22.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 212/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Lulju 2018

dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili f'kull waqt bl-adozzjoni ta' regoli komuni dwar is-sikurezza u permezz ta' miżuri li jiżguraw li kwalunkwe merkanzija, persuna u organizzazzjoni involuti fl-attività tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni jikkonformaw ma' dawn ir-regoli.

(2)

Barra minn hekk, livell għoli u uniformi ta' protezzjoni ambjentali jenħtieġ li jkun żgurat f'kull waqt permezz ta' miżuri li jiżguraw li kwalunkwe merkanzija, persuna uorganizzazzjoni involuti f'attività tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, u mal-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati.

(3)

Barra minn hekk, l-inġenji tal-ajru ta' pajjiżi terzi li jitħaddmu fit-territorju, fi ħdanu jew 'il barra minnu, li fih japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (it-“Trattati”) jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sorveljanza xierqa fil-livell tal-Unjoni fi ħdan il-limiti stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944 (il-“Konvenzjoni ta' Chicago”), li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet.

(4)

Ma jkunx xieraq li l-inġenji tal-ajru kollha jiġu soġġetti għal regoli komuni. B'mod partikolari, fid-dawl tar-riskju limitat tagħhom għas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, l-inġenji tal-ajru li huma ta' disinn sempliċi jew li jitħaddmu prinċipalment fuq bażi lokali, u dawk li huma mibnija mid-dilettanti jew li huma partikolarment rari jew li jeżisti biss numru żgħir minnhom, jenħtieġ li jibqgħu taħt il-kontroll regolatorju tal-Istati Membri, mingħajr ebda obbligu skont dan ir-Regolament fuq Stati Membri oħra biex jirrikonoxxu dawn l-arranġamenti nazzjonali. Madankollu, sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' regoli nazzjonali għall-inġenji tal-ajru li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) tista' tadotta materjal ta' gwida għal dak il-għan.

(5)

Madankollu, jenħtieġ li tiġi pprovduta l-possibbiltà li jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament għal ċerti tipi ta' inġenji tal-ajru li altrimenti huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod speċjali dawk li huma prodotti b'mod industrijali u li jistgħu jibbenefikaw miċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni. Għalhekk, organizzazzjonijiet involuti fid-disinn ta' inġenji tal-ajru bħal dawn jenħtieġ li jitħallew japplikaw għal ċertifikat tat-tip mal-Aġenzija jew, jekk applikabbli, jagħmlu dikjarazzjoni lill-Aġenzija rigward it-tip ta' inġenju tal-ajru li jkun ser jitqiegħed fis-suq minn tali organizzazzjonijiet.

(6)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi għal għadd ta' għodod ġodda li jenħtieġ li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' regoli sempliċi u proporzjonati għal avjazzjoni sportiva u rikreattiva. Jenħtieġ li l-miżuri meħuda f'konformità ma' dan ir-Regolament biex tiġi regolata din il-parti mis-settur tal-avjazzjoni jkunu proporzjonati, kosteffiċjenti, flessibbli u bbażati fuq l-aħjar prattiki eżistenti fl-Istati Membri. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu żviluppati fil-ħin, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u jenħtieġ li jevitaw li joħolqu piż amministrattiv u finanzjarju mhux meħtieġ għall-manifatturi u l-operaturi.

(7)

Ma jkunx xieraq li l-ajrudromi kollha jkunu soġġetti għal regoli komuni. L-ajrudromi li mhumiex miftuħa għall-użu pubbliku jew ajrudromi li ma jaqdux trasport kummerċjali bl-ajru jew ajrudromi mingħajr runway pavimentata għall-istrumenti ta' iktar minn 800 metru u li ma jservux esklużivament ħelikopters li jużaw approċċ tal-istrument jew iproċeduri tat-tluq jenħtieġ li jibqgħu taħt il-kontroll regolatorju tal-Istati Membri, mingħajr ebda obbligu skont dan ir-Regolament fuq Stati Membri oħra li jirrikonoxxu dawn l-arranġamenti nazzjonali.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jeżentaw minn dan ir-Regolament l-ajrudromi b'volumi baxxi ta' traffiku, dment li l-ajrudromi kkonċernati jilħqu l-objettivi komuni minimi tas-sikurezza stabbiliti fir-rekwiżiti essenzjali rilevanti stipulati f'dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jagħti eżenzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li dawk l-eżenzjonijiet japplikaw ukoll għat-tagħmir li jintuża fl-ajrudrom ikkonċernat u għall-fornituri ta' servizzi fuq l-art u ta' servizzi ta' ġestjoni tar-rampa (“AMS”) li joperaw fl-ajrudromi eżentati. Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet li ngħataw mill-Istati Membri lill-ajrudromi qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jibqgħu validi, u jenħtieġ li informazzjoni dwar dawk l-eżenzjonijiet tkun disponibbli għall-pubbliku.

(9)

Jenħtieġ li ajrudromi li huma kkontrollati u operati mill-militar, kif ukoll il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (“ATM/ANS”) li huma pprovduti jew magħmula disponibbli mill-militar, jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, li tali ajrudromi, meta jinfetħu għall-pubbliku, u tali ATM/ANS meta jkunu qed jaqdu t-traffiku tal-ajru li japplika għalih ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), joffru livell ta' sikurezza u interoperabbiltà mas-sistemi ċivili li jkun effettiv daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali għall-ajrudromi u l-ATM/ANS stipulati f'dan ir-Regolament.

(10)

Fejn l-Istati Membri jqisu li jkun preferibbli, b'mod partikolari bl-għan li jiksbu s-sikurezza, l-interoperabbiltà jew it-titjib fl-effiċjenza, li japplikaw, minflok il-liġi nazzjonali tagħhom, dan ir-Regolament għall-inġenji tal-ajru li jkunu qed iwettqu attivitajiet jew servizzi militari, doganali, tal-pulizija, ta' tiftix u salvataġġ, tifi tan-nar, kontroll fuq il-fruntiera u tal-gwardja tal-kosta jew oħrajn simili li jsiru fl-interess pubbliku, jenħtieġ li dawn jitħallew jagħmlu dan. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà jikkooperaw mal-“Aġenzija”, b'mod partikolari billi jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġi kkonfermat li l-inġenji tal-ajru u l-attivitajiet ikkonċernati jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

(11)

Sabiex jitqiesu l-interessi u l-fehmiet tal-industrija ajrunawtika u l-operaturi ta' inġenji tal-ajru, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jeżentaw minn dan ir-Regolament l-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni li jitwettqu fir-rigward ta' ċerti inġenji tal-ajru żgħar, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, sakemm fir-rigward ta' dawk l-inġenji tal-ajru ma jkunx inħarġilhom, jew jitqies li jkun inħarġilhom, ċertifikat skont dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew li tkun saret dikjarazzjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn l-eżenzjonijiet ma joħolqu l-ebda obbligu skont dan ir-Regolament għal Stati Membri oħra li jagħrfu tali arranġamenti nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li dawn l-eżenzjonijiet ma jżommux organizzazzjoni b'post prinċipali ta' negozju fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta dik l-eżenzjoni milli tiddeċiedi li tagħmel l-attivitajiet ta' disinn u produzzjoni tagħha fir-rigward tal-inġenju tal-ajru kopert minn dik id-deċiżjoni skont dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(12)

Il-miżuri meħuda f'konformità ma' dan ir-Regolament għar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni li ġew adottati abbażi tiegħu, jenħtieġ li jikkorrispondu man-natura u mar-riskji assoċjati mat-tipi differenti ta' inġenji tal-ajru, operazzjonijiet u ta' attivitajiet li jindirizzaw, u li jkunu proporzjonati magħhom. Jenħtieġ ukoll li dawn il-miżuri, sa fejn dan ikun possibbli, jiġu fformulati wkoll b'mod li jiffoka fuq l-għanijiet li jridu jintlaħqu, filwaqt li jippermettu mezzi differenti kif jistgħu jintlaħqu dawk l-għanijiet, u jenħtieġ ukoll li jrawmu approċċ sistemiku għall-avjazzjoni ċivili, filwaqt li jqisu l-interdipendenzi bejn is-sikurezza u oqsma tekniċi oħra tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni, inkluża ċ-ċibersigurtà. Dan jenħtieġ li jikkontribwixxi biex il-livelli ta' sikurezza rikjesti jinkisbu b'mod aktar kosteffiċjenti u biex tiġi xprunata l-innovazzjoni teknika u operazzjonali. Jenħtieġ li jsir użu minn standards u prattiki rikonoxxuti tal-industrija, meta jkun instab li dawn jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati f'dan ir-Regolament.

(13)

L-applikazzjoni ta' prinċipji sodi ta' ġestjoni tas-sikurezza hija essenzjali għat-titjib kontinwu tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, filwaqt li jiġu antiċipati r-riskji emerġenti għas-sikurezza, u jsir l-aħjar użu minn riżorsi tekniċi limitati. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni għall-ippjanar u għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' titjib tas-sikurezza. Għal dak il-għan, fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li jitfasslu Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Jenħtieġ li kull Stat Membru jfassal ukoll Programm tal-Istat għas-Sikurezza f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta' Chicago. Jenħtieġ li dak il-Programm ikun akkumpanjat minn pjan li jiddeskrivi l-azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Istat Membru sabiex itaffi r-riskji identifikati għas-sikurezza.

(14)

F'konformità mal-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu livell aċċettabbli ta' prestazzjoni tas-sikurezza fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Sabiex jassisti lill-Istati Membri biex jissodisfaw dan ir-rekwiżit b'mod ikkoordinat, jenħtieġ li l-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jistabbilixxi livell ta' prestazzjoni tas-sikurezza għall-Unjoni fir-rigward tal-kategoriji differenti ta' attivitajiet tal-avjazzjoni. Jenħtieġ li dak il-livell ta' prestazzjoni tas-sikurezza ma jkunx ta' natura vinkolanti, iżda jenħtieġ li jesprimi l-ambizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

(15)

Il-Konvenzjoni ta' Chicago tipprevedi standards minimi sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u l-protezzjoni ambjentali relatati magħhom. Ir-rekwiżiti essenzjali u r-regoli ulterjuri tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħhom li huma stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw li l-Istati Membri jissodisfaw, b'mod uniformi, l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Chicago, inklużi dawk fil-konfront ta' pajjiżi terzi. Meta r-regoli tal-Unjoni jkunu differenti mill-istandards minimi stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Chicago, l-obbligi tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali kif xieraq, mhumiex affettwati.

(16)

F'konformità mal-istandards internazzjonali u mal-prattiki rakkomandati stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Chicago, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti essenzjali applikabbli għal prodotti ajrunawtiċi, parts, tagħmir mhux installat, ajrudromi u l-provvista tal-ATM/ANS. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti essenzjali applikabbli għal persuni u għal organizzazzjonijiet involuti fit-tħaddim tal-inġenji tal-ajru, fit-tħaddim tal-ajrudromi u fil-provvista tal-ATM/ANS, u rekwiżiti essenzjali applikabbli għal persuni u għal prodotti involuti fit-taħriġ u fl-eżami mediku tal-ekwipaġġ tal-ajru u tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

(17)

Huwa importanti li l-persunal użat mill-fornituri ATM/ANS, bħall-Persunal tal-Prodotti Elettroniċi tas-Sikurezza tat-Traffiku tal-Ajru (“ATSEP”) ikun ikkwalifikat u mħarreġ kif xieraq biex jaqdi dmirijietu. Il-fornituri ATM/ANS jenħtieġ li jimplimentaw ukoll programmi ta' taħriġ u verifika, filwaqt li jqisu t-tipi differenti ta' kompiti marbuta mas-sikurezza li jagħmel l-persunal tagħhom. L-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament u li jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet tal-fornituri ATM/ANS jenħtieġ li jistipulaw aktar regoli armonizzati dettaljati għal tali persunal, inkluż l-ATSEP biex jiżguraw il-livell meħtieġ ta' sikurezza.

(18)

Ir-rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw il-kompatibbiltà ambjentali tad-disinn tal-prodotti ajrunawtiċi jenħtieġ li jindirizzaw, fejn meħtieġ, kemm l-istorbju u l-emissjonijiet tal-inġenji tal-ajru, għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bnedmin minn effetti ta' ħsara ta' dawk il-prodotti. Jenħtieġ li dawn jikkorrispondu għar-rekwiżiti li ġew stabbiliti f'dan ir-rigward fil-livell internazzjonali, kif stipulati fil-Konvenzjoni ta' Chicago. Sabiex tiġi żgurata konsistenza sħiħa, huwa xieraq li f'dan ir-Regolament issir referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din il-Konvenzjoni. Madankollu, prodotti, parts u tagħmir mhux installat jenħtieġ ikunu soġġetti għar-rekwiżiti essenzjali għall-kompatibbiltà ambjentali stipulati fl-Anness III għal dan ir-Regolament sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Chicago ma jkunx fihom rekwiżiti ta' ħarsien ambjentali. Fir-rigward ta' dawk il-prodotti, il-parts u tagħmir mhux installat, jenħtieġ li jkun hemm provvediment għall-possibbiltà li jiġu stipulati rekwiżiti ta' ħarsien ambjentali dettaljati.

(19)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti essenzjali għall-forniment sikur tas-servizzi fuq l-art u tal-AMS.

(20)

Fid-dawl tad-dipendenza dejjem tikber tal-avjazzjoni ċivili fuq it-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni li tintuża mis-settur tal-avjazzjoni ċivili.

(21)

L-obbligi ta' operatur ta' ajrudrom jistgħu jitwettqu direttament mill-operatur ta' ajrudrom jew, f'xi każijiet, minn parti terza. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-operatur ta' ajrudrom ikollu arranġamenti stabbiliti ma' dik il-parti terza biex jiżgura konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(22)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw ir-rappurtar u l-analiżi ta' okkorrenzi ta' sikurezza. Ir-regoli dettaljati adottati sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi ta' dawk ir-rekwiżiti essenzjali u l-konformità magħhom jenħtieġ li jkunu konsistenti mar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(23)

Il-prodotti ajrunawtiċi, il-parts u t-tagħmir mhux installat, l-ajrudromi u t-tagħmir tagħhom relatat mas-sikurezza, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-ajrudromi, is-sistemi ATM/ANS u l-kostitwenti ATM/ANS u l-fornituri ATM/ANS, kif ukoll il-bdoti, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u l-persuni, il-prodotti u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ u fl-eżami mediku tagħhom, jenħtieġ li jiġu ċċertifikati jew jingħataw il-liċenzja malli jinstabu li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti jew, meta jkun rilevanti, mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament jew skontu. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' ċertifikazzjoni, jenħtieġ li jiġu adottati r-regoli dettaljati neċessarji għall-ħruġ ta' dawk iċ-ċertifikati u, meta jkun rilevanti, id-dikjarazzjonijiet li jridu jsiru għal dan l-għan, filwaqt li jittieħed kont tal-objettivi ta' dan ir-Regolament u n-natura u r-riskju tal-attività partikolari kkonċernata.

(24)

L-ekwipaġġ tal-kabina involut fit-trasport tal-ajru kummerċjali jenħtieġ li jkun soġġett għaċ-ċertifikazzjoni u, bħala riżultat ta' dik iċ-ċertifikazzjoni, jenħtieġ li tinħariġlu attestazzjoni. Sabiex ikunu żgurati regoli uniformi għall-ħruġ ta' dik l-attestazzjoni,jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi kkonferita setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-kwalifika tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għall-Kummissjoni f'dawk l-atti ta' implimentazzjoni, billi jitqiesu n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, li l-ekwipaġġ tal-kabina involut f'tipi oħra ta' operazzjonijiet jintalab li jkun soġġett għaċ-ċertifikazzjoni u jkollu attestazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(25)

Jenħtieġ li tingħata l-possibbiltà lill-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn u fil-produzzjoni ta' prodotti, parts, u tagħmir mhux installat ajrunawtiċi biex jiddikjaraw il-konformità tad-disinn tal-prodotti, tal-parts u tagħmir mhux installat mal-istandards rilevanti tal-industrija, meta jitqies li dan jiżgura livell aċċettabbli ta' sikurezza. Dik il-possibbiltà jenħtieġ li tkun limitata għal prodotti użati fl-avjazzjoni sportiva u rikreattiva, u skont limitazzjonijiet u kondizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata s-sikurezza.

(26)

Billi l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord joperaw ukoll fl-ispazju tal-ajru kondiviż mal-inġenji tal-ajru bi bdot abbord, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, tkun xi tkun il-massa operattiva tagħhom. It-teknoloġiji għall-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord issa jagħmlu possibbli firxa wiesgħa ta' operazzjonijiet u dawk l-operazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal regoli li jkunu proporzjonati għar-riskju tal-operazzjoni partikolari jew mat-tip ta' operazzjonijiet.

(27)

Sabiex jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq ir-riskju u l-prinċipju ta' proporzjonalità, jenħtieġ li jiġi pprovdut grad ta' flessibbiltà lill-Istati Membri fir-rigward ta' operazzjonijiet b'inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, filwaqt li jittieħed kont tad-diversi karatteristiċi lokali fi Stati Membri individwali, bħad-densità tal-popolazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta' sikurezza.

(28)

Ir-regoli dwar l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord jenħtieġ li jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-konformità mad-drittijiet rilevanti ggarantiti skont il-liġi tal-Unjoni, u b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8 ta' dik il-Karta u fl-Artikolu 16 TFUE u rregolat bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(29)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti essenzjali applikabbli għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u tagħmir mhux installat tagħhom ikopru wkoll kwistjonijiet marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika u l-ispettru tar-radju, sabiex jiżguraw li ma jikkawżawx interferenza li tagħmel ħsara, li jużaw l-ispettru tar-radju b'mod effettiv u li jappoġġaw l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju. Madankollu, ħafna tipi ta' tagħmir ta' avjazzjoni mhumiex bilfors maħsuba speċifikament biex jintużaw jew f'inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord jew f'inġenji tal-ajru bi bdot abbord iżda li jistgħu fil-fatt jintużaw fit-tnejn. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika u l-ispettru tar-radju japplikaw biss mill-mument li, u sakemm, id-disinn tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u tal-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom ikunu soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni skont dan ir-Regolament. Ir-raġuni għal dan hija biex ikun żgurat li s-sistema applikabbli għal tali tagħmir tal-avjazzjoni tkun allinjata mas-sistema applikabbli għal inġenji tal-ajru oħrajn u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom li fir-rigward tagħhom ċertifikazzjoni bħal din tkun meħtieġa wkoll skont dan ir-Regolament. F'termini ta' kontenut, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jkunu ekwivalenti għal dawk fid-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(30)

Għal xi tipi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament relatati mar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, l-identifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Aġenzija, mhijiex neċessarja sabiex jintlaħqu livelli adegwati ta' sikurezza. Il-mekkaniżmi ta' sorveljanza tas-suq ipprovduti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti jenħtieġ li jkunu applikabbli għal dawk il-każijiet.

(31)

Fid-dawl tar-riskji li inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord jistgħu jippreżentaw għas-sikurezza, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, is-sigurtà jew l-ambjent, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar ir-reġistrazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u tal-operaturi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. Huwa neċessarju wkoll li jiġu stabbliti sistemi ta' reġistrazzjoni nazzjonali diġitali, armonizzati u interoperabbli li fihom jenħtieġ li tinħażen l-informazzjoni, inkluż l-istess data bażika, dwar inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u operaturi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord irreġistrati skont dan ir-Regolament u l-atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Jenħtieġ li dawk is-sistemi ta' reġistrazzjoni nazzjonali jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli dwar il-privatezza u l-ipproċessar ta' data personali, u jenħtieġ li l-informazzjoni maħżuna f'dawk is-sistemi ta' reġistrazzjoni tkun faċilment aċċessibbli.

(32)

Il-kondizzjonijiet, ir-regoli u l-proċeduri għal sitwazzjonijiet li fihom id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll il-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawn l-attivitajiet, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal ċertifikazzjoni, jenħtieġ li jieħdu kont tan-natura u r-riskju tat-tip ta' operazzjoni kkonċernata. Dawk il-kondizzjonijiet, ir-regoli u l-proċeduri jenħtieġ li, b'mod partikolari, jieħdu kont tat-tip, l-iskala, u l-kumplessità tal-operazzjoni, inkluż, fejn rilevanti, id-daqs u t-tip tat-traffiku mmaniġġat mill-organizzazzjoni jew mill-persuna responsabbli; jekk l-operazzjoni hijiex miftuħa għall-membri tal-pubbliku; kemm traffiku tal-ajru ieħor jew persuni u proprjetà fuq l-art jistgħu jkunu f'periklu mill-operazzjoni; il-fini tat-titjira u t-tip ta' spazju tal-ajru li jintuża; u l-kumplessità u l-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord involut.

(33)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-attivitajiet imsemmija fil-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament jiġu pprojbiti, limitati jew ikunu soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet fejn meħtieġ fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tiġi eżerċitata skont l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni għal dak il-għan. L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jieħdu miżuri, skont il-liġi tal-Unjoni, li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal raġunijiet li jinkludu s-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

(34)

Mudelli ta' inġenji tal-ajru jitqiesu bħala inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u jintużaw primarjament għal attivitajiet ta' divertiment. L-atti delegati u ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, adottati fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jqisu li tali mudelli ta' inġenji tal-ajru s'issa kellhom rekord tajjeb ta' sikurezza, speċjalment dawk operati minn membri ta' assoċjazzjonijiet jew klabbs ta' mudelli ta' inġenji tal-ajru li żviluppaw kodiċijiet ta' kondotta speċifiċi għal tali attivitajiet. Barra minn hekk, meta jiġu adottati dawk l-atti delegati u ta' implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-ħtieġa ta' transizzjoni bla xkiel mis-sistemi nazzjonali differenti għall-qafas regolatorju l-ġdid tal-Unjoni sabiex il-mudelli ta' inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jkomplu joperaw kif jagħmlu llum, kif ukoll iqisu l-aħjar prattiki eżistenti fl-Istati Membri.

(35)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jaġixxu bħala sistema unika Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni, billi jikkondividu r-riżorsi u jaħdmu b'mod konġunt. Jenħtieġ li l-Aġenzija tippromwovi b'mod attiv ċertifikazzjoni komuni u kultura ta' sorveljanza u l-qsim tal-aħjar prattiki amministrattivi fost l-oħrajn billi tiffaċilita l-iskambji tal-persunal bejn awtoritajiet kompetenti sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament, waqt li jitqiesu r-reazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-Aġenzija fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri jkollhom ukoll l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom marbuta maċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza u li jittrasferixxu l-għarfien bejn dawk l-awtoritajiet.

(36)

Huwa neċessarju li l-Istati Membri jingħataw appoġġ sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom ta' ċertifikazzjoni, ta' sorveljanza u b'mod partikolari sorveljanza kooperattiva u transkonfinali, u ta' infurzar, billi jiġi stabbilit qafas effiċjenti għall-akkomunament u għall-kondiviżjoni tal-ispetturi tal-avjazzjoni u ta' speċjalisti oħra b'għarfien espert rilevanti. F'dan ir-rigward u sabiex jiġu ffaċilitati tali skambji bejn il-persunal bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata rwol ta' koordinazzjoni.

(37)

L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jenħtieġ li jaħdmu fi sħubija sabiex titjieb is-sejbien ta' kondizzjonijiet mhux sikuri u jittieħdu l-miżuri ta' rimedju kif ikun jixraq. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirriallokaw ir-responsabbiltajiet lil xulxin jew lill-Aġenzija skont ir-Regolament relatat maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar, speċjalment meta dak ikun neċessarju għal sikurezza mtejba jew għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Jenħtieġ li tali riallokazzjoni tkun volontarja, jenħtieġ li sseħħ biss fejn jista' jiġi suffiċjentement żgurat li dawn il-kompiti jistgħu jitwettqu b'mod effettiv u jenħtieġ li, meta titqies ir-rabta mill-qrib bejn iċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar, neċessarjament ikopru dawk ir-responsabbiltajiet kollha fir-rigward tal-persuna ġuridika jew fiżika, l-inġenji tal-ajru, it-tagħmir, l-ajrudrom, is-sistema ATM/ANS jew il-kostitwent ATM/ANS ikkonċernat mir-riallokazzjoni. Ir-riallokazzjoni ta' responsabbiltà jenħtieġ li tkun soġġetta għal kunsens reċiproku, il-possibbiltà ta' revoka tar-riallokazzjoni u l-konklużjoni ta' arranġamenti li jistabbilixxu d-dettalji neċessarji biex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel u t-twettiq effettiv kontinwu tal-kompiti kkonċernati. Meta jiġu konklużi dawk l-arranġamenti dettaljati, jenħtieġ li jittieħed kont dovut tal-fehmiet u l-interessi leġittimi tal-persuni ġuridiċi jew fiżiċi kkonċernati u, fejn applikabbli, tal-fehmiet tal-Aġenzija.

