispondix mad-data personali tal-persuna li tkun iġġenerat dik il-hit fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, inkluż il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34, f’xi waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jiġu kkonsultati, fid-data tal-Europol, f’xi waħda mill-bażijiet ta’ data tal-Interpol imsemmija fl-Artikolu 12, jew mal-indikaturi ta’ riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 33, u fejn korrispondenza tiġi kkonfermata jew fejn jifdal dubji, tagħti bidu għall-ipproċessar manwali tal-applikazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 26;

(b)

tiżgura li d-data li ddaħħal fil-fajls tal-applikazzjonijiet tkun aġġornata f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 55 u 64;

(c)

tiddefinixxi, tistabbilixxi, tivvaluta ex ante, timplimenta, tevalwa ex post, tirrevedi u tħassar l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 33 wara li tikkonsulta lill-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS;

(d)

tiżgura li l-verifiki mwettqa f’konformità mal-Artikolu 22 u r-riżultati korrispondenti jkunu rreġistrati fil-fajls tal-applikazzjonijiet;

(e)

twettaq awditi regolari tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 33, inkluż permezz tal-valutazzjoni regolari tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data personali;

(f)

tindika, fejn meħtieġ, l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar manwali tal-applikazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 25(2);

(g)

f’każ ta’ problemi tekniċi jew ċirkostanzi imprevedibbli, tiffaċilita fejn meħtieġ il-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri imsemmija fl-Artikolu 28 u bejn l-Istat Membru responsabbli u l-Europol imsemmija fl-Artikolu 29;

(h)

tinnotifika lit-trasportaturi f’każijiet ta’ ħsara fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS kif imsemmi fl-Artikolu 46(1);

(i)

tinnotifika lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri bi kwalunkwe ħsara fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, kif imsemmi fl-Artikolu 48(1);

(j)

tipproċessa talbiet għall-konsultazzjoni tad-data fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mill-Europol kif imsemmi fl-Artikolu 53;

(k)

tipprovdi lill-pubbliku ġenerali l-informazzjoni rilevanti kollha b’rabta mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif imsemmi fl-Artikolu 71;

(l)

tikkoopera mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kampanja ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 72;

(m)

tipprovdi appoġġ bil-miktub lill-vjaġġaturi li jkunu ltaqgħu ma’ problemi waqt li kienu qed jimlew il-formola ta’ applikazzjoni u li jkunu talbu assistenza permezz ta’ formola ta’ kuntatt standard; iżżomm lista ta’ mistoqsijiet u tweġibiet frekwenti disponibbli online;

(n)

tiżgura li jsir segwitu u li tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar abbużi rrappurtati minn intermedjarji kummerċjali kif imsemmi fl-Artikolu 15(5).

3.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tippubblika rapport ta’ attività annwali. Dan ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

statistika dwar:

(i)

l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar maħruġa awtomatikament mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

(ii)

l-għadd ta’ applikazzjonijiet ivverifikati mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS;

(iii)

l-għadd ta’ applikazzjonijiet ipproċessati manwalment għal kull Stat Membru;

(iv)

l-għadd ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati għal kull pajjiż, u r-raġunijiet għar-rifjut;

(v)

il-punt sa fejn ikunu ġew issodisfati l-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 22(6) u l-Artikoli 27, 30 u 32.

(b)

informazzjoni ġenerali dwar il-funzjonament tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS, l-attivitajiet tagħha indikati f’dan l-Artikolu u l-informazzjoni dwar ix-xejriet u l-isfidi attwali li jaffettwaw it-twettiq tal-kompiti tagħha.

Ir-rapport ta’ attività annwali għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

Artikolu 8

Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti bħala l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS.

2.   L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom ikunu responsabbli biex:

(a)

jeżaminaw u jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar meta l-proċess awtomatizzat ta’ applikazzjoni jkun irrapporta hit u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS tkun tat bidu għall-ipproċessar manwali tal-applikazzjoni;

(b)

jiżguraw li l-kompiti mwettqa skont il-punt (a) u r-riżultati korrispondenti jkunu rreġistrati fil-fajls tal-applikazzjonijiet;

(c)

tiżgura li d-data li tiddaħħal fil-fajls tal-applikazzjonijiet tkun aġġornata f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 55 u 64;

(d)

jiddeċiedu li joħorġu awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata kif imsemmi fl-Artikolu 44;

(e)

jiżguraw koordinazzjoni ma’ Unitajiet Nazzjonali oħra tal-ETIAS u l-Europol rigward it-talbiet ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikoli 28 u 29;

(f)

jipprovdu informazzjoni lill-applikanti dwar il-proċedura li trid tiġi segwita f’każ ta’ appell skont l-Artikolu 37(3);

(g)

jannullaw u jirrevokaw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif imsemmi fl-Artikoli 40 u 41.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu riżorsi adegwati lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS biex dawn jissodisfaw il-kompiti tagħhom f’konformità mal-iskadenzi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS

1.   B’dan qed jiġi stabbilit Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS b’funzjoni konsultattiva fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentant minn kull Unità Nazzjonali tal-ETIAS, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mill-Europol.

2.   Il-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS għandu jkun ikkonsultat:

(a)

mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS dwar id-definizzjoni, l-istabbiliment, l-evalwazzjoni ex ante, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni ex post, ir-reviżjoni u t-tħassir tal-indikaturi ta’ riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 33;

(b)

mill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34;

(c)

mill-Europol rigward l-implimentazzjoni tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34.

3.   Il-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS għandu joħroġ opinjonijiet, linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Meta joħroġ rakkomandazzjonijiet, il-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS għandu jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali.

4.   Il-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS għandu jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ, u tal-inqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż u l-ġestjoni tal-laqgħat tiegħu għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

5.   Il-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS jista’ jikkonsulta lill-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali b’rabta ma’ kwistjonijiet speċifiċi relatati mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u n-nondiskriminazzjoni.

6.   Il-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura fl-ewwel laqgħa tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.

Artikolu 10

Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali

1.   B’dan qed jiġi stabbilit Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali b’funzjoni ta’ konsulenza u ta’ valutazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi u l-indipendenza tagħhom, dan għandu jkun magħmul minn Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, rappreżentant tal-forum konsultattiv dwar id-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, rappreżentant tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, rappreżentant tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 u rappreżentant tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

2.   Il-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jwettaq valutazzjonijiet regolari u joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS dwar l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 33, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u n-nondiskriminazzjoni.

Il-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jappoġġa wkoll lill-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu meta jiġi kkonsultat minn dan tal-aħħar dwar kwistjonijiet speċifiċi relatati mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u n-nondiskriminazzjoni.

Il-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jkollu aċċess għall-awditi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 7(2).

3.   Il-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ, u tal-inqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż u l-ġestjoni tal-laqgħat tiegħu għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Il-laqgħat tiegħu għandhom isiru fil-bini tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Is-segretarjat tal-laqgħat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Il-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura fl-ewwel laqgħa tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.

4.   Wieħed mir-rappreżentanti tal-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi mistieden jattendi l-laqgħat tal-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS fir-rwol konsultattiv. Il-membri tal-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-fajls tal-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS.

5.   Il-Bord ta’ Gwida tal-ETIAS dwar id-Drittijiet Fundamentali għandu jipproduċi rapport annwali. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 11

Interoperabbiltà ma’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE

1.   L-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u d-data tal-Europol għandha tiġi stabbilita biex tkun tista’ ssir il-verifika msemmija fl-Artikolu 20.

2.   L-emendi għall-atti legali li jistabbilixxu s-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li huma meħtieġa għall-istabbiliment tal-interoperabbiltà tagħhom mal-ETIAS kif ukoll iż-żieda ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti f’dan ir-Regolament, għandhom ikunu s-suġġett ta’ strument legali separat.

Artikolu 12

Konsultazzjonijiet tal-bażijiet ta’ data tal-Interpol

Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tikkonsulta l-bażi ta’ data tal-Interpol ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) u l-bażi ta’ data tal-Interpol ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN). Kwalunkwe konsultazzjoni u verifika għandha titwettaq b’tali mod li l-ebda informazzjoni ma tkun żvelata lis-sid tal-allert tal-Interpol.

Artikolu 13

Aċċess għad-data maħżuna fl-ETIAS

1.   L-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandu jkun riservat esklużivament għal persunal debitament awtorizzat tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS.

2.   L-aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mill-awtoritajiet tal-fruntieri f’konformità mal-Artikolu 47 għandu jkun limitat għal tiftix fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS biex jinkiseb l-istatus ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ta’ vjaġġatur preżenti f’punt ta’ qsim ta’ fruntiera estern u għad-data msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 47(2). Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jiġu infurmati awtomatikament bil-marki msemmija fl-Artikolu 36(2) u (3) u bir-raġunijiet għall-marki.

Meta, b’mod eċċezzjonali, skont marka, jiġi rrakkomandat li fuq il-fruntiera ssir verifika tat-tieni linja jew verifiki addizzjonali jkunu meħtieġa bil-fini ta’ verifika tat-tieni linja, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jaċċessaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS biex jiksbu l-informazzjoni addizzjonali prevista fil-punt (e) tal-Artikolu 39(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 44(6).

3.   L-aċċess mit-trasportaturi għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 45 għandu jkun limitat għal konsultazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS biex jinkiseb l-istatus ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ta’ vjaġġatur.

4.   L-aċċess mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 49 għandu jkun limitat biex jinkiseb l-istatus ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ta’ vjaġġatur preżenti fit-territorju tal-Istat Membru, u għal ċerta data kif imsemmi f’dak l-Artikolu.

L-aċċess mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 65(3) għandu jkun limitat għad-data msemmija f’dak l-Artikolu.

5.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu u għandu jibgħat lista ta’ dawk l-awtoritajiet lil eu-LISA mingħajr dewmien, f’konformità mal-Artikolu 87(2). Dik il-lista għandha tispeċifika għal liema skop il-persunal debitament awtorizzat ta’ kull awtorità għandu jkollu aċċess għad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Nondiskriminazzjoni u drittijiet fundamentali

L-ipproċessar ta’ data personali fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS minn kwalunkwe utent ma għandux iwassal għal diskriminazzjoni kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentament sesswali. Dan għandu jirrispetta b’mod sħiħ id-dinjità u l-integrità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tal-individwu u għall-protezzjoni tad-data personali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal, lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom jikkostitwixxu kunsiderazzjoni primarja.

KAPITOLU II

APPLIKAZZJONI

Artikolu 15

Arranġamenti prattiċi għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni

1.   L-applikanti għandhom jippreżentaw applikazzjoni billi jimlew il-formola tal-applikazzjoni fuq l-Internet permezz tas-sit web pubbliku apposta jew permezz tal-applikazzjoni għal apparati mobbli biżżejjed żmien qabel kull vjaġġ li jkun beħsiebhom jagħmlu, jew, jekk ikunu jinsabu diġà fit-territorju tal-Istati Membri, qabel l-iskadenza ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar eżistenti li huma għandhom fil-pussess tagħhom.

2.   Detenturi ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ġdida minn 120 jum qabel l-iskadenza ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

120 jum qabel ma tiskadi l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha awtomatikament tgħarraf lid-detentur ta’ dik l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar permezz tas-servizz ta’ posta elettronika dwar:

(a)

id-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

il-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ġdida;

(c)

l-obbligu li jkollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għat-tul kollu tas-soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri.

3.   In-notifiki kollha lill-applikant għall-iskop tal-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandhom jintbagħtu lill-indirizz tal-posta elettronika pprovdut mill-applikant fil-formola tal-applikazzjoni kif imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 17(2).

4.   L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati mill-applikant jew minn persuna jew intermedjarju kummerċjali awtorizzat mill-applikant biex jippreżenta applikazzjoni f’ismu.

5.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, toħloq formola li tippermetti li jiġu rapportati abbużi mill-intermedjarji kummerċjali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Din il-formola għandha tkun aċċessibbli permezz tas-sit web pubbliku apposta jew permezz tal-applikazzjoni għal apparati mobbli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali formoli kkompletati għandhom jintbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS li għandha tieħu azzjoni adatta, inkluż billi tagħti rapporti regolari lill-Kummissjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 16

Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli

1.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li jippreżentaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li jipprovdu d-data meħtieġa fil-formola tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17 u li jħallsu t-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

2.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom jagħmlu l-formola tal-applikazzjoni kemm jista’ jkun disponibbli u aċċessibbli faċilment għall-applikanti, bla ħlas. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-aċċessibbiltà tas-sit web pubbliku u tal-applikazzjoni għal apparati mobbli għall-persuni b’diżabilità,.

3.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom ikunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri.

4.   Jekk il-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 ma jkunux jikkorrispondu mal-lingwi msemmijin fil-paragrafu 3, il-eu-LISA għandha tagħmel disponibbli fuq is-sit web pubbliku u fuq l-applikazzjoni għal apparati mobbli, skedi informattivi b’informazzjoni li tispjega l-ETIAS, il-proċedura ta’ applikazzjoni, l-użu tas-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli kif ukoll gwida pass pass għall-applikazzjoni, b’tal-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi msemmijin. Jekk kwalunkwe wieħed minn dawn il-pajjiżi jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, dawn l-iskedi informattivi għandhom ikunu meħtieġa biss jekk l-ebda waħda minn dawk il-lingwi ma tikkorrispondi mal-lingwi msemmijin fil-paragrafu 3.

5.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom jinfurmaw lill-applikanti x’inhuma l-lingwi li jistgħu jintużaw meta timtela l-formola tal-applikazzjoni.

6.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom jipprovdu lill-applikant servizz ta’ kont li jippermetti li l-applikanti jipprovdu informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali, jekk ikun meħtieġ.

7.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom jinfurmaw lill-applikanti bid-dritt tagħhom ta’ appell skont dan ir-Regolament jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi rrifjutata, revokata jew annullata. Għal dan il-għan għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-liġi nazzjonali applikabbli, l-awtorità kompetenti, kif jiġi ppreżentat appell, l-iskadenza biex jiġi ppreżentat appell u informazzjoni dwar kwalunkwe assistenza li tista’ tingħata mill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-data.

8.   Is-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli għandhom jippermettu li l-applikanti jindikaw li l-iskop tas-soġġorn intenzjonat tagħhom ikun marbut ma’ raġunijiet umanitarji jew obbligi internazzjonali.

9.   Is-sit web pubbliku għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 71.

10.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta regoli dettaljati dwar it-tħaddim tas-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli, u regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà applikabbli għas-sit web pubbliku u għall-applikazzjoni għal apparati mobbli. Dawk ir-regoli dettaljati għandhom ikunu bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-informazzjoni u fuq il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data sa mit-tfassil u b’mod awtomatiku. Huma għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 17

Formola ta’ applikazzjoni u data personali tal-applikant

1.   Kull applikant għandu jippreżenta formola ta’ applikazzjoni kompluta li tkun tinkludi dikjarazzjoni tal-awtentiċità, il-kompletezza, il-korrettezza u l-affidabbiltà tad-data ppreżentata u dikjarazzjoni tal-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru. Kull applikant għandu jiddikjara wkoll li huwa fehem il-kondizzjonijiet għad-dħul imsemmijin fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 u li huwa jista’ jintalab jipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti ma’ kull dħul. Il-minorenni għandhom jippreżentaw formola ta’ applikazzjoni ffirmata minn persuna li teżerċita awtorità ta’ ġenitur jew kustodja legali permanenti jew temporanja.

2.   L-applikant għandu jipprovdi d-data personali li ġejja fil-formola tal-applikazzjoni:

(a)

il-kunjom (isem il-familja), l-isem/ismijiet (l-isem/ismijiet mogħti(ja), il-kunjom mat-twelid; id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, il-pajjiż tat-twelid, is-sess, in-nazzjonalità attwali, l-isem/ismijiet tal-ġenituri tal-applikant;

(b)

ismijiet oħra (psewdonimu/i, isem/ismijiet artistiku/ċi, isem/ismijiet tas-soltu), jekk ikollu;

(c)

nazzjonalitajiet oħrajn jekk ikollu;

(d)

it-tip, in-numru u l-pajjiż tal-ħruġ tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(e)

id-data tal-ħruġ u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(f)

l-indirizz tad-dar tal-applikant jew, jekk mhux disponibbli, il-belt jew il-pajjiż ta’ residenza tiegħu;

(g)

l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk ikunu disponibbli, in-numri tat-telefon;

(h)

l-edukazzjoni (primarja, sekondarja, għolja jew xejn);

(i)

il-professjoni attwali (grupp ta’ impjieg); fejn l-applikazzjoni tkun soġġetta għall-ipproċessar manwali f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26, l-Istat Membru responsabbli jista’, f’konformità mal-Artikolu 27, jitlob li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar it-titolu eżatt tal-impjieg u tal-impjegatur jew, għall-istudenti, l-isem tal-istabbiliment edukattiv tagħhom;

(j)

l-Istat Membru tal-ewwel soġġorn intenzjonat, u b’mod fakultattiv, l-indirizz tal-ewwel soġġorn intenzjonat;

(k)

għall-minorenni, il-kunjom u l-isem/ismijiet, l-indirizz tad-dar, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk ikun disponibbli, in-numru tat-telefon tal-persuna li teżerċita l-awtorità ta’ ġenitur jew il-kustodju legali tal-applikant;

(l)

jekk jiddikjara l-istatus ta’ membru tal-familja msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1):

(i)

l-istatus tiegħu ta’ membru tal-familja;

(ii)

il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, il-pajjiż tat-twelid, in-nazzjonalità attwali, l-indirizz tad-dar, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk ikun disponibbli, in-numru tat-telefon tal-membru tal-familja li l-applikant ikollu rabtiet familjari miegħu;

(iii)

ir-rabtiet familjari tiegħu ma’ dak il-membru tal-familja f’konformità mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE;

(m)

fil-każ ta’ applikazzjonijiet mimlijin minn persuna li mhijiex l-applikant, il-kunjom, l-isem/ismijiet, isem il-kumpannija, l-organizzazzjoni jekk applikabbli, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz postali u n-numru tat-telefon jekk ikun disponibbli ta’ dik il-persuna; ir-relazzjoni mal-applikant u dikjarazzjoni ta’ rappreżentazzjoni ffirmata.

3.   L-applikant għandu jagħżel il-professjoni attwali (grupp ta’ impjieg) tiegħu minn lista predeterminata. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex tistabbilixxi din il-lista predeterminata.

4.   Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin:

(a)

jekk l-applikant ikunx instab ħati għal kwalunkwe reat kriminali elenkat fl-Anness tul l-10 snin preċedenti u fil-każ ta’ reati terroristiċi, tul l-20 sena preċedenti, u jekk ikun il-każ meta u f’liema pajjiż;

(b)

jekk l-applikant ikunx qatta’ żmien jgħix f’żona speċifika ta’ gwerra jew ta’ konflitt tul l-10 snin preċedenti u r-raġunijiet għal dak is-soġġorn;

(c)

jekk l-applikant kienx is-suġġett ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tirrikjedi li jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew jekk kienx soġġett għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa tul l-10 snin preċedenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 li jispeċifikaw il-kontenut u l-format tal-mistoqsijiet imsemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Il-kontenut u l-format ta’ dawk il-mistoqsijiet għandhom jippermettu lill-applikanti jagħtu tweġibiet ċari u preċiżi.

6.   Jekk l-applikant iwieġeb fl-affermattiv għal kwalunkwe waħda mill-mistoqsijiet imsemmijin fil-paragrafu 4, huwa jkollu jwieġeb sett addizzjonali ta’ mistoqsijiet predeterminati fil-formola tal-applikazzjoni billi jagħżel minn lista predeterminata ta’ tweġibiet. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex tistabbilixxi l-kontenut u l-format ta’ dawk il-mistoqsijiet addizzjonali u l-lista predeterminata ta’ tweġibiet għal dawk il-mistoqsijiet.

7.   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandha tiġi introdotta mill-applikant f’karattri tal-alfabett Latin.

8.   Wara l-preżentazzjoni tal-formola tal-applikazzjoni, is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha tiġbor l-indirizz IP minn fejn tkun intbagħtet il-formola tal-applikazzjoni.

9.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tiddefinixxi r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-format tad-data personali msemmija fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu li għandha tiddaħħal fil-formola tal-applikazzjoni kif ukoll il-parametri u l-verifiki li għandhom jiġu implimentati sabiex tiġi żgurata l-kompletezza tal-applikazzjoni u l-koerenza ta’ dik id-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 18

Tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   L-applikant għandu jħallas tariffa ta’ EUR 7 għal kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

2.   It-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tinħafer għall-applikanti taħt it-18-il sena jew dawk li għandhom iktar minn 70 sena fil-mument meta ssir l-applikazzjoni.

3.   It-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tintalab f’euro.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 dwar il-metodi u l-proċess ta’ ħlas tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Bidliet fl-ammont tat-tariffa għandhom iqisu kwalunkwe żieda fl-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 85.

KAPITOLU III

IL-ĦOLQIEN TAL-FAJL TAL-APPLIKAZZJONI U L-EŻAMI TAL-APPLIKAZZJONI MIS-SISTEMA ĊENTRALI TAL-ETIAS

Artikolu 19

L-ammissibbiltà u l-ħolqien tal-fajl tal-applikazzjoni

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha tivverifika awtomatikament jekk, wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni:

(a)

ikunux imtlew il-partijiet kollha tal-formola ta’ applikazzjoni u jekk ikunx fihom dak kollu msemmi fl-Artikolu 17(2) u (4),

(b)

tkunx inġabret it-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

2.   Jekk il-kondizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, l-applikazzjoni għandha titqies li tkun ammissibbli. Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha f’dak il-każ awtomatikament toħloq fajl tal-applikazzjoni mingħajr dewmien u tassenjalu numru tal-applikazzjoni.

3.   Malli jinħoloq il-fajl ta’ applikazzjoni, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tirreġistra u taħżen id-data li ġejja:

(a)

in-numru tal-applikazzjoni;

(b)

informazzjoni dwar l-istatus, li tindika li tkun intalbet awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(c)

id-data personali msemmija fl-Artikolu 17(2) u, fejn applikabbli, fl-Artikolu 17(4) u (6), inkluż il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar;

(d)

id-data msemmija fl-Artikolu 17(8);

(e)

id-data u l-ħin ta’ meta tkun intbagħtet il-formola ta’ applikazzjoni flimkien ma’ referenza għall-ħlas li jkun sar tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u n-numru ta’ referenza uniku tal-ħlas.

4.   Malli jinħoloq il-fajl ta’ applikazzjoni, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tiddetermina jekk l-applikant għandux diġà applikazzjoni oħra fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS billi d-data msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 17(2) titqabbel mad-data personali tal-fajls ta’ applikazzjoni maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. F’dak il-każ, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tgħaqqad il-fajl ta’ applikazzjoni l-ġdid ma’ kwalunkwe fajl ta’ applikazzjoni eżistenti preċedenti maħluq għall-istess applikant.

5.   Mal-ħolqien tal-fajl ta’ applikazzjoni, l-applikant għandu minnufih jirċievi notifika permezz tas-servizz tal-posta elettronika li tispjega li, matul l-ipproċessar tal-applikazzjoni, l-applikant jista’ jintalab jipprovdi informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jattendi intervista. Din in-notifika għandha tinkludi:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus, li tirrikonoxxi li ġiet ippreżentata applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar; u

(b)

in-numru tal-applikazzjoni.

In-notifika għandha tippermetti li l-applikant jagħmel użu mill-għodda ta’ verifika prevista fil-punt (h) tal-Artikolu 6(2).

Artikolu 20

Ipproċessar awtomatizzat

1.   Il-fajls tal-applikazzjonijiet għandhom ikunu pproċessati awtomatikament mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS biex jiġu identifikati l-hits. Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha teżamina kull fajl ta’ applikazzjoni individwalment.

2.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tqabbel id-data rilevanti msemmija fil-punti (a), (b), (c), (d), (f), (g), (j), (k) u (m) tal-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 17(8) mad-data preżenti f’reġistru, fajl jew allert irreġistrat fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, fis-SIS, fl-EES, fil-VIS, fil-Eurodac, fid-data tal-Europol u fil-bażijiet ta’ data SLTD u TDAWN tal-Interpol.

B’mod partikolari, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika:

(a)

jekk id-dokument tal-ivvjaġġar użat għall-applikazzjoni jikkorrispondix għal dokument tal-ivvjaġġar irrapportat bħala mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat fis-SIS;

(b)

jekk id-dokument tal-ivvjaġġar użat għall-applikazzjoni jikkorrispondix għal dokument tal-ivvjaġġar irrapportat bħala mitluf, misruq jew invalidat fl-SLTD;

(c)

jekk l-applikant huwiex soġġett għal allert dwar rifjut ta’ dħul u soġġorn imdaħħal fis-SIS;

(d)

jekk l-applikant huwiex soġġett għal allert fir-rigward ta’ persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jew imfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni fis-SIS;

(e)

jekk l-applikant u d-dokument tal-ivvjaġġar jikkorrispondux għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar irrifjutata, irrevokata jew annullata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

(f)

jekk id-data pprovduta fl-applikazzjoni li tikkonċerna d-dokument tal-ivvjaġġar tikkorrispondix għal applikazzjoni oħra għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar assoċjata ma’ data ta’ identità differenti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 17(2) fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

(g)

jekk l-applikant ikunx f’dak il-mument irrapportat bħala persuna li tibqa’ fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn jew jekk l-applikant fil passat kienx ġie rrapportat bħala persuna li tibqa’ fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn fl-EES;

(h)

jekk l-applikant huwiex irreġistrat li kien ġie rrifjutat id-dħul fl-EES;

(i)

jekk l-applikant kienx soġġett għal deċiżjoni ta’ rifjut, annullament jew revoka ta’ viża għal soġġorn qasir irreġistrata fil-VIS;

(j)

jekk id-data pprovduta fl-applikazzjoni tikkorrispondix mad-data rreġistrata fid-data tal-Europol;

(k)

jekk l-applikant huwiex irreġistrat fil-Eurodac;

(l)

jekk id-dokument tal-ivvjaġġar użat għall-applikazzjoni jikkorrispondix għal dokument tal-ivvjaġġar irreġistrat f’fajl fit-TDAWN;

(m)

f’każijiet fejn l-applikant ikun minorenni, jekk l-awtorità tal-ġenitur jew tal-kustodju legali tal-applikant:

(i)

hijiex suġġetta għal allert fir-rigward ta’ persuni mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jew imfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni fis-SIS;

(ii)

hijiex soġġetta għal allert ta’ rifjut ta’ dħul u soġġorn imdaħħal fis-SIS.

3.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika jekk l-applikant ikunx wieġeb fl-affermattiv għal kwalunkwe waħda mill-mistoqsijiet elenkati fl-Artikolu 17(4) u jekk l-applikant ipprovdiex biss il-belt jew il-pajjiż residenzjali tiegħu minflok l-indirizz tad-dar, kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 17(2).

4.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tqabbel id-data rilevanti msemmija fil-punti (a), (b), (c), (d), (f), (g), (j), (k) u (m) tal-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 17(8) mad-data preżenti fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34.

5.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tqabbel id-data rilevanti msemmija fil-punti (a), (c), (f), (h) u (i) tal-Artikolu 17(2) mal-indikaturi ta’ riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 33.

6.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha żżid referenza għal kwalunkwe hit li tikseb skont il-paragrafi 2 sa 5 mal-fajl tal-applikazzjoni.

7.   Meta d-data rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni tikkorrispondi mad-data li tattiva hit skont il-paragrafi 2 u 4, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tidentifika, fejn rilevanti, l-Istat(i) Membru/i li daħħlu jew ipprovdew id-data li tkun iġġenerat il-hit u għandha tirreġistra dan fil-fajl ta’ applikazzjoni.

8.   B’segwitu għal kwalunkwe hit skont il-paragrafu 2(j) u l-paragrafu 4 u meta l-ebda Stat Membru ma jkun ipprovda d-data li tkun iġġenerat il-hit, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tidentifika jekk il-Europol tkunx daħħlet id-data u għandha tirreġistra dan fil-fajl ta’ applikazzjoni.

Artikolu 21

Riżultati tal-ipproċessar awtomatizzat

1.   Jekk l-ipproċessar awtomatizzat stipulat fl-Artikolu 20(2) sa (5) ma jirrapporta l-ebda hit, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha awtomatikament toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikolu 36 u għandha tinnotifika lill-applikant f’konformità mal-Artikolu 38.

2.   Jekk l-ipproċessar awtomatizzat stipulat fl-Artikolu 20(2) sa (5) jirrapporta hit waħda jew aktar, l-applikazzjoni għandha tkun ipproċessata f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 22.

3.   Meta l-verifika taħt l-Artikolu 22 tikkonferma li d-data rreġistrata fil-fajl ta’ applikazzjoni tikkorrispondi mad-data li tiġġenera hit waqt l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikolu 20(2) sa (5) jew meta jifdal dubji dwar l-identità tal-applikant wara tali verifika, l-applikazzjoni għandha tiġi pproċessata skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 26.

4.   Meta l-ipproċessar awtomatizzat taħt l-Artikolu 20(3) jirrapporta li l-applikant ikun wieġeb fl-affermattiv għal kwalunkwe waħda mill-mistoqsijiet elenkati fl-Artikolu 17(4), u jekk ma jkun hemm ebda hit oħra, l-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli, għall-ipproċessar manwali kif stipulat fl-Artikolu 26.

Artikolu 22

Verifika mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS

1.   Meta l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikolu 20(2) sa (5) jirrapporta hit waħda jew aktar, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tikkonsulta awtomatikament l-Unità Ċentrali tal-ETIAS.

2.   Meta tiġi kkonsultata, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandu jkollha aċċess għall-fajl ta’ applikazzjoni u għal kwalunkwe fajl ta’ applikazzjoni konness miegħu kif ukoll għall-hits kollha ġġenerati waqt l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikolu 20(2) sa (5) u għall-informazzjoni identifikata mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS taħt l-Artikolu 20(7) u (8).

3.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika jekk id-data rreġistrata fil-fajl ta’ applikazzjoni tikkorrispondix ma’ wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 33;

(b)

id-data preżenti fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, inkluż il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34;

(c)

id-data preżenti f’waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li huma kkonsultati;

(d)

data tal-Europol;

(e)

id-data preżenti fil-bażijiet ta’ data SLTD jew TDAWN tal-Interpol.

4.   Jekk id-data ma tikkorrispondix, u ma tkun ġiet irrapportat l-ebda hit oħra waqt l-ipproċessar awtomatizzat skont l-Artikolu 20(2) sa (5), l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tħassar il-hit falza mill-fajl ta’ applikazzjoni u s-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar awtomatikament skont l-Artikolu 36.

5.   Jekk id-data tikkorrispondi ma’ dik tal-applikant jew ikun għad fadal dubji dwar l-identità tal-applikant, l-applikazzjoni għandha tiġi pproċessata manwalment f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 26.

6.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tikkompleta l-ipproċessar manwali fi żmien mhux iktar minn 12-il siegħa mill-wasla tal-fajl tal-applikazzjoni.

Artikolu 23

Appoġġ għall-objettivi tas-SIS

1.   Għall-finijiet tal-punt (e) tal-Artikolu 4, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tqabbel id-data rilevanti msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 17(2) mad-data preżenti fis-SIS biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant hux is-soġġett ta’ wieħed mill-allerti li ġejjin:

(a)

allert dwar persuni nieqsa;

(b)

allert dwar persuni mfittxija biex jassistu fi proċedura ġudizzjarja;

(c)

allert dwar persuni għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi.

2.   Meta t-tqabbil imsemmi fil-paragrafu 1 jirrapporta hit waħda jew aktar, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tibgħat notifika awtomatizzata lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika jekk id-data personali tal-applikant tikkorrispondix mad-data personali li tinsab fl-allert li jkun iġġenera l-hit u jekk il-korrispondenza tiġi kkonfermata, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tibgħat notifika awtomatizzata lill-Uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun daħħal l-allert. L-Uffiċċju SIRENE kkonċernat għandu jivverifika jekk id-data personali tal-applikant tikkorrispondix mad-data personali li jkun hemm fl-allert li jkun iġġenera l-hit u jieħu kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu.

Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tibgħat ukoll notifika awtomatizzata lill-Uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun daħħal l-allert li jkun iġġenera l-hit fis-SIS matul l-ipproċessar awtomatizzat imsemmi fl-Artikolu 20, fejn, wara l-verifika mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS kif imsemmi fl-Artikolu 22, dak l-allert ikun wassal għall-ipproċessar manwali tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 26.

3.   In-notifika pprovduta lill-Uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun daħħal l-allert għandu jkun fiha d-data li ġejja:

(a)

il-kunjom(ijiet), l-isem/ismijiet u, jekk ikun hemm, psewdonimu/i;

(b)

il-post u d-data tat-twelid;

(c)

is-sess;

(d)

in-nazzjonalità u, jekk hemm iktar, nazzjonalitajiet oħra;

(e)

l-Istat Membru tal-ewwel soġġorn intenzjonat, u fejn disponibbli, l-indirizz tal-ewwel soġġorn intenzjonat;

(f)

l-indirizz tad-dar tal-applikant jew, jekk mhux disponibbli, il-belt jew il-pajjiż ta’ residenza tiegħu;

(g)

informazzjoni dwar l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li tindika jekk inħarġitx jew ġietx irrifjutata awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, jew jekk l-applikazzjoni hijiex soġġetta għal ipproċessar manwali skont l-Artikolu 26;

(h)

referenza għal kwalunkwe hit jew hits miksuba f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, li tinkludi d-data u l-ħin tal-hit.

4.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha żżid referenza għal kwalunkwe hit miksuba skont il-paragrafu 1 fil-fajl tal-applikazzjoni.

Artikolu 24

Regoli speċifiċi għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni jew ta’ ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni

1.   Għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1), l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif definita fil-punt 5 tal-Artikolu 3(1) għandha tinftiehem bħala deċiżjoni maħruġa skont dan ir-Regolament li tindika li ma hemm l-ebda indikazzjoni fattwali jew raġuni valida bbażata fuq indikazzjonijiet fattwali biex jiġi konkluż li l-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri toħloq riskju ta’ sigurtà jew riskju għoli ta’ epidemija skont id-Direttiva 2004/38/KE.

2.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) japplika għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, għandhom japplikaw ir-regoli speċifiċi li ġejjin:

(a)

l-applikant ma għandux iwieġeb il-mistoqsija msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 17(4);

(b)

it-tariffa msemmija fl-Artikolu 18 għandha tinħafer.

3.   Waqt l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għal ċittadin ta’ pajjiż terz imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1), is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ma għandhiex tivverifika jekk:

(a)

l-applikant ikunx f’dak il-mument jew fil-passat ġie rrapportat bħala persuna li tibqa’ fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn permezz ta’ konsultazzjoni tal-EES kif imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 20(2);

(b)

l-applikant jikkorrispondix għal persuna li d-data tagħha tkun irreġistrata fil-Eurodac kif imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 20(2).

L-indikaturi tar-riskji speċifiċi bbażati fuq ir-riskji ta’ immigrazzjoni illegali ddeterminati skont l-Artikolu 33 ma għandhomx japplikaw.

4.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma għandhiex tiġi rrifjutata abbażi ta’ riskju ta’ immigrazzjoni illegali kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 37(1).

5.   Fejn l-ipproċessar awtomatizzat tal-applikazzjoni taħt l-Artikolu 20 ikun irrapporta hit li tikkorrispondi għal allert għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn kif imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tivverifika l-bażi għad-deċiżjoni li b’segwitu tagħha jkun iddaħħal dan l-allert fis-SIS. Jekk il-bażi tkun relatata ma’ riskju ta’ immigrazzjoni illegali, l-allert ma għandux jitqies għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni. L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tipproċedi skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.

6.   Għandhom japplikaw ukoll ir-regoli li ġejjin:

(a)

fin-notifika stipulata fl-Artikolu 38(1), l-applikant għandu jirċievi informazzjoni dwar il-fatt li, meta jaqsam il-fruntiera esterna, irid ikun jista’ jagħti prova tal-istatus tiegħu bħala membru tal-familja msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1); tali informazzjoni għandha tinkludi wkoll tfakkira li membru tal-familja ta’ ċittadin li jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu li jkollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandu d-dritt ta’ dħul biss jekk dak il-membru tal-familja jkun akkumpanjat minn jew jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor li jkun qed jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu;

(b)

appell kif imsemmi fl-Artikolu 37(3) għandu jiġi ppreżentat skont id-Direttiva 2004/38/KE;

(c)

il-perijodu taż-żamma tal-fajl ta’ applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 54(1) għandu jkun:

(i)

il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(ii)

ħames snin mill-aħħar deċiżjoni li tirrifjuta, tannulla jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikoli 37, 40 u 41. Jekk id-data preżenti f’reġistru, fajl jew allert irreġistrat f’waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, data tal-Europol, il-bażijiet ta’ data SLTD jew TDAWN tal-Interpol, il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, jew ir-regoli ta’ skrinjar tal-ETIAS li jwasslu għal tali deċiżjoni titħassar qabel it-tmien ta’ dak il-perijodu ta’ ħames snin, il-fajl tal-applikazzjoni għandu jitħassar fi żmien sebat ijiem mit-tħassir tad-data f’dak ir-reġistru, fajl jew allert. Għal dak il-għan, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika regolarment u awtomatikament jekk il-kondizzjonijiet għaż-żamma tal-fajls tal-applikazzjoni msemmija f’dan il-punt għadhomx issodisfati. Fejn huma ma għandhomx iktar issodisfati, hija għandha tħassar il-fajl tal-applikazzjoni b’mod awtomatizzat.

Għall-finijiet tal-iffaċilitar ta’ applikazzjoni ġdida wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS, il-fajl ta’ applikazzjoni jista’ jinħażen fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għal perijodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet snin wara tmiem il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u biss meta, wara talba għal kunsens, l-applikant jagħti l-kunsens liberu u espliċitu tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata elettronikament. Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata b’mod li jintgħaraf b’mod ċar minn kwistjonijiet oħra, f’forma intelliġibbli u faċilment aċċessibbli u bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Il-kunsens għandu jintalab b’segwitu għall-provvista ta’ informazzjoni awtomatika skont l-Artikolu 15(2). L-informazzjoni pprovduta b’mod awtomatiku għandha tfakkar lill-applikant dwar l-iskop taż-żamma tad-data b’mod allinjat mal-informazzjoni msemmija fil-punt (o) tal-Artikolu 71.

KAPITOLU IV

EŻAMI TAL-APPLIKAZZJONI MILL-UNITAJIET NAZZJONALI TAL-ETIAS

Artikolu 25

L-Istat Membru responsabbli

1.   L-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar manwali tal-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 26 (“l-Istat Membru responsabbli”) għandu jiġi identifikat mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS kif ġej:

(a)

meta wieħed biss mill-Istati Membri jiġi identifikat li jkun daħħal jew ipprovda d-data li tkun iġġenerat il-hit skont l-Artikolu 20, dak l-Istat Membru għandu jkun l-Istat Membru responsabbli.

(b)

meta diversi Stati Membri jiġu identifikati li jkunu daħħlu jew ipprovdew id-data li tkun iġġenerat il-hits skont l-Artikolu 20, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun:

(i)

l-Istat Membru li jkun daħħal jew ipprovda d-data l-aktar reċenti dwar allert imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 20(2); jew

(ii)

jekk l-ebda data fost dik id-data ma tikkorrispondi ma’ allert imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 20(2), l-Istat Membru li jkun daħħal jew ipprovda d-data l-aktar reċenti dwar allert imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 20(2); jew

(iii)

jekk l-ebda data fost dik id-data ma tikkorrispondi ma’ allert imsemmi jew fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 20(2), l-Istat Membru li jkun daħħal jew ipprovda d-data l-aktar reċenti dwar allert imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 20(2);

(c)

fejn diversi Stati Membri jiġu identifikati li jkunu daħħlu jew ipprovdew id-data li tkun iġġenerat il-hit skont l-Artikolu 20, iżda l-ebda data fost dik id-data ma tkun tikkorrispondi ma’ allerti msemmija fil-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 20(2), l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak li daħħal jew ipprovda l-aktar data reċenti.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu, hits iġġenerati minn data mhux imdaħħla jew ipprovduta minn Stat Membru ma għandhomx jiġu kkunsidrati fl-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Fejn l-ipproċessar manwali ta’ applikazzjoni ma jkunx ġie ġġenerat mid-data mdaħħla jew ipprovduta minn Stat Membru, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun l-Istat Membru tal-ewwel soġġorn intenzjonat.

2.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tindika l-Istat Membru responsabbli fil-fajl tal-applikazzjoni. Fejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ma tkunx tista’ tidentifika l-Istat Membru responsabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tidentifikah.

Artikolu 26

Ipproċessar manwali tal-applikazzjonijiet mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS

1.   Jekk l-ipproċessar awtomatizzat stipulat fl-Artikolu 20(2) sa (5) ikun irrapporta hit waħda jew aktar, l-applikazzjoni għandha tiġi pproċessata manwalment mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli. Dik l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandu jkollha aċċess għall-fajl tal-applikazzjoni u għal kwalunkwe fajl ta’ applikazzjoni konness miegħu kif ukoll għal kwalunkwe hit iġġenerata matul l-ipproċessar awtomatizzat stipulat fl-Artikolu 20(2) sa (5). L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli dwar jekk ikunx ġie identifikat li Stat Membru ieħor wieħed jew aktar jew l-Europol daħħlet jew ipprovdiet id-data li tkun iġġenerat il-hit skont l-Artikolu 20(2) jew (4). Meta Stat Membru wieħed jew aktar ikunu ġew identifikati li jkunu daħħlu jew ipprovdew id-data li tkun iġġenerat tali hit, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tispeċifika wkoll l-Istati Membri kkonċernati.

2.   Wara l-ipproċessar manwali tal-applikazzjoni, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha:

(a)

toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar; jew

(b)

tirrifjuta awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

3.   Meta l-ipproċessar awtomatizzat stipulat fl-Artikolu 20(2) ikun irrapporta hit, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha:

(a)

tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar meta l-hit tikkorrispondi għal waħda jew aktar mill-verifiki msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(2);

(b)

tivvaluta r-riskju ta’ sigurtà jew ta’ immigrazzjoni illegali u tiddeċiedi toħroġx jew tirrifjutax l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar meta l-hit tikkorrispondi għal kwalunkwe verifika msemmija fil-punti (b) u (d) sa (m) tal-Artikolu 20(2).

4.   Meta l-ipproċessar awtomatizzat taħt l-Artikolu 20(3) ikun irrapporta li l-applikant ikun wieġeb fl-affermattiv għal waħda mill-mistoqsijiet imsemmija fl-Artikolu 17(4), l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tivvaluta r-riskju ta’ sigurtà jew ta’ immigrazzjoni illegali u tiddeċiedi toħroġx jew tirrifjutax awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

5.   Meta l-ipproċessar awtomatizzat taħt l-Artikolu 20(4) ikun irrapporta hit, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tivvaluta r-riskju ta’ sigurtà u tiddeċiedi għandhiex toħroġ jew tirrifjuta awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

6.   Meta l-ipproċessar awtomatizzat taħt l-Artikolu 20(5) ikun irrapporta hit, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tivvaluta r-riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew ir-riskju għoli ta’ epidemija u tiddeċiedi toħroġx jew tirrifjutax awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli ma tista’ fl-ebda ċirkostanza tieħu deċiżjoni awtomatikament abbażi ta’ hit ibbażata fuq l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi. F’kull każ, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha b’mod individwali twettaq valutazzjoni tar-riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali u r-riskju għoli ta’ epidemija.

7.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha żżomm rekords ta’ kull operazzjoni ta’ proċessar ta’ data mwettqa għall-valutazzjonijiet imsemmija skont dan l-Artikolu mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli jew mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri kkonsultati f’konformità mal-Artikolu 28. Dawk ir-rekords għandhom jinħolqu u jiddaħħlu awtomatikament fil-fajl tal-applikazzjoni. Huma għandhom juru d-data u l-ħin ta’ kull operazzjoni, id-data użata biex jiġu kkonsultati sistemi ta’ informazzjoni oħrajn tal-UE, id-data marbuta mal-hit li tkun waslet u l-membru tal-persunal li jkun wettaq il-valutazzjoni tar-riskju.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew tar-riskju għoli ta’ epidemija u l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni li tinħareġ jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandhom jiġu rreġistrati fil-fajl tal-applikazzjoni mill-membru tal-persunal li jkun wettaq il-valutazzjoni tar-riskju.