(38)

Wara din ir-riallokazzjoni ta' responsabbiltà lil Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li aċċettat ir-riallokazzjoni tat-talba ssir l-awtorità kompetenti u b'hekk jenħtieġ li konsegwentement ikollha s-setgħat u r-responsabbiltajiet kollha fir-rigward tal-persuni ġuridiċi jew fiżiċi kkonċernati previsti f'dan ir-Regolament, fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu u fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li aċċetta t-talba. Ir-riallokazzjoni fir-rigward tal-infurzar jenħtieġ li tikkonċerna biss deċiżjonijiet u miżuri relatati ma' kompiti fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza li kienu riallokati lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li aċċetta t-talba. Dawk id-deċiżjonijiet u miżuri jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rieżami mill-qrati nazzjonali tal-Istat Membru li jkun aċċetta t-talba f'konformità mal-liġik nazzjonali ta' dak l-Istat M embru. Huwa possibbli li l-Istat Membru li tkun aċċetta t-talba jinżamm responsabbli għat-twettiq tal-kompiti inkwistjoni. Jenħtieġ li r-responsabbiltajiet ta' infurzar l-oħra kollha tal-Istat Membru li għamel it-talba ma jiġux affettwati mir-riallokazzjoni.

(39)

Il-possibbiltà ta' riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar previsti f'dan ir-Regolament lill-Aġenzija jew Stat Membru ieħor jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago. Konsegwentement, għalkemm din ir-riallokazzjoni timplika trasferiment ta' responsabbiltajiet lill-Aġenzija jew Stat Membru ieħor għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija ma taffettwax ir-responsabbiltà skont il-Konvenzjoni ta' Chicago tal-Istat Membru li għamel it-talba.

(40)

Billi l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hija essenzjali sabiex tiżgura livell għoli u uniformi ta' sikurezza fl-Unjoni, fejn il-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar huma riallokati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Aġenzija fir-rigward ta' organizzazzjonijiet li għandhom proporzjoni sostanzjali ta' faċilitajiet u persunal f'aktar minn Stat Membru wieħed, din ir-riallokazzjoni jenħtieġ li ma tipperikolax is-sostenibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f'termini ta' għarfien, ħiliet, riżorsi u vijabbiltà ekonomika, jenħtieġ li ma toħloqx forom ta' kompetizzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u jenħtieġ li ma taffettwax l-indipendenza tal-Aġenzija meta tagħmel spezzjonijiet ta' standardizzazzjoni bil-għan li tivverifika l-implimentazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament.

(41)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' appoġġ għas-sorveljanza f'sitwazzjonijiet fejn evidenza verifikata marbuta mas-sikurezza li tkun ġejja minn spezzjonijiet u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ imwettqa mill-Aġenzija tindika inabbiltà serja u persistenti ta' Stat Membru li jiżgura b'mod effettiv il-kompiti kollha tiegħu ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar skont dan ir-Regolament, u fejn tali sitwazzjonijiet jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. F'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Aġenzija u l-Istat Membru kkonċernat, fuq talba tal-Kummissjoni, jistabbilixxu programm temporanju ta' għajnuna teknika sabiex jgħinu lill-Istat Membru kkonċernat isolvi n-nuqqasijiet identifikati. Tali programm ta' għajnuna teknika jista' jinkludi, b'mod partikolari, it-taħriġ ta' spetturi u persunal rilevanti ieħor, għajnuna fl-iżvilupp ta' dokumentazzjoni u proċeduri ta' sorveljanza, kif ukoll appoġġ prattiku u tanġibbli ieħor meħtieġ biex iġib lura s-sikurezza. Fit-tfassil tal-programm ta' għajnuna teknika u matul l-implimentazzjoni tiegħu, jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-fehmiet tal-Aġenzija u l-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, jekk l-Istat Membru kkonċernat jidhirlu li l-programm ma jkunx jista' jiġi implimentat kif ippjanat, jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni, u jew jirrialloka r-responsabbiltà għall-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar li jkun fihom in-nuqqasijiet lill-Aġenzija jew Stat Membru ieħor, inkella jieħu miżuri oħra biex isolvi n-nuqqasijiet.

(42)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi prinċipali ta' dan ir-Regolament, kif ukoll l-objettivi relatati mal-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, iċ-ċertifikati li jkunu nħarġu u d-dikjarazzjonijiet li jkunu saru f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni tiegħu li ġew adottati abbażi tagħhom jenħtieġ li jkunu validi u jenħtieġ li jkunu rikonoxxuti, mingħajr rekwiżiti jew evalwazzjoni ulterjuri, fl-Istati Membri kollha.

(43)

Meta jinħarġu ċ-ċertifikati skont dan ir-Regolament, jaf ikollhom jiġu kkunsidrati ċ-ċertifikati, jew xi dokumentazzjoni rilevanti oħra li juru l-konformità, maħruġa f'konformità mal-liġijiet ta' pajjiżi terzi. Dak jenħtieġ li jsir meta l-ftehimiet internazzjonali rilevanti konklużi mill-Unjoni ma' pajjiżi terzi jew l-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament ikunu jipprovdu hekk, u f'konformità ma' dawk il-ftehimiet jew l-atti delegati.

(44)

Fid-dawl tar-regoli dwar l-aċċettazzjoni ta' ċertifikati u ta' dokumentazzjoni rilevanti oħra li juru l-konformità, maħruġa f'konformità mal-liġijiet ta' pajjiżi terzi, li għalihom jipprevedi dan ir-Regolament, kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz jenħtieġ li jintemm jew jiġi aġġornat meta ftehimiet bħal dawn ma jkunux kompatibbli ma' dawk ir-regoli.

(45)

Jenħtieġ li jkun previst grad ta' flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament jew fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, sabiex jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirreaġixxu minnufih għal problemi relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili jew biex jagħtu eżenzjonijiet fil-każ ta' ċerti ċirkostanzi imprevedibbli urġenti jew ħtiġijiet operazzjonali urġenti, soġġetti għal kondizzjonijiet xierqa sabiex jiġu żgurati, b'mod partikolari, il-proporzjonalità, il-kontroll oġġettiv u t-trasparenza. Għal raġunijiet ta' proporzjonalità, jenħtieġ li l-Aġenzija u l-Kummissjoni jivvalutaw biss l-eżenzjonijiet inkwistjoni bil-ħsieb li tinħareġ rakkomandazzjoni jew li tittieħed deċiżjoni, rispettivament, meta d-durata tagħhom tiżboq id-durata ta' staġun ta' skedar wieħed tal-linji tal-ajru, jiġifieri, tmien xhur, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE. Meta l-Aġenzija tkun l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-ħruġ ta' ċerti ċertifikati f'konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkollha wkoll is-setgħa li tagħti eżenzjonijiet bħal dawn, fl-istess sitwazzjonijiet u soġġett għall-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw fir-rigward tal-Istati Membri. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għal emendi possibbli, meta dan ikun xieraq, tar-regoli rilevanti kif stabbiliti fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari sabiex jitħallew mezzi oħra ta' konformità filwaqt li jiġi żgurat livell aċċettabbli ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

(46)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament u filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu identifikati, ivvalutati u mtaffija r-riskji għas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni disponibbli għalihom fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Aġenzija titħalla torganizza kooperazzjoni strutturata għall-ġbir, għall-iskambju u għall-analiżi ta' informazzjoni rilevanti relatata mas-sikurezza, bl-użu, fejn possibbli, ta' sistemi ta' informazzjoni eżistenti. Għalhekk, jenħtieġ li titħalla tidħol fl-arranġamenti amministrattivi neċessarji mal-persuni fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għal dan ir-Regolament jew ma' assoċjazzjonijiet ta' dawn il-persuni. Jnħtieġ li jiġi ċċarat li, meta tagħmel kwalunkwe mill-kompiti ta' koordinazzjoni tagħha marbuta mal-ġbir, l-iskambju u l-analiżi ta' informazzjoni, l-Aġenzija tibqa' marbuta bir-restrizzjonijiet għall-aċċess tal-Aġenzija għall-informazzjoni mir-reġistrazzjonijiet tal-vuċi tal-kabina tal-pilota jew reġistraturi tal-immaġni u ta' data tar-reġistraturi tat-titjiriet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u b'mod partikolari il-punt (d) tal-Artikolu 8(2), il-punt (g) tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(2) tiegħu.

(47)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa ta' informazzjoni miġbura, skambjata u analizzata taħt dan ir-Regolament mill-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw il-protezzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni bħal din. Jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jinterferixxux bla bżonn fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal-liġijiet kriminali materjali u proċedurali nazzjonali applikabbli, inkluż l-użu ta' informazzjoni bħala evidenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-drittijiet ta' partijiet terzi li jibdew proċedimenti ċivili ma jiġux affettwati minn dawk il-miżuri u jenħtieġ li jkunu soġġetti biss għal-liġi nazzjonali.

(48)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri, inkluż tad-data, li tkun rilevanti għall-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni, ta' sorveljanza u ta' infurzar, jenħtieġ li jiġi stabbilit repożitorju elettroniku ta' informazzjoni u li din tiġi ġestita mill-Aġenzija f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(49)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Skont dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet u restrizzjonijiet fir-rigward ta' wħud mid-drittijiet u mill-obbligi previsti għalihom, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar tad-data medika u tas-saħħa. L-ipproċessar tad-data personali, u b'mod partikolari tad-data medika u tas-saħħa, inkluża fir-repożitorju stabbilit skont dan ir-Regolament, huwa neċessarju sabiex ikun hemm kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri fiċ-ċertifikazzjoni u fis-sorveljanza tal-istat mediku tal-bdoti. L-iskambju tad-data personali jenħtieġ li jkun soġġett għal kondizzjonijiet stretti, u limitat għal dak li huwa assolutament neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 jiġu ssupplimentati jew iċċarati f'dan ir-Regolament, meta dan ikun meħtieġ.

(50)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu rigward il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar, japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mill-Aġenzija meta tkun qed twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod aktar speċifiku fil-ġestjoni tar-repożitorju stabbilit skont dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jiġu ssupplimentati jew iċċarati f'dan ir-Regolament, meta dan ikun neċessarju.

(51)

L-Aġenzija ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) fi ħdan l-istruttura u l-bilanċ istituzzjonali tas-setgħat eżistenti tal-Unjoni, u hija indipendenti fir-rigward tal-kwistjonijiet tekniċi u għandha awtonomija ġuridika, amministrattiva u finanzjarja. L-Aġenzija rċeviet aktar kompetenzi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Jenħtieġ li jsiru ċerti aġġustamenti fl-istruttura u fil-funzjonament tagħha sabiex jakkomodaw aħjar il-kompiti l-ġodda mogħtija lilha b'dan ir-Regolament.

(52)

Skont is-sistema istituzzjonali tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kompiti ta' ċertifikazzjoni, ta' sorveljanza u ta' infurzar rikjesti b'dan ir-Regolament, u bl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, bħala prinċipju, jitwettqu fil-livell nazzjonali minn awtorità kompetenti waħda jew aktar tal-Istati Membri. Madankollu, f'ċerti każijiet definiti b'mod ċar, jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata wkoll is-setgħa li twettaq dawk il-kompiti. F'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Aġenzija titħalla wkoll tieħu l-miżuri neċessarji fir-rigward tal-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru, tal-kwalifiki tal-ekwipaġġ tal-ajru jew tal-użu tal-inġenji tal-ajru ta' pajjiżi terzi meta dan ikun l-aħjar mezz li bih tiżgura l-uniformità u tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern.

(53)

L-Aġenzija jenħtieġ li tipprovdi l-għarfien tekniku espert lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-leġislazzjoni neċessarja u tassisti, meta dan ikun xieraq, lill-Istati Membri u lill-industrija fl-implimentazzjoni tagħha. Jenħtieġ li tkun tista' toħroġ speċifikazzjonijiet u materjal ta' gwida dwar iċ-ċertifikazzjoni flimkien ma' speċifikazzjonijiet dettaljati oħra u materjal ta' gwida, u li tagħmel sejbiet tekniċi u toħroġ ċertifikati jew tirreġistra dikjarazzjonijiet, kif ikun meħtieġ.

(54)

Is-sistemi globali tan-navigazzjoni bis-satellita (“GNSS”), u b'mod partikolari l-programm tal-Unjoni Galileo, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), ser ikollhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' sistema Ewropea ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li s-servizzi li jżidu s-sinjali mibgħuta mis-satelliti ta' konstellazzjonijiet prinċipali tal-GNSS għall-fini tan-navigazzjoni bl-ajru, bħal dawk provduti mill-operatur tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u minn fornituri oħra, jenħtieġ li jitqiesu li jkunu ATM/ANS. Jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata wkoll is-setgħa li tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi neċessarji u li tiċċertifika l-organizzazzjonijiet li jipprovdu ATM/ANS pan-Ewropew, bħall-fornitur tas-servizz ta' EGNOS, biex jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta' sikurezza, interoperabbiltà u effiċjenza operazzjonali.

(55)

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jimponi fuq l-Aġenzija d-dmir li tikkomunika l-informazzjoni kollha li tista' tkun rilevanti għall-aġġornament tal-lista tat-trasportaturi tal-ajru li, għal raġunijiet ta' sikurezza, ikunu soġġetti għal projbizzjoni tal-operazzjoni fl-Unjoni. L-Aġenzija jenħtieġ li tassisti wkoll lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament, billi twettaq l-evalwazzjonijiet neċessarji ta' operaturi minn pajjiżi terzi u ta' awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tagħhom, u tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni.

(56)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali, jew it-tnejn, fuq detenturi ta' ċertifikati maħruġa mill-Aġenzija u fuq impriżi li għamlu dikjarazzjonijiet lill-Aġenzija, meta dawn ikunu kisru r-regoli applikabbli għalihom skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timponi tali multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, tirrispondi għal tali ksur b'mod proporzjonat u adegwat, filwaqt li tikkunsidra miżuri oħra possibbli bħall-irtirar ta' ċertifikat.

(57)

Bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Aġenzija tingħata s-setgħa li tagħmel monitoraġġ ta' applikazzjoni bħal din mill-Istati Membri, inkluż billi twettaq spezzjonijiet.

(58)

Abbażi tal-għarfien tekniku espert tagħha, jenħtieġ li l-Aġenzija tassisti lill-Kummissjoni fid-definizzjoni ta' politika tar-riċerka u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka tal-Unjoni. Jenħtieġ li titħalla twettaq riċerka li tkun meħtieġa minnufih u li tipparteċipa fi proġetti ta' riċerka ad hoc taħt il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jew taħt programmi oħra ta' finanzjament privat jew pubbliku tal-Unjoni jew mhux tal-Unjoni.

(59)

Wara li jiġu kkunsidrati l-interdipendenzi eżistenti bejn is-sikurezza u s-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, jenħtieġ li l-Aġenzija tieħu sehem fil-kooperazzjoni li tikkonċerna l-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, inkluż iċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li din tikkontribwixxi bl-għarfien espert tagħha għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-Unjoni f'dak il-qasam, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

(60)

Jenħtieġ li l-Aġenzija, fuq talba, tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti b'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-armonizzazzjoni tar-regoli u r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati. Jenħtieġ li tkun intitolata tistabbilixxi r-relazzjonijiet xierqa, permezz ta' arranġament ta' ħidma, mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet koperti b'dan ir-Regolament, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Sabiex tippromwovi s-sikurezza fil-livell dinji, fid-dawl tal-istandards għoljin applikati fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Aġenzija titħalla, fi ħdan il-kompetenza tagħha, tidħol f'kooperazzjoni teknika ad hoc, fi proġetti ta' riċerka u ta' assistenza ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Jenħtieġ li l-Aġenzija tassisti wkoll lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni f'oqsma tekniċi oħra ta' regolamentazzjoni tal-avjazzjoni ċivili, fosthom is-sigurtà jew l-Ajru Uniku Ewropew, li fihom l-Aġenzija jkollha l-għarfien espert rilevanti.

(61)

Sabiex tippromwovi l-aqwa prattiki u l-implimentazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista' tapprova fornituri ta' taħriġ tal-avjazzjoni u tipprovdi tali taħriġ.

(62)

L-Aġenzija jenħtieġ li tiġi rregolata u mħaddma f'konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta' Lulju 2012.

(63)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu rrappreżentati fil-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw b'mod effettiv il-funzjonijiet tagħha. Dak il-Bord ta' Ġestjoni jenħtieġ li jkun fdat bis-setgħat neċessarji b'mod partikolari biex jaħtar id-Direttur Eżekuttiv, u biex jadotta r-rapport ikkonsolidat tal-attività annwali, id-dokument ta' programmazzjoni, il-baġit annwali u r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija.

(64)

F'ġieħ it-trasparenza, jenħtieġ li il-partijiet interessati jingħataw status ta' osservatur fil-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija.

(65)

L-interess pubbliku jitlob li l-Aġenzija tibbaża l-azzjoni tagħha relatata mas-sikurezza fuq għarfien espert indipendenti, filwaqt li tapplika strettament dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. B'dak il-ħsieb, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija relatati mas-sikurezza jittieħdu mid-Direttur Eżekuttiv, li jenħtieġ li jgawdi minn grad għoli ta' flessibbiltà biex jieħu pariri u jorganizza l-funzjonament intern tal-Aġenzija.

(66)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-partijiet affettwati mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija jkollhom aċċess għar-rimedji neċessarji, li jenħtieġ li jkun adattati għan-natura speċjali tal-qasam tal-avjazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu xieraq ta' appell sabiex id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal appell quddiem Bord ta' Appell, li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'konformità mat-TFUE.

(67)

Id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja f'konformità mat-TFUE. Jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja, f'konformità mal-Artikolu 261 TFUE, tingħata kompetenza illimitata fir-rigward ta' deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali.

(68)

Meta l-Aġenzija tiżviluppa abbozz ta' regoli ta' natura ġenerali li jridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu kkonsultati. Barra minn hekk, fejn tali abbozz ta' regoli jista' jkollhom implikazzjonijiet soċjali importanti, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-imsieħba soċjali tal-Unjoni, jiġu kkonsultati kif jixraq mill-Aġenzija.

(69)

Bil-ħsieb li twettaq b'mod effettiv il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Aġenzija tikkoopera, kif ikun neċessarju, ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni f'oqsma li fihom l-attivitajiet tagħhom jaffettwaw l-aspetti tekniċi tal-avjazzjoni ċivili. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Aġenzija tikkollabora mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), fl-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi, l-impatt tagħhom fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni u l-aspetti xjentifiċi u tekniċi relatati. Meta tkun rikjesta konsultazzjoni fir-rigward ta' aspetti militari, jenħtieġ li l-Aġenzija, flimkien mal-Istati Membri, tikkonsulta lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 (17) u esperti militari maħtura mill-Istati Membri.

(70)

Jeħtieġ li l-pubbliku jingħata informazzjoni adegwata dwar il-livell ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u l-protezzjoni ambjentali relatata magħha, filwaqt li jittieħed kont tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u l-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti.

(71)

Sabiex tiġi ggarantita l-awtonomija u l-indipendenza kompleta tal-Aġenzija, jenħtieġ li tingħata baġit awtonomu ffinanzjat prinċipalment minn kontribuzzjoni mill-Unjoni u minn tariffi u imposti li jitħallsu mill-utenti tas-sistema Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Jenħtieġ li ebda kontribuzzjoni finanzjarja li l-Aġenzija tirċievi mill-Istati Membri, mill-pajjiżi terzi jew minn entitajiet jew persuni oħra ma tikkomprometti l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun applikabbli fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u ta' kwalunkwe sussidju ieħor debitabbli lill-baġit ġenerali tal-Unjoni, filwaqt li l-awditjar tal-kontijiet jenħtieġ li jitwettaq mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Sabiex l-Aġenzija titħalla tieħu sehem fil-proġetti futuri rilevanti kollha, jenħtieġ li tingħata l-possibbiltà li tirċievi għotjiet.

(72)

Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija tista' tlaħħaq mad-domanda għall-attivitajiet li twettaq, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni u tal-attivitajiet relatati ma' riallokazzjoni possibbli ta' responsabbiltà mill-Istati Membri, b'mod effiċjenti u f'waqtu, filwaqt li tiġi rispettata l-ġestjoni finanzjarja soda, jenħtieġ li l-pjan ta' stabbiliment iqis ir-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati t-talbiet għaċ-ċertifikazzjoni u għal attivitajiet oħra tal-Aġenzija b'mod effiċjenti u f'waqtu, inklużi dawk li jirriżultaw mir-riallokazzjoni tar-responsabbiltà. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' indikaturi sabiex jitkejjel l-ammont ta' ħidma tal-Aġenzija u l-effiċjenza tagħha fir-rigward ta' attivitajiet iffinanzjati permezz ta' tariffi u ta' imposti. Wara li jiġu kkunsidrati dawk l-indikaturi, jenħtieġ li l-Aġenzija tadatta l-ippjanar tal-persunal u l-ġestjoni tar-riżorsi tagħha fir-rigward tat-tariffi u tal-imposti sabiex tkun tista' tlaħħaq b'mod adegwat ma' domanda bħal din u ma' kwalunkwe varjazzjoni fi dħul minn tariffi u imposti.

(73)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-protezzjoni neċessarja ta' informazzjoni sensittiva relatata mas-sikurezza.

(74)

It-tariffi u l-imposti applikati mill-Aġenzija jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod trasparenti, ġust, uniformi u mhux diskriminatorju. Jenħtieġ li dawn majipperikolawx il-kompetittività tal-industrija kkonċernata tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti fuq bażi li tikkunsidra kif jixraq il-kapaċità tal-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jħallsu, b'mod partikolari fir-rigward tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(75)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li il-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Il-maġġoranza ta' dawk is-setgħat ta' implimentazzjoni, u b'mod partikolari dawk relatati mal-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-regoli u l-proċeduri, jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(76)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta immedjatament atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati ma' azzjoni korrettiva u miżuri ta' salvagwardja, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jirrikjedu dan.

(77)

Sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet tekniċi, xjentifiċi, operazzjonali jew ta' sikurezza, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tkun delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar jew, jekk ikun applikabbli, is-supplementar, tad-dispożizzjonijiet dwar l-ajrunavigabbiltà marbuta mad-disinn u l-produzzjoni, il-limitazzjonijiet tal-ħin tat-titjir, l-operaturi tal-ajrudromi, is-sistemi ATM/ANS u l-kostitwenti ATM/ANS u d-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-persunal, inkluż il-piloti mill-bogħod, u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, operaturi ta' pajjiżi terzi, dwar ċerti aspetti ta' sorveljanza u infurzar, dwar l-aċċettazzjoni ta' ċertifikazzjoni ta' pajjiżi terzi, dwar multi u pagamenti perjodiċi tal-pieni, dwar il-Bord tal-Appell u dwar ir-rekwiżiti stipulati fl-Annessi II sa IX għal dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-referenza f'dan ir-Regolament għall-ħtiġijiet ta' protezzjoni ambjentali li jinsabu fl-Emenda 12 tal-Volum I, l-Emenda 9 tal-Volum II, u fil-ħarġa inizjali tal-Volum III, kollha kemm huma hekk kif applikabbli fl-1 ta' Jannar 2018, tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta' Chicago, sabiex dawn jiġu aġġornati fid-dawl ta' emendi sussegwenti għall-Anness 16 għal dik il-Konvenzjoni.

(78)

Meta tadotta dawk l-atti delegati li jemendaw l-Annessi II sa IX għal dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq l-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati, b'mod partikolari l-istandards internazzjonali stipulati fl-Annessi kollha għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

(79)

Meta tadotta atti delegati skont dan ir-Regolament, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (19). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(80)

Jenħtieġ li l-Fornituri ANS jistabbilixxu u jimplimentaw ippjanar ta' kontinġenza f'każ ta' interruzzjoni tas-servizzi ATM.

(81)

L-involviment ta' pajjiżi terzi Ewropej jenħtieġ li jiġi mfittex sabiex jiġi żgurat it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili madwar l-Ewropa kollha. Il-pajjiżi terzi Ewropej li kkonkludew ftehimiet internazzjonali mal-Unjoni biex jadottaw u japplikaw l-acquis tal-Unjoni fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu assoċjati mal-ħidma tal-Aġenzija f'konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-qafas ta' dawk il-ftehimiet.