Artikolu 27

Talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mill-applikant

1.   Meta l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tqis li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tippermettilha tiddeċiedi jekk għandhiex toħroġ jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, hija tista’ titlob informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant. L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha titlob informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali meta ssir it-talba minn Stat Membru kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28.

2.   It-talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għandha tiġi nnotifikata permezz tas-servizz tal-posta elettronika msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(2) lill-indirizz tal-posta elettronika tal-kuntatt irreġistrat fil-fajl tal-applikazzjoni. It-talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għandha tindika b’mod ċar l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li l-applikant meħtieġ li jipprovdi, kif ukoll lista tal-lingwi li fihom tista’ tiġi ppreżentata l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni. Dik il-lista għandha tinkludi tal-inqas l-Ingliż jew il-Franċiż jew il-Ġermaniż sakemm ma tinkludix lingwa uffiċjali tal-pajjiż terz li l-applikant ikun iddikjara li huwa ċittadin tiegħu. Meta tintalab dokumentazzjoni addizzjonali, għandha tintalab ukoll kopja elettronika tad-dokumentazzjoni oriġinali. L-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali direttament lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli permezz tas-servizz ta’ kont sigur imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 6(2) fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ meta tasal it-talba. L-applikant għandu jipprovdi tali informazzjoni jew dokumentazzjoni f’waħda mil-lingwi nnotifikati fit-talba. L-applikant ma għandux jiġi rikjest li jipprovdi traduzzjoni uffiċjali. Tista’ tintalab biss l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-ETIAS.

3.   Sabiex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tuża lista predeterminata ta’ għażliet. Il-Kummissjoni għandu tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex tistabbilixxi l-kontenut u l-format ta’ dik il-lista predeterminata ta’ għażliet.

4.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala l-aħħar alternattiva jekk wara l-ipproċessar tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni addizzjonali, ikun fadal dubji serji dwar l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta mill-applikant, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tista’ tistieden lill-applikant għal intervista fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu fil-konsulat tiegħu li jkun jinsab l-eqreb għall-post ta’ residenza tal-applikant. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u meta dan ikun fl-interess tal-applikant, l-intervista tista’ ssir fil-konsulat li jkun jinstab f’pajjiż differenti mill-pajjiż ta’ residenza tal-applikant.

Jekk il-konsulat li jkun jinstab l-eqreb għall-post ta’ residenza tal-applikant ikun f’distanza ta’ aktar minn 500 km, l-applikant għandu jingħata l-possibbiltà li l-intervista ssir b’mezzi kkontrollati mill-bogħod ta’ komunikazzjoni awdjo u vidjo. Jekk id-distanza tkun inqas minn 500 km, l-applikant u l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli jistgħu flimkien jaqblu li jużaw tali mezzi ta’ komunikazzjoni awdjo u vidjo. Fejn tali mezzi ta’ komunikazzjoni awdjo u vidjo huma użati, l-intervista għandha titwettaq mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli jew, b’mod eċċezzjonali, minn wieħed mill-konsulati ta’ dak l-Istat Membru. Il-mezzi kkontrollati mill-bogħod ta’ komunikazzjoni awdjo u vidjo għandhom jiżguraw livell xieraq ta’ sigurtà u kunfidenzjalità.

Ir-raġuni li għaliha tintalab intervista għandha tiġi rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi r-rekwiżiti għall-mezzi ta’ komunikazzjoni awdjo u vidjo msemmija fil-paragrafu 4, inkluż regoli dwar il-protezzjoni tad-data, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità, u għandha tadotta regoli dwar l-ittestjar u l-għażla ta’ għodda adatti, u dwar l-operat tagħhom.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

6.   L-istedina għal intervista għandha tintbagħat lill-applikant mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli permezz tas-servizz tal-posta elettronika msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(2) lill-indirizz tal-posta elettronika tal-kuntatt irreġistrat fil-fajl tal-applikazzjoni. L-istedina għall-intervista għandha tintbagħat fi żmien 72 siegħa minn meta l-applikant jibgħat informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-istedina għall-intervista għandha tinkludi informazzjoni rigward l-Istat Membru li joħroġ l-istedina, rigward l-alternattivi msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u dettalji ta’ kuntatt rilevanti. L-applikant għandu jikkuntattja lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli jew lill-konsulat malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara li tkun ħarġet l-istedina għall-intervista, biex jintlaħaq qbil dwar ħin u data adatti għall-intervista u dwar jekk l-intervista tkunx ser issir mill-bogħod. L-intervista għandha ssir fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-istedina.

L-istedina għall-intervista għandha tiġi rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

7.   Fejn l-applikant jonqos milli jattendi l-intervista f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu wara stedina għall-intervista, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata f’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 37(1). L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tinforma lill-applikant mingħajr dewmien.

8.   Għall-fini tal-intervista msemmija fil-paragrafu 4, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tindika l-elementi li għandhom jiġu indirizzati minn min iwettaq l-intervista. Dawk l-elementi għandhom jirrigwardaw ir-raġunijiet li għalihom tkun intalbet l-intervista.

L-intervista b’mezzi kkontrollati mill-bogħod ta’ komunikazzjoni awdjo u vidjo għandha ssir bil-lingwa tal-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li titlob l-intervista jew bil-lingwa ta’ għażla tagħha għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali.

L-intervista fil-konsulat għandha ssir bil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż terz fejn ikun jinstab il-konsulat, jew bi kwalunkwe lingwa oħra maqbula bejn l-applikant u l-konsulat.

Wara l-intervista, l-intervistatur għandu joħroġ opinjoni li tipprovdi ġustifikazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

L-elementi indirizzati u l-opinjoni għandhom jiġu inklużi f’format li għandu jiġi rreġistrat fil-fajl tal-applikazzjoni fl-istess jum bħal dak li fih tkun saret l-intervista.

9.   Wara li l-applikant jibgħat informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali f’konformità mal-paragrafu 2, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tirreġistra u taħżen dik l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni fil-fajl tal-applikazzjoni. L-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali pprovduti matul l-intervista f’konformità mal-paragrafu 6 għandhom jiżdiedu mal-fajl tal-applikazzjoni mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli.

Il-format li jintuża għall-intervista u l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni għandhom jiġu kkonsultati biss għall-fini ta’ valutazzjoni u biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, għall-fini tal-ġestjoni ta’ proċedura ta’ appell u għall-fini tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni ġdida mill-istess applikant.

10.   L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tissokta bl-eżami tal-applikazzjoni mill-mument li l-applikant jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali, jew, fejn applikabbli, mid-data tal-intervista.

Artikolu 28

Konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħra

1.   Meta Stat Membru wieħed jew aktar jiġu identifikati li jkunu daħħlu jew ipprovdew id-data li tkun iġġenerat hit f’konformità mal-Artikolu 20(7) b’segwitu għal verifika taħt l-Artikolu 22, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinnotifika lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal- Istat(i) Membru/i involut(i), u b’hekk jingħata bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni bejniethom u l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli.

2.   L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri kkonsultati għandu jkollhom aċċess għall-fajl tal-applikazzjoni għall-fini tal-konsultazzjoni.

3.   L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri kkonsultati għandhom:

(a)

jipprovdu opinjoni pożittiva ġustifikata dwar l-applikazzjoni; jew

(b)

jipprovdu opinjoni negattiva ġustifikata dwar l-applikazzjoni.

L-opinjoni pożittiva jew negattiva għandha tiġi rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru kkonsultat.

4.   L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tista’ wkoll tikkonsulta lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS ta’ Stat Membru wieħed jew aktar b’segwitu għat-tweġiba tal-applikant għat-talba għal informazzjoni addizzjonali. Meta din l-informazzjoni addizzjonali tkun intalbet f’isem Stat Membru kkonsultat skont l-Artikolu 27(1), l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tikkonsulta lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru kkonsultat b’segwitu għat-tweġiba tal-applikant għal dik it-talba għal informazzjoni addizzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri kkonsultati għandu jkollhom aċċess ukoll għall-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali rilevanti pprovduta mill-applikant b’segwitu għal talba mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli fir-rigward tal-kwistjoni li jkunu qed jiġu kkonsultati dwarha. Jekk jiġu kkonsultati diversi Stati Membri, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tiżgura l-koordinament.

5.   L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri kkonsultati għandhom iwieġbu fi żmien 60 siegħa min-notifika tal-konsultazzjoni. Nuqqas ta’ tweġiba sal-iskadenza għandu jitqies li jkun opinjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni.

6.   Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, it-talba għal konsultazzjoni u t-tweġibiet għaliha għandhom jiġu trażmessi permezz tas-software imsemmi fil-punt (m) tal-Artikolu 6(2) u għandhom ikunu disponibbli għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli.

7.   Jekk l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS ta’ minn tal-inqas Stat Membru wieħed ikkonsultata tagħti opinjoni negattiva dwar l-applikazzjoni, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-Artikolu 37. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.

8.   Fejn meħtieġ f’każijiet ta’ problemi tekniċi jew ċirkostanzi imprevedibbli, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tiddetermina l-Istat Membru responsabbli u l-Istati Membri li għandhom jiġu kkonsultati u għandha tiffaċilita l-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 29

Konsultazzjoni tal-Europol

1.   Meta l-Europol tiġi identifikata bħala li pprovdiet id-data li tkun iġġenerat hit f’konformità mal-Artikolu 20(8) ta’ dan ir-Regolament, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinnotifikaha, u b’hekk jingħata bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni bejn il-Europol u l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli. Din il-konsultazzjoni għandha ssir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 u b’mod partikolari l-Kapitolu IV tiegħu.

2.   Meta l-Europol tiġi kkonsultata, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tittrasmetti lill-Europol id-data rilevanti tal-fajl ta’ applikazzjoni u tal-hits li jkunu meħtieġa għall-fini tal-konsultazzjoni.

3.   F’kull każ, il-Europol ma għandux ikollha aċċess għad-data personali li tikkonċerna l-edukazzjoni tal-applikant imsemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 17(2).

4.   Meta tiġi kkonsultata skont il-paragrafu 1, il-Europol għandha tipprovdi opinjoni ġustifikata dwar l-applikazzjoni. L-opinjoni tal-Europol għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li għandha tirreġistraha fil-fajl tal-applikazzjoni.

5.   L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tista’ tikkonsulta lill-Europol b’segwitu għat-tweġiba tal-applikant għal talba għal informazzjoni addizzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tittrasmetti lill-Europol l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali rilevanti pprovduta mill-applikant fir-rigward tat-talba għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li l-Europol tkun qed tiġi kkonsultata fuqha.

6.   Il-Europol għandha twieġeb fi żmien 60 siegħa min-notifika tal-konsultazzjoni. In-nuqqas ta’ tweġiba mingħand il-Europol sal-iskadenza, għandu jitqies li jkun opinjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni.

7.   Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, it-talba għal konsultazzjoni u t-tweġibiet għaliha għandhom jiġu trażmessi permezz tas-software imsemmi fil-punt (m) tal-Artikolu 6(2) u għandhom ikunu disponibbli għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli.

8.   Jekk il-Europol tagħti opinjoni negattiva dwar l-applikazzjoni u l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli jiddeċiedi li toħroġ l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, hija għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha u għandha tirreġistra l-ġustifikazzjoni fil-fajl tal-applikazzjoni.

9.   Fejn meħtieġ f’każijiet ta’ problemi tekniċi jew ċirkostanzi imprevedibbli, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tiddetermina l-Istat Membru responsabbli u tiffaċilita l-konsultazzjonijiet bejn l-Istat Membru responsabbli u l-Europol kif imsemmi f’dan l-Artikolu.

Artikolu 30

Skadenzi għan-notifika lill-applikant

Fi żmien 96 siegħa minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni li tkun ammissibbli skont l-Artikolu 19, l-applikant għandu jirċievi notifika li tindika:

(a)

jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiegħu nħarġitx jew ġietx irrifjutata; jew

(b)

li tkun qed tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali u li l-applikant jista’ jiġi mistieden għal intervista, b’indikazzjoni taż-żmien massimu għall-ipproċessar applikabbli skont l-Artikolu 32(2).

Artikolu 31

Għodda ta’ verifika

Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għal għodda ta’ verifika biex l-applikanti jiċċekkjaw l-istatus tal-applikazzjonijiet tagħhom u jiċċekkjaw il-perijodu ta’ validità u l-istatus tal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar tagħhom (valida, irrifjutata, annullata jew revokata). Din l-għodda għandha tkun magħmula aċċessibbli permezz tas-sit web pubbliku apposta jew permezz tal-applikazzjoni għal apparati mobbli msemmija fl-Artikolu 16.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 sabiex tkompli tiddefinixxi l-għodda ta’ verifika.

Artikolu 32

Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

1.   Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għandhom jittieħdu mhux aktar tard minn 96 siegħa wara li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni li tkun ammissibbli skont l-Artikolu 19.

2.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta tiġi nnotifikata talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali, u meta l-applikant jiġi mistieden għal intervista, il-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi estiż. Din l-applikazzjoni għandha tiġi deċiża sa mhux aktar tard minn 96 siegħa wara li l-applikant jippreżenta l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali. Meta l-applikant jiġi mistieden għal intervista kif imsemmi fl-Artikolu 27(4), għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mhux aktar tard minn 48 siegħa minn meta tkun saret l-intervista.

3.   Qabel l-iskadenzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, għandha tittieħed deċiżjoni li:

(a)

tinħareġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikolu 36; jew

(b)

tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikolu 37.

KAPITOLU V

IR-REGOLI TAL-ISKRINJAR TAL-ETIAS U L-LISTA TA’ SORVELJANZA TAL-ETIAS

Artikolu 33

Ir-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS

1.   Ir-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS għandhom ikunu algoritmu li jippermetti t-tfassil tal-profil kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 permezz tat-tqabbil f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament bejn id-data rreġistrata f’fajl ta’ applikazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u l-indikaturi ta’ riskji speċifiċi stabbiliti mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu li jindikaw riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tirreġistra r-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

2.   Il- Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex tkompli tiddefinixxi r-riskji relatati mas-sigurtà jew mal-immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija abbażi ta’:

(a)

statistika ġġenerata mill-EES li tindika rati anormali ta’ dewmien żejjed fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u r-rifjuti ta’ dħul għal grupp speċifiku ta’ vjaġġaturi;

(b)

statistika ġġenerata mill-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 84 li tindika rati anormali ta’ rifjuti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar minħabba riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija assoċjat ma’ grupp speċifiku ta’ vjaġġaturi;

(c)

statistika ġġenerata mill-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 84 u mill-EES li tindika korrelazzjonijiet bejn l-informazzjoni miġbura permezz tal-formola ta’ applikazzjoni u l-każ ta’ dewmien żejjed minn vjaġġaturi fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn jew ir-rifjuti ta’ dħul;

(d)

informazzjoni appoġġata minn elementi fattwali jew ibbażata fuq evidenza, ipprovduta mill-Istati Membri, li tikkonċerna indikaturi jew theddid speċifiku ta’ riskju ta’ sigurtà identifikat minn dak l-Istat Membru;

(e)

informazzjoni appoġġata minn elementi fattwali jew ibbażata fuq evidenza, ipprovduta mill-Istati Membri, li tikkonċerna rati anormali ta’ dewmien żejjed minn vjaġġaturi fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u r-rifjuti ta’ dħul għal grupp speċifiku ta’ vjaġġaturi għal dak l-Istat Membru;

(f)

informazzjoni li tikkonċerna riskji għolja speċifiċi ta’ epidemija, ipprovduta mill-Istati Membri kif ukoll informazzjoni ta’ sorveljanza epidemjoloġika u valutazzjonijiet tar-riskji pprovduti mill-ECDC u t-tifqigħ ta’ mard irrapportat mill-WHO.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tispeċifika r-riskji, kif definit f’dan ir-Regolament u fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li fuqhom għandhom ikunu bbażati l-indikaturi tar-riskji speċifiċi imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Ir-riskji speċifiċi għandhom jiġu riveduti mill-inqas kull sitt xhur u, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni ġdid f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

4.   Abbażi tar-riskji speċifiċi ddeterminati f’konformità mal-paragrafu 3, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tistabbilixxi sett ta’ indikaturi ta’ riskji speċifiċi li jikkonsistu minn taħlita ta’ data li tinkludi wieħed mill-fatturi li ġejjin jew diversi minnhom:

(a)

il-grupp ta’ età, is-sess, in-nazzjonalità;

(b)

il-pajjiż u l-belt ta’ residenza;

(c)

il-livell tal-edukazzjoni (primarja, sekondarja, għolja jew xejn);

(d)

il-professjoni attwali (grupp tal-impjieg).

5.   L-indikaturi ta’ riskji speċifiċi għandhom ikunu mmirati u proporzjonati. Fl-ebda ċirkostanza ma għandhom ikunu bbażati biss fuq is-sess jew l-età tal-persuna. Fl-ebda ċirkostanza ma għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni li tiżvela l-kulur, ir-razza, l-oriġini etnika jew soċjali, il-fatturi ġenetiċi, il-lingwa, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.

6.   L-indikaturi ta’ riskji speċifiċi għandhom ikunu definiti, stabbiliti, valutati ex ante, implimentati, evalwati ex post, riveduti u mħassra mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS.

Artikolu 34

Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS

1.   Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tkun magħmula minn data marbuta ma’ persuni li jkunu suspettati li wettqu jew li ħadu sehem f’reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor jew persuni li dwarhom ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi, ibbażati fuq valutazzjoni ġenerali tal-persuna, biex wieħed jemmen li ser iwettqu reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor. Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tifforma parti mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

2.   Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ informazzjoni marbuta ma’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħrajn.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiddaħħal fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS mill-Europol, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/794 jew mill-Istati Membri. Il-Europol jew l-Istat Membru kkonċernat, skont il-każ, għandu jkun responsabbli għal data kollha li jdaħħal. Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tindika, għal kull punt tad-data, id-data u l-ħin tad-dħul mill-Europol jew l-Istat Membru li jkun daħħlu.

4.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tkun magħmula minn data li tikkonsisti f’wieħed jew aktar fost il-punti li ġejjin:

(a)

il-kunjom;

(b)

il-kunjom mat-twelid;

(c)

id-data tat-twelid;

(d)

ismijiet oħra (psewdonimu/i, isem/ismijiet artistiku/ċi, isem/ismijiet tas-soltu);

(e)

dokument(i) tal-ivvjaġġar (it-tip, in-numru u l-pajjiż tal-ħruġ tad-dokument(i) tal-ivvjaġġar);

(f)

l-indirizz tad-dar;

(g)

l-indirizz tal-posta elettronika:

(h)

in-numru tat-telefon

(i)

l-isem, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz postali, in-numru tat-telefon ta’ kumpannija jew organizzazzjoni;

(j)

l-indirizz IP.

Jekk disponibbli, il-punti ta’ data li ġejja għandha tiżdied mal-punti relatati li jkun magħmul tal-inqas minn wieħed mill-punti ta’ data msemmija hawn fuq: l-isem/ismijiet, il-post tat-twelid, il-pajjiż tat-twelid, is-sess u n-nazzjonalità.

Artikolu 35

Responsabbiltajiet u kompiti fir-rigward tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS

1.   Qabel ma l-Europol jew Stat Membru jdaħħal data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, huwa għandu:

(a)

jiddetermina jekk l-informazzjoni tkunx adegwata, preċiża u importanti biżżejjed biex tiġi inkluża fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS;

(b)

jivvaluta l-impatt potenzjali tad-data fuq il-proporzjon tal-applikazzjonijiet ipproċessati manwalment;

(c)

jivverifika jekk id-data tikkorrispondix għal allert imdaħħal fis-SIS.

2.   Il-eu-LISA għandha toħloq għodda speċifika għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.   Fejn il-verifika skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 turi li d-data tikkorrispondi għal allert imdaħħal fis-SIS, din ma għandhiex tiddaħħal fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS. Fejn il-kundizzjonijiet għall-użu tad-data biex jiddaħħal allert fis-SIS ikunu ssodisfati, għandha tingħata prijorità li jiddaħħal allert fis-SIS.

4.   L-Istati Membri u l-Europol għandhom ikunu responsabbli għall-preċiżjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 34(2) li huma jdaħħlu fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u għall-aġġornament tagħha.

5.   Il-Europol għandha tirrieżamina u tivverifika b’mod regolari l-preċiżjoni kontinwa tad-data li tkun daħħlet fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, tal-inqas darba fis-sena. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jivverifikaw l-preċiżjoni kontinwa tad-data li jkunu daħħlu fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, tal-inqas darba fis-sena. Il-Europol u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw proċedura konġunta biex jiżguraw li r-responsabbilitajiet tagħhom skont dan il-paragrafu jiġu ssodisfati.

6.   Wara rieżami, l-Istati Membri u l-Europol għandhom jirtiraw data mil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS jekk jiġi ppruvat li r-raġunijiet għalfejn ikunu ddaħħlu ma jkunux għadhom jgħoddu, jew li d-data ma tkunx għadha valida jew mhux aġġornata.

7.   Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u l-għodda ta’ valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu żviluppati teknikament u ospitati mill-eu-LISA. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u ta’ dik l-għodda ta’ valutazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

KAPITOLU VI

ĦRUĠ, RIFJUT, ANNULLAMENT JEW REVOKA TA’ AWTORIZZAZZJONI GĦALL-IVVJAĠĠAR

Artikolu 36

Ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Jekk l-eżami ta’ applikazzjoni skont il-proċeduri stipulati fil-Kapitoli III, IV u V jindika li ma hemmx indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi bbażati fuq indikazzjonijiet fattwali biex jiġi konkluż li l-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri ser toħloq riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija, għandha tinħareġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli.

2.   F’każijiet fejn ikun hemm dubju dwar jekk jeżistux raġunijiet biżżejjed biex tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, għandu jkun possibbli li l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli, inkluż wara l-intervista„ toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’marka li tirrakkomanda lill-awtoritajiet tal-fruntieri biex jipproċedu bil-verifika tat-tieni linja.