(82)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u jistipula t-twaqqif tal-Aġenzija. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 216/2008 jitħassar.

(83)

Peress li r-regoli meħtieġa għall-interoperabbiltà tan-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (EATMN) jew ser jinsabu f'dan ir-Regolament jew f'atti delegati jew ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jitħassar. Madankollu, ser ikun meħtieġ ċertu perijodu ta' żmien qabel it-tħejjija, l-adozzjoni u l-bidu ta' applikazzjoni tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni meħtieġa.

Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli ta' implimentazzjoni adottati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 jibqgħu applikabbli għalissa, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 (21), (KE) Nru 1032/2006 (22), (KE) Nru 633/2007 (23), (KE) Nru 262/2009 (24), (KE) Nru 29/2009 (25), (UE) Nru 73/2010 (26),u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1206/2011 (27), (UE) Nru 1207/2011 (28), u (UE) Nru 1079/2012 (29).Jenħtieġ li ċerti Artikoli tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 u l-Annessi tiegħu li għalihom jirreferu, għalhekk ikomplu japplikaw fir-rigward tas-suġġett kopert, sad-data tal-applikazzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni u delegati kkonċernati.

(84)

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (30) billi jħassar l-Anness III tiegħu b'effett mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrispondenti msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dawk il-miżuri li għadhom qed jistennew l-adozzjoni jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tal-ħin tat-titjiriet u r-rekwiżiti tal-mistrieħ fir-rigward tat-taxi tal-ajru, servizzi mediċi ta' emerġenza u operazzjonijiet ta' trasport kummerċjali bl-ajru bi bdot wieħed minn ajruplani. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 saru obsoleti. Jenħtieġ, għalhekk, li r-Regolament (KEE) Nru 3922/91 jitħassar mid-data tal-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri li għadhom qed jistennew l-adozzjoni. Madankollu, ir-Regolament (KEE) Nru 3922/91 jistabbilixxi wkoll il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru, fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, u dak il-kumitat jassisti wkoll lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jiġi emendat sabiex jiżgura li, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kumitat ikompli jassisti lill-Kummissjoni anki wara t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91.

(85)

Il-bidliet li saru permezz ta' dan ir-Regolament għandhom impatt fuq l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u r-Regolamenti (UE) Nru 996/2010 (UE) Nru 376/2014 u (KE) Nru 2111/2005 jiġu emendati skont dan. B'mod partikolari, jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza responsabbli jiddeċiedu, filwaqt li jqisu t-tagħlimiet mistennija li għandhom jittieħdu għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, li ma jibdewx investigazzjoni tas-sikurezza meta inċident jew inċident serju jkun jikkonċerna inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord li għalih ma jkunx meħtieġ ċertifikat jew dikjarazzjoni skont dan ir-Regolament u ma tkun indarbet l-ebda persuna b'mod fatali jew serju. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li, f'każ bħal dan, dawk iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet huma dawk li jappartjenu għall-konformità tad-disinn ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mar-rekwiżiti applikabbli u li huma taħt is-sorveljanza tal-Aġenzija. Dik il-flessibbiltà tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jenħtieġ li tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(86)

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jittieħed kont b'mod xieraq tal-possibbiltà stabbilita b'dan ir-Regolament, li l-Aġenzija tista' ssir l-awtorità kompetenti għall-ħruġ u għas-sorveljanza taċ-ċertifikati tal-operaturi tal-ajru. Barra minn hekk, peress li kulma jmur qed tikber l-importanza tat-trasportaturi tal-ajru b'bażijiet operazzjonali f'diversi Stati Membri li jwassal biex l-awtorità kompetenti għal-liċenzji tal-operazzjoni u l-awtorità kompetenti għaċ-ċertifikati tal-operatur tal-ajru mhux neċessarjament ikunu identiċi, hemm bżonn li tissaħħaħ is-superviżjoni effiċjenti ta' dawk it-trasportaturi tal-ajru. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jiġi emendat biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza fir-rigward taċ-ċertifikat tal-operaturi tal-ajru u l-liċenzja tal-operazzjoni rispettivament.

(87)

Fid-dawl tal-bidliet lis-sistema regolatorja tal-Unjoni li tirregola speċjalment inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord introdotti b'dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE jiġu emendati. B'mod partikolari, fir-rigward ta' inġenji tal-ajru minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll il-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat assoċjati ma' inġenji tal-ajru minbarra dawk mingħajr bdot abbord, jenħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe tagħmir tal-avjazzjoni bħal dan jibqa' jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk id-Direttivi. Jenħtieġ li l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u tagħmir mhux installat tagħhom jiġu wkoll esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk id-Direttivi, iżda biss mill-mument li u sakemm id-disinn tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom jiġu ċertifikati mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament, peress li, skont dan ir-Regolament, huma f'dak il-każ soġġetti għal rekwiżiti essenzjali marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika u l-ispettru tar-radju u dik il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti tiġi valutata bħala parti mir-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar ipprovduti minn dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li l-esklużjoni ta' kull tagħmir tal-avjazzjoni bħal dan mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tikkonċerna biss tagħmir tal-avjazzjoni li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li hu maħsub esklużivament għal użu fl-ajru fuq frekwenzi ajrunawtiċi protetti. Bħala konsegwenza, tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod, kif ukoll tagħmir li hu maħsub għall-użu fl-ajru iżda wkoll għal ċertu użu ieħor, mhuwiex eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE u b'hekk jista' jkun soġġett għar-regoli kemm ta' dan ir-Regolament kif ukoll dawk id-Direttivi.

(88)

Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi stabbilit u jinżamm livell uniformi għoli ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, filwaqt li jiġi żgurat livell uniformi għoli ta' protezzjoni ambjentali, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba li l-avjazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħha hija transnazzjonali u minħabba l-kumplessità tagħha, iżda li minflok, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni li jinkludi l-Unjoni kollha, tista' tintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   L-objettiv prinċipali ta' dan ir-Regolament huwa li jiġi stabbilit u jinżamm livell għoli u uniformi ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament jimmira wkoll li:

(a)

jikkontribwixxi għall-politika usa' tal-avjazzjoni tal-Unjoni u għat-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tas-settur tal-avjazzjoni ċivili;

(b)

jiffaċilita, fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital filwaqt li jipprovdi kondizzjonijiet indaqs għall-atturi kollha fis-suq intern tal-avjazzjoni, u jtejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni;

(c)

jikkontribwixxi għal livell għoli u uniformi ta' protezzjoni ambjentali;

(d)

jiffaċilita, fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament, il-moviment tal-merkanzija, is-servizzi u l-persunal madwar id-dinja, billi jistabbilixxi kooperazzjoni xierqa ma' pajjiżi terzi u l-awtoritajiet ta' avjazzjoni tagħhom, u billi jippromwovi l-aċċettazzjoni reċiproka ta' ċertifikati u dokumenti rilevanti oħra;

(e)

jippromwovi l-kosteffiċjenza, billi fost l-oħrajn jevita d-duplikazzjoni, u jippromwovi l-effettività fil-proċessi regolatorji, ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza kif ukoll l-użu effiċjenti ta' riżorsi relatati fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali;

(f)

jikkontribwixxi, fl-oqsma koperti b'dan ir-Regolament, biex jiġi stabbilit u jinżamm livell uniformi għoli ta' sigurtà tal-avjazzjoni ċivili;

(g)

jassisti lill-Istati Membri, fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament, biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta' Chicago, billi tiġi żgurata interpretazzjoni komuni u implimentazzjoni uniformi u f'waqtha tad-dispożizzjonijiet tiegħu, kif xieraq;

(h)

jippromwovi, madwar id-dinja kollha, il-fehmiet tal-Unjoni fir-rigward tal-istandards u tar-regoli tal-avjazzjoni ċivili billi jistabbilixxi kooperazzjoni xierqa ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(i)

jippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni, inter alia fil-proċessi regolatorji, ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza;

(j)

jippromwovi, fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament, l-interoperabbiltà teknika u operazzjonali u l-qsim tal-aħjar prattiki amministrattivi;

(k)

jappoġġa l-kunfidenza tal-passiġġieri f'avjazzjoni ċivili sikura.

3.   L-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintlaħqu, fost l-oħrajn, billi:

(a)

jitħejjew, jiġu adottati u jiġu applikati b'mod uniformi l-atti meħtieġa kollha;

(b)

jittieħdu miżuri biex jittejbu l-istandards tas-sikurezza;

(c)

jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet u ċ-ċertifikati maħruġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, ikunu validi u rikonoxxuti madwar l-Unjoni kollha, mingħajr ebda rekwiżit addizzjonali;

(d)

jiġu żviluppati, bl-involviment ta' korpi ta' standardizzazzjoni u korpi oħra tal-industrija, standards tekniċi dettaljati li għandhom jintużaw bħala mezz ta' konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti ta' implimentazzjoni u delegati adottati abbażi tiegħu, meta dan ikun xieraq;

(e)

tiġi stabbilita Aġenzija għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-“Aġenzija”) indipendenti;

(f)

jiġu implimentati b'mod uniformi l-atti meħtieġa kollha mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mill-Aġenzija fl-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom;

(g)

tinġabar, tiġi analizzata u tiġi skambjata informazzjoni sabiex jiġi appoġġat it-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' evidenza;

(h)

jitwettqu inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni u ta' promozzjoni, fosthom taħriġ, komunikazzjoni u tqassim ta' informazzjoni rilevanti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

id-disinn u l-produzzjoni ta' prodotti, parts u tagħmir biex inġenji tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod minn persuna fiżika jew ġuridika taħt is-sorveljanza tal-Aġenzija jew Stat Membru, sa fejn mhux kopert mill-punt (b);

(b)

id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru, kif ukoll il-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, fejn l-inġenju tal-ajru huwa jew ser ikun:

(i)

reġistrat fi Stat Membru, għajr jekk u sakemm l-Istat Membru jkun trasferixxa r-responsabbiltajiet tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Chicago lil pajjiż terz u l-inġenju tal-ajru jitħaddem minn operatur tal-inġenji tal-ajru minn pajjiż terz;

(ii)

reġistrat f'pajjiż terz u jitħaddem minn operatur tal-inġenji tal-ajru stabbilit, li jkun residenti jew li jkollu post prinċipali tan-negozju fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati;

(iii)

inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, li la hu reġistrat fi Stat Membru u lanqas f'pajjiż terz u li jitħaddem f'territorju li għalih japplikaw it-Trattati minn operatur tal-inġenji tal-ajru stabbilit, li jkun residenti jew li jkollu l-post prinċipali tan-negozju f'dak it-territorju;

(c)

l-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru lejn it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, fih jew 'il barra minnu, minn operatur tal-inġenji tal-ajru minn pajjiż terz;

(d)

id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni tat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza li jintuża jew ikun maħsub li jintuża fl-ajrudromi msemmija fil-punt (e) u l-forniment tas-servizzi fuq l-art u AMS f'dawk l-ajrudromi;

(e)

id-disinn, il-manutenzjoni u l-operat ta' ajrudromi, inkluż it-tagħmir relatat mas-sikurezza użat f'dawk l-ajrudromi, li jkunu jinsabu fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, li:

(i)

ikunu miftuħa għall-użu pubbliku;

(ii)

ikunu jaqdu t-trasport kummerċjali bl-ajru; u

(iii)

ikollhom runway pavimentata għall-istrumenti ta' 800 metru jew aktar, jew jaqdu esklużivament lill-ħelikopters bl-użu ta' proċedura ta' approċċ jew tluq bl-istrumenti;

(f)

mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-ambjent u l-ippjanar tal-użu tal-art, is-salvagwardja tal-inħawi tal-ajrudromi msemmija fil-punt (e);

(g)

il-forniment ta' “ATM/ANS” fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, u d-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' sistemi u ta' kostitwenti li ntużaw fil-forniment ta' dawk l-ATM/ANS;

(h)

mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ispazju tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-arja fl-ispazju tal-arja tal-Ajru Uniku Ewropew;

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

inġenji tal-ajru, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, waqt it-twettiq ta' attivitajiet jew servizzi militari, doganali, tal-pulizija, ta' tiftix u salvataġġ, tifi tan-nar, kontroll fuq il-fruntiera, tal-gwardja tal-kosta jew attivitajiet jew servizzi simili taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta' Stat Membru, imwettqa fl-interess pubbliku minn jew f'isem korp li jkollu s-setgħat ta' awtorità pubblika, u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fl-attivitajiet u s-servizzi mwettqa minn dawk l-inġenji tal-ajru;

(b)

ajrudromi jew parts tagħhom, kif ukoll għat-tagħmir, il-persunal u l-organizzazzjonijiet, li jkunu kkontrollati u mħaddma mill-militar;

(c)

ATM/ANS, inklużi sistemi u kostitwenti, persunal u organizzazzjonijiet, li jiġu pprovduti jew isiru disponibbli mill-militar;

(d)

id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru li l-operazzjoni tagħhom jinvolvi riskju baxx għas-sikurezza tal-avjazzjoni, kif elenkati fl-Anness I, u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fihom, ħlief jekk l-inġenji tal-ajru jkun inħarġilhom, jew ikun meqjus li nħarġilhom, ċertifikat f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Fir-rigward tal-punt (a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet u s-servizzi mwettqa mill-inġenji tal-ajru msemmija f'dak il-punt jitwettqu bil-konsiderazzjoni dovuta għall-objettivi ta' sikurezza ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, meta jkun xieraq, dawk l-inġenji tal-ajru jiġu separati b'mod sikur minn inġenji tal-ajru oħra.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago, l-inġenji tal-ajru koperti mill-Anness I għal dan ir-Regolament u reġistrati fi Stat Membru jistgħu jitħaddmu fi Stati Membri oħrajn, soġġett għall-qbil tal-Istat Membru fit-territorju li fih isseħħ l-operazzjoni. Tali inġenji tal-ajru tista' wkoll issirilhom manutenzjoni, u d-disinn tagħhom jista' jiġi modifikat, fi Stati Membri oħra, bil-kondizzjoni li dawn il-modifiki fid-disinn u dawn l-attivitajiet ta' manutenzjoni jsiru taħt is-sorveljanza tal-Istat Membru fejn ikun reġistrat l-inġenju tal-ajru u skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

4.   B'deroga mill-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta' paragrafu 3, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, għandhom japplikaw għad-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' tip ta' inġenju tal-ajru li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punti (e), (f), (g), (h), jew (i) tal-punt 1 tal-Anness I u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, fejn:

(a)

l-organizzazzjoni responsabbli mid-disinn ta' dak it-tip ta' inġenju tal-ajru tkun applikat għal ċertifikat tat-tip mal-Aġenzija skont l-Artikolu 11 jew, jekk applikabbli, tkun għamlet dikjarazzjoni lill-Aġenzija skont il-punt (a) tal-Artikolu 18(1) fir-rigward ta' dak it-tip ta' inġenju tal-ajru;

(b)

dak it-tip ta' inġenju tal-ajru jkun maħsub għal produzzjoni serjali; u

(c)

id-disinn ta' dak it-tip ta' inġenju tal-ajru ma jkunx ġie approvat qabel f'konformità mal-liġijiet nazzjonali ta' Stat Membru.

Dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, għandhom japplikaw fir-rigward tat-tip ta' inġenju tal-ajru kkonċernat mid-data li fiha jinħareġ iċ-ċertifikat tat-tip jew, jekk applikabbli, mid-data li fiha ssir id-dikjarazzjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat tat-tip u l-ħruġ taċ-ċertifikat tat-tip mill-Aġenzija għandhom japplikaw mid-data meta tasal l-applikazzjoni.

5.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' sigurtà u difiża nazzjonali, u l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-faċilitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li huma miftuħa għall-użu pubbliku; u

(b)

l-ATM/ANS imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3ta' dan l-Artikolu li huma pprovduti għat-traffiku tal-ajru li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 549/2004,

joffru livell ta' sikurezza u interoperabbiltà mas-sistemi ċivili li huwa effettiv daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Annessi VII u VIII għal dan ir-Regolament.

6.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li japplika kwalunkwe waħda mit-Taqsima I, II, III, jew VII tal-Kapitolu III, jew kwalunkwe assoċjazzjoni bejniethom, għall-attivitajiet kollha jew xi wħud minnhom imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, meta jqis li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-attivitajiet, il-persunal u l-organizzazzjonijiet inkwistjoni u l-għan u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv.

Mid-data speċifikata f'dik id-deċiżjoni, l-attivitajiet, il-persunal u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu regolati biss mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima, jew it-Taqsimiet, ikkonċernati u mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament marbut mal-applikazzjoni ta' dawk it-taqsimiet.

L-Istat Membru kkonċernat għandu javża mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u l-Aġenzija bid-deċiżjoni tiegħu u għandu jipprovdilhom l-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari:

(a)

it-Taqsima jew it-Taqsimiet ikkonċernati;

(b)

l-attivitajiet, il-persunal u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati;

(c)

ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu; u

(d)

id-data li minnha tapplika dik id-deċiżjoni.

Fejn il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-Aġenzija, tqis li l-kondizzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu ma tkunx ġiet sodisfatta, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jipprovdu d-deċiżjoni tagħha għal dak il-għan. Malli jiġi avżat b'dawk l-atti ta' implimentazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dak l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jieħu deċiżjoni li jimmodifika jew jirrevoka d-deċiżjoni preċedenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Aġenzija b'dan.

Mingħajr preġudizzju għar-raba' subparagrafu, Stat Membru jista' wkoll fi kwalunkwe waqt jiddeċiedi li jimmodifika jew jirrevoka d-deċiżjoni preċedenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu tiegħu adottata skont dan il-paragrafu. F'tali każijiet, għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

L-Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 id-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jkunu ġew notifikati skont dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkooperaw għall-fini tal-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw minn dan ir-Regolament id-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' ajrudrom, u t-tagħmir relatat mas-sikurezza li jintuża f'dak l-ajrudrom, meta l-ajrudrom ikollu mhux aktar minn 10 000 passiġġier li jużaw trasport kummerċjali bl-ajru fis-sena u mhux aktar minn 850 moviment fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' merkanzija fis-sena, u bil-kondizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li eżenzjoni bħal din ma tipperikolax il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33.

Mid-data speċifikata f'dik id-deċiżjoni ta' eżenzjoni tal-Istat Membru, id-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni tal-ajrudrom ikkonċernat u t-tagħmir relatat mas-sikurezza u s-servizzi fuq l-art u l-AMS f'dak l-ajrudrom, ma għandhomx jibqgħu jkunu regolati minn dan ir-Regolament u mill-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

L-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Kummissjoni u l-Aġenzija bid-deċiżjoni ta' eżenzjoni tiegħu u r-raġuni għall-adozzjoni tagħha.

Fejn il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat l-Aġenzija, tqis li tali eżenzjoni minn Stat Membru ma tikkonformax mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha dwar dan. Man-notifika ta' tali atti ta' implimentazzjoni lil Stat Membru kkonċernat, dak l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jimmodifika jew jirrevoka d-deċiżjoni ta' eżenzjoni tiegħu u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b'dan.

L-Istat Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni u l-Aġenzija bl-eżenzjonijiet li jkunu taw skont l-Artikolu 4(3b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw, fuq bażi annwali, il-figuri tat-traffiku tal-ajrudromi li huma jkunu eżentaw skont dan il-paragrafu jew l-Artikolu 4(3b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Meta dak l-eżami juri li, matul tliet snin konsekuttivi, wieħed minn dawk l-ajrudromi jkollu aktar minn 10 000 passiġġier tat-trasport kummerċjali bl-ajru fis-sena jew aktar minn 850 moviment fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' merkanzija fis-sena, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrevoka l-eżenzjoni ta' dak l-ajrudrom. F'dak il-każ, għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija kif xieraq.

L- Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 d-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jkunu ġew notifikati skont dan il-paragrafu.

8.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li jeżenta minn dan ir-Regolament l-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni fir-rigward ta' waħda mill-kategoriji jew iktar ta' inġenju tal-ajru li ġejjin:

(a)

ajruplani, minbarra ajruplani mingħajr bdot abbord, li għandhom aktar minn żewġ siġġijiet, veloċità minima li tista' titkejjel jew veloċità kostanti minima ta' titjir fil-konfigurazzjoni tal-inżul li ma taqbiżx il-45 mil nawtiku fis-siegħa bħala veloċità kalibrata fl-ajru u massa massima ta' tluq (MTOM), kif irreġistrata mill-Istat Membru, ta' mhux aktar minn 600 kg għal ajruplani mhux maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma jew 650 kg għal ajruplani maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma;

(b)

ħelikopters, minbarra ħelikopters mingħajr bdot abbord, li m'għandhomx aktar minn żewġ siġġijiet u MTOM, kif irreġistrata mill-Istat Membru, ta' mhux aktar minn 600 kg għal ħelikopters mhux maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma jew 650 kg għal ħelikopters maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma;

(c)

gliders, minbarra gliders mingħajr bdot abbord, u gliders bil-mutur, minbarra gliders bil-mutur mingħajr bdot abbord, li m'għandhomx aktar minn żewġ siġġijiet u MTOM, kif irreġistrata mill-Istat Membru, ta' aktar minn 600 kg.

Madankollu, fir-rigward tal-kategoriji tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-ewwel subparagrafu l-Istati Membri jistgħu ma jiħdux tali deċiżjoni dwar inġenju tal-ajru li fir-rigward tiegħu jkun inħareġ, jew ikun tqies li nħareġ, ċertifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew skont dan ir-Regolament jew li fir-rigward tiegħu tkun saret dikjarazzjoni skont dan ir-Regolament.

9.   Deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 8 ma għandhiex iżżomm organizzazzjoni b'post tan-negozju prinċipali f'dak l-Istat Membru milli tiddeċiedi li tagħmel l-attivitajiet ta' disinn u produzzjoni tagħha fir-rigward tal-inġenju tal-ajru kopert minn dik id-deċiżjoni skont dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Fejn tali organizzazzjoni tieħu deċiżjoni bħal din għandha tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat biha. F'tali każijiet, id-deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda mill-Istat Membru skont il-paragrafu 8 m'għandhiex tapplika għal dawk l-attivitajiet ta' disinn u produzzjoni jew għall-inġenji tal-ajru ddisinjati u prodotti bħala riżultat ta' dawk l-attivitajiet.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago, inġenji tal-ajru li għalihom tapplika d-deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda skont il-paragrafu 8 u li huma reġistrati fl-Istat Membru li jkun ħa dik id-deċiżjoni jistgħu jitħaddmu fi Stati Membri oħrajn, soġġett għall-qbil tal-Istat Membru fit-territorju li fih isseħħ l-operazzjoni. Inġenji tal-ajru bħal dawn tista' wkoll issirilhom manutenzjoni, jew id-disinn tagħhom jista' jiġi modifikat, fi Stati Membri oħrajn, bil-kondizzjoni li dawn l-attivitajiet ta' manutenzjoni u dawn il-modifiki fid-disinn isiru taħt is-sorveljanza tal-Istat Membru fejn l-inġenju tal-ajru jkun irreġistrat u skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

Kwalunkwe ċertifikat li jinħareġ fir-rigward ta' inġenji tal-ajru li għalihom tapplika deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda skont il-paragrafu 8 għandu jindika b'mod ċar li dak iċ-ċertifikat ikun inħareġ mhux skont dan ir-Regolament iżda skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat. Stati Membri oħra jistgħu jaċċettaw tali ċertifikati nazzjonali biss jekk huma stess ikunu ħadu deċiżjoni korrispondenti skont il-paragrafu 8.

11.   Kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta' eżenzjoni skont il-paragrafu 8 li tirregola l-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni tal-inġenju tal-ajru li għalih tapplika dik id-deċiżjoni għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata u għandhom iqisu l-objettivi u l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 1 u 4 rispettivament.

L-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta' eżenzjoni skont il-paragrafu 8 għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Kummissjoni u l-Aġenzija b'dik id-deċiżjoni u jipprovdilhom l-informazzjoni rilevanti kollha, u b'mod partikolari d-data li minnha tapplika dik id-deċiżjoni u l-kategorija ta' inġenji tal-ajru kkonċernata minnha.

Stat Membru jista' jiddeċiedi li jimmodifika jew jirrevoka deċiżjoni ta' eżenzjoni li jkun ħa skont il-paragrafu 8. F'każijiet bħal dawn, għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b'dan.