L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tista’ wkoll iżżid din il-marka fuq it-talba tal-Istat Membru kkonsultat. Tali marka għandha tkun viżibbli għall-awtoritajiet tal-fruntieri biss.

Il-marka għandha titneħħa awtomatikament ladarba l-awtoritajiet tal-fruntieri jkunu wettqu l-verifika u jkunu rreġistraw l-entrata fl-EES.

3.   Għandu jkun possibbli li l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli żżid marka li tindika lill-awtoritajiet tal-fruntieri u lil awtoritajiet oħrajn b’aċċess għad-data fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS li hit speċifika ġġenerata matul l-ipproċessar tal-applikazzjoni tkun ġiet ivvalutata u li jkun ġie vverifikat li l-hit tikkostitwixxi hit falza jew li l-ipproċessar manwali wera li ma kien hemm l-ebda raġunijiet għar-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex tistabbilixxi salvagwardji adatti billi tipprovdi regoli u proċeduri biex jiġu evitati konflitti ma’ allerti f’sistemi ta’ informazzjoni oħrajn u biex tiddefinixxi l-kondizzjonijiet, il-kriterji u t-tul ta’ żmien tal-immarkar skont dan ir-Regolament.

5.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tkun valida għal tliet snin jew sa tmiem il-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar irreġistrat waqt l-applikazzjoni, skont liema minnhom jiġi l-ewwel, u għandha tkun valida għat-territorju tal-Istati Membri.

6.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma għandhiex tikkonferixxi dritt awtomatiku ta’ dħul jew soġġorn.

Artikolu 37

Rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi rrifjutata jekk l-applikant:

(a)

uża dokument tal-ivvjaġġar li jkun irrapportat bħala mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat fis-SIS;

(b)

jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà;

(c)

jikkostitwixxi riskju ta’ immigrazzjoni illegali;

(d)

jikkostitwixxi riskju għoli ta’ epidemija;

(e)

ikun persuna li dwarha jkun iddaħħal allert fis-SIS għall-fini ta’ rifjut ta’ dħul u soġġorn;

(f)

jonqos milli jwieġeb talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali sal-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 27;

(g)

jonqos milli jattendi intervista, kif imsemmi fl-Artikolu 27(4).

2.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi rrifjutata wkoll, fil-mument meta ssir l-applikazzjoni, jekk ikun hemm dubji raġonevoli u serji dwar l-awtentiċità tad-data, l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-applikant, id-dokumenti korroborattivi pprovduti mill-applikant jew il-veraċità tal-kontenuti tagħhom.

3.   L-applikanti li jkunu ġew irrifjutati awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandu jkollhom id-dritt għal appell. L-appelli għandhom jitmexxew fl-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tipprovdi lill-applikanti informazzjoni dwar il-proċedura ta’ appell. L-informazzjoni għandha tkun ipprovduta b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li tiegħu l-applikant huwa ċittadin.

4.   Rifjut preċedenti ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma għandux iwassal għal rifjut awtomatiku ta’ applikazzjoni ġdida. Applikazzjoni ġdida għandha tkun ivvalutata abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli.

Artikolu 38

Notifika għall-ħruġ jew ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Meta tinħareġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, l-applikant għandu jirċievi notifika minnufih permezz tas-servizz tal-posta elettronika, li tkun tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni ċara li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun inħarġet u n-numru tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

id-dati tal-bidu u tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(c)

dikjarazzjoni ċara li, mad-dħul, l-applikant ikollu jippreżenta l-istess dokument tal-ivvjaġġar indikat fil-formola tal-applikazzjoni u li kull bidla fid-dokument tal-ivvjaġġar tkun teżiġi applikazzjoni ġdida għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(d)

tfakkira tal-kondizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 u l-fatt li soġġorn qasir huwa possibbli biss għal perijodu ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum;

(e)

tfakkira li sempliċiment il-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma jagħtix dritt awtomatiku ta’ dħul;

(f)

tfakkira li l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jitolbu dokumenti ta’ sostenn fil-fruntieri esterni sabiex jivverifikaw l-issodisfar tal-kondizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn;

(g)

tfakkira li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar hija kondizzjoni għal soġġorn li għandha tiġi ssodisfata matul il-perijodu kollu ta’ soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri;

(h)

link għas-servizz web imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jivverifikaw fi kwalunkwe mument il-bqija tas-soġġorn awtorizzat tagħhom;

(i)

meta applikabbli, l-Istati Membri li fihom l-applikant ikun awtorizzat jivvjaġġa;

(j)

link għas-sit web pubbliku tal-ETIAS li fih informazzjoni dwar il-possibbiltà li l-applikant jitlob ir-revoka tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, il-possibbiltà li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi revokata jekk il-kondizzjonijiet għall-ħruġ tagħha ma għadhomx issodisfati u l-possibbiltà li tiġi annullata jekk isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tagħha ma kinux ġew issodisfati fiż-żmien meta nħarġet;

(k)

informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżerċitar tad-drittijiet skont l-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament (UE) 2016/679; id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru tal-ewwel soġġorn intenzjonat jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar tkun inħarġet mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, jew tal-Istat Membru responsabbli jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar tkun inħarġet minn Unità Nazzjonali tal-ETIAS.

2.   Jekk awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi rrifjutata, l-applikant għandu jirċievi notifika minnufih permezz tas-servizz tal-posta elettronika, li tkun tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni ċara li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun ġiet irrifjutata u n-numru tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

referenza għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li tkun irrifjutat l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u l-indirizz tagħha;

(c)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li tindika r-raġunijiet applikabbli minn dawk elenkati fl-Artikolu 37(1) u (2) li jippermettu lill-applikant iressaq appell;

(d)

informazzjoni dwar id-dritt li jitressaq appell u l-limitu ta’ żmien biex isir dan; link għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(7) fuq is-sit web.

(e)

informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżerċitar tad-drittijiet skont l-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament (UE) 2016/679; id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta formola standard għal rifjut, annullament jew revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 39

Data li għandha tiżdied mal-fajl tal-applikazzjoni wara d-deċiżjoni ta’ ħruġ jew ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Jekk tittieħed deċiżjoni għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew, jekk id-deċiżjoni ttieħdet wara l-ipproċessar manwali kif previst fil-Kapitolu IV, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha żżid id-data li ġejja mal-fajl ta’ applikazzjoni mingħajr dewmien:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar inħarġet;

(b)

referenza dwar jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar inħarġitx mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew wara pproċessar manwali; f’dan l-aħħar każ referenza għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li ħadet id-deċiżjoni kif ukoll l-indirizz tagħha;

(c)

id-data tad-deċiżjoni għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(d)

id-dati tal-bidu u tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(e)

kwalunkwe marka mehmuża mal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif stipulat fl-Artikoli 36(2) u (3), flimkien ma’ indikazzjoni tar-raġunijiet għal tali marka/i, u informazzjoni addizzjonali rilevanti għal verifiki tat-tieni linja fil-każ tal-Artikolu 36(2), u informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-awtoritajiet tal-fruntieri fil-każ tal-Artikolu 36(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 sabiex tiddefinixxi f’aktar dettall it-tip ta’ informazzjoni addizzjonali li tista’ tiżdied, il-lingwa u l-formati tagħha kif ukoll ir-raġunijiet għall-immarkar.

3.   Jekk tittieħed deċiżjoni għar-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha żżid id-data li ġejja mal-fajl ta’ applikazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ġiet irrifjutata;

(b)

referenza għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li tkun irrifjutat l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u l-indirizz tagħha;

(c)

id-data tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(d)

ir-raġunijiet għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, billi tiġi indikata r-raġunijiet minn dawk elenkati fl-Artikolu 37(1) u (2).

4.   Minbarra d-data msemmija fil-paragrafi 1 u 3, fejn tkun ittieħdet deċiżjoni li tinħareġ jew li tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha wkoll iżżid ir-raġunijiet għad-deċiżjoni finali tagħha, sakemm dik id-deċiżjoni tikkostitwixxi rifjut ibbażat fuq opinjoni negattiva minn Stat Membru kkonsultat.

Artikolu 40

Annullament ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi annullata jekk ikun evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tagħha ma kinux issodisfati fil-mument li nħarġet. L-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi annullata abbażi ta’ xi waħda jew aktar mir-raġunijiet għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar stipulati fl-Artikolu 37(1) u (2).

2.   Jekk Stat Membru jkun fil-pussess ta’ evidenza li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma kinux issodisfati fil-mument li nħarġet, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS ta’ dak l-Istat Membru għandha tannulla l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

3.   Persuna li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħha tkun ġiet annullata għandu jkollha d-dritt li tappella. L-appelli għandhom jinstemgħu fl-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar l-annullament u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tipprovdi lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura ta’ appell. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li tiegħu l-applikant ikun ċittadin.

4.   Il-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni ta’ annullament ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni mill-membru tal-persunal li jkun wettaq il-valutazzjoni tar-riskju.

Artikolu 41

Revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi rrevokata jekk ikun evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tagħha ma jkunux għadhom issodisfati. L-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi rrevokata fuq il-bażi ta’ waħda jew aktar mir-raġunijiet għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar stipulati fl-Artikolu 37(1).

2.   Jekk Stat Membru jkun fil-pussess ta’ evidenza li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma jkunux għadhom issodisfati, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS ta’ dak l-Istat Membru għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, jekk jinħareġ allert ġdid fis-SIS rigward rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn jew rigward dokument tal-ivvjaġġar rapportat bħala mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat, is-SIS għandha tinforma lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika jekk dan l-allert il-ġdid jikkorrispondix għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Jekk dan ikun il-każ, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tittrasferixxi l-fajl tal-applikazzjoni lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li jkun daħħlet l-allert. Jekk ikun inħareġ allert ġdid ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun marbuta ma’ dokument tal-ivvjaġġar irrapportat bħala mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat fis-SIS jew l-SLTD, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tipproċessa manwalment il-fajl tal-applikazzjoni.

4.   Id-data l-ġdida mdaħħla fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandhom jitqabblu mad-data tal-fajls ta’ applikazzjoni fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika jekk dik id-data l-ġdida tikkorrispondix għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Jekk dan ikun il-każ, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tittrasferixxi l-fajl tal-applikazzjoni lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li tkun daħħlet id-data l-ġdida, jew jekk il-Europol tkun daħlet id-data l-ġdida, lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru tal-ewwel soġġorn intenzjonat kif iddikjarat mill-applikant skont il-punt (j) tal-Artikolu 17(2). Dik l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tivvaluta r-riskju għas-sigurtà u għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jekk tikkonkludi li l-kondizzjonijiet għall-għoti tagħha ma għadhomx issodisfati.

5.   Meta fl-EES jiġi rreġistrat rifjut ta’ dħul li jikkonċerna lid-detentur ta’ awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar u dik ir-reġistrazzjoni hija ġġustifikata bir-raġuni B jew I elenkata fl-Anness V, Parti B, għar-Regolament (UE) 2016/399, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tittrasferixxi l-fajl tal-applikazzjoni lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li jkun irrifjutat id-dħul. Dik l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għadhomx issodisfati u, jekk le, għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

6.   Il-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni ta’ annullament ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tiġi rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni mill-membru tal-persunal li jkun wettaq il-valutazzjoni tar-riskju.

7.   Applikant li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiegħu tkun ġiet irrevokata għandu jkollu d-dritt li jappella. L-appelli għandhom jinstemgħu fl-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar ir-revoka u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tipprovdi lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura ta’ appell. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li tiegħu l-applikant ikun ċittadin.

8.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tista’ tiġi rrevokata wara talba mill-applikant. L-ebda appell ma għandu jkun possibbli kontra revoka fuq din il-bażi. Jekk l-applikant ikun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru meta tali talba tiġi introdotta, ir-revoka għandha ssir effettiva meta l-applikant ikun ħareġ mit-territorju u mill-mument li r-reġistrazzjoni tad-dħul/ħruġ korrispondenti tkun inħolqot fl-EES f’konformità mal-Artikoli 16(3) u 17(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Artikolu 42

Notifika tal-annullament jew tar-revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

Jekk awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi annullata jew irrevokata, l-applikant għandu jirċievi notifika minnufih permezz tas-servizz tal-posta elettronika, li tkun tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni ċara li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun ġiet annullata jew irrevokata u n-numru tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

referenza għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li tkun annullat jew irrevokat l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif ukoll l-indirizz tagħha;

(c)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-annullament jew ir-revoka tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li tindika r-raġunijiet applikabbli minn dawk elenkati fl-Artikolu 37(1) u (2) sabiex l-applikant ikun jista’ jressaq appell;

(d)

informazzjoni dwar id-dritt li jitressaq appell u l-limitu ta’ żmien biex isir dan; link għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(7) fuq is-sit web;

(e)

dikjarazzjoni ċara li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar hija kondizzjoni għal soġġorn li għandha tiġi ssodisfata matul il-perijodu kollu ta’ soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri;

(f)

informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżerċitar tad-drittijiet skont l-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament (UE) 2016/679; id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli.

Artikolu 43

Data li għandha tiżdied mal-fajl tal-applikazzjoni wara d-deċiżjoni ta’ annullament jew ta’ revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

1.   Jekk tittieħed deċiżjoni ta’ annullament jew revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li tkun annullat jew irrevokat l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha żżid id-data li ġejja mal-fajl tal-applikazzjoni mingħajr dewmien:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ġiet annullata jew irrevokata;

(b)

referenza għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li tkun irrevokat jew annullat l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif ukoll l-indirizz tagħha; u

(c)

id-data tad-deċiżjoni li tannulla jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

2.   L- Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli li annullat jew irrevokat l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandha tindika wkoll fil-fajl tal-applikazzjoni jew ir-raġuni(jiet) għal annullament jew revoka li huma applikabbli skont l-Artikolu 37(1) u (2) jew li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ġiet irrevokata fuq talba tal-applikant skont l-Artikolu 41(8).

Artikolu 44

Ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata fuq bażi umanitarja, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali

1.   Fejn applikazzjoni tkun ġiet meqjusa ammissibbli skont l-Artikolu 19, l-Istat Membru li fih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu l-intenzjoni li jivvjaġġa, jista’ b’mod eċċezzjonali joħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata meta dak l-Istat Membru jqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet umanitarji skont il-liġi nazzjonali, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali, minkejja l-fatt li:

(a)

l-ipproċessar manwali skont l-Artikolu 26 ikun għadu ma tlestiex; jew

(b)

awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun ġiet irrifjutata, annullata jew irrevokata.

Tali awtorizzazzjonijiet ġeneralment ikunu validi biss fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġhom. Madankollu, huma jistgħu f’każ eċċezzjonali jinħarġu b’validità territorjali li tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, dment li jkun hemm kunsens ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri permezz tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tagħhom. Meta l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tkun qed tikkunsidra toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata li tkopri diversi Stati Membri, dik l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tikkonsulta lil dawk l-Istati Membri.

Meta awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata tkun intalbet jew inħarġet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dan ma għandux jinterrompi l-ipproċessar manwali tal-applikazzjoni li tippermetti l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mingħajr validità territorjali limitata.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, u kif imsemmi fis-sit web pubbliku u l-applikazzjoni għal apparati mobbli, l-applikant jista’ jikkuntattja lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS filwaqt li jindika n-numru tal-applikazzjoni tiegħu, l-Istat Membru fejn hu għandu l-intenzjoni li jivvjaġġa u li l-iskop tal-vjaġġ tiegħu huwa bbażat fuq raġunijiet umanitarji jew huwa marbut ma’ obbligi internazzjonali. Meta jsir tali kuntatt, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu l-intenzjoni li jivvjaġġa u għandha tirreġistra l-informazzjoni fil-fajl tal-applikazzjoni.

3.   L-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu l-intenzjoni li jivvjaġġa tista’ titlob aktar informazzjoni jew dokumentazzjoni mingħand l-applikant u tista’ tistabbilixxi skadenza li fiha t-tali informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għandha tiġi ppreżentata. Tali talba għandha tiġi nnotifikata permezz tas-servizz tal-posta elettronika msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(2), lill-indirizz tal-posta elettronika ta’ kuntatt irreġistrat fil-fajl tal-applikazzjoni, u għandha tindika lista tal-lingwi li fihom l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni tista’ tiġi ppreżentata. Dik il-lista għandha tinkludi tal-inqas l-Ingliż jew il-Franċiż jew il-Ġermaniż sakemm ma tinkludix lingwa uffiċjali tal-pajjiż terz li tiegħu l-applikant ikun iddikjara li huwa ċittadin. L-applikant ma għandux jiġi rikjest li jipprovdi traduzzjoni uffiċjali f’dawk il-lingwi. L-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali direttament lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS permezz tas-servizz ta’ kont sigur imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 6(2). Wara li tintbagħat l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tirreġistra u taħżen dik l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni fil-fajl tal-applikazzjoni. L-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni addizzjonali rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni għandha tiġi kkonsultata biss għall-fini ta’ valutazzjoni u biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, għall-fini tal-ġestjoni ta’ proċedura ta’ appell jew għall-fini tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni ġdida mill-istess applikant.

4.   Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata għandha tkun valida għal massimu ta’ 90 jum mid-data tal-ewwel dħul abbażi ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

5.   Awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar maħruġa skont dan l-Artikolu jistgħu jkunu soġġetti għal marka skont l-Artikolu 36(2) jew (3).

6.   Fejn tinħareġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata, id-data li ġejja għandha tinżied fil-fajl tal-applikazzjoni mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS li tkun ħarġet dik l-awtorizzazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li nħarġet awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata;

(b)

l-Istat(i) Membru/i li fih id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar huwa intitolat li jivvjaġġa u l-perijodu ta’ validità ta’ dik l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(c)

l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li ħarġet l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata kif ukoll l-indirizz tagħha;

(d)

id-data tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata;

(e)

referenza għar-raġunijiet umanitarji, ir-raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew l-obbligi internazzjonali invokati;

(f)

kwalunkwe marka mehmuża mal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar kif stipulat fl-Artikolu 36(2) u (3), flimkien ma’ indikazzjoni tar-raġunijiet għal tali marka/i, u informazzjoni addizzjonali rilevanti għal verifiki tat-tieni linja fil-każ tal-Artikolu 36(2), u informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-awtoritajiet tal-fruntieri fil-każ tal-Artikolu 36(3).

Meta Unità Nazzjonali tal-ETIAS toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata mingħajr ebda informazzjoni jew dokumentazzjoni ma tkun ġiet ippreżentata mill-applikant, dik l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha tirreġistra u taħżen fil-fajl tal-applikazzjoni kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni xierqa li tiġġustifika dik id-deċiżjoni.

7.   Jekk tinħareġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata, l-applikant għandu jirċievi notifika permezz tas-servizz tal-posta elettronika, li tkun tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni ċara li awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata tkun inħarġet u n-numru tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

id-dati tal-bidu u tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata;

(c)

dikjarazzjoni ċara tal-Istati Membri fejn id-detentur tal-awtorizzazzjoni hu intitolat jivvjaġġa u li huwa jista’ jivvjaġġa biss f’dak it-territorju ta’ dawk l-Istati Membri;

(d)

tfakkira li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar hija kondizzjoni għal soġġorn li għandha tiġi ssodisfata matul il-perijodu kollu ta’ soġġorn qasir fit-territorju tal-Istat Membru li għalih l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata tkun inħarġet;

(e)

link għas-servizz web imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jivverifikaw fi kwalunkwe mument il-bqija tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

KAPITOLU VII

UŻU TAL-ETIAS MIT-TRASPORTATURI

Artikolu 45

Aċċess għad-data għall-verifika mit-trasportaturi

1.   It-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi tal-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jġorru gruppi fuq l-art permezz ta’ kowċ għandhom jikkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS sabiex jivverifikaw jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar humiex fil-pussess jew le ta’ awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar.

2.   Aċċess sigur għall-portall tat-trasportaturi msemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 6(2), inkluż il-possibbiltà li jintużaw soluzzjonijiet tekniċi mobbli, għandu jippermetti li t-trasportaturi jipproċedu bil-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu qabel l-imbarkazzjoni ta’ passiġġier. It-trasportatur għandu jipprovdi d-data li tinsab fil-parti li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar u jindika l-Istat Membru tad-dħul. Permezz ta’ deroga, fil-każ ta’ tranżitu minn ajruport, it-trasportatur ma għandux ikun obbligat li jivverifika jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikunx fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, permezz tal-portall tat-trasportaturi, għandha tipprovdi lit-trasportaturi bi tweġiba “OK/MHUX OK” filwaqt li tindika jekk dik il-persuna għandhiex awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jew le. Jekk tkun inħarġet awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 44, it-tweġiba li tingħata mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat(i) Membru/i li għalih/om l-awtorizzazzjoni hija valida, kif ukoll l-Istat Membru tad-dħul indikat mit-trasportatur. It-trasportaturi jistgħu jaħżnu l-informazzjoni mibgħuta u t-tweġiba li tkun waslet skont il-liġi applikabbli. It-tweġiba OK/NOT OK ma għandhiex titqies bħala deċiżjoni li jiġi awtorizzat jew irrifjutat id-dħul f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dettaljati fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-operazzjoni tal-portall tat-trasportaturi u r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi skema ta’ awtentikazzjoni riżervata esklużivament għat-trasportaturi sabiex tippermetti aċċess għall-portall tat-trasportaturi għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, mill-membri debitament awtorizzati tal-persunal tat-trasportaturi. Meta tiġi stabbilita l-iskema ta’ awtentikazzjoni, għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni l-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-informazzjoni u l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

4.   Il-portall tat-trasportaturi għandu jagħmel użu minn bażi tad-data separata li tinqara biss u li tiġi aġġornata kuljum permezz ta’ estrazzjoni f’direzzjoni waħda tas-sottogrupp minimu neċessarju ta’ data maħżuna fl-ETIAS. Il-eu-LISA għandha tkun responsabbli għas-sigurtà tal-portall tat-trasportaturi, għas-sigurtà tad-data personali li tinsab fih u għall-proċess tal-estrazzjoni ta’ data personali għall-bażi ta’ data separata li tinqara biss.

5.   It-trasportaturi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għall-penali previsti skont l-Artikolu 26(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (“Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen”) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE (40) meta huma jittrasportaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, minkejja li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, ma jkunux fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida.

6.   B’deroga mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, meta, għall-istess ċittadin ta’ pajjiż terz, it-trasportaturi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu diġa’ soġġetti għall-penali previsti skont l-Artikolu 26(2) tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/51/KE, il-penali msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

7.   Sabiex timplimenta l-paragrafu 5 jew sabiex issolvi kwalunkwe tilwim potenzjali li jirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu, il-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data li jsiru mit-trasportaturi fil-portall tat-trasportaturi. Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom juru d-data u l-ħin ta’ kull operazzjoni, id-data użata għall-interrogazzjoni, id-data mibgħuta mill-portall tat-trasportaturi u isem it-trasportatur inkwistjoni.

Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinħażnu għal perijodu ta’ sentejn. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jiġu protetti b’mezzi xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat.

8.   Jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma rrifjutati d-dħul, kwalunkwe trasportatur li jkun ġabhom fil-fruntieri esterni bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art għandu jkun obbligat li jerġa’ jassumi minnufih ir-responsabbiltà għalihom. Fuq talba tal-awtoritajiet tal-fruntieri, it-trasportaturi għandhom ikunu obbligati jirritornaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn jew il-pajjiż terz minn fejn ikunu ġew ittrasportati, jew lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar li bih ikunu vvjaġġaw, jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor li ser jilqagħhom żgur.

9.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal trasportaturi li jġorru gruppi fuq l-art permezz ta’ kowċ, għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-ETIAS, il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun fakultattiva u d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 ma għandhomx japplikaw għalihom.

Artikolu 46

Proċeduri sostitwenti fil-każ ta’ impossibbiltà teknika biex tiġi aċċessata d-data mit-trasportaturi

1.   Jekk ikun teknikament impossibbli li wieħed jipproċedi bil-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1), minħabba ħsara fi kwalunkwe parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, it-trasportaturi għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jivverifikaw il-pussess ta’ awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar. Meta tali ħsara tiġi identifikata mill-eu-LISA, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinnotifika lit-trasportaturi. Hija għandha tinnotifika wkoll lit-trasportaturi meta l-ħsara tiġi rimedjata. Meta tali ħsara tiġi identifikata mit-trasportaturi, huma jistgħu jinnotifikaw lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS.

2.   Il-penali msemmija fl-Artikolu 45(5) ma għandhomx jiġu imposti fuq it-trasportaturi fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Fejn għal raġunijiet oħra għajr il-ħsara fi kwalunkwe parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS ikun teknikament impossibbli għal trasportatur li jipproċedi bil-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1) għal perijodu twil ta’ żmien, dak it-trasportatur għandu jinforma lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi dettalji tal-proċeduri sostitwenti msemmija f’dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmi fl-Artikolu 90(2).

KAPITOLU VIII

UŻU TAL-ETIAS MILL-AWTORITAJIET TAL-FRUNTIERI FIL-FRUNTIERI ESTERNI

Artikolu 47

Aċċess għad-data għal verifika fuq il-fruntieri esterni

1.   L-awtoritajiet tal-fruntieri li huma kompetenti li jwettqu verifiki fuq il-fruntiera fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399 għandhom jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bl-użu tad-data li tinsab fil-parti li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar.

2.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha twieġeb billi tindika:

(a)

jekk il-persuna għandhiex awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jew le, u fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata maħruġa skont l-Artikolu 44, l-Istat(i) Membru/i li għalih(om) hija valida;

(b)

kwalunkwe marka mehmuża mal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-Artikolu 36(2) u (3);

(c)

jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar hijiex ser tiskadi fi żmien id-90 jum li jmiss u l-perijodu ta’ validità li jkun fadal;

(d)

id-data msemmija fil-punti (k) u (l) tal-Artikolu 17(2).

3.   Jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun ser tiskadi fid-90 jum li jmiss, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jinfurmaw lid-detentur ta’ dik l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar bil-perijodu ta’ validità li jifdal, bil-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ġdida anke matul soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri, u bl-obbligu li jkun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida matul il-perijodu kollu ta’ soġġorn qasir. Dik l-informazzjoni għandha tingħata jew mill-gwardja tal-fruntiera fil-mument tal-verifiki fuq il-fruntiera jew permezz ta’ tagħmir installat fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera li jippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkonsulta l-għodda ta’ verifika msemmi fl-Artikolu 31. L-informazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi pprovduta permezz tas-sit web pubbliku msemmi fl-Artikolu 16. Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha wkoll tipprovdi awtomatikament lid-detentur ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar l-istess informazzjoni permezz tas-servizz tal-posta elettronika.

4.   Jekk is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS twieġeb billi tindika marka mehmuża ma’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-Artikolu 36(2), l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jipproċedu għal verifika tat-tieni linja. Għall-finijiet tal-verifika tat-tieni linja huma għandhom ikunu awtorizzati jikkonsultaw l-informazzjoni addizzjonali miżjuda fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 39(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 44(6).

Jekk is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS twieġeb billi tindika marka msemmija fl-Artikolu 36(3) u jekk ikunu meħtieġa verifiki addizzjonali, l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jaċċessaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS biex jiksbu l-informazzjoni addizzjonali prevista fil-punt (e) tal-Artikolu 39(1) jew fil-punt (f) tal-Artikolu 44(6).

Artikolu 48

Proċeduri sostitwenti fil-każ ta’ impossibbiltà teknika li tiġi aċċessata data fil-fruntieri esterni

1.   Jekk ikun teknikament impossibbli li wieħed jipproċedi bil-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(1) minħabba ħsara fi kwalunkwe parti tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet tal-fruntieri u lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istati Membri.

2.   Jekk ikun teknikament impossibbli li jsir it-tiftix imsemmi fl-Artikolu 47(1) minħabba ħsara fl-infrastruttura tal-fruntiera nazzjonali fi Stat Membru, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jinnotifikaw lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS ta’ dak l-Istat Membru. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha mbagħad tinforma minnufih lill-eu-LISA u l-Kummissjoni.

3.   Fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom isegwu l-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali tagħhom. Skont ir-Regolament (UE) 2016/399, il-pjan ta’ kontinġenza nazzjonali jista’ jawtorizza lill-awtoritajiet tal-fruntieri biex jidderogaw temporanjament mill-obbligu li jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS imsemmi fl-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta mudelli ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inkluż il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet tal-fruntieri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2). L-Istati Membri għandhom jadottaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali tagħhom billi jużaw il-mudell ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza bħala bażi, li għandu jkun adattat kif meħtieġ fil-livell nazzjonali.

KAPITOLU IX

UŻU TAL-ETIAS MINN AWTORITAJIET TAL-IMMIGRAZZJONI

Artikolu 49

Aċċess għad-data mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni

1.   Għall-fini tal-kontroll jew il-verifika ta’ jekk il-kondizzjonijiet ta’ dħul jew ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri humiex issodisfati u għall-fini li jittieħdu l-miżuri adatti marbuta magħhom, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri għandu jkollhom aċċess biex ifittxu fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bid-data msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 17(2).

2.   L-aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun permess biss meta l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

tkun twettaq tfittxija minn qabel fl-EES skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2017/2226; u

(b)

ir-riżultat ta’ tfittxija jindika li l-EES ma fihiex rekord ta’ entrata li tikkorrispondi mal-preżenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri.

Fejn meħtieġ, l-issodisfar tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi vverifikat billi wieħed jaċċessa ir-reġistrazzjonijiet fl-EES previsti skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jikkorrispondu mat-tfittxija msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u mat-tweġiba msemmija fil-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu.

3.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha twieġeb billi tindika jekk il-persuna għandhiex awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jew le u, fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata maħruġa skont l-Artikolu 44, l-Istati Membri li għalihom dik l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar hija valida. Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tindika wkoll jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkunx ser tiskadi fi żmien id-90 jum li jmiss u l-perijodu ta’ validità li jkun fadal.

Fil-każ ta’ minorenni, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni għandu jkollhom ukoll aċċess għall-informazzjoni marbuta mal-persuna bl-awtorità ta’ ġenitur jew tal-kustodju legali tal-vjaġġatur kif imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 17(2).

KAPITOLU X

IL-PROĊEDURA U L-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-AĊĊESS GĦAS-SISTEMA ĊENTRALI TAL-ETIAS GĦALL-FINIJIET TA’ INFURZAR TAL-LIĠI

Artikolu 50

L-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li huma intitolati jitolbu li jikkonsultaw id-data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS sabiex jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta’ aċċess ċentrali li għandu jkollu aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jivverifika li l-kondizzjonijiet għat-talba għal aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS stipulati fl-Artikolu 52 ikunu ssodisfati.

L-awtorità maħtura u l-punt ta’ aċċess ċentrali jistgħu jkunu parti mill-istess organizzazzjoni jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali, iżda l-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jaġixxi b’mod għalkollox indipendenti mill-awtoritajiet maħtura fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jkun separat mill-awtoritajiet maħtura u ma għandux jirċievi struzzjonijiet mingħandhom fir-rigward tal-eżitu tal-verifika li għandu jwettaq b’mod indipendenti.

L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn punt ta’ aċċess ċentrali wieħed sabiex tiġi riflessa l-istruttura organizzattiva u amministrattiva tagħhom fl-issodisfar tar-rekwiżiti kostituzzjonali jew rekwiżiti legali oħra tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-punti ta’ aċċess ċentrali maħtura tagħhom u jistgħu fi kwalunkwe ħin jemendaw jew jissostitwixxu n-notifiki tagħhom.

3.   Fuq livell nazzjonali, kull Stat Membru għandu jżomm lista tal-unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati jitolbu konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS permezz tal-punti ta’ aċċess ċentrali.

4.   Huwa biss il-persunal debitament awtorizzat tal-punti ta’ aċċess ċentrali li għandu jiġi awtorizzat li jaċċessa s-Sistema Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-Artikoli 51 u 52.

Artikolu 51

Proċedura għal aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi

1.   Unità operattiva msemmija fl-Artikolu 50(3) għandha tippreżenta talba motivata elettronika jew bil-miktub għall-konsultazzjoni ta’ sett speċifiku ta’ data maħżun fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS lil punt ta’ aċċess ċentrali msemmi fl-Artikolu 50(2). Fejn tkun mixtieqa l-konsultazzjoni tad-data msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 17(2) u l-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 17(4), it-talba motivata elettronika jew bil-miktub għandha tinkludi ġustifikazzjoni tal-ħtieġa li tiġi kkonsultata dik id-data speċifika.

2.   Malli tasal it-talba għal aċċess, il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jivverifika jekk il-kondizzjonijiet għall-aċċess imsemmijin fl-Artikolu 52 humiex issodisfati, inkluż billi jiċċekkja jekk hijiex ġustifikata kull talba għall-konsultazzjoni tad-data msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 17(2) u fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 17(4).

3.   Jekk il-kondizzjonijiet għal aċċess imsemmija fl-Artikolu 52 ikunu issodisfati, il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jipproċessa t-talba. Id-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS aċċessata mill-punt ta’ aċċess ċentrali għandha tintbagħat lill-unità operattiva li għamlet it-talba b’tali mod li ma tiġix kompromessa s-sigurtà tad-data.

4.   F’każ ta’ urġenza, fejn ikun hemm il-ħtieġa li jiġi evitat periklu imminenti għall-ħajja ta’ persuna assoċjata ma’ reat terroristiku jew ma’ reat kriminali serju ieħor, il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jipproċessa t-talba minnufih u għandu jivverifika biss ex post jekk ikunux issodisfati l-kondizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 52, inkluż jekk kienx fil-fatt jeżisti każ ta’ urġenza. Il-verifika ex post għandha ssir mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta’ xogħol wara l-ipproċessar tat-talba.

Fejn verifika ex post tiżvela li l-konsultazzjoni tad-data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew l-aċċess għaliha ma kienx iġġustifikat, l-awtoritajiet kollha li jkunu aċċessaw id-data għandhom iħassru d-data li huma aċċessaw mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. L-awtoritajiet għandhom jinfurmaw lill-punt ta’ aċċess ċentrali rilevanti tal-Istat Membru li fih tkun saret it-talba dwar it-tħassir.

Artikolu 52

Kondizzjonijiet għal aċċess għad-data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri

1.   L-awtoritajiet maħtura jistgħu jitolbu konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jekk ikunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-aċċess għal konsultazzjoni jkun meħtieġ għall-fini tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor;

(b)

l-aċċess għal konsultazzjoni jkun meħtieġ u proporzjonat f’każ speċifiku; u

(c)

tkun teżisti evidenza jew raġunijiet validi biex jitqies li l-konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ser tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali inkwistjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-attur jew il-vittma ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor, taqa’ taħt kategorija ta’ vjaġġatur koperta b’dan ir-Regolament.

2.   Il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tkun limitata għal tiftix b’punt ta’ data rreġistrat fil-fajl tal-applikazzjoni, li jkunu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kunjom (isem il-familja) u, jekk disponibbli, l-isem/ismijiet (ismijiet mat-twelid);

(b)

ismijiet oħra (psewdonimu/i, isem/ismijiet artistiku/ċi, isem/ismijiet tas-soltu);

(c)

numru tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(d)

l-indirizz tad-dar;

(e)

l-indirizz tal-posta elettronika;

(f)

in-numri tat-telefon;

(g)

l-indirizz IP.

3.   Il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bid-data msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tiġi kkombinata mad-data li ġejja fil-fajl tal-applikazzjoni biex jiġi speċifikat it-tiftix:

(a)

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet;

(b)

is-sess;

(c)

id-data tat-twelid jew il-grupp ta’ età.

4.   F’każ ta’ hit b’data rreġistrata f’fajl ta’ applikazzjoni, il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tagħti aċċess għad-data msemmija fil-punti (a) sa (g) u (j) sa (m) tal-Artikolu 17(2) li tkun irreġistrata f’dak il-fajl ta’ applikazzjoni kif ukoll għal data mdaħħla f’dak il-fajl ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-ħruġ, ir-rifjut, l-annullament jew ir-revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-Artikoli 39 u 43. L-aċċess għad-data msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 17(2) u fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 17(4) irreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni għandu jingħata biss jekk il-konsultazzjoni ta’ dik id-data tkun ġiet espliċitament mitluba minn unità operattiva f’talba motivata elettronika jew bil-miktub ippreżentata skont l-Artikolu 51(1) u dik it-talba tkun ġiet verifikata indipendentement u approvata mill-punt ta’ aċċess ċentrali. Il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ma għandhiex tagħti aċċess għad-data dwar l-edukazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 17(2).

Artikolu 53

Proċedura u kondizzjonijiet għal aċċess għad-data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mill-Europol

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 1(2), il-Europol tista’ titlob li tikkonsulta d-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u tippreżenta lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS, talba elettronika motivata biex tikkonsulta sett speċifiku ta’ data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Fejn tkun mixtieqa konsultazzjoni ta’ data msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 17(2) u fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 17(4), it-talba motivata elettronika għandha tinkludi ġustifikazzjoni tal-ħtieġa li tiġi kkonsultata dik id-data speċifika.

2.   It-talba motivata għandu jkun fiha evidenza li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

il-konsultazzjoni tkun meħtieġa biex tiġi appoġġata u msaħħa azzjoni mill-Istati Membri fil-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra li jaqgħu fil-mandat tal-Europol;

(b)

il-konsultazzjoni tkun meħtieġa u proporzjonata f’każ speċifiku;

(c)

il-konsultazzjoni għandha tkun limitata għal tiftix bid-data msemmija fl-Artikolu 52(2) ikkombinata mad-data elenkata fl-Artikolu 52(3) fejn meħtieġ;

(d)

teżisti evidenza jew raġunijiet validi biex jitqies li l-konsultazzjoni ser tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali inkwistjoni, b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-attur jew il-vittma ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor, taqa’ taħt kategorija ta’ vjaġġatur koperta minn dan ir-Regolament.

3.   It-talbiet tal-Europol biex tikkonsulta data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandhom ikunu soġġetti għal verifika minn qabel minn unità speċjalizzata ta’ uffiċjali tal-Europol bis-setgħa dovuta, li għandha teżamina b’mod effiċjenti u f’waqtu jekk it-talba tissodisfax il-kondizzjonijiet kollha fil-paragrafu 2.

4.   F’każ ta’ hit b’data maħżuna f’fajl ta’ applikazzjoni, il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tagħti aċċess għad-data msemmija fil-punti (a) sa (g) u (j) sa (m) tal-Artikolu 17(2) kif ukoll għad-data miżjuda fil-fajl tal-applikazzjoni fir-rigward tal-ħruġ, ir-rifjut, l-annullament jew ir-revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-Artikoli 39 u 43. L-aċċess għad-data msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 17(2) u fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 17(4) miżjuda fil-fajl tal-applikazzjoni għandha tingħata biss jekk il-konsultazzjoni ta’ dik id-data tkun ġiet espliċitament mitluba mill-Europol. Il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ma għandhiex tagħti aċċess għad-data dwar l-edukazzjoni imsemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 17(2).

5.   Meta l-unità speċjali ta’ uffiċjali tal-Europol bis-setgħa dovuta tkun approvat it-talba, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tipproċessa t-talba għall-konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Hija għandha tibgħat id-data rikjesta lill-Europol b’tali mod li ma tiġix kompromessa s-sigurtà tad-data.

KAPITOLU XI

ŻAMMA U EMENDAR TA’ DATA

Artikolu 54

Żamma tad-data

1.   Kull fajl ta’ applikazzjoni għandu jinħażen fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għal:

(a)

il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

ħames snin mill-aħħar deċiżjoni li tirrifjuta, tannulla jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikoli 37, 40 u 41. Jekk id-data preżenti f’reġistru, fajl jew allert irreġistrat f’waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, data tal-Europol, il-bażijiet ta’ data tal-Interpol SLTD jew TDAWN, il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, jew ir-regoli ta’ skrinjar tal-ETIAS li jwasslu għal tali deċiżjoni titħassar qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ ħames snin, il-fajl tal-applikazzjoni għandu jitħassar fi żmien sebat ijiem mit-tħassir tad-data f’dak ir-reġistru, fajl jew allert. Għal dak il-għan, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika regolarment u awtomatikament jekk il-kondizzjonijiet għaż-żamma tal–fajls tal-applikazzjoni msemmija f’dan il-punt għadhomx issodisfati. Fejn huma ma għadhomx iktar issodisfati, hija għandha tħassar il-fajl tal-applikazzjoni b’mod awtomatizzat.

2.   Għall-finijiet tal-iffaċilitar ta’ applikazzjoni ġdida wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS, il-fajl ta’ applikazzjoni jista’ jinħażen fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għal perijodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet snin mit-tmiem il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u biss meta, wara talba għal kunsens, l-applikant jagħti l-kunsens liberu u espliċitu tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata elettronikament. Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata b’mod li jintgħaraf b’mod ċar minn kwistjonijiet oħra, f’forma intelliġibbli u li tkun faċilment aċċessibbli u bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Il-kunsens għandu jintalab wara l-provvista awtomatika ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 15(2). L-informazzjoni pprovduta awtomatikament għandha tfakkar lill-applikant bl-iskop taż-żamma tad-data b’mod allinjat mal-informazzjoni msemmija fil-punt (o) tal-Artikolu 71 u bil-possibbiltà li l-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin.

L-applikant jista’ jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. Jekk l-applikant jirtira il-kunsens, il-fajl tal-applikazzjoni għandu jitħassar awtomatikament mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

Il-eu-LISA għandha tiżviluppa għodda li tippermetti lill-applikanti jagħtu u jirtiraw il-kunsens tagħhom. Dik l-għodda għandha tkun magħmula aċċessibbli permezz tas-sit web pubbliku apposta jew permezz tal-applikazzjoni għal apparati mobbli.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tiddefinixxi aktar l-għodda li għandha tintuża mill-applikanti biex jagħtu u jirtiraw il-kunsens tagħhom.

3.   Malli jiskadi l-perijodu taż-żamma tal-fajl ta’ applikazzjoni, dan għandu jitħassar awtomatikament mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

Artikolu 55

Emendar tad-data u tħassir minn qabel tad-data

1.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandu jkollhom l-obbligu li jaġġornaw id-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u jiżguraw li din tkun eżatta. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS ma għandux ikollhom id-dritt li jimmodifikaw id-data miżjuda fil-formola tal-applikazzjoni direttament mill-applikant skont l-Artikolu 17(2), (3) jew (4).

2.   Meta l-Unità Ċentrali tal-ETIAS ikollha evidenza li data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS tkun fattwalment ineżatta jew li data tkun ġiet ipproċessata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bi ksur ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tivverifika d-data kkonċernata u, jekk meħtieġ, temendaha jew tħassarha mingħajr dewmien mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

3.   Meta l-Istat Membru responsabbli jkollu evidenza li data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tkun fattwalment ineżatta jew li data tkun ġiet ipproċessata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bi ksur ta’ dan ir-Regolament, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tiegħu għandha tivverifika d-data kkonċernata u, jekk meħtieġ, temendaha jew tħassarha mingħajr dewmien mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

4.   Jekk l-Unità Ċentrali tal-ETIAS ikollha evidenza li tissuġġerixxi li data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tkun fattwalment ineżatta jew li data tkun ġiet ipproċessata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bi ksur ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tikkuntattja lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli fi żmien 14-il jum. Jekk Stat Membru differenti mill-Istat Membru responsabbli jkollu tali evidenza, huwa għandu jikkuntattja lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli, ukoll fi żmien 14-il jum. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew l-Unita Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tivverifika l-eżattezza tad-data u l-legalità tal-ipproċessar tagħha fi żmien xahar u, jekk meħtieġ, temenda jew tħassar id-data mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mingħajr dewmien.

5.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz ikun akkwista n-nazzjonalità ta’ Stat Membru jew ikun waqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 2(2), l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għandhom jivverifikaw jekk dik il-persuna jkollhiex awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar u, fejn rilevanti, għandhom iħassru mingħajr dewmien il-fajl tal-applikazzjoni mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. L-awtorità responsabbli għat-tħassir tal-fajl ta’ applikazzjoni għandha tkun:

(a)

l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

(b)

l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li huwa jew hija tkun akkwistat in-nazzjonalità tiegħu;

(c)

l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-kard ta’ residenza jew il-permess ta’ residenza.