L-Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 id-deċiżjonijiet kollha tal-Istati Membri li jkunu ġew innotifikati skont dan il-paragrafu.

Deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 8 għandha tapplika wkoll għall-organizzazzjonijiet u l-persunal involut fl-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni li għalihom tapplika dik id-deċiżjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sorveljanza” tfisser il-verifika, mill-awtorità kompetenti jew f'isimha, fuq bażi kontinwa li r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, inkluż ir-rekwiżiti li abbażi tagħhom ikun inħareġ ċertifikat jew li fir-rigward tagħhom tkun saret dikjarazzjoni, ikomplu jiġu rrispettati;

(2)

“Konvenzjoni ta' Chicago” tfisser il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Annessi tagħha, iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944;

(3)

“prodott” tfisser inġenju tal-ajru, magna jew skrun;

(4)

“part” tfisser kwalunkwe element ta' prodott, kif definit mid-disinn tat-tip ta' dak il-prodott;

(5)

“ATM/ANS” tfisser ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u jkopru dan kollu li ġej: il-funzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004; is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, inkluż il-funzjonijiet u s-servizzi tal-ġestjoni tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 6 tar- Regolament (KE) Nru 551/2004, kif ukoll servizzi li jżidu s-sinjali mibgħuta mis-satelliti ta' kostellazzjonijiet prinċipali tal-GNSS għall-fini tan-navigazzjoni bl-ajru; it-tfassil tal-proċeduri tat-titjir; u s-servizzi li jikkonsistu fl-oriġinazzjoni u l-ipproċessar tad-data u l-format u t-twassil ta' data lit-traffiku ġenerali tal-ajru għall-finijiet tan-navigazzjoni tal-ajru;

(6)

“kostitwenti tal-ATM/ANS” tfisser oġġetti tanġibbli bħal hardware u oġġetti intanġibbli bħal software li fuqhom tiddependi l-interoperabbiltà tal-EATMN;

(7)

“sistema tal-ATM/ANS” tfisser l-aggregazzjoni ta' kostitwenti fl-ajru u dawk ibbażati fl-art, kif ukoll tagħmir ibbażat fl-ispazju, li jipprovdi appoġġ għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għall-fażijiet kollha ta' titjira;

(8)

“Pjan Komprensiv tal-ATM” tfisser il-pjan approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE (34), f'konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 (35);

(9)

“ċertifikazzjoni” tfisser kwalunkwe forma ta' rikonoxximent f'konformità ma' dan ir-Regolament, abbażi ta' valutazzjoni xierqa, li persuna fiżika jew ġuridika, prodott, part, tagħmir mhux installat, tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod, ajrudrom, tagħmir ta' ajrudrom relatat mas-sikurezza, sistema tal-ATM/ANS, kostitwent tal-ATM/ANS jew apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, permezz tal-ħruġ ta' ċertifikat li juri konformità bħal din;

(10)

“dikjarazzjoni” tfisser kwalunkwe stqarrija bil-miktub li ssir f'konformità ma' dan ir-Regolament taħt ir-responsabbiltà unika ta' persuna ġuridika jew fiżika soġġetta għal dan ir-Regolament u li tikkonferma li r-rekwiżiti applikabbli ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu u li huma relatati ma' persuna ġuridika jew fiżika, prodott, part, tagħmir mhux installat, tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod, tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza, sistema tal-ATM/ANS, kostitwent tal-ATM/ANS jew apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir qed jiġu rispettati;

(11)

“entità kwalifikata” tfisser persuna ġuridika jew fiżika akkreditata li tista' tiġi fdata b'ċerti kompiti ta' ċertifikazzjoni jew ta' sorveljanza skont dan ir-Regolament, mill-Aġenzija u minn awtorità nazzjonali kompetenti u taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħhom;

(12)

“ċertifikat” tfisser kwalunkwe ċertifikat, approvazzjoni, liċenzja, awtorizzazzjoni, attestazzjoni jew dokument ieħor li nħareġ bħala r-riżultat ta' ċertifikazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli;

(13)

“operatur ta' inġenju tal-ajru” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, li topera jew tipproponi li topera inġenju tal-ajru wieħed jew aktar;

(14)

“operatur ta' ajrudrom” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li topera jew tipproponi li topera ajrudrom wieħed jew aktar;

(15)

“apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir” tfisser kwalunkwe tip ta' apparat li fih jiġu simulati fl-art il-kondizzjonijiet tat-titjir, inklużi simulaturi tat-titjir, apparati ta' taħriġ tat-titjir, apparat għat-taħriġ tal-proċeduri tat-titjir u tan-navigazzjoni u apparat bażiku għat-taħriġ fl-istrumenti;

(16)

“ajrudrom” tfisser żona definita, fuq l-art jew fuq l-ilma, fuq struttura fissa, fissa lil hinn mill-kosta jew fuq wiċċ l-ilma, inkluż kwalunkwe bini, installazzjoni u tagħmir fuqha, li hija intenzjonata biex tintuża kompletament jew parzjalment għall-wasla, għall-inżul, għat-tluq u għall-moviment fuq is-superfiċje ta' inġenju tal-ajru;

(17)

“tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza” tfisser kwalunkwe strument, tagħmir, mekkaniżmu, apparat, dritt, software jew aċċessorju li jintuża jew li huwa intenzjonat biex jintuża biex jikkontribwixxi għall-operazzjoni sikura ta' inġenju tal-ajru f'ajrudrom;

(18)

“rampa” tfisser żona definita ta' ajrudrom intenzjonata biex takkomoda inġenju tal-ajru għall-finijiet ta' tagħbija jew ta' ħatt tal-passiġġieri, tal-bagalji, tal-posta jew tal-merkanzija, ta' mili bil-fjuwil, ta' parkeġġ jew ta' manutenzjoni;

(19)

“servizz ta' ġestjoni tar-rampa (AMS)” tfisser servizz provdut biex jiġu regolati l-attivitajiet u l-moviment tal-inġenji tal-ajru u tal-vetturi fuq rampa;

(20)

“servizz ta' informazzjoni dwar it-titjir” tfisser servizz ipprovdut sabiex jingħataw pariri u informazzjoni utli biex it-titjiriet jitwettqu b'mod sikur u effiċjenti;

(21)

“traffiku ġenerali tal-ajru” tfisser il-movimenti kollha tal-inġenji tal-ajru ċivili kif ukoll tal-inġenji tal-ajru tal-istat f'konformità mal-proċeduri tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”);

(22)

“standards internazzjonali u prattiki rakkomandati” tfisser standards internazzjonali u prattiki rakkomandati adottati mill-ICAO f'konformità mal-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni ta' Chicago;

(23)

“servizz fuq l-art” tfisser kwalunkwe servizz ipprovdut fl-ajrudromi li jinkludi attivitajiet relatati mas-sikurezza fl-oqsma tas-superviżjoni fuq l-art, id-dispaċċ tat-titjiriet u l-kontroll tat-tagħbija, l-immaniġġar tal-passiġġieri, l-immaniġġar tal-bagalji, l-immaniġġar tal-merkanzija u tal-posta, l-immaniġġar tar-rampa, is-servizzi tal-inġenji tal-ajru, l-immaniġġar tal-fjuwil u ż-żejt u t-tagħbija ta' ikel. Dan jinkludi l-każ fejn l-operaturi ta' inġenju tal-ajru jipprovdu dawk is-servizzi fuq l-art għalihom stess (awtoforniment ta' servizzi);

(24)

“trasport kummerċjali bl-ajru” tfisser l-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru għat-trasport ta' passiġġieri, merkanzija jew tal-posta bi ħlas jew b'kunsiderazzjoni oħra ta' valur;

(25)

“prestazzjoni tas-sikurezza” tfisser kisba ta' sikurezza tal-Unjoni, ta' Stat Membru jew ta' organizzazzjoni, kif definit mill-miri u mill-indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza tagħhom;

(26)

“indikatur tal-prestazzjoni tas-sikurezza” tfisser parametru li jintuża għall-monitoraġġ u għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza;

(27)

“mira tal-prestazzjoni tas-sikurezza” tfisser objettiv ippjanat jew maħsub għall-konformità mal-indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza tul perijodu ta' żmien partikolari;

(28)

“inġenju tal-ajru” tfisser kwalunkwe inġenju li jista' jikseb appoġġ fl-atmosfera permezz tar-reazzjonijiet tal-arja għajr ir-reazzjonijiet tal-arja mas-superfiċje tad-dinja;

(29)

“tagħmir mhux installat” tfisser kwalunkwe strument, tagħmir, mekkaniżmu, apparat, dritt, software jew aċċessorju li jinġarr abbord inġenju tal-ajru mill-operatur ta' inġenju tal-ajru, li ma jkunx part, u li jintuża jew ikun intenzjonat biex jintuża fl-operazzjoni jew il-kontroll ta' inġenju tal-ajru, jappoġġa s-sopravivenza tal-okkupanti, jew li jista' jkollu impatt fuq l-operazzjoni sikura tal-inġenju tal-ajru;

(30)

“inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord” tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru li jitħaddem jew maħsub biex jitħaddem mingħajr bdot abbord;

(31)

“pilota mill-bogħod” tfisser persuna fiżika responabbli milli jmexxi b'mod sikur it-titjir ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord billi jħaddem il-kontrolli ta' titjir tagħhom, jew manwalment inkella, meta l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord itir awtomatikament, billi jissorvelja r-rotta tiegħu u jibqa' kapaċi jintervjeni u jbiddel ir-rotta f'kwalunkwe ħin;

(32)

“tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod” tfisser kwalunkwe strument, tagħmir, mekkaniżmu, apparat, dritt, software jew aċċessorju li huwa meħtieġ għall-operazzjoni sikura ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, li ma jkunx part, u li ma jistax jinġarr abbord l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord;

(33)

“spazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew” tfisser spazju tal-ajru fuq it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, kif ukoll kwalunkwe spazju tal-ajru ieħor fejn l-Istati Membri japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 f'konformità mal-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament;

(34)

“awtorità kompetenti nazzjonali” tfisser entità waħda jew iktar maħtura minn Stat Membru u li jkollha s-setgħat neċessarji u r-responsabbiltajiet allokati għat-twettiq tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, u mar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Artikolu 4

Prinċipji għal miżuri skont dan ir-Regolament

1.   Meta jadottaw miżuri skont dan ir-Regolament il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom:

(a)

jirriflettu l-ogħla livell u l-aqwa prattiki fil-qasam tal-avjazzjoni, u jqisu l-esperjenza tal-avjazzjoni mad-dinja kollha u l-progress xjentifiku u tekniku fl-oqsma rispettivi;

(b)

jibnu fuq l-aqwa evidenza u analiżi disponibbli;

(c)

iħallu lok għal reazzjoni immedjata għal kawżi stabbiliti ta' aċċidenti, inċidenti serji u ta' ksur intenzjonali tas-sigurtà;

(d)

iqisu l-interdipendenzi bejn l-oqsma differenti tas-sikurezza tal-avjazzjoni, u bejn is-sikurezza tal-avjazzjoni, iċ-ċibersigurtà u oqsma tekniċi oħra ta' regolamentazzjoni tal-avjazzjoni;

(e)

jistabbilixxu, fejn possibbli, ir-rekwiżiti u l-proċeduri b'tali mod li jkunu bbażati fuq il-prestazzjoni u jiffokaw fuq l-objettivi li għandhom jintlaħqu, filwaqt li jippermettu mezzi differenti biex tinkiseb il-konformità ma' dawk l-objettivi bbażati fuq il-prestazzjoni;

(f)

jippromwovu l-kooperazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi bejn l-awtoritajiet fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

(g)

jieħdu miżuri mhux vinkolanti, inklużi azzjonijiet ta' promozzjoni tas-sikurezza, meta dan ikun possibbli;

(h)

iqisu d-drittijiet u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż dawk skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

2.   Il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament għandhom jikkorrispondu u jkunu proporzjonati man-natura u mar-riskju ta' kull attività partikolari li magħha jkunu relatati. Fit-tħejjija u fit-tfassil ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom iqisu, kif ikun jixraq għall-attività kkonċernata:

(a)

jekk abbord ikunux qed jinġarru persuni oħra għajr l-ekwipaġġ tat-titjira, u b'mod partikolari jekk l-operazzjoni hijiex miftuħa għall-membri tal-pubbliku;

(b)

sa liema punt partijiet terzi jew proprjetà fuq l-art tista' tkun ipperikolata mill-attività;

(c)

il-kumplessità, il-prestazzjoni u l-karatteristiċi operazzjonali tal-inġenju tal-ajru involut;

(d)

l-iskop tat-titjira, it-tip ta' inġenju tal-ajru u t-tip ta' spazju tal-ajru li jintuża;

(e)

it-tip, l-iskala, u l-kumplessità tal-operazzjoni jew tal-attività, inkluż, meta dan ikun rilevanti, id-daqs u t-tip tat-traffiku mmaniġġat mill-organizzazzjoni jew mill-persuna responsabbli;

(f)

sa liema punt il-persuni affettwati mir-riskji involuti fl-operazzjoni jistgħu jivvalutaw u jeżerċitaw kontroll fuq dawk ir-riskji;

(g)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza fil-passat.

KAPITOLU II

ĠESTJONI TAS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI

Artikolu 5

Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

1.   Wara li tikkonsulta lill-Aġenzija u lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta, tippubblika u taġġorna kif meħtieġ, dokument li jiddeskrivi l-funzjonament tas-sistema Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni, li jkun fih ir-regoli, l-attivitajiet u l-proċessi li jintużaw biex tiġi ġestita s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament (minn hawn 'il quddiem il-“Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni”).

2.   Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandu jinkludi tal-inqas l-elementi relatati mar-responsabbiltajiet tal-Istat għall-ġestjoni tas-sikurezza deskritti fl-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati.

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandu jiddeskrivi wkoll il-proċess għall-iżvilupp, l-adozzjoni, l-aġġornament u l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni msemmi fl-Artikolu 6, li għandu jinvolvi mill-qrib lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Artikolu 6

Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

1.   L-Aġenzija, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), għandha tiżviluppa, tadotta, tippubblika u sussegwentement taġġorna tal-inqas kull sena, Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Abbażi tal-valutazzjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza, il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandu jidentifika r-riskji ewlenin tas-sikurezza li jaffettwaw lis-sistema Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni u jistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jittaffew dawk ir-riskji.

2.   L-Aġenzija, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), għandha tiddokumenta f'portafoll iddedikat tar-riskji għas-sikurezza msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet relatati ta' mitigazzjoni mill-partijiet ikkonċernati, inkluż, fejn xieraq, billi jiġu stabbiliti indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

3.   Filwaqt li jqis l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandu jispeċifika l-livell ta' prestazzjoni tas-sikurezza fl-Unjoni.Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jiksbu b'mod konġunt dak il-livell ta' prestazzjoni tas-sikurezza.

Artikolu 7

Programm tal-Istat għas-Sikurezza

1.   Kull Stat Membru għandu, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, jistabbilixxi u jżomm programm tal-Istat għas-sikurezza għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni taħt ir-responsabbiltà tiegħu (il-“Programm tal-Istat għas-Sikurezza”). Dak il-programm għandu jkun komparabbli mad-daqs u l-kumplessità ta' dawk l-attivitajiet u għandu jkun konsistenti mal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

2.   Il-Programm tal-Istat għas-Sikurezza għandu jinkludi tal-inqas l-elementi relatati mar-responsabbiltajiet tal-Istat għall-ġestjoni tas-sikurezza deskritti fl-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati.

3.   Il-Programm tal-Istat għas-Sikurezza għandu jispeċifika, filwaqt li jqis l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-livell ta' prestazzjoni tas-sikurezza msemmi fl-Artikolu 6(3), il-livell ta' prestazzjoni tas-sikurezza li għandu jinkiseb fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 8

Pjan tal-Istat għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

1.   Il-Programm tal-Istat għas-Sikurezza għandu jinkludi jew ikun akkumpanjat minn Pjan tal-Istat għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Abbażi tal-valutazzjoni tal-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza, kull Stat Membru, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandu jidentifika f'dak il-pjan, ir-riskji ewlenin għas-sikurezza li qed jaffettwaw is-sistema nazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet neċessarji sabiex jittaffew dawk ir-riskji.

2.   Il-Pjan tal-Istat għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandu jinkludi r-riskji u l-azzjonijiet identifikati fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li huma rilevanti għall-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Aġenzija dwar ir-riskji u l-azzjonijiet identifikati fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li huwa jqis li mhumiex rilevanti għas-sistema nazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni tiegħu u r-raġunijiet għal dan.

KAPITOLU III

REKWIŻITI SOSTANTIVI

TAQSIMA I

Ajrunavigabbiltà u protezzjoni ambjentali

Artikolu 9

Rekwiżiti essenzjali

1.   L-inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali għall-ajrunavigabbiltà li ġew stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

2.   Fir-rigward tal-istorbju u l-emissjonijiet, dawk l-inġenji tal-ajru u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' protezzjoni ambjentali li jinsabu fl-Emenda 12 tal-Volum I, fl-Emenda 9 tal-Volum II, u fil-ħarġa inizjali tal-Volum III, kollha kif applikabbli fl-1 ta' Jannar 2018, tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Ir-rekwiżiti essenzjali għall-kompatibbiltà ambjentali stipulati fl-Anness III għal dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal prodotti, parts u tagħmir mhux installat sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Chicago msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma jkunx fihom rekwiżiti ta' protezzjoni ambjentali.

L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' prodotti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) għandhom jikkonformaw mal-punt 8 tal-Anness III għal dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Konformità

1.   Fir-rigward tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u tal-magni, tal-iskrejjen, tal-parts u tat-tagħmir mhux installat tagħhom, il-konformità mal-Artikolu 9 għandha tiġi żgurata skont l-Artikoli 11 u 12 u l-Artikolu 15(1).

2.   Fir-rigward tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u tal-magni, tal-iskrejjen, tal-parts u tat-tagħmir mhux installat tagħhom, il-konformità mal-Artikolu 9 għandha tiġi żgurata f'konformità mal-Artikoli 11 sa 16.

Artikolu 11

Disinn tal-prodotti

Id-disinn ta' prodott għandu jkun soġġett għaċ-ċertifikazzjoni u għandu jinħareġ b'ċertifikat tat-tip. Bidliet għal dak id-disinn għandhom ikunu wkoll soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni u għandhom jirriżultaw fil-ħruġ ta' ċertifikat tal-bidliet, inkluż f'ċertifikati tat-tip supplimentari. Id-disinni tat-tiswija għandhom ikunu soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni u għandhom jinħarġu b'approvazzjoni.

Approvazzjoni għandha tinħareġ fir-rigward tad-data tal-adegwatezza operazzjonali assoċjata ma' disinn tat-tip. Dik l-approvazzjoni għandha tkun inkluża fiċ-ċertifikat tat-tip jew fiċ-ċertifikat ristrett tat-tip imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 18(1), kif applikabbli.

Dak iċ-ċertifikat tat-tip, dak iċ-ċertifikat tal-bidliet, dik l-approvazzjoni tad-disinni tat-tiswija u dik l-approvazzjoni tad-data tal-adegwatezza operazzjonali għandhom jinħarġu meta ssir applikazzjoni meta l-applikant ikun wera li d-disinn tal-prodott jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni stabbilita f'konformità mal-atti delegati msemmija fil-punt (b) (i) u (ii) tal-Artikolu 19(1), kif applikabbli, u li d-disinn tal-prodott ma jkollu l-ebda aspett jew karatteristika li tagħmlu mhux kompatibbli mal-ambjent jew mhux sikur għat-tħaddim.

Dak iċ-ċertifikat tat-tip, dak iċ-ċertifikat tal-bidliet, dik l-approvazzjoni tad-disinn tat-tiswija u dik l-approvazzjoni tad-data tal-adegwatezza operazzjonali jistgħu jinħarġu wkoll mingħajr applikazzjoni bħal din, minn organizzazzjoni approvata skont l-Artikolu 15 li tkun ingħatat il-privileġġ li toħroġ dawk iċ-ċertifikati jew l-approvazzjonijiet skont l-att delegat imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 19(1), meta dik l-organizzazzjoni tkun stabbiliet li d-disinn tal-prodott jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Ma għandu jkun meħtieġ l-ebda ċertifikat separat tat-tip għad-disinn tal-magni u tal-iskrejjen li jkunu ġew iċċertifikati bħala parti mid-disinn ta' inġenju tal-ajru f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Disinn tal-parts

Sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mill-atti delegati adottati msemmija fl-Artikolu 19, id-disinn tal-parts għandu jkun soġġett għaċ-ċertifikazzjoni u għandu jinħariġlu ċertifikat.

Dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li d-disinn tal-part jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni stabbilita skont l-atti delegati msemmija fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 19(1).

Dak iċ-ċertifikat jista' wkoll jinħareġ mingħajr applikazzjoni bħal din, minn organizzazzjoni approvata skont l-Artikolu 15 li tkun ingħatat privileġġ li toħroġ dawk iċ-ċertifikati f'konformità mal-att delegat imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 19(1), meta dik l-organizzazzjoni tkun stabbiliet li l-disinn tal-part jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni stabbilita skont l-atti delegati msemmija fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 19(1).

Ma għandu jkun rikjest l-ebda ċertifikat separat għad-disinn ta' parts li jkunu ġew iċċertifikati bħala parti mid-disinn ta' prodott skont l-Artikolu 11.

Artikolu 13

Disinn ta' tagħmir mhux installat

Meta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19 ikunu jipprevedu hekk, id-disinn tat-tagħmir mhux installat għandu jkun soġġett għaċ-ċertifikazzjoni u għandu jinħariġlu ċertifikat.

Dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li d-disinn ta' tagħmir mhux installat jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni stabbilita skont l-atti delegati msemmija fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 19(1).

Dak iċ-ċertifikat jista' jinħareġ ukoll mingħajr applikazzjoni bħal din, minn organizzazzjoni approvata skont l-Artikolu 15 li tkun ingħatat privileġġ li toħroġ dawk iċ-ċertifikati f'konformità mal-att delegat imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 19(1), meta dik l-organizzazzjoni tkun stabbiliet li d-disinn tat-tagħmir mhux installat jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni stabbilita skont l-atti delegati msemmija fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 19(1).

Artikolu 14

Inġenji tal-ajru individwali

1.   Inġenji tal-ajru individwali għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni u għandu jinħarġilhom ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà u, meta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19 jipprevedu hekk, ċertifikat għall-istorbju.

Dawk iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-inġenju tal-ajru jkun f'konformità mad-disinn iċċertifikat skont l-Artikolu 11, u li l-inġenju tal-ajru huwa f'kondizzjoni li jitħaddem b'mod sikur u b'mod li jkun kompatibbli mal-ambjent.

2.   Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jibqgħu validi sakemm l-inġenju tal-ajru u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tiegħu jinżammu f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni relatati mal-ajrunavigabbiltà kontinwa msemmija fl-Artikolu 17 u jkunu f'kondizzjoni tajba biex jitħaddem b'mod sikur u kompatibbli mal-ambjent.

Artikolu 15

Organizzazzjonijiet

1.   Sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor bl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19, l-organizzazzjonijiet responsabbli għad-disinn u għall-produzzjoni ta' prodotti, parts u tagħmir mhux installat għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni u għandha tinħarġilhom approvazzjoni. Dik l-approvazzjoni għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mar-regoli stabbiliti mill-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19 biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9. Dik l-approvazzjoni għandha tispeċifika l-privileġġi li ngħataw lill-organizzazzjoni u l-ambitu tal-approvazzjoni.

2.   Approvazzjoni għandha tkun meħtieġa wkoll fir-rigward ta':

(a)

l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-manutenzjoni u għall-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa ta' prodotti, parts u tagħmir mhux installat, u

(b)

l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ ta' persunal responsabbli għar-rilaxx ta' prodott, part jew tagħmir mhux installat wara li ssir manutenzjoni;

Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal sitwazzjonijiet li fihom, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 17(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, dawn l-approvazzjonijiet mhumiex meħtieġa.

L-approvazzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu għandhom jinħarġu meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9.

3.   L-approvazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw il-privileġġi li ngħataw lill-organizzazzjoni. Dawk l-approvazzjonijiet jistgħu jiġu emendati biex jiżdiedu jew jitneħħew privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 17(1).

4.   L-approvazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu limitati, sospiżi jew revokati meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali approvazzjoni, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 17(1).