6.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (d), (e), (f) jew (l) tal-Artikolu 2(2), hu jista’ jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ dak il-permess ta’ residenza, viża uniformi jew viża nazzjonali għal soġġorn fit-tul imsemmija f’dak l-Artikolu, li hu għandu awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar u jista’ jitlob it-tħassir tal-fajl tal-applikazzjoni korrispondenti mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. L-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għandhom jivverifikaw jekk il-persuna għandhiex fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Jekk jiġi kkonfermat li l-persuna għandha tali awtorizzazzjoni, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, viża uniformi jew viża nazzjonali għal soġġorn fit-tul għandha tħassar il-fajl tal-applikazzjoni mingħajr dewmien mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

7.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (g) tal-Artikolu 2(2), hu jista’ jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih hu jidħol wara dan b’din il-bidla. Dan l-Istat Membru għandu jikkuntattja lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS fi żmien 14-il jum. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tivverifika l-eżattezza tad-data fi żmien xahar u jekk meħtieġ, tħassar il-fajl ta’ applikazzjoni u d-data li tinsab fih mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mingħajr dewmien.

8.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, individwi għandu jkollhom aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv biex jiżguraw li d-data maħżuna fl-ETIAS tiġi emendata jew imħassra.

KAPITOLU XII

PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 56

Protezzjoni tad-data

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-eu-LISA.

2.   Ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS li jivvalutaw applikazzjonijiet, mill-awtoritajiet tal-fruntieri u mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni.

Fejn l-ipproċessar ta’ data personali mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jitwettaq minn awtoritajiet kompetenti li jivvalutaw l-applikazzjonijiet għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra, għandha tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680.

Fejn l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tiddeċiedi dwar il-ħruġ, ir-rifjut, ir-revoka jew l-annullament ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, għandu japplika r-Regolament (UE) 2016/679.

3.   Id-Direttiva (UE) 2016/680 għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

4.   Ir-Regolament (UE) 2016/794 għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol skont l-Artikoli 29 u 53 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 57

Il-kontrollur tad-data

1.   L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha titqies bħala kontrollur tad-data skont il-punt (d) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. B’rabta mal-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, il-eu-LISA għandha titqies bħala kontrollur.

2.   B’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS minn Stat Membru, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandha titqies bħala l-kontrollur skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679. Hija għandu jkollha r-responsabbiltà ċentrali għall-ipproċessar ta’ data personali fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 58

Il-proċessur tad-data

1.   Il-eu-LISA għandha titqies bħala l-proċessur skont il-punt (e) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS.

2.   Il-eu-LISA għandha tiżgura li s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS titħaddem skont dan ir-Regolament.

Artikolu 59

Sigurtà tal-ipproċessar

1.   Il-eu-LISA, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament. Il-eu-LISA, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom jikkooperaw dwar kompiti relatati mas-sigurtà tad-data.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-eu-LISA għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 32 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-eu-LISA, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa, fosthom pjan għas-sigurtà u pjan għall-kontinwità tal-operat u ta’ rkupru minn diżastri, sabiex:

(a)

jipproteġu id-data fiżikament, inkluż billi jħejju pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika;

(b)

jirrifjutaw l-aċċess lill-persuni mhux awtorizzati għas-servizz tal-web sigur, is-servizz tal-posta elettronika, is-servizz ta’ kont sikur, il-portal tat-trasportaturi, l-għodda ta’ verifika għall-applikanti u l-għodda ta’ kunsens għall-applikanti;

(c)

jirrifjutaw l-aċċess lill-persuni mhux awtorizzati għal tagħmir tal-ipproċessar tad-data u installazzjonijiet nazzjonali għall-finijiet tal-ETIAS;

(d)

jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, l-emendar jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data;

(e)

jipprevjenu d-dħul mhux awtorizzat ta’ data u l-ispezzjoni, l-emendar jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali rreġistrata;

(f)

jipprevjenu l-użu ta’ sistemi awtomatizzati tal-ipproċessar tad-data minn persuni mhux awtorizzati li jużaw tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data;

(g)

jipprevjenu l-ipproċessar mhux awtorizzat ta’ data fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u kwalunkwe emendar jew tħassir mhux awtorizzat ta’ data pproċessata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

(h)

jiżguraw li persuni awtorizzati li jaċċessaw is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom, permezz ta’ identitajiet tal-utenti individwali u uniċi u permezz ta’ metodi ta’ aċċess kunfidenzjali biss;

(i)

jiżguraw li l-awtoritajiet kollha bi dritt ta’ aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS joħolqu profili fejn jiġu deskritti l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li huma awtorizzati li jkollhom aċċess għad-data u jqiegħdu l-profili tagħhom għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji;

(j)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat data personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data;

(k)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data tkun ġiet ipproċessata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, meta, minn min u għal liema raġuni;

(l)

jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, l-emendar jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali matul it-trasmissjoni ta’ data personali lejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew minnha jew matul it-trasport ta’ mezzi tad-data, b’mod partikulari permezz ta’ tekniki xierqa ta’ kriptaġġ;

(m)

jiżguraw li, fil-każ ta’ interruzzjoni, is-sistemi installati jkunu jistgħu jitreġġgħu lura għal tħaddim normali;

(n)

jiżguraw affidabbiltà billi jaċċertaw li kwalunkwe ħsara fil-funzjonament tal-ETIAS tkun rappurtata kif xieraq u li jiġu implimentati l-miżuri tekniċi meħtieġa biex jiġi żgurat li d-data personali tista’ titreġġa’ lura fil-każ ta’ taħsir minħabba funzjonament ħażin tal-ETIAS;

(o)

jissorveljaw l-effettività tal-miżuri ta’ sigurtà msemmija f’dan il-paragrafu u jieħdu l-miżuri organizzattivi meħtieġa marbuta mal-monitoraġġ intern biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta mudell ta’ pjan għas-sigurtà u mudell ta’ pjan għall-kontinwità tal-operat u ta’ rkupru minn diżastri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2). Il-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Istati Membri għandhom jadottaw il-pjanijiet ta’ sigurtà, ta’ kontinwità tal-operat u ta’ rkupru minn diżastri għall-eu-LISA, għall-Unità Ċentrali tal-ETIAS u għall-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS rispettivament. Huma għandhom jużaw il-mudelli tal-pjanijiet adottati mill-Kummissjoni bħala bażi, aġġustati kif meħtieġ.

5.   Il-eu-LISA għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-miżuri li tieħu skont dan l-Artikolu.

Artikolu 60

Inċidenti ta’ sigurtà

1.   Kwalunkwe avveniment li jkollu jew jista’ jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-ETIAS u jista’ jikkawża ħsara jew telf tad-data maħżuna fl-ETIAS għandu jitqies inċident ta’ sigurtà, b’mod partikolari meta jista’ jkun li kien hemm aċċess mhux awtorizzat għad-data jew meta d-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data tkun ġiet kompromessa jew setgħet ġiet kompromessa.

2.   L-inċidenti ta’ sigurtà għandhom jiġu ġestiti biex jiġi żgurat rispons rapidu, effettiv u xieraq.

3.   Mingħajr preġudizzju għan-notifika u l-komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2016/680, jew it-tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-inċidenti ta’ sigurtà. Fil-każ ta’ inċident ta’ sigurtà li jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, il-eu-LISA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-Europol għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’każ ta’ inċident ta’ sigurtà fir-rigward tal-ETIAS.

4.   L-informazzjoni dwar inċident ta’ sigurtà li jkollu jew jista’ jkollu impatt fuq it-tħaddim tal-ETIAS jew fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data maħżuna fl-ETIAS għandha tingħata lill-Kummissjoni u, jekk ikunu affettwati, lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS, lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS u lill-Europol. Tali inċidenti għandhom ukoll jiġu rrappurtati f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-inċidenti li għandu jiġi pprovdut mill-eu-LISA.

5.   L-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-eu-LISA u l-Europol għandhom jikkooperaw f’każ ta’ inċident ta’ sigurtà.

Artikolu 61

Awtomonitoraġġ

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità intitolata għall-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u tikkoopera, fejn meħtieġ, mal-awtorità superviżorja.

Artikolu 62

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 63

Responsabbiltà

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur, u r-responsabbiltà tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001:

(a)

kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkun sofra danni materjali jew mhux materjali kkawżati minn operazzjoni ta’ pproċessar illegali ta’ data personali jew minn kwalunkwe att ieħor mhux kompatibbli ma’ dan ir-Regolament minn Stat Membru għandu jkun intitolat jirċievi kumpens minn dak l-Istat Membru;

(b)

kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkun sofra danni materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ kwalunkwe att mill-eu-LISA li ma jkunx kompatibbli ma’ dan ir-Regolament għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens mingħand dik l-aġenzija. Il-eu-LISA għandha tkun responsabbli għal operazzjonijiet ta’ proċessar illegali ta’ data personali f’konformità mar-rwol tagħha bħala proċessur jew, fejn applikabbli, kontrollur.

Stat Membru jew il-eu-LISA għandha tkun eżentata mir-responsabbiltà tagħha taħt l-ewwel subparagrafu, kollha kemm hi jew parzjalment, jekk tagħti prova li ma tkunx responsabbli għall-avveniment li jkun wassal għad-danni.

2.   Jekk xi nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jikkawża ħsara lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, dak l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għal din il-ħsara, bl-eċċezzjoni tal-każ u sa fejn il-eu-LISA jew Stat Membru ieħor parteċipant fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ikun naqas milli jieħu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni li l-ħsara sseħħ jew biex jitnaqqas l-impatt tagħha.

3.   It-talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għad-danni u l-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. It-talbiet għal kumpens kontra l-kontrollur jew il-eu-LISA għad-danni u l-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati.

Artikolu 64

Dritt tal-aċċess għal, tar-rettifika, tal-ikkompletar, tat-tħassir ta’ data personali u tar-restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ informazzjoni fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, l-applikanti li d-data tagħhom tinħażen fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandhom ikunu informati, meta tinġabar id-data tagħhom, dwar il-proċeduri għall-eżerċitar tad-drittijiet skont l-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament (UE) 2016/679. Huma għandhom ukoll jiġu pprovduti bid-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal responsabbli għall-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-istess ħin.

2.   Sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament (UE) 2016/679, kwalunkwe applikant għandu jkollu d-dritt li jindirizza hu stess lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS responsabbli mill-applikazzjoni tiegħu. L-unità li tirċievi dik it-talba għandha teżaminha u tweġibha malajr kemm jista’ jkun u fi żmien mhux aktar tard minn 30 jum.

Fejn b’risposta għal talba jinstab li d-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mhijiex fattwalment eżatta jew tkun ġiet irreġistrata illegalment, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tirrettifika jew tħassar dik id-data mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mingħajr dewmien.

Fejn bħala risposta għal talba skont dan il-paragrafu, awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiġi emendata mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS matul il-perijodu ta’ validità tagħha, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha twettaq l-ipproċessar awtomatizzat stabbilit fl-Artikolu 20 biex tiddetermina jekk il-fajl ta’ applikazzjoni emendat jiġġenerax hit skont l-Artikolu 20(2) sa (5). Fejn l-ipproċessar awtomatizzat ma jirrapporta l-ebda hit, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar emendata bl-istess perijodu ta’ validità bħall-oriġinal u għandha tinnotifika lill-applikant. Fejn l-ipproċessar awtomatizzat jirrapporta hit waħda jew aktar, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tivvaluta r-riskju ta sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija f’konformità mal-Artikolu 26. Hija għandha mbagħad tiddeċiedi jekk toħroġx awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar emendata jew, tirrevokax l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jekk tikkonkludi li l-kondizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma għadhomx issodisfati.

3.   Fejn l-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni ma taqbilx mal-affermazzjoni li d-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mhijiex fattwalment preċiża jew li ġiet irreġistrata illegalment, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha tadotta mingħajr dewmien deċiżjoni amministrattiva li tispjega bil-miktub lill-persuna kkonċernata r-raġuni għalfejn mhijiex lesta tikkoreġi jew tħassar id-data relatata magħha.

4.   Dik id-deċiżjoni għandha tipprovdi wkoll lill-persuna kkonċernata b’informazzjoni li tispjega l-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni li ttieħdet fir-rigward tat-talba msemmija fil-paragrafu 2 u fejn rilevanti, informazzjoni dwar kif għandha tiftaħ rikors jew ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati, u kwalunkwe assistenza disponibbli għall-persuna, inkluż dik mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti.

5.   Kwalunkwe talba li ssir skont il-paragrafu 2 għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata. Din l-informazzjoni għandha tintuża esklużivament biex tippermetti li jiġu eżerċitati d-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u għandha titħassar immedjatament wara.

6.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha żżomm reġistru fil-forma ta’ dokument bil-miktub li saret talba kif imsemmi fil-paragrafu 2 u kif din ġiet indirizzata. Hija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data dak id-dokument mingħajr dewmien, u sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara d-deċiżjoni li tiġi rrettifikata jew li titħassar id-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafi 2 jew b’segwitu għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 rispettivament.

Artikolu 65

Komunikazzjoni ta’ data personali lil pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet privati

1.   Id-data personali maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS ma għandhiex tintbagħat jew tkun disponibbli għal pajjiż terz, għal organizzazzjoni internazzjonali jew għal kwalunkwe soġġett privat bl-eċċezzjoni ta’ trasferimenti lill-Interpol sabiex jitwettaq l-ipproċessar awtomatizzat imsemmi fil-punti (b) u (l) tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament. It-trasferimenti ta’ data personali lill-Interpol huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Id-data personali aċċessata mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS minn Stat Membru jew mill-Europol għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ma għandha tintbagħat lil jew tkun disponibbli għall-ebda pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew soġġett privat. Il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll jekk dik id-data tkompli tiġi pproċessata fil-livell nazzjonali jew bejn l-Istati Membri.

3.   B’deroga mill-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament, jekk meħtieġ għall-fini ta’ ritorn, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jistgħu jaċċessaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS biex jiġbru d-data li għandha tintbagħat lil pajjiż terz f’każijiet individwali, biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

tkun twettqet tfittxija minn qabel fl-EES f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2017/2226; u

(b)

din it-tfittxija tindika li fl-EES ma jkunx hemm data li tikkonċerna ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu jiġi rritornat.

Fejn meħtieġ, l-issodisfar ta’ dawn il-kondizzjonijiet għandu jiġi vverifikat billi wieħed jaċċessa r-reġistrazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jikkorrispondu għat-tfittxija msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u għat-tweġiba li tikkorrispondi għall-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu.

Jekk dawk il-kondizzjonijiet jiġu ssodisfati, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni għandu jkollhom aċċess biex jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS rigward id-data kollha jew parti mid-data msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament. Jekk fajl ta’ applikazzjoni tal-ETIAS jikkorrispondi għal dik id-data, l-awtoritajiet ta’ immigrazzjoni jkollhom aċċess għad-data msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament u, f’każijiet ta’ minorenni, fil-punt (k) tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu.

B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-data aċċessata mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni tista’ tintbagħat lil pajjiż terz f’każijiet individwali jekk meħtieġ sabiex tingħata prova tal-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi unikament għall-fini ta’ ritorn, u esklużivament jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni adegwat tad-data personali f’dak il-pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679;

(b)

ikunu previsti salvagwardji xierqa kif imsemmi fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/679, pereżempju permezz ta’ ftehim ta’ riammissjoni li jkun fis-seħħ bejn l-Unjoni jew Stat Membru u l-pajjiż terz inkwistjoni;

(c)

ikun japplika l-punt (d) tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

Id-data msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi ttrasferita esklużivament jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-trasferiment tad-data jitwettaq f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, il-ftehimiet ta’ riammissjoni, u l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ittrasferixxa d-data;

(b)

il-pajjiż terz ikun qabel li jipproċessa d-data biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat; u

(c)

tkun inħarġet deċiżjoni ta’ ritorn adottata skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) b’rabta maċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, dment li l-infurzar ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn ma jkunx ġie sospiż u dment li ma jkun sar l-ebda appell li jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-infurzar tagħha.

4.   It-trasferimenti ta’ data personali lil pajjiżi terzi skont il-paragrafu 3 ma għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet tal-applikanti għal u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tan-nonrefoulement.

5.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-data mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 52(4) aċċessata mill-awtoritajiet maħtura għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tista’ tiġi ttrasferita jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità maħtura lil pajjiż terz f’każijiet individwali, iżda esklużivament jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun hemm każ eċċezzjonali ta’ urġenza fejn ikun hemm:

(i)

periklu imminenti assoċjat ma’ reat terroristiku; jew

(ii)

periklu imminenti għall-ħajja ta’ persuna u dak il-periklu jkun assoċjat ma’ reat kriminali serju;

(b)

it-trasferiment ta’ data jkun meħtieġ għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ tali reat terroristiku jew reat kriminali serju fit-territorju tal-Istati Membri jew fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(c)

l-awtorità maħtura jkollha aċċess għal tali data f’konformità mal-proċedura u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 51 u 52;

(d)

it-trasferiment isir f’konformità mal-kondizzjonijiet applikabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680, b’mod partikolari l-Kapitolu V tagħha;

(e)

tkun ġiet ippreżentata talba debitament motivata bil-miktub jew elettronika mill-pajjiż terz;

(f)

ikun żgurat l-għoti reċiproku ta’ kwalunkwe informazzjoni fis-sistemi għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar miżmuma mill-pajjiż terz rikjedenti lill-Istati Membri li jħaddmu l-ETIAS.

Fejn ikun sar trasferiment skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha, fuq talba, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680, inkluż id-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċievi t-trasferiment, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 66

Superviżjoni mill-awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tissorvelja b’mod indipendenti l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament mill-Istat Membru kkonċernat, inkluż meta tintbagħat lil u mill-ETIAS.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/680 ikunu applikabbli wkoll għall-aċċess għall-ETIAS mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu f’konformità mal-Kapitolu X ta’ dan ir-Regolament, inkluż b’rabta mad-drittijiet tal-persuni li d-data tagħhom tiġi aċċessata b’dan il-mod.

3.   L-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 għandha twettaq monitoraġġ tal-legalità tal-aċċess għad-data personali mill-Istati Membri f’konformità mal-Kapitolu X ta’ dan ir-Regolament, inkluż meta tintbagħat id-data lil u mill-ETIAS. L-Artikolu 66(5) u (6) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika skont dan.

4.   L-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiżguraw li jsir awditu tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti tal-inqas kull tliet snin mill-bidu tal-operazzjonijiet tal-ETIAS. Ir-riżultati tal-awditjar jistgħu jitqiesu fl-evalwazzjonijiet li jsiru fil-qafas tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (42). L-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tippubblika kull sena l-għadd ta’ talbiet għal rettifika, ikkompletar jew tħassir, jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data, l-azzjoni meħuda sussegwentement u l-għadd ta’ rettifiki, ikkompletar, tħassir u restrizzjonijiet tal-ipproċessar magħmula b’reazzjoni għal talbiet mill-persuni kkonċernati.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità superviżorja tagħhom stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 ikollha biżżejjed riżorsi u kompetenza esperta biex twettaq il-kompiti fdati lilha skont dan ir-Regolament.

6.   L-Istati Membri għandhom jagħtu kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679. Huma għandhom, b’mod partikolari, jagħtuha informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa f’konformità mar-responsabbiltajiet tagħhom kif stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 b’aċċess għar-reġistrazzjonijiet tagħhom u jippermettulha aċċess għall-bini kollu tagħhom użat għall-finijiet tal-ETIAS f’kull ħin.

Artikolu 67

Superviżjoni mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali tal-eu-LISA, il-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li huma relatati mal-ETIAS u biex jiżgura li dawn l-attivitajiet jitwettqu f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li jsir awditu tal-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali tal-eu-LISA u tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS skont l-istandards internazzjonali rilevanti tal-awditjar mill-inqas kull tliet snin. Rapport ta’ dak l-awditu għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-awtoritajiet superviżorji. Il-eu-LISA u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw qabel ma jiġi adottat ir-rapport.

3.   Il-eu-LISA u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jagħtuh aċċess għad-dokumenti kollha u għar-reġistrazzjonijiet tagħhom, u jippermettulu aċċess għall-bini kollu tagħhom f’kull ħin.

Artikolu 68

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jikkooperaw b’mod attiv fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom. Huma għandhom jiżguraw superviżjoni koordinata tal-ETIAS u tal-infrastrutturi tal-fruntieri nazzjonali.

2.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti, jgħinu lil xulxin fit-twettiq ta’ awditi u spezzjonijiet, jeżaminaw kwalunkwe diffikultà rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jivvalutaw il-problemi fl-eżerċizzju ta’ superviżjoni indipendenti jew fl-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kwalunkwe problema u jippromwovu l-għarfien dwar id-drittijiet marbutin mal-protezzjoni tad-data, kif meħtieġ.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena fil-qafas tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit mir-Regolament (UE) 2016/679. Dak il-Bord għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż għal dawk il-laqgħat u għall-organizzazzjoni tagħhom. Fl-ewwel laqgħa għandhom jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura. Metodi ta’ ħidma ulterjuri għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt, skont il-ħtieġa.

4.   Kull sentejn għandu jintbagħat rapport konġunt ta’ attivitajiet mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u lill-eu-LISA. Dan ir-rapport għandu jinkludi kapitolu dwar kull Stat Membru mħejji mill-awtorità superviżorja ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 69

Iż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet

1.   Il-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-għan tal-aċċess;

(b)

id-data u l-ħin ta’ kull operazzjoni;

(c)

id-data użata għall-ipproċessar awtomatizzat tal-applikazzjonijiet;

(d)

il-hits iġġenerati waqt it-twettiq tal-ipproċessar awtomatizzat stabbilit fl-Artikolu 20;

(e)

id-data użata għall-verifika ta’ identità maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data oħra;

(f)

ir-riżultati tal-proċess ta’ verifika msemmi fl-Artikolu 22; u

(g)

il-membru tal-persunal li jkun wettaq l-operazzjoni.

2.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha żżomm reġistri tal-membri tal-persunal debitament awtorizzati li jwettqu l-verifiki tal-identità.

L-Unita Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli għandha żżomm reġistri tal-membru tal-persunal debitament awtorizzat li jdaħħal jew jiġbor id-data.

3.   Il-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS relatati mal-aċċess mill-awtoritajiet tal-fruntieri msemmi fl-Artikolu 47 u l-aċċess mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni msemmi fl-Artikolu 49. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom juru d-data u l-ħin ta’ kull operazzjoni, id-data użata biex jinbeda t-tiftix, id-data mibgħuta mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u l-isem tal-awtoritajiet tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni li jdaħħlu u jiġbru d-data.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistri tal-membri tal-persunal debitament awtorizzati li jdaħħlu u jiġbru d-data.

4.   Dawn ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-ammissibbiltà tal-ipproċessar tad-data u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità tad-data. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom jiġu protetti b’miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat. Huma għandhom jitħassru sena wara li jkun skada l-perijodu ta’ żamma msemmi fl-Artikolu 54, jekk ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

Il-eu-LISA u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom iqiegħdu ir-reġistrazzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u, tal-awtoritajiet superviżorji kompetenti, fuq talba.

Artikolu 70

Żamma tar- reġistrazzjonijiet għal talbiet għal konsultazzjoni ta’ data għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra

1.   Il-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS li jinvolvu l-aċċess mill-punti ta’ aċċess ċentrali msemmija fl-Artikolu 50(2) għall-finijiet tal-Artikolu 1(2). Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom juru d-data u l-ħin ta’ kull operazzjoni, id-data użata biex jinbeda t-tiftix, id-data mibgħuta mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u l-ismijiet tal-membri tal-persunal tal-punti ta’ aċċess ċentrali awtorizzati li jdaħħlu u jiġbru d-data.

2.   Barra minn hekk, kull Stat Membru u l-Europol għandhom iżommu reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS li jirriżultaw minn talbiet għal konsultazzjoni ta’ data jew minn aċċess għal data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(2).

3.   Ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom juru:

(a)

il-fini preċiż tat-talba għall-konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS jew l-aċċess għaliha, inkluż ir-reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor ikkonċernat u, għall-Europol, il-fini preċiż tat-talba għall-konsultazzjoni;

(b)

id-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba;

(c)

ir-referenza tal-fajl nazzjonali;

(d)

id-data u l-ħin preċiż tat-talba għall-aċċess magħmula mill-punt ta’ aċċess ċentrali għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS;

(e)

fejn applikabbli, l-użu tal-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 51(4) u l-eżitu tal-verifika ex post;

(f)

liema mid-data jew mis-sett ta’ data msemmija fl-Artikolu 52(2) u (3) intużat għall-konsultazzjoni; u

(g)

f’konformità mar-regoli nazzjonali jew mar-Regolament (UE) 2016/794, il-marka li tidentifika lill-uffiċjal li jkun wettaq it-tiftix u lill-uffiċjal li jkun ordna t-tiftix jew it-trasmissjoni ta’ data.

4.   Ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba, għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u biex jiġu żgurati l-integrità u s-sigurtà tad-data. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jiġu protetti b’miżuri xierqa kontra l-aċċess mhux awtorizzat. Huma għandhom jitħassru sena wara li jkun skada l-perijodu ta’ żamma msemmi fl-Artikolu 54, jekk ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti responsabbli mill-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data u l-integrità u s-sigurtà tad-data għandu jkollhom aċċess għal dawk ir-reġistrazzjonijiet fuq talba min-naħa tagħhom bil-fini li jaqdu dmirijiethom. L-awtorità responsabbli mill-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba għandu jkollha wkoll aċċess għal dawk ir-reġistrazzjonijiet għal dak il-għan. Jekk l-objettiv ikun differenti minn dan il-fini, id-data personali għandha titħassar mill-fajls kollha nazzjonali u tal-Europol wara perijodu ta’ xahar, ħlief jekk dik id-data tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali speċifika li tkun għaddejja li għaliha tkun intalbet minn Stat Membru jew mill-Europol. Għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 92 jistgħu jintużaw biss reġistrazzjonijiet li ma jkunx fihom data personali.

KAPITOLU XII

SENSIBILIZZAZZJONI TAL-PUBBLIKU

Artikolu 71

Informazzjoni għall-pubbliku ġenerali

Wara li tikkonsulta lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tipprovdi lill-pubbliku ġenerali bl-informazzjoni rilevanti kollha b’rabta mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq is-sit web pubbliku u għandha tinkludi:

(a)

il-kriterji, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex issir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar;

(b)

informazzjoni dwar is-sit web u l-applikazzjoni għal apparati mobbli fejn l-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata;

(c)

informazzjoni dwar il-possibbiltà li tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni minn persuna oħra jew intermedjarju kummerċjali;

(d)

informazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġu rrappurtati abbużi minn intermedjarji kummerċjali bl-użu tal-formola msemmija fl-Artikolu 15(5);

(e)

l-iskadenzi għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni previsti fl-Artikolu 32;

(f)

il-fatt li awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar hi marbuta mad-dokument tal-ivvjaġġar indikat fil-formola tal-applikazzjoni u li, għaldaqstant, l-iskadenza jew kwalunkwe emendar li jsir fid-dokument tal-ivvjaġġar jirriżulta fl-invalidità jew fin-nonrikonoxximent tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar f’każ ta’ qsim tal-fruntiera;

(g)

il-fatt li l-applikanti huma responsabbli għall-awtentiċità, il-kompletezza, il-korrettezza u l-affidabbiltà tad-data li huma jippreżentaw u għall-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jagħmlu;

(h)

il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant, li fejn awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar tiġi rrifjutata, tali deċiżjonijiet għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għar-rifjut u li l-applikanti li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu rrifjutati għandu jkollhom dritt għall-appell, b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ appell, inkluż id-dettalji tal-awtorità kompetenti, kif ukoll l-iskadenza ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ appell;

(i)

il-fatt li l-applikanti għandhom il-possibbiltà li jikkuntattjaw lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS filwaqt li jindikaw li l-iskop tal-vjaġġ tagħhom huwa bbażat fuq raġunijiet umanitarji jew huwa marbut ma’ obbligi internazzjonali u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex isir dan;

(j)

il-kondizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 u l-fatt li żjara qasira hija possibbli biss għal perijodu ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, b’eċċezzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’ ftehim bilaterali li kien diġà jeżisti qabel il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen;

(k)

il-fatt li sempliċiment il-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma jagħtix dritt awtomatiku ta’ dħul;

(l)

il-fatt li l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jitolbu dokumenti korroborattivi fuq il-fruntieri esterni sabiex jivverifikaw l-issodisfar tal-kondizzjonijiet tad-dħul;

(m)

il-fatt li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida hija kondizzjoni għal soġġorn li għandha tiġi ssodisfata matul il-perijodu kollu ta’ soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri;

(n)

link għas-servizz web imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jippermetti li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jivverifikaw fi kwalunkwe mument il-bqija tas-soġġorn awtorizzat tagħhom;

(o)

il-fatt li d-data li tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS tintuża għall-finijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż għal verifiki f’bażijiet ta’ data, u li d-data tista’ tiġi aċċessata mill-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra, skont il-proċeduri u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu X;

(p)

għal kemm żmien tkun ser tinħażen id-data;

(q)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolamenti (KE) Nru 45/2001, (UE) 2016/679 u (UE) 2016/794 u d-Direttiva (UE) 2016/680;

(r)

il-possibbiltà għall-vjaġġaturi li jiksbu appoġġ kif previst fil-punt (m) tal-Artikolu 7(2).

Artikolu 72

Kampanja ta’ informazzjoni

F’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, mal-Unità Ċentrali tal-ETIAS, u l-Istati Membri, inkluż il-konsolati tagħhom fil-pajjiżi terzi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha takkumpanja l-bidu tal-operazzjonijiet tal-ETIAS b’kampanja ta’ informazzjoni li tinforma lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bir-rekwiżit li jkollhom fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida kemm sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni kif ukoll għall-perijodu kollu tas-soġġorn qasir tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri.

Din il-kampanja ta’ informazzjoni għandha titwettaq regolarment u mill-inqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom ikunu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU XIV

RESPONSABBILTAJIET

Artikolu 73

Responsabbiltajiet tal-eu-Lisa matul il-fażi tat-tfassil u tal-iżvilupp

1.   Is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tkun ospitata mill-eu-LISA fis-siti tekniċi tagħha u għandha tipprovdi l-funzjonalitajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-kondizzjonijiet tas-sigurtà, id-disponibbiltà, il-kwalità u l-ħeffa skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 74(1).

2.   L-infrastrutturi li jappoġġaw is-sit web pubbliku, l-applikazzjoni għal apparati mobbli, is-servizz tal-posta elettronika, is-servizz tal-kont sikur, l-għodda ta’ verifika għall-applikanti, l-għodda ta’ kunsens għall-applikanti, l-għodda ta’ valutazzjoni għal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, il-portal tat-trasportaturi, is-servizz tal-web, is-software li jipproċessa l-applikazzjonijiet, ir-repożitorju ċentrali tad-data u s-soluzzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 92(8) għandhom ikunu ospitati f’siti tal-eu-Lisa jew f’siti tal-Kummissjoni. Dawn l-infrastrutturi għandhom ikunu ġeografikament imqassma biex jipprovdu l-funzjonalitajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-kondizzjonijiet ta’ sigurtà, protezzjoni tad-data u sigurtà tad-data, disponibbiltà, kwalità u ħeffa skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 74(1). Il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tiġi ospitata f’sit tal-eu-LISA.

3.   Il-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, għal kwalunkwe żvilupp tekniku meħtieġ biex tiġi stabbilita l-interoperabbiltà bejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u s-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE msemmija fl-Artikolu 11 u biex tippermetti konsultazzjoni tal-bażijiet ta’ data tal-Interpol msemmija fl-Artikolu 12.

Il-eu-LISA għandha tiddefinixxi t-tfassil u l-arkitettura fiżika tas-sistema inkluż l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħha kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħha u l-evoluzzjoni tagħhom u l-NUIs. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA, soġġett għal opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni. Il-eu-LISA għandha wkoll timplimenta kwalunkwe adattament meħtieġ fl-EES, is-SIS, il-Eurodac jew il-VIS li jirriżulta mill-istabbiliment tal-interoperabbiltà mal-ETIAS.

Il-eu-LISA għandha tiżviluppa u timplimenta s-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, inkluż il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, l-NUIs, u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’:

(a)

il-miżuri previsti fl-Artikoli 6(4), 16(10), 17(9), l-Artikolu 31, l-Artikoli 35(7), 45(2), 54(2), 74(5), 84(2), 92(8); u

(b)

miżuri adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2) li huma meħtieġa għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni teknika tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, l-NUIs, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni u l-portal tat-trasportaturi, b’mod partikolari atti ta’ implimentazzjoni:

(i)

għall-aċċess tad-data f’konformità mal-Artikoli 22 sa 29 u mal-Artikoli 33 sa 53;

(ii)

għall-emendar, it-tħassir u t-tħassir minn qabel ta’ data f’konformità mal-Artikolu 55;

(iii)

għaż-żamma u l-aċċess għar-reġistrazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 45 u l-Artikolu 69;

(iv)

għar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni;

(v)

għall-ispeċifikazzjonijiet għal soluzzjonijiet tekniċi għall-ikkonnettjar tal-punti ta’ aċċess ċentrali f’konformità mal-Artikoli 51 sa 53.

L-iżvilupp għandu jikkonsisti mill-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-ittestjar u l-koordinazzjoni ġenerali tal-proġett. F’dan ir-rigward, il-kompiti ta’ eu-LISA għandhom jinkludu wkoll li:

(a)

twettaq valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà;

(b)

timxi mal-prinċipji tal-privatezza fid-disinn u awtomatikament matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-iżvilupp tal-ETIAS; u

(c)

twettaq valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà rigward l-interoperabbiltà tal-ETIAS mas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u d-data tal-Europol imsemmija fl-Artikolu 11.

4.   Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, għandu jiġi stabbilit Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm li jkun magħmul minn mhux iktar minn 10 membri. Huwa għandu jkun magħmul minn sitt membri maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA minn fost il-membri tiegħu jew minn fost il-membri supplenti tiegħu, il-President tal-Grupp Konsultattiv EES-ETIAS imsemmi fl-Artikolu 91, membru li jirrappreżenta lill-eu-LISA maħtur mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, membru li jirrappreżenta lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta maħtur mid-Direttur Eżekuttiv tagħha u membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni. Il-membri maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA għandhom jiġu eletti biss minn dawk l-Istati Membri li huma marbuta b’mod sħiħ skont il-liġi tal-Unjoni bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira ġestiti mill-eu-LISA u li ser jipparteċipaw fl-ETIAS. Il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm għandu jiltaqa’ regolarment u tal-inqas tliet darbiet kull trimestru. Huwa għandu jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp tal-ETIAS. Kull xahar il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm għandu jippreżenta rapporti bil-miktub lill-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA dwar il-progress tal-proġett. Ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm li b’mod partikolari għandhom jinkludu regoli dwar:

(a)

il-presidenza;

(b)

il-postijiet tal-laqgħat;

(c)

it-tħejjija tal-laqgħat;

(d)

l-ammissjoni ta’ esperti fil-laqgħat;

(e)

il-pjanijiet ta’ komunikazzjoni biex jiġ iżgurat li l-membri mhux parteċipanti tal-Bord ta’ Tmexxija tal-eu-LISA jingħataw informazzjoni kompluta.

Il-Presidenza għandha tkun f’idejn Stat Membru li jkun marbut b’mod sħiħ skont il-liġi tal-Unjoni bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira ġestiti mill-eu-LISA.

L-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm għandhom jitħallsu mill-eu-LISA. L-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-eu-LISA għandu japplika mutatis mutandis. Il-eu-LISA għandha tiżgura s-segretarjat tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm.

Il-Grupp Konsultattiv EES-ETIAS għandu jiltaqa’ regolarment sa meta tibda taħdem l-ETIAS. Wara kull laqgħa għandu jirrapporta lill-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm. Għandu jipprovdi l-għarfien espert tekniku b’appoġġ għall-kompiti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm u għandu jsegwi l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri.

Artikolu 74

Responsabbiltajiet tal-eu-Lisa hekk kif tibda titħaddem l-ETIAS

1.   Hekk kif tibda titħaddem l-ETIAS, il-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni teknika tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u għall-NUIs. Għandha tkun responsabbli wkoll għal kwalunkwe test tekniku li jkun meħtieġ għall-istabbiliment u l-aġġornament tar-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS. Hija għandha tiżgura, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li f’kull ħin, tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġett għal analiżi kost-benefiċċji. Il-eu-LISA għandha tkun responsabbli wkoll għall-ġestjoni teknika tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u l-NUIs kif ukoll għas-sit web pubbliku, l-applikazzjoni għal apparati mobbli, is-servizzi tal-posta elettronika, is-servizz tal-kont sikur, l-għodda ta’ verifika għall-applikanti, l-għodda ta’ kunsens għall-applikanti, l-għodda ta’ valutazzjoni għal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS, il-portal tat-trasportaturi, is-servizz tal-web, is-software biex jipproċessa l-applikazzjonijiet u r-repożitorju ċentrali tad-data msemmi fl-Artikolu 6.

Il-ġestjoni teknika tal-ETIAS għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa biex is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS taħdem 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa f’konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari x-xogħol ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa biex ikun żgurat li s-sistema taħdem f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità teknika, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħin tar-rispons għall-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (43), il-eu-LISA għandha tapplika regoli adatti ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet oħra ekwivalenti ta’ kunfidenzjalità għall-persunal tagħha kollu li huwa meħtieġ jaħdem bid-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dan il-persunal ikun telaq mill-uffiċċju jew l-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tiegħu.

3.   Fejn l-eu-LISA tikkoopera ma’ kuntratturi esterni fi kwalunkwe kompitu relatat mal-ETIAS, hija għandha tissorvelja mill-qrib l-attivitajiet tal-kuntratturi biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, inkluż b’mod partikolari is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

4.   Il-eu-LISA għandha twettaq ukoll il-kompiti relatati mal-provvista ta’ taħriġ dwar l-użu tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS.

5.   Il-eu-LISA għandha tiżviluppa u żżomm mekkaniżmu u proċeduri għat-twettiq ta’ verifiki tal-kwalità fuq id-data fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u għandha tipprovdi rapporti regolari lill-Istati Membri u lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS. Il-eu-LISA għandha tipprovdi rapport regolari lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jkopri l-kwistjonijiet li jinqalgħu. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistipula u tiżviluppa dak il-mekkaniżmu, il-proċeduri u r-rekwiżiti adatti għall-konformità tal-kwalità tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 75

Responsabbiltajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

1.   L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tkun responsabbli għal:

(a)

l-istabbiliment u l-operat tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-iżgurar tal-kondizzjonijiet għal ġestjoni sikura tad-data maħżuna fl-ETIAS;

(b)

l-ipproċessar awtomatizzat tal-applikazzjonijiet; u

(c)

ir-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS.

2.   Qabel ma jiġi awtorizzat biex jipproċessa d-data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, il-persunal tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS li jkollu d-dritt li jaċċessa s-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandu jingħata taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni tad-data. Huwa għandu wkoll jieħu sehem f’taħriġ offrut mill-eu-LISA dwar l-użu tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS u dwar il-kwalità tad-data.

Artikolu 76

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għal:

(a)

il-konnessjoni tal-NUIs;

(b)

l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, l-operat u l-manutenzjoni tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għall-ipproċessar manwali ta’ applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar fejn l-ipproċessar awtomatizzat ikun irrapporta hit, kif imsemmi fl-Artikolu 26;

(c)

l-organizzazzjoni ta’ punti ta’ aċċess ċentrali u l-konnessjoni tagħhom mal-NUIs għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra;

(d)

il-ġestjoni u l-arranġamenti għal aċċess tal-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS f’konformità ma’ dan ir-Regolament kif ukoll għall-istabbiliment u l-aġġornament regolari ta’ lista ta’ dawn il-membri tal-persunal u l-profili tagħhom;

(e)

l-istabbiliment u l-operat tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS;

(f)

id-dħul ta’ data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS relatata ma’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont l-Artikolu 34(2) u (3); u

(g)

l-iżgurar li kull waħda mill-awtoritajiet tiegħu intitolata għal aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż dawk meħtieġa biex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tad-data.

2.   Kull Stat Membru għandu juża proċessi awtomatizzati għal konsultazzjoni fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS fuq il-fruntieri esterni.

3.   Qabel ma jiġu awtorizzati jipproċessaw id-data rreġistrata fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, il-membri tal-persunal tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandhom jingħataw taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u dwar id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni tad-data.

Huma għandhom ukoll jieħdu sehem f’taħriġ offrut mill-eu-LISA dwar l-użu tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS u dwar il-kwalità tad-data.

Artikolu 77

Responsabbiltajiet tal-Europol

1.   Il-Europol għandha tiżgura l-ipproċessar tat-talbiet imsemmija fil-punt (j) tal-Artikolu 20(2) u fl-Artikolu 20(4). Hija għandha tadatta s-sistema ta’ informazzjoni tagħha, skont il-ħtieġa.

2.   Il-Europol għandu jkollha r-responsabbiltajiet u l-kompiti li jirrigwardaw il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS stabbiliti fl-Artikolu 35 (1) u (3) sa (6).

3.   Il-Europol għandha tkun responsabbli li tipprovdi opinjoni ġustifikata b’segwitu għal talba għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 29.

4.   Skont l-Artikolu 34(2), Europol għandha tkun responsabbli għad-dħul ta’ data relatata ma’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra miksuba mill-Europol fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS.

5.   Qabel ma jiġi awtorizzat iwettaq kwalunkwe kompitu msemmi fl-Artikoli 34 u 35, il-persunal tal-Europol għandu jingħata taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u dwar id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni tad-data. Huwa għandu wkoll jieħu sehem f’taħriġ offrut mill-eu-LISA dwar l-użu tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS u dwar il-kwalità tad-data.

KAPITOLU XV

EMENDI GĦAL STRUMENTI TAL-UNJONI OĦRA

Artikolu 78

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011

L-Artikolu li ġej jiddaħħal fir-Regolament (UE) Nru 1077/2011:

“Artikolu 5b

Kompiti relatati mal-ETIAS

B’rabta mal-ETIAS, l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti li ġiet ikkonferita mill-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*1).

Artikolu 79

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 515/2014

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Matul il-fażi ta’ żvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), l-Istati Membri għandhom jirċievu allokazzjoni addizzjonali ta’ EUR 96,5 miljun mal-allokazzjoni bażika tagħhom u għandhom jallokaw dawn il-fondi kompletament lill-ETIAS biex ikun żgurat l-iżvilupp rapidu u effettiv tagħha konsistenti mal-implimentazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Artikolu 80

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/399

Ir-Regolament (UE) 2016/399 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 6(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ikollhom fil-pussess tagħhom viża valida jekk meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (*3) jew ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jekk meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu jew viża għal soġġorn twil valida;

(*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).”;"

(b)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Għal perijodu transizzjonali stabbilit skont l-Artikolu 83(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-użu tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) għandu jkun fakultattiv u r-rekwiżit li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida stabbilit fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li jaqsmu l-fruntieri esterni bir-rekwiżit li jkollhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida mill-iskadenza tal-perijodu transizzjonali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iqassmu fuljett komuni għal din il-kategorija ta’ vjaġġaturi kif imsemmi fl-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

Waqt perijodu ta’ konċessjoni stabbilit skont l-Artikolu 83(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom, b’eċċezzjoni, jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li ma jkollhomx fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li jaqsmu l-fruntieri esterni meta dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu, dment li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għall-ewwel darba minn meta jintemm il-perijodu transizzjonali msemmi fl-Artikolu 83(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1240. L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jinfurmaw tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi bir-rekwiżit li jkollhom fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida skont dan l-Artikolu. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom iqassmu fuljett komuni lil dawn il-vjaġġaturi kif imsemmi fl-Artikolu 83(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 li jinformahom li qed issir eċċezzjoni biex dawn ikunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri esterni għalkemm ma jkunux qegħdin jissodisfaw l-obbligu ta’ pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida u li jispjega dak l-obbligu.”.