5.   Meta bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 17(1), u b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, ma tkunx meħtieġa approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 jistgħu xorta waħda jeħtieġu lill-organizzazzjoni kkonċernata tiddikjara l-kapaċità tagħha, u d-disponibbiltà li jkollha tal-mezzi, biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha assoċjati mal-attivitajiet li hija twettaq f'konformità ma' dawk l-atti ta' implimentazzjoni.

Artikolu 16

Persunal

1.   Il-persunal responsabbli għar-rilaxx ta' prodott, part jew tagħmir mhux installat għandu jkun meħtieġ ikollu liċenzja, ħlief għas-sitwazzjonijiet li fihom, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 17(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, tali liċenzji mhumiex meħtieġa.

Dik il-liċenzja għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9.

2.   Il-liċenzja msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tispeċifika l-privileġġi li jkunu ngħataw lill-persunal. Il-liċenzja tista' tiġi emendata sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 17(1).

3.   Il-liċenzja msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi limitata, sospiża jew revokata, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali liċenzja, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 17(1).

Artikolu 17

Atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-ajrunavigabbiltà

1.   Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 u l-konformità magħhom, għall-inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1)), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulawdispożizzjonijiet dettaljati dwar:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri biex jinżammu ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 14 u fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2);

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn l-approvazzjonijiet ma għandhomx ikunu meħtieġa;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dikjarazzjonijiet ma jkunux meħtieġa;

(d)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 16, u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn il-liċenzji ma jkunux meħtieġa;

(e)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-approvazzjonijiet u l-liċenzji maħruġa skont l-Artikoli 15(2) u 16, u tal-organizzazzjonijiet li jagħmlu dikjarazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 15(5);

(f)

ir-regoli u l-proċeduri għall-manutenzjoni ta' prodotti, parts u tagħmir mhux installat;

(g)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-inġenji tal-ajru;

(h)

rekwiżiti addizzjonali ta' ajrunavigabbiltà għal prodotti, parts u tagħmir mhux installat, li d-disinn tagħhom diġà kien ġie ċċertifikat, li jkunu meħtieġa biex jappoġġaw it-titjib fl-ajrunavigabbiltà kontinwa u s-sikurezza.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 u tqis kif xieraq l-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Annessi 1, 6 u 8 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 18

Derogi

1.   B'deroga mill-Artikoli 9 sa 13, kif xieraq:

(a)

il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli msemmija fl-Artikolu 9 tad-disinn tal-prodotti, il-parts u t-tagħmir mhux installat tista' tiġi vvalutata mingħajr il-ħruġ ta' ċertifikat, meta l-atti delegati msemmija fil-punt (d)(i) tal-Artikolu 19(1) jipprevedu dan. F'dak il-każ, l-atti delegati msemmija fil-punt (j) tal-Artikolu 19(1) iridu jiddefinixxu l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għal valutazzjoni bħal din. L-atti delegati msemmija fil-punt (d)(i) tal-Artikolu 19(1) jistgħu jipprevedu li l-organizzazzjoni responsabbli għad-disinn u għall-produzzjoni ta' dawk il-prodotti, parts u tagħmir mhux installat trid titħalla tiddikjara l-konformità tad-disinn tagħhom ma' dawk ir-rekwiżiti essenzjali u mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti f'konformità mal-atti delegati msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 19(1) adottati biex tiġi żgurata l-konformità ta' dawk id-disinni ma' dawk ir-rekwiżiti essenzjali;

(b)

meta d-disinn ta' inġenju tal-ajru ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9, jista' jinħareġ ċertifikat ristrett tat-tip. F'dak il-każ, dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li d-disinn tal-inġenju tal-ajru jikkonforma mal-bażi ta' ċertifikazzjoni stabbilita f'konformità mal-att delegat imsemmi fil-punt (b)(i) u (ii) tal-Artikolu 19(1) u li d-disinn tal-inġenju tal-ajru huwa adegwat, fir-rigward tal-ajrunavigabbiltà u tal-kompatibbiltà ambjentali, fid-dawl tal-użu li biħsiebu jsir mill-inġenju tal-ajru.

2.   B'deroga mill-Artikoli 9, 10 u 14, kif xieraq:

(a)

f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19, ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat ristrett għall-istorbju għandhom jinħarġu għall-inġenju tal-ajru li d-disinn tiegħu jew kien soġġett għal dikjarazzjoni skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 jew li għalih kien inħareġ ċertifikat ristrett tat-tip skont il- punt (b) tal-paragrafu 1. F'dak il-każ, dawk iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-inġenju tal-ajru jikkonforma ma' dak id-disinn u li l-inġenju tal-ajru huwa f'kondizzjoni tajba biex jitħaddem b'mod sikur u kompatibbli mal-ambjent;

(b)

f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19, permess għat-titjir jista' jinħareġ biex jippermetti t-tħaddim ta' inġenju tal-ajru li ma jkollux ċertifikat validu ta' ajrunavigabbiltà jew ċertifikat ristrett validu ta' ajrunavigabbiltà. F'dak il-każ, tali permess għat-titjir għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-inġenju tal-ajru huwa kapaċi jwettaq titjira bażika b'mod sikur.

Il-permess għat-titjir jista' wkoll jinħareġ mingħajr applikazzjonijiet bħal dawn, minn organizzazzjoni approvata skont l-Artikolu 15 li tkun ingħatat privileġġ li toħroġ dawn il-permessi għat-titjir f'konformità mal-atti delegati imsemmija fil-punt (k) tal-Artikolu 19(1) jew l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 17(1), bil-kondizzjoni li dik l-organizzazzjoni tkun stabbiliet li l-inġenju tal-ajru kapaċi jwettaq titjira bażika b'mod sikur.

Il-permess għat-titjir għandu jkun soġġett għal limitazzjonijiet xierqa, previsti fl-atti delegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 19(1), u b'mod partikolari għal limitazzjonijiet biex tiġi protetta s-sikurezza ta' partijiet terzi.

Artikolu 19

Setgħat delegati

1.   Għall-inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 128, li jistabbilixxu regoli dettaljati rigward:

(a)

rekwiżiti dettaljati ta' ħarsien ambjentali għall-prodotti, parts u tagħmir mhux installat, f'sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2);

(b)

il-kondizzjonijiet biex jiġi stabbilit u notifikat applikant mill-Aġenzija skont l-Artikolu 77:

(i)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip applikabbli għal prodott għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tat-tip imsemmija fl-Artikolu 11 u fil-punt (b) tal-Artikolu 18(1);

(ii)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għal prodott għall-finijiet tal-approvazzjoni ta' data tal-adegwatezza operazzjonali msemmija fl-Artikolu 11 inkluż:

is-sillabu minimu għat-taħriġ ta' persunal li jiċċertifika l-manutenzjoni skont il-klassifikazzjoni tat-tip;

is-sillabu minimu għall-klassifikazzjoni tat-tip tal-bdoti u d-data ta' referenza għall-kwalifikazzjoni oġġettiva ta' simulaturi assoċjati;

il-lista ewlenija ta' tagħmir minimu, kif xieraq;

id-data dwar it-tip tal-inġenju tal-ajru rilevanti għall-ekwipaġġ tal-kabina;

speċifikazzjonijiet addizzjonali biex tiġi żgurata konformità mat-Taqsima III;

(iii)

il-bażi taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għal part jew tagħmir mhux installat, inkluż tagħmir u strumenti relatati mas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 30(7), għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikoli 12 u 13;

(c)

il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-konformità tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 2(1) mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 9;

(d)

il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 11, 12, 13 u l-punt (b) tal-Artikolu 18(1), inkluż:

(i)

il-kondizzjonijiet għal sitwazzjonijiet li fihom, bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 u filwaqt li jitqiesu n-natura u r-riskju tal-attività partikolari kkonċernata, ċertifikati bħal dawn iridu jkunu rikjesti jew ma jridux ikunu rikjesti, jew dikjarazzjonijiet iridu jkunu permessi, skont kif ikun applikabbli;

(ii)

il-kondizzjonijiet dwar id-durata ta' dawk iċ-ċertifikati u dwar it-tiġdid ta' dawk iċ-ċertifikati meta d-durata tagħhom tkun limitata;

(e)

il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikati tal-istorbju msemmija fl-Artikolu 14(1), kif ukoll ċertifikati ristretti ta' ajrunavigabbiltà u ċertifikati ristretti tal-istorbju msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2);

(f)

il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni, ir-revoka u l-użu tal-permessi għat-titjir imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2);

(g)

il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom, bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1 u filwaqt li jitqiesu n-natura u r-riskju tal-attività partikolari kkonċernata, approvazzjonijiet bħal dawn iridu jkunu rikjesti jew ma jridux ikunu rikjesti jew dikjarazzjonijiet iridu jkunu permessi, skont kif ikun applikabbli;

(h)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati li nħarġu skont l-Artikoli 11, 12, 13, l-Artikoli 14(1), 15(1), il-punt (b) tal-Artikolu 18(1), u l-Artikolu 18(2) u tal-organizzazzjonijiet li għamlu dikjarazzjonijiet f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 18(1) u l-punt (g) ta' dan il-paragrafu;

(i)

il-kondizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati applikabbli għad-disinn ta' prodotti, id-disinn ta' parts u d-disinn ta' tagħmir mhux installat li huma soġġetti għal dikjarazzjoni f'konformità mal-punt (a) tal-Artikoli 18(1);

(j)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex jiġu vvalutati, skont il-punt (a) tal-Artikolu 18(1), l-ajrunavigabbiltà u l-kompatibbiltà ambjentali tad-disinn tal-prodotti, id-disinn tal-parts, u d-disinn ta' tagħmir mhux installat mingħajr il-ħtieġa li jinħareġ ċertifikat, inkluż il-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-operazzjonijiet;

(k)

il-kondizzjonijiet għall-organizzazzjonijiet li tkun inħarġitilhom approvazzjoni skont l-Artikolu 15(1) biex jingħataw il-privileġġ li joħorġu ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 11, 12, 13 u l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2);

2.   Fir-rigward tal-ajrunavigabbiltà u l-kompatibbiltà ambjentali tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u tal-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 128, li temenda l-Annessi II u III, fejn meħtieġ minħabba żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew minħabba evidenza fil-qasam tal-ajrunavigabbiltà jew tal-kompatibbiltà ambjentali, sabiex u sa fejn meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1.

3.   Fir-rigward tal-kompatibbiltà ambjentali tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 128, li temenda r-referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Chicago msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2), sabiex dawn jiġu aġġornati fid-dawl ta' emendi sussegwenti għal dawn id-dispożizzjonijiet li jidħlu fis-seħħ wara l-4 ta' Lulju 2018 u li jsiru applikabbli fl-Istati Membri kollha, sa fejn tali adattamenti ma jwessgħux il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA II

Ekwipaġġ tal-ajru

Artikolu 20

Rekwiżiti essenzjali

Il-bdoti u l-ekwipaġġ tal-kabina involuti fl-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll l-apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir, il-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, fl-ittestjar, fil-kontrolli jew fil-valutazzjoni medika ta' dawk il-bdoti u l-ekwipaġġ tal-kabina, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 21

Bdoti

1.   Il-bdoti għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom liċenzja ta' bdot u ċertifikat mediku ta' bdot adatti għall-operazzjoni li għandha titwettaq, ħlief għas-sitwazzjonijiet li fihom, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c)(i) tal-Artikolu 23(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, dawn il-liċenzji jew ċertifikati mediċi mhumiex meħtieġa.

2.   Il-liċenzja ta' bdot imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20.

3.   Iċ-ċertifikat mediku tal-bdot imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20.

4.   Il-liċenzja ta' bdot u ċ-ċertifikat mediku ta' bdot imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw il-privileġġi li jkunu ngħataw lill-bdot.

Il-liċenzja ta' bdot u ċ-ċertifikat mediku ta' bdot jistgħu jiġu emendati biex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1).

5.   Il-liċenzja ta' bdot jew iċ-ċertifikat mediku ta' bdot imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali liċenzja jew ċertifikat mediku f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1).

6.   Taħriġ u esperjenza abbord inġenji tal-ajru li ma jkunux soġġetti għal dan ir-Regolament jistgħu jiġu rikonoxxuti sabiex tinkiseb il-liċenzja ta' bdot imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c)(iv) tal-Artikolu 23(1).

Artikolu 22

Ekwipaġġ tal-kabina

1.   L-ekwipaġġ tal-kabina involut f'operazzjonijiet ta' trasport kummerċjali bl-ajru għandu jkun meħtieġ li jkollu attestazzjoni.

2.   B'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, l-ekwipaġġ tal-kabina involut f'operazzjonijiet oħra li mhumiex ta' trasport kummerċjali bl-ajru jista' wkoll ikun meħtieġ ikollu attestazzjoni, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 23(2).

3.   L-attestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-applikant jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20.

4.   L-attestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandha tispeċifika l-privileġġi li jkunu ngħataw lill-ekwipaġġ tal-kabina. L-attestazzjonijiet jistgħu jiġu emendati sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 23(2).

5.   L-attestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi limitata, sospiża jew revokata, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali attestazzjoni, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 23(2).

6.   Qabel jeżerċita l-privileġġi tiegħu, u f'intervalli regolari wara dan, l-ekwipaġġ tal-kabina għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tal-istat mediku sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 dwar l-istat mediku, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni adottati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 23(2).

Artikolu 23

Atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-bdoti u l-ekwipaġġ tal-kabina

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 u l-konformità magħhom fir-rigward tal-bdoti li jkunu involuti fl-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

il-kategoriji differenti ta' liċenzji tal-bdoti u ta' ċertifikati mediċi tal-bdoti msemmija fl-Artikolu 21, kif ukoll il-klassifikazzjonijiet differenti għal tali liċenzji tal-bdoti li jkunu adegwati għat-tipi differenti ta' attivitajiet imwettqa;

(b)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi ta' liċenzji ta' bdot, il-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati mediċi ta' bdot;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji ta' bdot, tal-klassifikazzjonijiet u taċ-ċertifikati mediċi ta' bdot, inkluż:

(i)

ir-regoli u l-proċeduri għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn il-liċenzji, klassifikazzjonijiet u ċertifikati mediċi ma jridux ikunu meħtieġa;

(ii)

ir-regoli u l-proċeduri għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali ta' bdot u ċ-ċertifikati mediċi nazzjonali ta' bdot għal-liċenzji ta' bdot u għaċ-ċertifikati mediċi ta' bdot imsemmija fl-Artikolu 21(1);

(iii)

ir-regoli u l-proċeduri għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali ta' inġinier ta' titjira għal-liċenzji ta' bdot imsemmija fl-Artikolu 21(1);

(iv)

ir-regoli u l-proċeduri għar-rikonoxximent ta' taħriġ u esperjenza abbord inġenji tal-ajru li ma jkunux soġġetti għal dan ir-Regolament għall-finijiet li jinkisbu l-liċenzji ta' bdot imsemmija fl-Artikolu 21(1).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness 1 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jinkludu, fejn ikun xieraq, dispożizzjonijiet għall-ħruġ tat-tipi kollha ta' liċenzji ta' bdot u ta' klassifikazzjonijiet meħtieġa skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta' Chicago. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jistgħu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-ħruġ ta' tipi oħra ta' liċenzji ta' bdot u ta' klassifikazzjonijiet.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 u l-konformità magħhom fir-rigward tal-ekwipaġġ tal-kabina involut fl-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn l-attestazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa għall-ekwipaġġ tal-kabina involut f'operazzjonijiet oħra li mhumiex tat-trasport kummerċjali bl-ajru;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-istat mediku tal-ekwipaġġ tal-kabina msemmija fl-Artikolu 22;

(c)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina msemmija fl-Artikolu 22.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 24

Organizzazzjonijiet ta' taħriġ u ċentri ajrumediċi

1.   Approvazzjoni għandha tkun meħtieġa fir-rigward ta' ċentri ajrumediċi.

2.   Għandha tkun meħtieġa approvazzjoni fir-rigward ta' organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-bdoti u organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina, ħlief għas-sitwazzjonijiet li fihom, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, dawn l-approvazzjonijiet mhumiex meħtieġa.

3.   L-approvazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinħarġu meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20.

4.   L-approvazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw il-privileġġi li ngħataw lill-organizzazzjoni. Dawk l-approvazzjonijiet jistgħu jiġu emendati biex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1).

5.   L-approvazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu limitati, sospiżi jew revokati meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali approvazzjoni, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1).

6.   Meta bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, approvazzjoni imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma tkunx meħtieġa fir-rigward ta' organizzazzjoni ta' taħriġ għall-bdoti jew organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina, atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1) jistgħu xorta waħdali jeħtieġu lill-organizzazzjoni kkonċernata tiddikjara l-kapaċità tagħha, u d-disponibbiltà li jkollha tal-mezzi, biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha assoċjati mal-attivitajiet li hija twettaq f'konformità ma' dawk l-atti ta' implimentazzjoni.

Artikolu 25

Apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir

1.   Għandu jkun meħtieġ ċertifikat fir-rigward ta' kull apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir li jintuża għat-taħriġ ta' bdoti, ħlief f'sitwazzjonijiet li fihom, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, dawn iċ-ċertifikati mhumiex meħtieġa.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-applikant u l-apparat jikkonformaw mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-funzjonalitajiet tat-tagħmir. Iċ-ċertifikat għandu jiġi emendat sabiex jirrifletti bidliet għal dawk il-funzjonalitajiet, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat meta d-detentur jew l-apparat ma jibqax konformi mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni adottati msemmija fil-punt (a) tal-Artiklu 27(1).

5.   Fejn l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 jipprevedu dan, l-organizzazzjoni responsabbli mill-operazzjoni tal-apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir għandha tintalab tiddikjara l-konformità tal-apparat mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 u mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1).

Artikolu 26

Għalliema u eżaminaturi

1.   Il-persuni responsabbli li jipprovdu taħriġ fit-titjir, taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir, jew valutazzjoni tal-ħiliet ta' bdot, kif ukoll l-eżaminaturi ajrumediċi, għandhom ikunu meħtieġa, ħlief għas-sitwazzjonijiet li fihom, bħala riżultat tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1), b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, dawn iċ-ċertifikati mhumiex meħtieġa.

2.   Filwaqt li jittieħed kont tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, il-persuni responsabbli li jipprovdu taħriġ lill-ekwipaġġ tal-kabina jew li jivvalutaw il-ħiliet tal-ekwipaġġ tal-kabina jistgħu wkoll ikunu meħtieġa jkollhom ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni adottati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1).

3.   Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinħarġu meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni adottati msemmija fl-Artikolu 27 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20.

4.   Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw il-privileġġi li jkunu ngħataw.

Dawk iċ-ċertifikati jistgħu jiġu emendati biex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1).

5.   Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu limitati, sospiżi jew revokati, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikati, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1).

Artikolu 27

Atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tat-taħriġ, l-ittestjar, il-verifika u l-valutazzjoni medika

1.   Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 u l-konformità magħhom, għat-tagħmir ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir, u għall-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-verifika jew il-valutazzjoni medika ta' bdoti u ta' ekwipaġġ tal-kabina, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tistabbilixxi, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 24, 25, 26, u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn l-approvazzjonijiet iridu jew ma jridux ikunu meħtieġa;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri biex id-dikjarazzjonijiet minn organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-bdoti, u organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina msemmija fl-Artikolu 24(6) u mill-operaturi ta' apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir imsemmija fl-Artikolu 25(5), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dikjarazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa;

(c)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 24, 25 u 26, u tal-organizzazzjonijiet li jagħmlu dikjarazzjonijiet f'konformità mal-Artikoli 24(6) u 25(5).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 20 u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Annessi 1 u 6 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 28

Setgħat delegati

1.   Fir-rigward tal-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-kabina involuti fl-operat tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll l-apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir, il-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, fl-ittestjar, fil-kontrolli jew fil-valutazzjoni medika ta' dawk il-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-kabina, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 128, biex temenda l-Anness IV, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew ta' evidenza tas-sikurezza relatata mal-ekwipaġġ tal-ajru, sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u skont kif ikun meħtieġ biex dan iseħħ.

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, fejn xieraq, dispożizzjonijiet għall-ħruġ tat-tipi kollha ta' liċenzji tal-bdoti u ta' klassifikazzjonijiet mitluba skont il-Konvenzjoni ta' Chicago. Dawk ir-regoli jistgħu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-ħruġ ta' tipi oħra ta' liċenzji u ta' klassifikazzjonijiet.

TAQSIMA III

Operazzjonijiet fl-ajru

Artikolu 29

Rekwiżiti essenzjali

L-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, għandha tkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness V u, jekk applikabbli, l-Annessi VII u VIII.

Artikolu 30

Operaturi tal-inġenji tal-ajru

1.   Sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29, u b'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, l-operaturi ta' inġenji tal-ajru stabbiliti, li jirrisjedu jew li għandhom is-sede prinċipali tan-negozju fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati jistgħu jkunu meħtieġa, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1), li:

(a)

jiddikjaraw il-kapaċità tagħhom, u d-disponibbiltà li għandhom tal-mezzi biex iwettqu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru f'konformità ma' dawk l-atti ta' implimentazzjoni; jew

(b)

ikollhom ċertifikat.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 31 adottati sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-privileġġi li jkunu ngħataw lill-operatur ta' inġenju tal-ajru. Iċ-ċertifikat jista' jiġi emendat sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1).

5.   B'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, l-operaturi ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jkunu meħtieġa, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 31, li:

(a)

jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi, meta jidħlu fi ftehimiet għall-kondiviżjoni ta' kodiċi jew ftehimiet ta' kiri;

(b)

jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi meta joperaw inġenju tal-ajru li huwa reġistrat f'pajjiż terz;

(c)

jistabbilixxu Lista ta' Tagħmir Minimu (MEL) jew dokument ekwivalenti li jipprevedi l-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru, taħt kondizzjonijiet speċifikati, bi strumenti, tagħmir jew funzjonijiet mhux operattivi partikolari fil-bidu tat-titjira.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru għat-territorju, ġo fih jew 'il barra minnu, li għalih japplikaw it-Trattati minn operatur ta' inġenju tal-ajru stabbilit, li jkun residenti jew li jkollu s-sede prinċipali tan-negozju 'l barra minn dak it-territorju iżda li għalih l-Istati Membri jwettqu l-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-istat ta' operatur skont il-Konvenzjoni ta' Chicago, kif ukoll il-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-operazzjonijiet, jilħqu livell ta' sikurezza li jkun ekwivalenti għal dak stabbilit b'dan ir-Regolament.

7.   Fejn l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) jipprevedu dan, l-inġenji tal-ajru għandhom ikunu mgħammra bit-tagħmir u l-istrumenti meħtieġa relatati mas-sikurezza, iċċertifikati fejn meħtieġ skont l-att delegat msemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 19(1), inkluż dawn kollha li ġejjin jew xi wħud minnhom:

(a)

reġistraturi ta' titjiriet;

(b)

mezzi biex tiġi segwita l-pożizzjoni tal-inġenju tal-ajru;

(c)

mezzi biex id-data tar-reġistraturi tat-titjiriet tiġi rkuprata fil-ħin, f'każ li inġenji tal-ajru jkunu f'diffikultà, billi jiddependu fuq komunikazzjoni elettronika f'ħin reali jew soluzzjonijiet tekniċi xierqa oħra.

Artikolu 31

Atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-ajru

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29 u l-konformità magħhom, għall-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri speċifiċi għall-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 30(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn iċ-ċertifikati jridu jkunu meħtieġa;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni tal-operaturi ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 30(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dikjarazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa;

(d)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 30(1) u tal-operaturi ta' inġenji tal-ajru li jagħmlu d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 30(1);

(e)

ir-rekwiżiti addizzjonali neċessarji biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29 applikabbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru stabbiliti, li jkunu residenti jew bi post prinċipali tan-negozju fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati meta dawk l-operaturi jidħlu fi ftehimiet ta' kondiviżjoni tal-kodiċijiet jew ftehimiet ta' kiri jew meta joperaw inġenju tal-ajru li hu reġistrat f'pajjiż terz;

(f)

ir-regoli u l-proċeduri għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 30(1) dwar l-istabbiliment ta' MEL jew dokument ekwivalenti, u għas-sitwazzjonijiet li fihom ikun meħtieġ.