(2)

L-Artikolu 8(3) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu fil-pussess tiegħu dokument validu biex jaqsam il-fruntiera u li ma jkunx skada, u li d-dokument ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża, mill-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jew mill-permess ta’ residenza meħtieġ.”

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ba)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament, il-verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu wkoll il-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u, jekk applikabbli, tal-identità tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar permezz ta’ konsultazzjoni tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2018/1240. Jekk ikun teknikament impossibbli li wieħed jipproċedi bil-konsultazzjoni jew li jwettaq it-tfittxija msemmija fl-Artikolu 47(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, għandu japplika l-Artikolu 48(3) ta’ dak ir-Regolament.”.

(3)

Fl-Anness V, il-Parti B, fil-formula standard għar-rifjut ta’ dħul mal-fruntiera, il-punt (C) fil-lista tar-raġunijiet għar-rifjut huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(C)

ma għandux viża, awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jew permess ta’ residenza validi.”.

Artikolu 81

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1624

Ir-Regolament (UE) 2016/1624 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 8(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(qa)

tissodisfa l-kompiti u l-obbligi fdati f’idejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta msemmija fir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) u tiżgura l-istabbiliment u l-operat tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament.

(*5)  Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).”."

(2)

Fil-Kapitolu II, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

Taqsima 5

L-ETIAS

Artikolu 33a

Stabbiliment tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS

1.   B’dan qiegħda tiġi stabbilita Unità Ċentrali tal-ETIAS.

2.   L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tiżgura l-istabbiliment u l-operat ta’ Unità Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6).

(*6)  Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).”."

Artikolu 82

Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2226

Fl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2017/2226 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-finanzjament li għandu jiġi mmobbilizzat mill-pakkett imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 biex ikopri l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni indiretta għall-ispejjeż imġarrba mill-eu-LISA u taħt ġestjoni kondiviża għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.”.

KAPITOLU XVI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 83

Perijodu transizzjonali u miżuri transizzjonali

1.   Għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-ETIAS tibda titħaddem, l-użu tal-ETIAS għandu jkun fakultattiv u r-rekwiżit ta’ pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida ma għandux japplika. Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 biex testendi dak il-perijodu għal mhux aktar minn sitt xhur oħra, li jiġġedded darba.

2.   Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinformaw lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li jaqsmu l-fruntieri esterni dwar ir-rekwiżit li jkollhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida mill-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iqassmu fuljett komuni għal din il-kategorija ta’ vjaġġaturi. Il-fuljett għandu jkun disponibbli wkoll fil-konsulati tal-Istati Membri fil-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   Għandu japplika perijodu ta’ konċessjoni ta’ sitt xhur wara tmiem il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Matul il-perijodu ta’ konċessjoni, għandu japplika r-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Matul il-perijodu ta’ konċessjoni l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom, b’eċċezzjoni, jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li ma jkunux fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, li jaqsmu l-fruntieri esterni meta dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399, dment li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għall-ewwel darba minn meta jintemm il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jinformaw lil tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar ir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom iqassmu fuljett komuni lil dawk il-vjaġġaturi li jinformahom li dawn huma permessi, b’eċċezzjoni, li jaqsmu l-fruntieri esterni għalkemm ma jissodisfawx l-obbligu ta’ pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida u li jispjega dan l-obbligu. Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 89 ta’ dan ir-Regolament biex testendi dak il-perijodu għal mhux iktar minn sitt xhur oħra.

Matul il-perijodu ta’ konċessjoni, id-dħul fit-territorji tal-Istati Membri li ma jħaddmux l-EES ma għandux jiġi kkunsidrat.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tfassal iż-żewġ fuljetti komuni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li jkun fihom tal-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 71. Il-fuljetti għandhom ikunu ċari u sempliċi u jkunu disponibbli tal-inqas b’lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ kull pajjiż li ċ-ċittadini tiegħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

5.   Matul il-perijodu transizzjonali msemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għandha twieġeb għall-konsultazzjoni tat-trasportaturi msemmija fl-Artikolu 45(2) billi tipprovdi lit-trasportaturi bi tweġiba “OK”. Matul il-perijodu ta’ konċessjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, it-tweġiba li tintbagħat mis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS għall-konsultazzjoni tat-trasportaturi għandha tqis jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikunx qed jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri għall-ewwel darba minn meta jkun intemm il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 84

Użu tad-data għar-rappurtar u l-istatistika

1.   Il-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni, tal-eu-LISA u tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandu jkollu aċċess biex jikkonsulta d-data li ġejja, unikament għall-finijiet ta’ rappurtar u statistika mingħajr il-possibbiltà ta’ identifikazzjoni individwali u f’konformità mas-salvagwardji relatati man-nondiskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 14:

(a)

applikazzjoni għall-informazzjoni dwar l-istatus;

(b)

in-nazzjonalitajiet, is-sess u s-sena tat-twelid tal-applikant;

(c)

il-pajjiż ta’ residenza;

(d)

l-edukazzjoni (primarja, sekondarja, għolja jew xejn);

(e)

il-professjoni attwali (grupp ta’ impjieg);

(f)

it-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti;

(g)

it-tip ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u, għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata kif imsemmi fl-Artikolu 44, referenza għall-Istat(i) Membru/i li joħroġ/joħorġu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata;

(h)

il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar; u

(i)

ir-raġunijiet għar-rifjut, ir-revoka jew l-annullament ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-eu-LISA għandha tistabbilixxi, timplimenta u tospita repożitorju ċentrali fis-siti tekniċi tagħha li jkun fih id-data msemmija fil-paragrafu 1, li ma jippermettix l-identifikazzjoni ta’ individwi iżda li jippermetti li l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jiksbu rapporti u statistika li jistgħu jiġu emendati biex titjieb il-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali u riskji għolja ta’ epidemija, biex itejbu l-effiċjenza tal-verifiki fuq il-fruntieri, biex jgħinu lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS biex jipproċessaw applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u biex jappoġġaw tfassil ta’ politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni bbażata fuq l-evidenza. Ir-repożitorju għandu jkun fih ukoll statistika ta’ kuljum dwar id-data msemmija fil-paragrafu 4. L-aċċess għar-repożitorju ċentrali għandu jingħata permezz ta’ aċċess sigur permezz ta’ TESTA b’kontroll tal-aċċess u profili ta’ utenti speċifiċi unikament għall-fini ta’ rappurtar u ta’ statistika.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dettaljati dwar kif jaħdem ir-repożitorju ċentrali u r-regoli dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data applikabbli għar-repożitorju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

3.   Il-proċeduri stabbiliti mill-eu-LISA biex twettaq monitoraġġ tal-iżvilupp u l-funzjonament tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 92(1) għandhom jinkludu l-possibbiltà li tiġi prodotta statistika regolari biex jiġi żgurat dak il-monitoraġġ.

4.   Kull tliet xhur, il-eu-LISA għandha tippubblika statistika dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS li turi b’mod partikolari l-għadd u n-nazzjonalità tal-applikanti li tkun inħarġet jew ġiet irrifjuta awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar fir-rigward tagħhom, inkluż ir-raġunijiet għar-rifjut, u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom tkun ġiet annullata jew irrevokata.

5.   Fl-aħħar ta’ kull sena, id-data ta’ statistika għandha tinġabar f’rapport annwali għal dik is-sena. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat u jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

6.   Fuq talba tal-Kummissjoni, il-eu-LISA għandha tipprovdilha statistika dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-istatistika skont il-paragrafu 3.

Artikolu 85

Spejjeż

1.   L-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, mal-integrazzjoni tal-infrastruttura tal-fruntieri nazzjonali eżistenti u l-konnessjoni mal-NUIs, mal-ospitar tal-NUIs u mal-istabbiliment tal-Unita’ Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Il-eu-LISA għandha tagħti attenzjoni partikolari lir-riskju taż-żidiet fl-ispejjeż u tiżgura monitoraġġ suffiċjenti tal-kuntratturi.

2.   L-ispejjeż operazzjonali tal-ETIAS għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan għandu jinkludi l-ispejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, inkluż tal-NUIs; l-ispejjeż operazzjonali tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-ispejjeż tal-persunal u t-tagħmir tekniku (hardware u software) meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS; u spejjeż ta’ traduzzjoni mġarrba skont l-Artikolu 27(2) u (8).

L-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu esklużi:

(a)

l-uffiċċju tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-proġett (laqgħat, missjonijiet, uffiċċji);

(b)

l-ospitar ta’ sistemi nazzjonali tal-IT (spazju, implimentazzjoni, elettriku, tkessiħ);

(c)

it-tħaddim ta’ sistemi nazzjonali tal-IT (kuntratti tal-operaturi u ta’ appoġġ);

(d)

it-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ netwerks nazzjonali ta’ komunikazzjoni.

3.   L-ispejjeż operazzjonali tal-ETIAS għandhom jinkludu wkoll appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-ispejjeż imġarrba sabiex jadattaw u jawtomatizzaw il-verifiki fuq il-fruntieri sabiex tiġi implimentata l-ETIAS. L-ammont totali ta’ dan l-appoġġ finanzjarju għandu jkun limitat għal mhux iktar minn EUR 15-il miljun għall-ewwel sena ta’ tħaddim, għal mhux iktar minn EUR 25 miljun għat-tieni sena ta’ tħaddim u għal mhux iktar minn EUR 50 miljun kull sena għas-snin sussegwenti ta’ tħaddim. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex tiddefinixxi f’iktar dettall dak l-appoġġ finanzjarju.

4.   L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-eu-LISA u l-Europol għandhom jirċievu finanzjament addizzjonali xieraq u l-persunal meħtieġbiex iwettqu l-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament.

5.   Il-finanzjament li għandu jiġi mmobbilizzat mill-pakkett imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 biex ikopri l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni indiretta għall-ispejjeż imġarrba mill-eu-LISA u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u taħt ġestjoni kondiviża għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

Artikolu 86

Dħul

Id-dħul iġġenerat mill-ETIAS għandi jikkostitwixxu dħul assenjat intern f’konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44). Dan għandu jiġi assenjat biex ikopri l-ispejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-ETIAS. Kwalunkwe dħul li jibqa’ wara li dawn l-ispejjeż jiġu koperti għandu jiġi assenjat lill-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 87

Notifiki

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità li għandha titqies bħala l-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 57.

2.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Istati Membri għandhom jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 13 li għandhom aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS.

Fi żmien tliet xhur minn meta l-ETIAS tibda titħaddem skont l-Artikolu 88, il-eu-LISA għandha tippubblika lista konsolidata ta’ dawk l-awtoritajiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar kwalunkwe tibdil f’dawk l-awtoritajiet mingħajr dewmien. F’każ li jkun hemm tibdil ta’ dan it-tip, il-eu-LISA għandha tippubblika darba fis-sena verżjoni konsolidata aġġornata ta’ dik l-informazzjoni. Il-eu-LISA għandha żżomm sit web pubbliku li jiġi aġġornat kontinwament u li jkun fih dik l-informazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar l-awtoritajiet maħtura tagħhom u l-punti ta’ aċċess ċentrali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 50 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe bidla f’dak ir-rigward mingħajr dewmien.

4.   Il-eu-LISA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar it-tlestija b’suċċess tat-test imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 88(1).

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ tibdil fl-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika darba fis-sena verżjoni konsolidata aġġornata tagħha. Il-Kummissjoni għandha żżomm sit web pubbliku li jiġi aġġornat kontinwament u li jkun fih l-informazzjoni.

Artikolu 88

Bidu tat-tħaddim

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-ETIAS għandha tibda titħaddem malli jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu daħlu fis-seħħ l-emendi meħtieġa għall-atti legali li jistabbilixxu s-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE msemmija fl-Artikolu 11(2) li magħhom għandha tiġi stabbilita l-interoperabbiltà mas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS;

(b)

ir-Regolament li jafda lil-eu-LISA l-ġestjoni operazzjonali tal-ETIAS ikun daħal fis-seħħ;

(c)

ikunu daħlu fis-seħħ l-emendi meħtieġa għall-atti legali li jistabbilixxu s-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE msemmija fl-Artikolu 20(2) li jipprovdu aċċess għal dawn il-bażijiet ta’ data lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS;

(d)

ikunu ġew adottati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), (5) u (6), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 27(3) u (5), l-Artikolu 33(2) u (3), l-Artikoli 36(3), 38(3), 39(2), 45(3), 46(4), 48(4), 59(4), l-Artikolu 73(3)(b), l-Artikolu 83(1), (3), u (4) u l-Artikolu 85(3);

(e)

il-eu-LISA tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tal-ETIAS;

(f)

il-eu-LISA u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS jkunu vvalidaw l-arranġamenti tekniċi u legali biex jiġbru u jittrasmettu d-data msemmija fl-Artikolu 17 lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u jkunu nnotifikawhom lill-Kummissjoni;

(g)

l-Istati Membri u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data dwar id-diversi awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) u (3).

2.   It-test tal-ETIAS msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandu jitwettaq mill-eu-LISA f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tat-test imwettaq skont il-punt (e) tal-paragrafu 1.

4.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   L-Istati Membri u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandhom jibdew jużaw l-ETIAS mid-data ddeterminata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 89

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(4), l-Artikolu 17(3), (5) u (6), l-Artikoli 18(4), 27(3), l-Artikolu 31, l-Artikoli 33(2), 36(4), 39(2), 54(2), l-Artikolu 83(1) u (3) u l-Artikolu 85(3) għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Ottubru 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(4), l-Artikolu 17(3), (5) u (6), l-Artikoli 18(4), 27(3), l-Artikolu 31, l-Artikoli 33(2), 36(4), 39(2), 54(2), l-Artikolu 83(1) u (3) u l-Artikolu 85(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett il-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 17(3), (5) u (6), l-Artikoli 18(4), 27(3), l-Artikolu 31, l-Artikoli 33(2), 36(4), 39(2), 54(2), l-Artikolu 83(1) jew (3) jew l-Artikolu 85(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 90

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 91

Grupp konsultattiv

Ir-responsabbiltajiet tal-Grupp Konsultattiv tal-eu-LISA għandhom jiġu estiżi biex ikopru l-ETIAS. Dak il-Grupp Konsultattiv EES-ETIAS għandu jipprovdi lill-eu-LISA bil-kompetenzi esperti relatati mal-ETIAS b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u r-rapport ta’ attività annwali tagħha.

Artikolu 92

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-eu-LISA għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jitwettaq monitoraġġ tal-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u l-ispejjeż u monitoraġġ tat-tħaddim tal-ETIAS fid-dawl tal-objettivi relatati mar-rendiment tekniku, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.

2.   Sal-10 ta’ April 2019 u kull sitt xhur wara dan, matul il-fażi tal-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, il-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat attwali tal-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, tal-NUIs u tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS u l-NUIs. Dan ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż globali tas-sistema li ser jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 85.

Sal-10 ta’ April 2019 u kull sitt xhur wara dan, matul il-fażi tal-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, il-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jippreżentaw rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament inkluż informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż globali tas-sistema li għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 85.

Ladarba jiġi ffinalizzat l-iżvilupp, il-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega fid-dettall kif ikunu ntlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-ispejjeż, kif ukoll li jiġġustifika kwalunkwe diverġenza.

3.   Għall-finijiet tal-manutenzjoni teknika, il-eu-LISA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa b’rabta mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS.

4.   Sentejn wara l-bidu tat-tħaddim tal-ETIAS u kull sentejn wara dan, il-eu-LISA għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, inkluż dwar is-sigurtà tagħha, u data statistika dwar il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS skont il-proċedura ta’ rieżami msemmija fl-Artikolu 35(5) u (6).

5.   Tliet snin wara l-bidu tat-tħaddim tal-ETIAS u kull erba’ snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ETIAS u tagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni meħtieġa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dik l-evalwazzjoni għandha tinkludi:

(a)

il-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data SLTD u TDAWN tal-Interpol permezz tal-ETIAS, inkluż informazzjoni dwar l-għadd ta’ hits imqabbla ma’ dawk il-bażijiet ta’ data tal-Interpol, l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar irrifjutati b’segwitu għal tali hits u informazzjoni dwar kwalunkwe problema ffaċċata, kif ukoll, jekk adatt, valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ proposta leġislattiva li temenda dan ir-Regolament;

(b)

ir-riżultati miksuba mill-ETIAS b’kunsiderazzjoni tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha;

(c)

l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-prestazzjoni tal-ETIAS u l-prattiki ta’ ħidma tagħha fid-dawl tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha;

(d)

valutazzjoni tas-sigurtà tal-ETIAS;

(e)

ir-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS użati għall-iskop tal-valutazzjoni tar-riskju;

(f)

l-impatt tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS inkluż l-għadd ta’ applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar li ġew irrifjutati għal raġunijiet li ħadu inkunsiderazzjoni hit pożittiva fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS;

(g)

il-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe emenda bħal din;

(h)

l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali;

(i)

l-impatt fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi involuti;

(j)

id-dħul iġġenerat permezz tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar, l-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-iżvilupp tal-ETIAS, l-ispejjeż għat-tħaddim tal-ETIAS, l-ispejjeż imġarrba mill-eu-LISA, il-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta b’rabta mal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe dħul allokat f’konformità mal-Artikolu 86;

(k)

l-użu tal-ETIAS għal fini ta’ infurzar tal-liġi abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu;

(l)

l-għadd ta’ applikanti mistiedna għal intervista u l-perċentwal li dan jirrappreżenta tal-għadd totali ta’ applikanti, ir-raġunijiet għat-talba ta’ intervista, l-għadd ta’ intervisti mill-bogħod, l-għadd ta’ deċiżjonijiet fejn l-awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar ingħatat, ingħatat b’marka jew ġiet irrifjutata, u l-għadd ta’ applikanti mistiedna għal intervista li ma attendewx għaliha, u jekk adatt, valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ proposta leġislattiva li temenda dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

6.   L-Istati Membri u l-Europol għandhom jipprovdu lill-eu-LISA, lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex ifasslu r-rapporti msemmija fil-paragrafi 4 u 5. Din l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta’ ħidma jew tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet maħtura.

7.   Il-eu-LISA u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tipproduċi l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5.

8.   Filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, kull Stat Membru u l-Europol għandhom iħejju rapporti annwali dwar l-effettività tal-aċċess għad-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi li jkun fihom informazzjoni u statistika dwar:

(a)

l-iskop preċiż tal-konsultazzjoni inkluż it-tip ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor;

(b)

raġunijiet validi mogħtija għas-suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-awtur jew il-vittma hija koperta b’dan ir-Regolament;

(c)

l-għadd ta’ talbiet għal aċċess għas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi;

(d)

l-għadd u t-tip ta’ każijiet li rriżultaw f’hits;

(e)

l-għadd u t-tip ta’ każijiet fejn intużat il-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 51(4), inkluż dawk il-każijiet fejn dik l-urġenza ma tkunx ġiet aċċettata mill-verifika ex post imwettqa mill-punt ta’ aċċess ċentrali.

Soluzzjoni teknika għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ dik id-data skont il-Kapitolu X għall-fini li tiġi ġġenerata l-istatistika msemmija f’dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tas-soluzzjoni teknika. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 93

Manwal prattiku

Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, tagħmel disponibbli manwal prattiku, li għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-manwal prattiku għandu jieħu kont ukoll tal-manwali eżistenti rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal prattiku fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.

Artikolu 94

Ceuta u Melilla

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa r-regoli speċjali li japplikaw għall-bliet ta’ Ceuta u Melilla, kif definiti fid-Dikjarazzjoni tar-Renju ta’ Spanja dwar il-bliet ta’ Ceuta u Melilla fl-Att Finali tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta Ġunju 1985.

Artikolu 95

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-pajjiżi li huma assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen

Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tal-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, għandhom isiru arranġamenti fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

Artikolu 96

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 88, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6, 11, 12, 33, 34, 35, 59, 71, 72, 73, l-Artikoli 75 sa 79, l-Artikoli 82, 85, 87, 89, 90, 91, l-Artikolu 92(1) u (2), l-Artikoli 93 u 95, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati mal-miżuri msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 88(1), li għandhom japplikaw mid-9 ta’ Ottubru 2018.

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni tal-Eurodac għandhom japplikaw mid-data minn meta r-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill issir applikabbli (45).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Settembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 28.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2018.

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(5)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, ECLI:EU:C:2006:74.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

(7)  Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(8)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(9)  Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(11)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(12)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland Ltd, fil-Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12, ECLI:EU:C:2014:238.

(13)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(16)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(17)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(20)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(22)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(24)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(25)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(27)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

(28)  Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

(29)  Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(30)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(31)  Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(32)  ĠU C 162, 23.5.2017, p. 9.

(33)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).

(35)  Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).

(36)  Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).

(37)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013 p. 60).

(38)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-ħolqien ta’ netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1).

(39)  Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(40)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45).

(41)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(42)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(43)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(44)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(45)  Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).


ANNESS

Lista ta’ reati kriminali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 17(4)

1.

reati terroristiċi,

2.

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

3.

traffikar ta’ bnedmin,

4.

sfruttament sesswali ta’ tfal u pedopornografija,

5.

traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

6.

traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjon u splussivi,

7.

korruzzjoni,

8.

frodi, inkluż kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

9.

ħasil ta’ rikavati minn kriminalità u falsifikazzjoni ta’ muniti, inkluż l-euro,

10.

kriminalità relatata mal-informatika/ċiberkriminalità,

11.

kriminalità ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċijiet ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu li jinqerdu,

12.

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

13.

qtil, offiżi fiżiċi gravi fuq il-persuna,

14.

kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

15.

ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u teħid ta’ ostaġġi,

16.

serq organizzat u serq bl-użu ta’ armi,

17.

traffikar illeċitu f’beni kulturali, inkluż oġġetti antiki u opri tal-arti,

18.

falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

19.

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

20.

traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir,

21.

traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjoattivi,

22.

stupru,

23.

kriminalità fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

24.

ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru jew bastimenti,

25.

sabotaġġ,

26.

traffikar ta’ vetturi misruqa,

27.

spjunaġġ industrijali,

28.

ħruq doluż,

29.

razziżmu u ksenofobija.