(g)

ir-regoli u l-proċeduri li skonthom inġenju tal-ajru jrid ikun mgħammar bit-tagħmir u l-istrumenti meħtieġa relatati mas-sikurezza, inkluż ir-reġistraturi tat-titjiriet u/jew mezzi msemmija fl-Artikolu 30(7), u r-regoli u l-proċeduri għall-preservazzjoni, il-protezzjoni, l-użu u, fejn applikabbli, it-trażmissjoni sigura tad-data kkonċernata.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness 6 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 32

Setgħat delegati

1.   Għall-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 128 li jistabbilixxu regoli dettaljati fir-rigward ta':

(a)

il-kondizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti mill-operaturi msemmija fl-Artikolu 30(1) u mill-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru tagħhom fir-rigward tal-limitazzjonijiet tal-ħin tat-titjir u tal-ħidma, kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżiti tal-mistrieħ għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru;

(b)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri neċessarji biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 29 fir-rigward tal-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' skemi individwali ta' speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir u tal-ħruġ ta' opinjonijiet tal-Aġenzija dwar dawk l-iskemi skont l-Artikolu 76(7).

2.   Fir-rigward tal-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 128, li temenda l-Anness V u, jekk applikabbli, l-Annessi VII u VIII, fejn neċessarju għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew ta' evidenza tas-sikurezza relatata mal-operazzjonijiet tal-ajru, sabiex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 u skont kif ikun meħtieġ biex dan iseħħ.

TAQSIMA IV

Ajrudromi

Artikolu 33

Rekwiżiti essenzjali

L-ajrudromi, it-tagħmir tal-ajrudromi relatat mas-sikurezza, l-operazzjoni tal-ajrudromi, u l-forniment ta' servizzi fuq l-art u tal- AMS fl-ajrudromi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness VII u, jekk applikabbli, l-Anness VIII.

Artikolu 34

Ċertifikazzjoni tal-ajrudrom

1.   Għandu jkun meħtieġ ċertifikat fir-rigward tal-ajrudromi. Dak iċ-ċertifikat għandu jkopri l-ajrudrom u t-tagħmir tiegħu li jkun relatat mas-sikurezza, sakemm it-tagħmir relatat mas-sikurezza ma jkunx kopert b'dikjarazzjoni jew ċertifikat msemmi fil-punti (a) u (b) rispettivament tal-Artikolu 35(1).

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-ajrudrom:

(a)

jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 36 u mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tal-ajrudrom stabbilita fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu; u

(b)

ma jkollu l-ebda fattur jew karatteristika li jagħmluh perikoluż għall-operazzjoni.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi emendat biex jinkludi bidliet fl-ajrudrom jew fit-tagħmir tiegħu li jkun relatat mas-sikurezza, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 36(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat meta l-ajrudrom jew it-tagħmir tiegħu li jkun relatat mas-sikurezza ma jibqax konformi mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punti (c) tal-Artikolu 36(1).

5.   Il-bażi taċ-ċertifikazzjoni għal ajrudrom għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli taċ-ċertifikazzjoni relatati mat-tip ta' ajrudromi;

(b)

dawk id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli taċ-ċertifikazzjoni li għalihom ikun ġie aċċettat livell ekwivalenti ta' sikurezza;

(c)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati speċjali meħtieġa meta l-karatteristiċi tad-disinn ta' ajrudrom partikolari jew l-esperjenza fl-operazzjoni jwasslu biex kwalunkwe speċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu ma tkunx adegwata jew xierqa sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33.

Artikolu 35

Tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza

1.   B'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 36 jistgħu jeħtieġu li l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza li jintuża jew ikun intenzjonat biex jintuża f'ajrudromi soġġetti għal dan ir-Regolament:

(a)

jiddikjaraw li tali tagħmir jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti f'konformità ma' dawk il-miżuri ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 36; jew

(b)

ikollhom ċertifikat fir-rigward ta' dak it-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li l-apparat jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 36 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-funzjonalitajiet tat-tagħmir. Dak iċ-ċertifikat għandu jiġi emendat sabiex jirrifletti bidliet għal dawk il-funzjonalitajiet, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 36(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat, meta t-tagħmir ma jibqax jikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 36(1).

Artikolu 36

Atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-ajrudromi u t-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33 u l-konformità magħhom, għall-ajrudromi u t-tagħmir tal-ajrudromi relatat mas-sikurezza, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri biex tiġi stabbilita u tiġi nnotifikata lill-applikant, abbażi tal-Artikolu 34(5), il-bażi taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għal ajrudrom għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 34(1);

(b)

ir-regoli u l-proċeduri biex jiġu stabbiliti u jiġu nnotifikati lill-applikant l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati applikabbli għat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 35(1);

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati tal-ajrudromi msemmija fl-Artikolu 34, inkluż il-limitazzjonijiet operazzjonali relatati mad-disinn speċifiku tal-ajrudrom;

(d)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati għat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 35(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn iċ-ċertifikati jridu jkunu meħtieġa;

(e)

ir-regoli u l-proċeduri biex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati applikabbli għat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza li jkun soġġett għal dikjarazzjoni f'konformità mal-Artikolu 35(1);

(f)

ir-regoli u l-proċeduri għad-dikjarazzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 35(1), fir-rigward ta' tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza, u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dikjarazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa;

(g)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 34 u 35(1), u tal-organizzazzjonijiet li jagħmlu dikjarazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 35(1);

(h)

ir-regoli u l-proċeduri għall-aċċettazzjoni u għall-konverżjoni ta' ċertifikati nazzjonali ta' ajrudrom li nħarġu abbażi tal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri fiċ-ċertifikati tal-ajrudromi msemmija fl-Artikolu 34 ta' dan ir-Regolament, inkluż il-miżuri li diġà jkunu awtorizzati mill-Istat Membru kkonċernat abbażi ta' differenzi nnotifikati għall-Anness 14 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness 14 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 37

Organizzazzjonijiet

1.   L-organizzazzjonijiet responsabbli mill-operazzjoni tal-ajrudromi għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni u għandu jinħarġilhom ċertifikat. Dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 39 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33.

Iċ-ċertifikat għandu jispeċifika l-privileġġi li ngħataw lill-organizzazzjoni ċertifikata u l-ambitu taċ-ċertifikat.

2.   L-organizzazzjonijiet responsabbli għall-forniment tas-servizzi fuq l-art u tal-AMS fl-ajrudromi soġġetti għal dan ir-Regolament għandhom jiddikjaraw il-kapaċità tagħhom, u d-disponibbiltà li għandhom tal-mezzi biex iwettqu r-responsabbiltajiet assoċjati mas-servizzi pprovduti f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33.

Artikolu 38

Protezzjoni tal-inħawi tal-ajrudromi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-ajrudromi li jinsabu fit-territorju tagħhom ikunu salvagwardati minn attivitajiet u żviluppi fl-inħawi tagħhom li jistgħu jikkawżaw riskji inaċċettabbli għall-inġenji tal-ajru li jużaw l-ajrudrom.

2.   L-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1) għandhom jagħmlu monitoraġġ tal-attivitajiet u l-iżviluppi li jistgħu jikkawżaw riskji inaċċettabbli għas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-inħawi tal-ajrudrom għall-operazzjoni li jkunu responsabbli għaliha. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itaffu dawk ir-riskji sa fejn dan ikun fil-kontroll tagħhom u, meta dan ma jkunx il-każ, iressqu dawk ir-riskji għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun jinsab l-ajrudrom.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 39

Setgħat delegati

1.   Għat- tħaddim tal-ajrudromi u l-għoti ta' servizzi fuq l-art u tal-AMS fl-ajrudromi, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 128 li jistabbilixxu regoli dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjoni tal-ajrudromi f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33;

(b)

il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 37(1);

(c)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 37(1);

(d)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni minn organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi fuq l-art u minn organizzazzjonijiet li jipprovdu l-AMS f'konformità mal-Artikolu 37(2), inkluż ir-rikonoxximent, mingħajr verifika ulterjuri, mill-operaturi, ta' dawk id-dikjarazzjonijiet;

(e)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet ta' organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi fuq l-art u organizzazzjonijiet li jipprovdu AMS li għamlu dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 37(2);

2.   Fir-rigward tal-ajrudromi, tagħmir tal-ajrudromi relatat mas-sikurezza, l-operazzjoni tal-ajrudromi, u s-servizzi fuq l-art u tal-AMS il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 128, biex temenda l-Anness VII u, jekk applikabbli, l-Anness VIII, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew ta' evidenza tas-sikurezza relatata mal-ajrudromi, sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 u skont kif ikun meħtieġ biex dan iseħħ.

TAQSIMA V

ATM/ANS

Artikolu 40

Rekwiżiti essenzjali

1.   Il-forniment ta' ATM/ANS imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1) għandu jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness VIII u, jekk applikabbli, l-Anness VII.

2.   L-inġenji tal-ajru kollha li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, għajr dawk involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(3)(a), għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness VIII.

Artikolu 41

Fornituri ta' ATM/ANS

1.   Il-fornituri ta' ATM/ANS għandhom jiġu mitluba li jkollhom fil-pussess tagħhom ċertifikat.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fi-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 43 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil -paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-privileġġi li ngħataw. Dak iċ-ċertifikat jista' jiġi emendat sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1).

5.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 43, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-fornituri tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-titjir jitħallew jiddikjaraw il-kapaċità tagħhom, u d-disponibbiltà li għandhom tal-mezzi biex iwettqu r-responsabbiltajiet assoċjati mas-servizzi pprovduti f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40. F'dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu.

6.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet lil fornituri ta' ATM/ANS mir-rekwiżit li jkollhom fil-pussess tagħhom ċertifikat, meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-fornitur ikollu s-sede prinċipali tan-negozju tiegħu barra mit-territorji li għalihom huma responsabbli l-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni ta' Chicago;

(b)

il-forniment ta' ATM/ANS minn dak il-fornitur jikkonċerna t-traffiku tal-ajru ta' volum żgħir f'parti limitata tal-ispazju tal-ajru li għalih ikun responsabbli l-Istat Membru li jagħti l-eżenzjoni u meta dik il-parti tal-ispazju tkun tmiss mal-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà ta' pajjiż terz;

(c)

li fornitur ikun meħtieġ juri l-konformità mar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ikun jinvolvi sforz sproporzjonat minn dak il-fornitur minħabba n-natura u r-riskju tal-attività partikolari li jwettaq f'dak l-ispazju tal-ajru;

(d)

l-Istat Membru kkonċernat ikun stabbilixxa regoli u proċeduriapplikabbli għall-forniment ta' ATM/ANS mill-fornitur li jiżguraw, f'konformità ma' standards internazzjonali u prattiki rrakkomandati u b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ in kwistjoni, livell aċċettabbli ta' sikurezza u konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40, u stabbilixxa mezzi xierqa u effettivi u arranġamenti ta' sorveljanza u infurzar biex tkun żgurata l-konformità ma' dawk ir-regoli u l-proċeduri;

(e)

l-ambitu tal-eżenzjoni huwa definit b'mod ċar u l-eżenzjoni tibqa' limitata għal dak li hu strettament neċessarju; meta t-tul tagħha jeċċedi ħames snin, l-eżenzjoni tkun soġġetta għal rieżami regolari f'intervalli xierqa; u l-eżenzjoni tiġi applikata b'mod mhux diskriminatorju.

Fejn Stat Membru jkun biħsiebu jagħti tali eżenzjoni, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bl-intenzjoni tiegħu u jistabbilixxi l-informazzjoni rilevanti kollha.

Wara li tikkonsulta lill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkun fihom id-deċiżjoni tagħha dwar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ġewx sodisfatti. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 127(2). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u inklużi mill-Aġenzija fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti biss l-eżenzjoni jekk l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu jkun fihom deċiżjoni pożittiva. Huwa għandu jirtira l-eżenzjoni fejn isir jaf, b'mod partikolari permezz tar-rieżami regolari msemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ma jkunux aktar sodisfatti. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mingħajr dewmien dwar l-għoti ta' kwalunkwe eżenzjoni u, fejn xieraq, l-eżitu ta' dawn ir-rieżamijiet u kwalunkwe rtirar.

Artikolu 42

Organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-manutenzjoni ta' sistemi tal-ATM/ANS u ta' kostitwenti ATM/ANS

1.   B'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-produzzjoni jew il-manutenzjoni ta' sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS, jistgħu jkunu meħtieġa, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, biex:

(a)

jiddikjaraw il-kapaċità tagħhom, u d-disponibbiltà tagħhom tal-mezzi, biex iwettqu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-attivitajiet imwettqa f'konformità ma' dawk il-atti ta' implimentazzjoni; jew

(b)

ikollhom ċertifikat.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 1(b) ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mar-regoli stabbiliti bl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 43 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-privileġġi li ngħataw. Iċ-ċertifikat jista' jiġi emendat sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1).

Artikolu 43

Atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-fornituri ta' ATM/ANS u l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-produzzjoni jew il-manutenzjoni ta' sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 u l-konformità magħhom, għall-forniment ta' ATM/ANS imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri speċifiċi għall-forniment ta' ATM/ANS f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40, inkluż l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' kontinġenza f'konformità mal- punt 5.1(f) tal-Anness VIII;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 41(1);

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni mill-fornituri ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-titjir imsemmija fl-Artikolu 41(5), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dikjarazzjonijiet bħal dawn iridu jkunu permessi;

(d)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 42(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn iċ-ċertifikati iridu jkunu meħtieġa;

(e)

ir-regoli u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni mill-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 42(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dikjarazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa;

(f)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 41(1) u fil-punt (b) 42(1), u tal-organizzazzjonijiet li jagħmlu dikjarazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 41(5) u mal-punt (a) tal-Artikolu 42(1);

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont debitu tal-Pjan Regolatorju tal-ATM.

3.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Annessi 2 sa 4, 10, 11 u 15 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 44

Atti ta' implimentazzjoni rigward l-użu tal-ispazju tal-ajru u d-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 u l-konformità magħhom, għall-forniment ta' ATM/ANS imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1), kif ukoll id-disinn ta' strutturi tal-ispazju tal-ajru, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4, u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli tal-operazzjoni relatati mal-użu tal-ispazju tal-ajru, it-tagħmir tal-ispazju tal-ajru u mas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS meħtieġa għall-użu tal-ispazju tal-ajru;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għad-disinn ta' strutturi tal-ispazju tal-ajru sabiex tiġi żgurata konformità mal-Artikolu 46.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont debitu tal-Pjan Regolatorju tal-ATM.

3.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Annessi 2, 3, 10, 11 u 15 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 45

Sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS

1.   Meta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 ikunu jipprevedu hekk, il-fornituri tal-ATM/ANS imsemmija fl-Artikolu 41 għandhom jintalbu jiddikjaraw li s-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS li jridu jitħaddmu minn dawk il-fornituri tas-servizzi jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40.

2.   Meta l-atti delegati adottati msemmija ffl-Artikolu 47 ikunu jipprevedu hekk, is-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni u għandu jinħarġilhom ċertifikat.

Dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li dawk is-sistemi u l-kostitwenti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 ikunu jipprevedu hekk, l-organizzazzjoni involuta fid-disinn, il- jew il-manutenzjoni ta' sistemi tal-ATM/ANS u ta' kostitwenti tal-ATM/ANS għandhom ikunu awtorizzati jiddikjaraw li dawk is-sistemi u l-kostitwenti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 u li dawk is-sistemi u l-kostitwenti jkunu adattati għall-użu.

Artikolu 46

Disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru huma mfassla, issorveljati u validati kif xieraq qabel ma jkunu jistgħu jiġu attivati u jintużaw bħala inġenji tal-ajru, skont ir-regoli dettaljati adottati mill-Kummissjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 44(1).

Artikolu 47

Setgħat delegati

1.   Għas- sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 128, li jistabbilixxu regoli dettaljati fir-rigward:

(a)

tal-kondizzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti u nnotifikati lill-applikant l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati applikabbli għas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 45(2);

(b)

tal-kondizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 45(2), u għas-sitwazzjonijiet li fihom, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u filwaqt li jitqiesu n-natura u r-riskju tal-attività partikolari kkonċernata, iridu jkunu rikjesti ċertifikati bħal dawn jew iridu jkunu permessi dikjarazzjonijiet, kif applikabbli;

(c)

tal-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 45(2);

(d)

tal-privileġġi u r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet li joħorġu dikjarazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 45(1) u (2);

(e)

tal-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni minn fornituri tal-ATM/ANS, f'konformità mal-Artikolu 45(1), u għas-sitwazzjonijiet li fihom, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 u filwaqt li jitqiesu n-natura u r-riskju tal-attività partikolari kkonċernata, iridu jkunu rikjesti dikjarazzjonijiet bħal dawn;

(f)

tal-kondizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati applikabbli għas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS li huma soġġetti għal dikjarazzjoni f'konformità mal-Artikolu 45(1) u (2).

2.   Fir-rigward tal-forniment ta' ATM/ANS, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 128, biex temenda l-Anness VIII u jekk applikabbli, l-Anness VII, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew ta' evidenza tas-sikurezza relatata mal-ATM/ANS, sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 u skont kif ikun meħtieġ biex dan iseħħ.

TAQSIMA VI

Kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

Artikolu 48

Rekwiżiti essenzjali

Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru involuti fil-forniment ta' ATM/ANS imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1), kif ukoll il-persuni, l-organizzazzjonijiet u l-apparat sintetiku tat-taħriġ involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-verifika jew il-valutazzjoni medika ta' dawk il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness VIII.

Artikolu 49

Kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

1.   Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom ikunu meħtieġa jkollhom liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru u ċertifikat mediku ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru għas-servizz li għandu jiġi pprovdut.

2.   Il-liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msdemmija fl-Artikolu 50 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48.

3.   I-ċ-ċertifikat mediku ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-kontrollur tat-traffiku tal-ajru jkun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 50 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48.

4.   Il-liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru u ċ-ċertifikat mediku ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw il-privileġġi li ngħataw lill-kontrollur tat-traffiku tal-ajru. Dik il-liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru u ċ-ċertifikat mediku ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru jistgħu jiġu emendati biex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1).

5.   Il-liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru u ċ-ċertifikat mediku ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu limitati, sospiżi jew revokati meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' liċenzja jew ċertifikat mediku, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1).

Artikolu 50

Atti ta' implimentazzjoni rigward il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48 u l-konformità magħhom, għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4, u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

il-kategoriji, il-klassifikazzjonijiet u l-approvazzjonijiet differenti għal-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru msemmija fl-Artikolu 49;

(b)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi ta' liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, il-klassifikazzjonijiet u l-approvazzjonijiet għal-liċenzji u għaċ-ċertifikati mediċi msemmija fl-Artikolu 49;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji, il-klassifikazzjonijiet u l-approvazzjonijiet għal-liċenzji u għaċ-ċertifikati mediċi tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru msemmija fl-Artikolu 49, inkluż ir-regoli u l-proċeduri għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u taċ-ċertifikati mediċi nazzjonali għal-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u għaċ-ċertifikati mediċi msemmija fl-Artikolu 49;

(d)

ir-regoli u l-proċeduri għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fir-rigward tal-limitazzjonijiet tal-ħin ta' ħidma u r-rekwiżiti ta' mistrieħ; dawn ir-regoli u l-proċeduri jridu jipproduċu livell għoli ta' sikurezza billi jipproteġu kontra l-effetti tal-għeja filwaqt li, fl-istess ħin, jippermettu biżżejjed flessibbiltà fl-iskedar.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness 1 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 51

Organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u ċentri ajrumediċi

1.   Għandha tkun meħtieġa approvazzjoni għall-organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u ċ-ċentri ajrumediċi.

2.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 53 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48.

3.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tispeċifika l-privileġġi li ngħataw lill-organizzazzjoni. L-approvazzjoni tista' tiġi emendata sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1).

4.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi limitata, sospiża jew revokata meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali approvazzjoni, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1).

Artikolu 52

Għalliema, assessuri u eżaminaturi ajrumediċi

1.   Il-persuni responsabbli li jipprovdu t-taħriġ prattiku, li jivvalutaw il-ħiliet prattiċi tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll l-eżaminaturi ajrumediċi, għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom ċertifikat.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 53 adottati biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-privileġġi li ngħataw. Iċ-ċertifikat jista' jiġi emendat sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-privileġġi, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1).

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mar-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1).

Artikolu 53

Atti ta' implimentazzjoni rigward it-taħriġ, l-ittestjar, il-verifika u l-valutazzjoni medika

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48 u l-konformità magħhom, għall-persuni u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, l-ittestjar, il-verifika u l-valutazzjoni medika ta' kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati imsemmija fl-Artikoli 51 u 52;

(b)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 51 u 52.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 48 ta' dan ir-Regolament u għandha tieħu kont debitu tal-istandards internazzjonali u prattiki rakkomandati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness 1 għall-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 54

Setgħat delegati

Fir-rigward tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, tal-persuni u tal-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, fl-ittestjar, fil-kontrolli jew fil-valutazzjoni medika tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll tal-apparat sintetiku tat-taħriġ, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 128, li temenda l-Anness VIII, meta dan ikun neċessarju għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew ta' evidenza tas-sikurezza relatata mal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ u mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 u skont kif ikun meħtieġ biex dan iseħħ.

TAQSIMA VII

Inġenji tal-ajru Mingħajr Bdot Abbord

Artikolu 55

Rekwiżiti Essenzjali għal Inġenji tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord

Id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), fejn jikkonċerna inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, kif ukoll il-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness IX, u, fejn l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57 jipprevedu dan, bir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Annessi II, IV u V.

Artikolu 56

Konformità tal-Inġenji tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord

1.   B'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, il-karatteristiċi operazzjonali tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord ikkonċernati u l-karatteristiċi taż-żona ta' operazzjoni, jista' jkun meħtieġ ċertifikat għad-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni, u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, kif ukoll dwar il-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawn l-attivitajiet, f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera li jikkonforma mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jispeċifika l-limitazzjonijiet relatati mas-sikurezza, il-kondizzjonijiet tal-operazzjoni u l-privileġġi. Iċ-ċertifikat jista' jiġi emendat sabiex jiżdiedu jew jitneħħew il-limitazzjonijiet, il-kondizzjonijiet u l-privileġġi, f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

4.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi limitat, sospiż jew revokat, meta d-detentur ma jibqax jikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ u ż-żamma ta' tali ċertifikat, f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

5.   B'kont meħud tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4, u b'mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, il-karatteristiċi operazzjonali tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord ikkonċernati u l-karatteristiċi taż-żona ta' operazzjoni, l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57 jistgħu jeħtieġu fir-rigward tad-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni, u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, kif ukoll dwar il-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawn l-attivitajiet, dikjarazzjoni li tikkonferma l-konformità ma' dawk l-atti delegati u ta' implimentazzjoni.

6.   Fejn l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 jistgħu jinkisbu mingħajr l-applikazzjoni tal-Kapitoli IV u V ta' dan ir-Regolament, l-atti delegati msemmija fil-punt (c) tal-Artikoli 58(1) jistgħu jipprevedu li dawk il-Kapitoli la għandhom japplikaw għar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 55 u lanqas għar-regoli dettaljati korrispondenti stabbiliti skont l-Artikolu 58. F'każijiet bħal dawn, dawk ir-rekwiżiti essenzjali u dawk ir-regoli dettaljati għandhom jikkostitwixxu “leġislazzjoni Komunitarja ta' armonizzazzjoni” fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), u tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u ta' operaturi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li huma soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57 u l-punt 4 tal-Anness IX tinħażen f'sistemi ta' reġistrazzjoni nazzjonali diġitali, armonizzati u interoperabbli. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess u jaqsmu dik l-informazzjoni permezz tar-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74.

8.   Din it-Taqsima għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli nazzjonali li jagħmlu soġġett għal ċerti kondizzjonijiet l-operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għal raġunijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali skont il-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 57

Atti ta' implimentazzjoni rigward inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 55 u l-konformità magħhom, għall-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), fejn huma kkonċernati inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll il-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, u abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri speċifiċi għall-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord kif ukoll għall-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-operazzjonijiet;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni, jew ir-revoka taċ-ċertifikati, jew biex isiru dikjarazzjonijiet, għall-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord kif ukoll għall-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, u għas-sitwazzjonijiet li fihom dawn iċ-ċertifikati jew dikjarazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa; ir-regoli ul-proċeduri għall-ħruġ ta' dawk iċ-ċertifikati u biex isiru dawk id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu bbażati fuq, jew jikkonsistu mir-rekwiżiti dettaljati msemmija fit-Taqsimiet I, II u III;

(c)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati u tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu d-dikjarazzjonijiet;

(d)

ir-regoli u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni u l-immarkar ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u għar-reġistrazzjoni ta' operaturi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, imsemmija fit-Taqsima 4 tal-Anness IX;

(e)

ir-regoli u l-proċeduri biex jiġu stabbiliti sistemi ta' reġistrazzjoni nazzjonali diġitali, armonizzati u interoperabbli msemmija fl-Artikolu 56(7).

(f)

ir-regoli u l-proċeduri għall-konverżjoni ta' ċertifikati nazzjonali fiċ-ċertifikati meħtieġa skont l-Artikolu 56(1).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 58

Setgħat delegati

1.   Għad-disinn, il-produzzjoni, u l-manutenzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) u (b) tal-Artikolu 2(1), fejn jikkonċerna inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir li bih inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod, kif ukoll għall-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 128 biex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

il-kondizzjonijiet speċifiċi għad-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir għall-kontroll tal-inġenji tal-ajru mill-bogħod, kif ukoll għall-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 55 li jistgħu jinkludu l-kondizzjonijiet li skonthom inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord jintalbu li jkunu mgħammra bil-karatteristiċi meħtieġa u l-funzjonalitajiet relatati, b'mod partikolari, mad-distanza massima ta' operazzjoni u l-limitazzjonijiet ta' altitudni, il-komunikazzjoni tal-pożizzjoni, ir-restrizzjoni fid-dħul ta' żoni ġeografiċi, l-evitar ta' kolliżjoni, l-istabbilizzazzjoni tat-titjiriet u l-inżul awtomatizzat;

(b)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni, jew ir-revoka taċ-ċertifikati, jew biex isiru dikjarazzjonijiet, għad-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, il-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir għall-kontroll tal-inġenji tal-ajru mill-bogħod, kif ukoll għall-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, imsemmija fl-Artikolu 56(1) u (5), u għas-sitwazzjonijiet li fihom tali ċertifikati jew dikjarazzjonijiet iridu jkunu meħtieġa; il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex jinħarġu dawk iċ-ċertifikati u biex isiru dawk id-dikjarazzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq, jew jikkonsistu mir-rekwiżiti dettaljati msemmija fit-Taqsimiet I, II u III;

(c)

il-kondizzjonijiet li skonthom ir-rekwiżiti li jikkonċernaw id-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat tagħhom u t-tagħmir għall-kontroll tagħhom mill-bogħod, ma jridux ikunu soġġetti għall-Kapitoli IV u V, għall-fini tal-Artikolu 56(6);

(d)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati u tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu d-dikjarazzjonijiet;

(e)

il-kondizzjonijiet għall-konverżjoni ta' ċertifikati nazzjonali fiċ-ċertifikati meħtieġa skont l-Artikolu 56(1).

2.   Fir-rigward tad-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) fejn jikkonċerna inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat tagħhom u t-tagħmir li bih l-inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod, kif ukoll il-persunal, inkluż piloti mill-bogħod, u organizzazzjonijiet involuti f'dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 128, biex temenda l-Anness IX u, jekk ikun applikabbli, l-Anness III, fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' żviluppi tekniċi, operazzjonali jew xjentifiċi jew ta' evidenza dwar is-sikurezza relatata mal-operazzjonijiet tal-ajru, sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u skont kif ikun meħtieġ biex dan iseħħ.

TAQSIMA VIII

Inġenji tal-ajru li jintużaw minn operatur ta' pajjiż terz lejn l-Unjoni, fiha jew 'il barra minnha

Artikolu 59

Regoli applikabbli

Mingħajr preġudizzju għall-punt 1 tal-Anness VIII u r-regoli adottati abbażi tal-punt (a) tal-Artikolu 44(1), l-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1), kif ukoll l-ekwipaġġ tal-ajru tagħhom u l-operazzjonijiet tagħhom, għandhom ikunu konformi mal-istandards applikabbli tal-ICAO.

Sal-punt li m'hemmx standards bħal dawn, dawk l-inġenji tal-ajru l-ekwipaġġ tal-kabina tagħhom u l-operazzjonijiet tagħhom għandhom jikkonformaw:

(a)

fir-rigward ta' inġenji tal-ajru minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Annessi II, IV u V;

(b)

fir-rigward ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness IX u, fejn l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 61 jipprevedu dan, mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Annessi II, IV u V.

Madankollu t-tieni subparagrafu m'għandux japplika fejn dawk ir-rekwiżiti essenzjali jmorru kontra d-drittijiet ta' pajjiżi terzi taħt konvenzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 60

Konformità

1.   L-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) għat-trasport kummerċjali bl-ajru għandha tkun soġġetta għal ċertifikazzjoni u tinħarġilha awtorizzazzjoni.

Dik l-awtorizzazzjoni tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera l-kapaċità tiegħu u d-disponibbiltà li għandu tal-mezzi biex iwettaq ir-responsabbiltajiet assoċjati mal-operazzjoni ta' dak l-inġenju tal-ajru f'konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 59. L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-privileġġi li ngħataw lill-operatur u l-ambitu tal-operazzjonijiet.

2.   Meta l-atti delegati adottati msemmija fl-Artikolu 61 jipprevedu hekk, l-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) għajr għat-trasport kummerċjali bl-ajru għandha tkun soġġetta għal ċertifikazzjoni u għandha tinħarġilha awtorizzazzjoni.

Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ meta ssir applikazzjoni, meta l-applikant ikun wera l-kapaċità tiegħu u d-disponibbiltà li għandu tal-mezzi biex iwettaq ir-responsabbiltajiet assoċjati mal-operazzjoni ta' dak l-inġenju tal-ajru f'konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 59.

L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-privileġġi li ngħataw lill-operatur u l-ambitu tal-operazzjonijiet.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, meta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 61 ikunu jipprovdu hekk, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) li jkunu involuti f'operazzjonijiet għajr it-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jitħallew jiddikjaraw il-kapaċità tagħhom u d-disponibbiltà li għandhom tal-mezzi biex iwettqu r-responsabbiltajiet assoċjati mal-operazzjoni ta' dawk l-inġenji tal-ajru f'konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 59.

3.   Minbarra l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, l-awtorizzazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu meħtieġa fir-rigward tal-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru li jkunu qed itiru biss fuq it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati.

Artikolu 61

Setgħat delegati

1.   Għall-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1), kif ukoll għall-ekwipaġġ tal-ajru tagħhom u għall-operat tagħhom, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 128, li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar:

(a)

l-awtorizzazzjoni ta' inġenji tal-ajru, li fir-rigward tagħhom ma jkun hemm l-ebda ċertifikat standard tal-ICAO għall-ajrunavigabbiltà, jew l-awtorizzazzjoni ta' bdoti li ma jkollhomx liċenzja standard tal-ICAO, biex joperaw lejn it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, fih jew 'il barra minnu;

(b)

il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru f'konformità mal-Artikolu 59;

(c)

kondizzjonijiet alternattivi għal każijiet meta l-konformità mal-istandards u mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 59 ma tkunx possibbli jew tkun tinvolvi sforz sproporzjonat mill-operatur, filwaqt li jiġi żgurat li l-objettivi tal-istandards u tar-rekwiżiti kkonċernati jiġu sodisfatti;

(d)

il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revokar tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60, u għas-sitwazzjonijiet li fihom, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u filwaqt li jitqiesu n-natura u r-riskju tal-attività partikolari kkonċernata, ikunu rikjesti awtorizzazzjonijiet bħal dawn jew ikunu permessi dikjarazzjonijiet bħal dawn, kif applikabbli. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom iqisu ċ-ċertifikati li nħarġu mill-istat tar-reġistrazzjoni, l-istat tal-operatur, u, fil-każ ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, l-istat fejn ikun jinsab it-tagħmir biex jikkontrolla mill-bogħod l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u jkunu mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 u għar-regoli ta' implimentazzjoni adottati abbażi ta' dan;

(e)

il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60(1) u (2), u, meta rilevanti, l-operaturi ta' inġenji tal-ajru li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 60(2).

2.   Meta tadotta r-regoli msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura, b'mod partikolari, li:

(a)

isir użu, kif xieraq, mill-prattiki rakkomandati u mid-dokumenti ta' gwida tal-ICAO;

(b)

l-ebda rekwiżit ma jeċċedi dak li huwa meħtieġ skont dan ir-Regolament mill-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 2(1) u mill-ekwipaġġ tal-ajru u mill-operaturi ta' inġenji tal-ajru bħal dawn;

(c)

il-proċess li permezz tiegħu jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ikun sempliċi, proporzjonat, effettiv u kosteffiċjenti u jippermetti li tintwera l-konformità b'mod proporzjonat mal-kumplessità tal-operazzjoni u r-riskju involut f'dik l-operazzjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħed kont ta':

(i)

ir-riżultati tal-Programm Universali ta' Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza tal-ICAO;

(ii)

l-informazzjoni li tinġabar fil-qafas ta' programmi ta' spezzjoni tar-rampa stabbiliti f'konformità mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 62(13) u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 62(14);

(iii)

informazzjoni rikonoxxuta oħra dwar aspetti ta' sikurezza fir-rigward tal-operatur ikkonċernat;

(iv)

iċ-ċertifikati li jinħarġu f'konformità mal-liġijiet ta' pajjiż terz.

(d)

jitqiesu l-aspetti relatati mal-ATM/ANS.

KAPITOLU IV

SISTEMA KONĠUNTA TA' ĊERTIFIKAZZJONI, SORVELJANZA U INFURZAR

Artikolu 62

Ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fi ħdan is-sistema Ewropea unika ta' sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

2.   Sabiex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom:

(a)

jirċievu u jivvalutaw l-applikazzjonijiet li jsirulhom, u, fejn ikun applikabbli, joħorġu jew iġeddu ċ-ċertifikati u jirċievu d-dikjarazzjonijiet li jsirulhom, f'konformità mal-Kapitolu III;

(b)

jissorveljaw id-detenturi taċ-ċertifikati, ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet, u ta' prodotti, ta' parts, ta' tagħmir, ta' sistemi ATM/ANS u ta' kostitwenti ATM/ANS, ta' apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir u ta' ajrudromi li jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament;

(c)

iwettqu l-investigazzjonijiet, l-ispezzjonijiet, fosthom spezzjonijiet tar-rampa, l-awditi u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ meħtieġa biex jiġi identifikat ksur possibbli minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi soġġetti għal dan ir-Regolament tar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(d)

jieħdu l-miżuri ta' infurzar meħtieġa kollha, inkluż l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikati li nħarġu minnhom, il-projbizzjoni ta' inġenji tal-ajru mit-titjir u l-applikazzjoni ta' penali, sabiex jintemm il-ksur identifikat;

(e)

jipprojbixxu, jillimitaw u jagħmlu soġġett għal ċerti kondizzjonijiet l-attivitajiet imsemmija fil-Kapitolu III, fl-interess tas-sikurezza;

(f)

jiżguraw livell xieraq ta' kwalifiki tal-persunal tagħhom li jkun involut f'kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar, inkluż billi jipprovdu taħriġ adegwat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom ikunu indipendenti meta jieħdu deċiżjonijiet tekniċi dwar iċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar u jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod imparzjali, u trasparenti u jkunu organizzati, immexxija u b'persunal kif xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom ikollhom ir-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom skont dan ir-Regolament b'mod effiċjenti u f'waqtu.

4.   Ir-responsabbiltajiet għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti f'konformità ma' dan il-paragrafu.

L-Aġenzija għandha tkun responsabbli fejn dawk il-kompiti jkunu ġew attribwiti lilha skont l-Artikoli 77 sa 82 u fejn dawk il-kompiti jkunu ġew allokati lilha skont l-Artikoli 64 u 65.

Madankollu, fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni f'konformità mal-Artikolu 41(6), il-punt (a) tal-Artikolu 80(1) ma għandux jibqa' japplika u l-Istat Membru għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza u l-infurzar fir-rigward tal-fornitur tal-ATM/ANS ikkonċernat kif previst f'dik l-eżenzjoni.

L-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinstab l-ajrudrom għandha tkun responsabbli għal dawk il-kompiti fir-rigward taċ-ċertifikat tal-ajrudrom imsemmi fl-Artikolu 34(1) u taċ-ċertifikat għal operatur ta' ajrudrom imsemmi fl-Artikolu 37(1).

Dik l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tkun responsabbli wkoll għall-kompiti ta' sorveljanza u infurzar fir-rigward tal-organizzazzjonijiet responsabbli għall-forniment tas-servizzi fuq l-art u l-AMS f'dak l-ajrudrom.

Fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-persuna fiżika jew ġuridika li tapplika għaċ-ċertifikat jew li qed tagħmel id-dikjarazzjoni jkollha s-sede prinċipali tan-negozju tagħha jew, fejn dik il-persuna ma jkollha ebda sede prinċipali ta' negozju, ikollha l-post ta' residenza jew il-post ta' stabbiliment tagħha, għandha tkun responsabbli għal dawk il-kompiti, sakemm it-twettiq effettiv tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza, u l-infurzar ma jkunx jeħtieġ l-allokazzjoni tagħhom lil awtorità kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru differenti skont ir-regoli dettaljati msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 14.

Madankollu, meta l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 15 ikunu jipprevedu dan:

(a)

l-eżaminaturi ajrumediċi, iċ-ċentri ajrumediċi u t-tobba għandhom ikunu responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati mediċi tal-bdoti msemmija fl-Artikolu 21(1) u taċ-ċertifikati mediċi tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru msemmija fl-Artikolu 49(1);

(b)

l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-kabina li tkun inħarġitilhom approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 24 u l-operaturi ta' inġenju tal-ajru li jkun inħarġilhom ċertifikat f'konformità mal-Artikolu 30 għandhom ikunu responsabbli għall-ħruġ tal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina msemmija fl-Artikolu 22.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, b'deroga mill-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom, għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar fir-rigward ta' operaturi ta' inġenji tal-ajru involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru meta jiġu sodisfatti dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(a)

din ir-responsabbiltà konġunta kienet prevista fi ftehim konkluż bejn dawk l-Istati Membri qabel l-1 ta' Jannar 1992;

(b)

dawk l-Istati Membri żguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom iwettqu dawn il-kompiti b'mod effettiv skont dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom sa mhux aktar mit-12 ta' Marzu 2019, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b'dik id-deċiżjoni ta' responsabbiltà konġunta u jipprovdulhom l-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari l-ftehim imsemmi fil-punt (a) u l-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiżguraw li dawk il-kompiti jitwettqu b'mod effettivi skont il-punt (b).

Fejn il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Aġenzija, tqis li l-kondizzjonijiet speċifikati fl-ewwel subparagrafu ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha għal dan l-għan. Malli l-Kummissjoni tkun innotifikat dawn l-atti ta' implimentazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati, dawk l-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jimmodifikaw jew jirrevokaw id-deċiżjoni ta' responsabbiltà konġunta tagħhom u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija kif meħtieġ.

L-Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 id-deċiżjonijiet kollha tal- Kummissjoni u tal-Istati Membri li jkunu ġew notifikati skont dan il-paragrafu.

6.   Is-sorveljanza mwettqa mill-Aġenzija u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tkun kontinwa u bbażata fuq il-prijoritajiet stabbiliti fid-dawl tar-riskji għall-avjazzjoni ċivili.

7.   Meta tagħmel l-ispezzjonijiet tar-rampa msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, l-Aġenzija għandha tikkoopera mal-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir l-ispezzjoni tar-rampa.

8.   L-Aġenzija għandha timmaniġġja u topera l-għodod u l-proċeduri meħtieġa għall-ġbir, l-iskambju u l-analiżi ta' informazzjoni relatata mas-sikurezza li tkun inkisbet mill-ispezzjonijiet tar-rampa msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

9.   Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar, il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti, inkluż dwar ksur possibbli jew identifikat.

10.   L-Aġenzija għandha tippromwovi fehim u applikazzjoni komuni tar-rekwiżiti li jinsabu f'dan ir-Regolament u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, fost l-oħrajn billi tiżviluppa l-materjal ta' gwida msemmi fl-Artikolu 76(3) f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

11.   Kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika soġġetta għal dan ir-Regolament tista' tiġbed l-attenzjoni tal-Aġenzija għal kwalunkwe differenza allegata fl-applikazzjoni tar-regoli bejn l-Istati Membri. Meta differenzi bħal dawn ixekklu serjament l-attivitajiet ta' dawk il-persuni, jew inkella jwasslu għal diffikultajiet sostanzjali, l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jiġu indirizzati, u fejn meħtieġ, eliminati fil-pront dawk id-differenzi. Meta dawk id-differenzi ma jkunux jistgħu jiġu eliminati, l-Aġenzija għandha tippreżenta l-kwistjoni lill-Kummissjoni.

12.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa u effettivi biex iżidu u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u jqassmu informazzjoni relatata mas-sikurezza li tkun rilevanti għall-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti.

13.   Fir-rigward tal-kompiti tal-Aġenzija relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 128, li jistabbilixxu regoli dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

il-kondizzjonijiet għat-twettiq taċ-ċertifikazzjoni u għat-twettiq tal-investigazzjonijiet, l-ispezzjonijiet, l-awditjar u ta' attivitajiet oħra ta' monitoraġġ li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza effettiva mill-Aġenzija tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-prodotti, tal-parts, tat-tagħmir, tas-sistemi ATM/ANS, tal-kostitwenti ATM/ANS, tal-apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir u tal-ajrudromi li huma soġġetti għal dan ir-Regolament;

(b)

il-kondizzjonijiet għat-twettiq tal-ispezzjonijiet tar-rampa mill-Aġenzija u għall-projbizzjoni tal-inġenji tal-ajru mit-titjir meta l-inġenju tal-ajru, l-operatur tiegħu jew l-ekwipaġġ tal-ajru tiegħu ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(c)

il-kondizzjonijiet li skonthom l-attivitajiet irregolati mill-Kapitolu III jistgħu jiġu pprojbiti, limitati jew soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza;

(d)

il-kondizzjonijiet biex tinħareġ u titqassam informazzjoni obbligatorja u rakkomandazzjonijiet mill-Aġenzija f'konformità mal-Artikolu 76(6), biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-attivitajiet irregolati mill-Kapitolu III;

(e)

il-kondizzjonijiet biex tinħareġ u titqassam informazzjoni obbligatorja mill-Aġenzija, f'konformità mal-Artikolu 77, biex jiġu żgurati l-ajrunavigabbiltà kontinwa u l-kompatibbiltà ambjentali tal-prodotti, il-parts, tagħmir mhux installat u tagħmir biex l-inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod, u l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' mezzi alternattivi ta' konformità ma' dik l-informazzjoni obbligatorja;

(f)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni mill-Aġenzija ta' entità kwalifikata għall-fini tal-Artikolu 69.

14.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafi (2) sa (9) ta' dan l-Artikolu u l-konformità magħhom, fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għat-twettiq taċ-ċertifikazzjoni u għat-twettiq tal-investigazzjonijiet, tal-ispezzjonijiet, tal-awditjar u ta' attivitajiet oħra ta' monitoraġġ li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza effettiva mill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-prodotti, tal-parts, tat-tagħmir, tas-sistemi ATM/ANS u tal-kostitwenti ATM/ANS, tal-apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir u tal-ajrudromi li huma soġġetti għal dan ir-Regolament;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għat-twettiq tal-ispezzjonijiet tar-rampa mill-awtorità kompetenti nazzjonali u għall-projbizzjoni tal-inġenji tal-ajru mit-titjir meta l-inġenju tal-ajru, l-operatur tiegħu jew l-ekwipaġġ tal-ajru tiegħu ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri li skonthom l-attivitajiet rregolati fil-Kapitolu III jistgħu jiġu pprojbiti, limitati jew soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza;

(d)

rigward il-paragrafu 4, ir-regoli u l-proċeduri għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar;

(e)

ir-regoli u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni mill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' entità kwalifikata għall-fini tal-Artikolu 69.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

15.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafi (2) sa (9) ta' dan l-Artikolu u l-konformità magħhom, fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tal-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 u bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ġbir, l-iskambju u t-tixrid ta' informazzjoni rilevanti bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar inkluż informazzjoni dwar ksur possibbli jew identifikat;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-kwalifiki tal-persunal tal-Aġenzija u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali involut f'kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar u tal-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ tagħhom;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għas-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' ġestjoni tal-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni, ta' sorveljanza u ta' infurzar;

(d)

rigward il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, ir-regoli u l-proċeduri għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet lill-eżaminaturi ajrumediċi u ċ-ċentri ajrumediċi għall-fini li jinħarġu ċertifikati mediċi tal-bdoti u ċertifikati mediċi tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll il-kondizzjonijiet li skonthom it-tobba jingħataw responsabbiltajiet bħal dawn, bil-ħsieb li jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni medika tal-bdoti u tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru;

(e)

rigward il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, ir-regoli u l-proċeduri għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet lil organizzazzjonijiet ta' taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina u l-operaturi ta' inġenji tal-ajru għall-fini li jinħarġu attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina, bil-ħsieb li jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 63

Grupp ta' spetturi Ewropej tal-avjazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, mekkaniżmu għall-akkomunament u l-kondiviżjoni volontarju ta' spetturi u persunal ieħor b'għarfien espert rilevanti għat-twettiq tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni u sorveljanza skont dan ir-Regolament.

Għal dak l-għan, l-Aġenzija għandha, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, tiddefinixxi l-profili meħtieġa ta' kwalifiki u ta' esperjenza li abbażi tagħhom dawk l-awtoritajiet u l-Aġenzija għandhom jaħtru, soġġett għad-disponibbiltà, kandidati għall-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu għall-akkomunament u l-kondiviżjoni fir-rwol ta' spetturi Ewropej tal-avjazzjoni.

2.   L-Aġenzija u kull awtorità kompetenti nazzjonali jistgħu jitolbu assistenza mill-grupp ta' spetturi Ewropej tal-avjazzjoni fit-twettiq tal-attivitajiet ta' sorveljanza u ċertifikazzjoni. L-Aġenzija għandha tikkoordina t-tweġibiet għal dawk it-talbiet u tiżviluppa proċeduri xierqa għal dak il-fini, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

3.   L-ispetturi Ewropej tal-avjazzjoni għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' sorveljanza u ta' ċertifikazzjoni tagħhom taħt il-kontroll, l-istruzzjonijiet u r-responsabbiltà tal-Aġenzija jew tal-awtorità nazzjonali kompetenti li talbet l-assistenza tagħhom.

4.   L-ispejjeż tal-assistenza pprovduta mill-ispetturi Ewropej tal-avjazzjoni għandhom jitħallsu mill-awtorità li talbet l-assistenza.

Dik l-awtorità tista' tiddeċiedi li tiffinanzja dik l-assistenza permezz ta' tariffi mibgħuta u miġbura fuq il-bażi tar-regoli stabbiliti f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 6, mill-persuna ġuridika jew fiżika li kienet soġġetta għall-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni u sorveljanza li twettqu minn dawk l-ispetturi Ewropej tal-avjazzjoni.

F'dak il-każ, dik l-awtorità għandha tittrasferixxi l-ammont li jkun inġabar lill-awtorità li pprovdiet l-assistenza.

5.   Kull stqarrija, reġistrazzjoni u rapport mill-ispetturi Ewropej tal-avjazzjoni li jkunu qed jagħmlu l-attivitajiet tagħhom skont dan l-Artikolu għandhom, f'kull aspett, jiġu trattati bħala ekwivalenti għal dawk tal-ispetturi nazzjonali u għandhom jikkostitwixxu evidenza ammissibbli fi proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi.

6.   Fir-rigward tal-mekkaniżmu għall-akkomunament u l-kondiviżjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati fir-rigward:

(a)

tar-regoli u l-proċeduri li skonthom l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jitolbu, jirċievu jew jipprovdu assistenza permezz ta' dak il-mekkaniżmu;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri għall-awtorizzazzjonijiet u tar-regoli dettaljati applikabbli għall-ispetturi Ewropej tal-avjazzjoni meta jkunu qed jipprovdu assistenza bħal din;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-iffissar u l-ġbir tat-tariffi msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 64

Riallokazzjoni tar-responsabbiltà fuq talba tal-Istati Membri

1.   Stat Membru jista' jitlob lill-Aġenzija twettaq il-kompiti marbuta maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar imsemmija fl-Artikolu 62(2) fir-rigward ta' kwalunkwe jew kull persuna fiżika jew ġuridika, inġenju tal-ajru, tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza, sistema ATM/ANS u kostitwent ATM/ANS, tagħmir ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir u ajrudrom li għalih l-Istat Membru kkonċernat huwa responsabbli skont dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

Ladarba l-Aġenzija taċċetta din it-talba, hija għandha ssir l-awtorità kompetenti responsabbli mill-kompiti koperti minn dik it-talba u l-Istat Membru rikjedent għandu jinħeles mir-responsabbiltà għal dawk il-kompiti.

B'rabta mal-eżerċizzju tal-Aġenzija ta' dik ir-responsabbiltà għal dawk il-kompiti, għandhom japplikaw il-Kapitoli IV u V.

2.   Stat Membru jista' jitlob Stat Membru ieħor iwettaq il-kompiti marbuta maċ-ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar imsemmija fl-Artikolu 62(2) fir-rigward ta' kwalunkwe jew kull persuna fiżika jew ġuridika, inġenju tal-ajru, tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza, sistema ATM/ANS u kostitwent ATM/ANS, tagħmir ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir u ajrudrom li għalih l-Istat Membru kkonċernat huwa responsabbli skont dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

Ladarba l-Istat Membru jaċċetta din it-talba, huwa jsir responsabbli mill-kompiti koperti minn dik it-talba u l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jinħeles mir-responsabbiltà għal dawk il-kompiti.

Fir-rigward tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà għall-kompiti riallokati f'konformità ma' dan il-paragrafu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u IV u l-Artikoli 131 u 132, kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun aċċetta.

3.   Fir-rigward tal-infurzar, l-Istat Membru li jkun aċċetta t-talba, jew l-Aġenzija, għandhom ikunu responsabbli biss għal kwistjonijiet relatati mal-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, jew tal-Aġenzija, u li jikkonċernaw kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza riallokati lilhom skont dan l-Artikolu, kif ukoll l-applikazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet. Għall-kwistjonijiet l-oħra kollha dwar l-infurzar, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet prevista f'dan ir-Regolament u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu ma għandhomx jiġu affettwati.

4.   L-Aġenzija jew Stat Membru, kif applikabbli, ma għandhomx jaċċettaw it-talba msemmija fil-paragrafu 1 jew 2 ħlief meta l-Aġenzija jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tqis li għandha r-riżorsi meħtieġa u li tkun tista' teżerċita b'mod effettiv ir-responsabbiltà għall-kompiti kkonċernati.

5.   Meta Stat Membru jkun jixtieq japplika l-paragrafu 1 jew 2, dan għandu jikkonkludi mal-Aġenzija jew mal-Istat Membru l-ieħor, kif applikabbli, arranġamenti dettaljati li jikkonċernaw ir-riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti inkwistjoni. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati b'din ir-riallokazzjoni u, fil-każ tar-riallokazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Aġenzija, għandhom jiġu kkonsultati dwar dawk l-arranġamenti dettaljati qabel ma jiġu ffinalizzati. Dawk l-arranġamenti dettaljati għandhom, tal-anqas, jidentifikaw b'mod ċar il-kompiti li qed jiġu riallokati, u għandhom jinkludu l-arranġamenti legali, prattiċi u amministrattivi meħtieġa biex jiżguraw trasferiment b'mod ordnat u t-tkomplija effettiva u bla waqfien tat-twettiq tal-kompiti kkonċernati f'konformità ma' dan ir-Regolament u bl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, kif ukoll it-tkomplija mingħajr intoppi tal-attivitajiet imwettqa mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati. L-arranġamenti dettaljati għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta' rekords u dokumentazzjoni tekniċi rilevanti.

L-Aġenzija u l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati, kif applikabbli, għandhom jiżguraw li r-riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti tiġi eżerċitata f'konformità ma' dawk l-arranġamenti dettaljati.

6.   Permezz tar-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74, l-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli lista ta' Stati Membri li jkunu applikaw il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Dik il-lista għandha tidentifika b'mod ċar il-kompiti riallokati u l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kompiti wara r-riallokazzjoni tagħhom.

L-Aġenzija għandha tieħu kont tar-riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti meta twettaq spezzjonijiet u attivitajiet oħrajn ta' monitoraġġ f'konformità mal-Artikolu 85.

7.   Ir-riallokazzjonijiet tar-responsabbiltà taħt dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

Meta, f'konformità ma' dan l-Artikolu, Stat Membru jirrialloka r-responsabbiltà għall-kompiti li jkunu attribwiti lilu bil-Konvenzjoni ta' Chicago, huwa għandu jinnotifika lill-ICAO dwar il-fatt li l-Aġenzija jew Stat Membru ieħor ser iwettqu f'ismu l-funzjonijiet u d-dmirijiet mogħtija lilu skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

8.   Stat Membru li rrialloka r-responsabbiltà għall-kompiti lill-Aġenzija jew Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 jew 2, jista' jiddeċiedi, fi kwalunkwe mument, li jirrevoka r-riallokazzjoni. F'dak il-każ, għandhom japplikaw mutatus mutandis il-paragrafi 4, 5, 6 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7.

Artikolu 65

Riallokazzjoni tar-responsabbiltà wara talba tal-organizzazzjonijiet li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed

1.   Organizzazzjoni tista' titlob li l-Aġenzija taġixxi bħala l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar fir-rigward ta' dik l-organizzazzjoni, b'deroga mill-Artikolu 62(4), meta dik l-organizzazzjoni jkollha ċertifikat jew tkun eliġibbli biex tapplika għal ċertifikat f'konformità mal-Kapitolu III mingħand l-awtorità kompetenti nazzjonali minn wieħed mill-Istati Membri, iżda jkollha jew tkun biħsiebha jkollha proporzjon sostanzjali ta' faċilitajiet u persunal koperti b'dak iċ-ċertifikat allokati f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri l-oħrajn.

Talba bħal din tista' wkoll issir minn żewġ organizzazzjonijiet jew aktar li jiffurmaw parti mill-istess raggruppament ta' negozju, li kull waħda minnhom ikollha sede prinċipali tan-negozju fi Stat Membru differenti u li jkollha ċertifikat jew tkun eliġibbli biex tapplika għal ċertifikat f'konformità mal-Kapitolu III għall-istess tip ta' attività tal-avjazzjoni.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati lill-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li fihom ikollhom is-sedi prinċipali tan-negozju tagħhom.

Malli jirċievu dik it-talba, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkonsultaw lil xulxin u, jekk meħtieġ, jitolbu fehmiet supplimentari mill-organizzazzjonijiet li jkunu għamlu t-talba. F'dawk il-konsultazzjonijiet l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkunsidraw l-użu ta' spetturi u ta' persunal ieħor disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, fil-każ ta' qbil dwar ir-riallokazzjoni.

Jekk, wara dawk il-konsultazzjonijiet, l-Aġenzija jew l-awtorità kompetenti nazzjonali kkonċernata tqis li t-talba jista' jkollha effett negattiv fuq l-abbiltà tagħha stess li twettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar b'mod effettiv skont dan ir-Regolament u skont l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, jew ikun ser ikollha impatt negattiv ieħor fuq il-funzjonament effettiv tal-awtorità, din għandha, f'perijodu massimu ta' mhux aktar minn 180 jum mid-data ta' meta tkun irċeviet dik it-talba, tgħarraf lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati li tikkunsidra li r-raġuni għalfejn tikkunsidra li t-talba jista' jkollha effett negattiv, u tagħti ġustifikazzjoni. Dik l-ittra ta' informazzjoni għandha tiġi kkomunikata wkoll lill-parti l-oħra. F'dak il-każ, it-talba għandha titqies li ġiet miċħuda.

3.   Sakemm it-talba ma tkunx ġiet miċħuda skont il-paragrafu 2, l-Aġenzija u l-awtorità kompetenti nazzjonali kkonċernati għandhom jikkonkludu arranġamenti dettaljati dwar ir-riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti kkonċernati. L-organizzazzjonijiet li talbu lill-Aġenzija biex taġixxi bħala l-awtorità kompetenti tagħhom għandhom jiġu kkonsultati dwar dawk l-arranġamenti dettaljati qabel ma jiġu ffinalizzati. Dawk l-arranġamenti dettaljati għandhom, tal-anqas, jidentifikaw b'mod ċar il-kompiti li qed jiġu riallokati, u għandhom jinkludu l-arranġamenti legali, prattiċi u amministrattivi meħtieġa biex jiżguraw trasferiment b'mod ordnat, u t-tkomplija effettiva u bla waqfien tat-twettiq tal-kompiti kkonċernati f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, kif ukoll it-tkomplija mingħajr intoppi tal-attivitajiet imwettqa mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati. L-arranġamenti dettaljati għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta' rekords u dokumentazzjoni tekniċi rilevanti.

L-Aġenzija u l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati, kif applikabbli, għandhom jiżguraw li r-riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti titwettaq f'konformità ma' dawk l-arranġamenti dettaljati. Meta timplimenta dawk l-arranġamenti, l-Aġenzija għandha tuża kemm jista' jkun possibbli l-ispetturi u persunal ieħor disponibbli fl-Istati Membri.

4.   Mal-konklużjoni tal-arranġamenti dettaljati skont il-paragrafu 3, l-Aġenzija għandha ssir l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kompiti koperti mit-talba u l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinħelsu mir-responsabbiltà għal dawk il-kompiti. B'rabta mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà għall-kompiti riallokati mill-Aġenzija, għandhom japplikaw il-Kapitoli IV u V.

5.   L-Artikolu 64(3), (6) u (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kwalunkwe riallokazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti skont dan l-Artikolu.

6.   L-organizzazzjonijiet li għalihom l-Aġenzija taġixxi bħala awtorità kompetenti skont dan l-Artikolu jistgħu jitolbu li l-Istati Membri fejn dawk l-organizzazzjonijiet ikollhom is-sedi prinċipali tan-negozju tagħhom jerġgħu jieħdu r-responsabbiltà għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar fir-rigward ta' dawk l-organizzazzjonijiet. F'dak il-każ, l-Artikolu 64(4) sa (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 66

Mekkaniżmu ta' appoġġ għas-sorveljanza

1.   Meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-riżultati tal-ispezzjonijiet u ta' attivitajiet oħra ta' monitoraġġ imwettqa mill-Aġenzija f'konformità mal-Artikolu 85 jindikaw nuqqas ta' kapaċità serju u persistenti min-naħa ta' Stat Membru li jwettaq b'mod effettiv uħud mill-kompiti tiegħu ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u ta' infurzar jew kollha kemm huma, skont dan ir-Regolament;

(b)

il-Kummissjoni tkun talbet lill-Istat Membru kkonċernat biex jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati f'konformità mal-punt (a);

(c)

l-Istat Membru ma rrimedjax in-nuqqasijiet b'mod sodisfaċenti u s-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan tipperikola s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili,

l-Istat Membru kkonċernat u l-Aġenzija għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jistabbilixxu flimkien programm temporanju ta' għajnuna teknika bl-għan li jiġu rimedjati n-nuqqasijiet identifikati u sabiex jgħinu lill-Istat Membru kkonċernat iġib lura l-ħila tiegħu li jwettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar koperti minn dan ir-Regolament sa tmiem il-fażi ta' appoġġ. Dak il-programma ta' għajnuna teknika għandu jinkludi, b'mod partikolari, l-iskeda taż-żmien tal-programm, l-ippjanar u t-twettiq tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar f'każijiet fejn ikunu ġew identifikati nuqqasijiet, it-taħriġ u l-kwalifiki ta' spetturi u persunal rilevanti, u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, fejn ikollha influwenza diretta fuq in-nuqqasijiet identifikati.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna teknika biex jissolvew in-nuqqasijiet identifikati. Għal dak il-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera mal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta' dak il-programm ta' għajnuna teknika, inkluż billi jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa kollha lill-awtorità kompetenti nazzjonali u jipprovdi l-faċilitajiet materjali kollha meħtieġa biex il-programm ta' għajnuna jirnexxi.

Waqt l-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna teknika l-Istat Membru kkonċernat għandu jibqa' responsabbli għall-kompiti taċ-ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar, skont l-Artikolu 62(2). L-Aġenzija għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha meta tkun qed tipprovdi għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat.

Fl-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna teknika, l-Istat Membru kkonċernat għandu, jekk xieraq, skont in-natura tan-nuqqasijiet, jagħmel użu mill-grupp ta' spetturi Ewropej tal-avjazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 63, tal-entitajiet kwalifikati skont l-Artikolu 69, u tal-possibilitajiet ta' taħriġ ippjanati skont l-Artikolu 92.

3.   L-Aġenzija għandha taġġorna lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna teknika.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel kull sforz biex iġib lura l-ħila tiegħu li jwettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar skont dan ir-Regolament. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jagħraf li l-programm ta' għajnuna teknika ma jistax jiġi implimentat kif ippjanat, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dan u għandu jew jirrialloka r-responsabbiltajiet tiegħu għall-kompiti ta' ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar lill-Aġenzija jew lil Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 64 inkella jieħu miżuri oħra biex isolvi n-nuqqasijiet. L-ambitu tar-riallokazzjoni għandu jkun limitat għal dak li hu strettament meħtieġ sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. L-Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74 l-informazzjoni dwar il-kompiti li jkunu ġew riallokati u għandha tagħmel dik l-informazzjoni pubblika.

5.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' miżuri oħra, inkluż l-Artikolu 67 ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Artikolu 67

Validità u rikonoxximent ta' ċertifikati u dikjarazzjonijiet

1.   Ċertifikati maħruġa mill-Aġenzija jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni fiżiċi u ġuridiċi skont dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati fuq il-bażi tiegħu għandhom ikunu soġġetti esklużivament għar-regoli, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri stipulati f'dan ir-Regolament u r-rekwiżiti amministrattivi nazzjonali u rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha, mingħajr aktar rekwiżiti jew evalwazzjoni.

2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li persuna ġuridika jew fiżika li jkun inħarġilha ċertifikat jew li tkun għamlet dikjarazzjoni ma tibqax tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli ta' dan ir-Regolament jew tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, titlob lill-Istat Membru responsabbli għas-sorveljanza ta' dik il-persuna biex tieħu azzjoni korrettiva xierqa kif ukoll miżuri ta' salvagwardja, inkluż il-limitazzjoni jew is-sospensjoni taċ-ċertifikat. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkun fihom dik id-deċiżjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal- proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 127(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 127(4).

Mid-data li fiha l-att tal-implimentazzjoni issir effettiva, b'deroga mill-paragrafu 1, iċ-ċertifikat jew id-dikjarazzjoni kkonċernata ma għandhiex tibqa' valida u rikonoxxuta fl-ebda wieħed mill-Istati Membri.

3.   Meta l-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 2 ikun ħa azzjoni korrettiva u miżuri ta' salvagwardja xierqa, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, għandha tiddeċiedi li ċ-ċertifikat jew id-dikjarazzjoni kkonċernata terġa' tkun valida u rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, f'konformità mal-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkun fihom dik id-deċiżjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal- proċedura msemmija fl-Artikolu 127(2). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 127(4).

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Artikolu 68

Aċċettazzjoni ta' ċertifikazzjoni minn pajjiż terz

1.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jew joħorġu ċ-ċertifikati previsti f'dan ir-Regolament u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu fuq il-bażi taċ-ċertifikati li nħarġu skont il-liġijiet ta' pajjiż terz, jew inkella jaċċettaw ċertifikati u dokumenti rilevanti oħra li juru l-konformità mar-regoli tal-avjazzjoni ċivili li nħarġu skont il-liġijiet ta' pajjiż terz, meta possibbiltà bħal din tkun prevista:

(a)

fi ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw ir-rikonoxximent ta' ċertifikati konklużi bejn l-Unjoni u pajjiż terz;

(b)

fl-atti delegati adottati abbażi tal-paragrafu 3; jew

(c)

fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali u ta' att delegat rilevanti kif imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu rispettivament, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 140(6) ta' dan ir-Regolament, ftehim li jikkonċerna r-rikonoxximent ta' ċertifikati konklużi bejn Stat Membru u pajjiż terz qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 li jkun ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 jew tal-punt (a) tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

2.   Sabiex tinkiseb u tinżamm fiduċja fis-sistemi regolatorji ta' pajjiżi terzi, l-Aġenzija għandha tkun awtorizzata twettaq il-valutazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tekniċi meħtieġa tal-liġijiet ta' pajjiżi terzi u tal-awtoritajiet barranin tal-avjazzjoni. Għall-fini tat-twettiq ta' tali valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet, l-Aġenzija tista' tikkonkludi arranġamenti ta' ħidma f'konformità mal-Artikolu 90(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 128 li jistabbilixxu regoli dettaljati fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċertifikati u ta' dokumentazzjoni oħra li juru l-konformità ma' regoli tal-avjazzjoni ċivili li jkunu nħarġu f'konformità mal-liġijiet ta' pajjiż terz u li jiżguraw livell ekwivalenti ta' sikurezza għal dak previst f'dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex tinkiseb u tinżamm il-fiduċja meħtieġa fis-sistemi regolatorji ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 69

Entitajiet kwalifikati

1.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jallokaw il-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza skont dan ir-Regolament lil entitajiet kwalifikati li jkunu ġew akkreditati f'konformità mal-atti delegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 62(13) jew l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(14) bħala konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jagħmlu użu mill-entitajiet kwalifikati għandhom jistabbilixxu sistema għal dik l-akkreditazzjoni u għall-valutazzjoni tal-konformità tal-entitajiet kwalifikati ma' dawk il-kriterji, kemm fil-mument tal-akkreditazzjoni kif ukoll kontinwament wara dan.

Entità kwalifikata għandha tiġi akkreditata individwalment mill-Aġenzija jew minn awtorità nazzjonali kompetenti, jew konġuntament minn żewġ awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew aktar jew mill-Aġenzija u minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar.

2.   L-Aġenzija jew l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif applikabbli, għandhom jemendaw, jillimitaw, jirrevokaw jew jissospendu l-akkreditazzjoni li jkunu taw lill-entità kwalifikata, meta dik l-entità ma tibqax tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI.

3.   L-Aġenzija jew l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jakkreditaw lil entità kwalifikata jistgħu jagħtuha privileġġ li toħroġ, iġġedded, temenda, tillimita, tissospendi u tirrevoka ċertifikati, jew li tirċievi dikjarazzjonijiet, f'isem l-Aġenzija jew l-awtorità kompetenti nazzjonali. Dak il-privileġġ għandu jiġi inkluż fl-ambitu tal-akkreditazzjoni.

4.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jirrikonoxxu, mingħajr rekwiżiti tekniċi jew evalwazzjoni ulterjuri, l-akkreditazzjonijiet ta' entitajiet kwalifikati li jkunu ngħataw mill-Aġenzija u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħra f'konformità mal-paragrafu 1.

Madankollu, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma għandhomx jiġu obbligati jużaw l-ambitu sħiħ tal-akkreditazzjoni mogħtija minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra jew mill-Aġenzija, u lanqas li jużaw l-ambitu sħiħ tal-privileġġi li jkunu ngħataw lil dik l-entità kwalifikata minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra jew mill-Aġenzija f'konformità mal-paragrafu 3.

5.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu skambju ta' informazzjoni dwar l-akkreditazzjonijiet li jkunu ngħataw, li jkunu ġew sospiżi, limitati jew revokati, inkluż informazzjoni dwar l-ambitu tal-akkreditazzjoni u l-privileġġi li jkunu ngħataw. L-Aġenzija għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli permezz tar-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74.

Artikolu 70

Dispożizzjonijiet ta' salvagwardja

1.   Dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu ma għandhomx jipprevjenu lil Stat Membru milli jirreaġixxi minnufih għal problema relatata mas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, meta jkunu ġew sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet kollha:

(a)

il-problema tinvolvi riskju serju għas-sikurezza tal-avjazzjoni u tkun meħtieġa azzjoni immedjata minn dak l-Istat Membru biex din tiġi indirizzata;

(b)

ma jkunx possibbli li l-Istat Membru jindirizza l-problema b'mod adegwat f'konformità mar-Regolament u mal-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(c)

l-azzjoni meħuda tkun proporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-problema.

F'każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri l-oħra, permezz tar-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74, dwar il-miżuri meħuda, kemm ser idumu japplikaw u r-raġunijiet għalfejn ġew meħuda.

2.   Ladarba l-Aġenzija tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandha, mingħajr dewmien żejjed, tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ikunux ġew sodisfatti. Ir-riżultati ta' dik il-valutazzjoni għandhom jiġu inklużi mill-Aġenzija fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74.

Fejn l-Aġenzija tqis li dawk il-kondizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti, għandha tivvaluta, mingħajr dewmien żejjed, jekk hijiex kapaċi tindirizza l-problema identifikata mill-Istat Membru billi tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 76(4), u b'dan telimina l-ħtieġa għall-miżuri meħuda mill-Istat Membru. Fejn l-Aġenzija tqis li tista' tindirizza l-problema b'dik il-manjiera, għandha tieħu d-deċiżjoni xierqa għal dan il-għan u tgħarraf lill-Istati Membri dwarha permezz tar-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74. Meta l-Aġenzija tqis li l-problema ma tkunx tista' tiġi indirizzata b'dak il-mod, għandha tirrakkomanda lill-Kummissjoni li temenda kull att delegat jew ta' implimentazzjoni adottat abbażi ta' dan ir-Regolament bil-mod li tqis li jkun neċessarju fid-dawl tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fejn l-Aġenzija tqis li dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux ġew sodisfatti għandha toħroġ, mingħajr dewmien żejjed, rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-eżitu ta' dik il-valutazzjoni. L-Aġenzija għandha tinkludi dik ir-rakkomandazzjoni fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ikunux ġew sodisfatti.

4.   Meta tqis li dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux ġew sodisfatti jew meta ma tibqax timxi mal-eżitu tal-valutazzjoni mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tadotta, mingħajr dewmien żejjed, atti ta' implimentazzjoni li jkun fihom id-deċiżjoni tagħha u li jippreżentaw is-sejbiet tagħha f'dak ir-rigward. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jiddaħħlu mill-Aġenzija fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74.

Hekk kif l-Istat Membru kkonċernat jiġi nnotifikat b'att ta' implimentazzjoni li tikkonferma li dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux ġew sodisfatti, huwa għandu jirrevoka minnufih il-miżura meħuda skont il-paragrafu 1.

Artikolu 71

Dispożizzjonijiet dwar flessibbiltà

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għal dan ir-Regolament mir-rekwiżiti li japplikaw għal dik il-persuna skont il-Kapitolu III, għajr ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dak il-Kapitolu, jew l-atti delegati jew ta' implimentazzjoni adottati abbażi ta' dak il-Kapitolu f'każ ta' ċirkostanzi urġenti mhux prevedibbli li jkunu qed jaffettwaw lil dawk il-persuni jew fil-każ tal-ħtiġijiet operazzjonali urġenti ta' dawk il-persuni, meta jkunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ma jkunx possibbli li dawk iċ-ċirkostanzi jew dawk il-ħtiġijiet jiġu indirizzati b'mod adegwat f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli;

(b)

fejn meħtieġ jiġu żgurati s-sikurezza, il-protezzjoni ambjentali u l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli, permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni;

(c)

l-Istat Membru jkun taffa kemm jista' jkun kwalunkwe distorsjoni possibbli tal-kondizzjonijiet tas-suq bħala konsegwenza tal-għoti tal-eżenzjoni; u

(d)

l-eżenzjoni tkun limitata fl-ambitu u fit-tul taż-żmien sal-livell strettament meħtieġ u tiġi applikata b'mod mhux diskriminatorju.

F'każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri l-oħra, permezz tar-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74, dwar l-eżenzjoni li ngħatat, kemm ser iddum tapplika, ir-raġuni għalfejn ingħatat u, fejn applikabbli, il-miżuri meħtieġa ta' mitigazzjoni li ġew applikati.

2.   Meta l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tkun ingħatat għal tul ta' żmien li jaqbeż it-tmien xhur konsekuttivi jew meta Stat Membru jkun ta l-istess eżenzjoni ripetutament u t-tul ta' żmien kollu tagħha jkun ta' aktar minn tmien xhur, l-Aġenzija għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ikunux ġew sodisfatti u, fi żmien tliet xhur mid-data meta tirċievi l-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżitu ta' dik il-valutazzjoni. L-Aġenzija għandha tinkludi dik ir-rakkomandazzjoni fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74.

F'dak il-każ, filwaqt li tqis dik ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dawk il-kondizzjonijiet ikunux ġew sodisfatti. Meta tqis li dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux ġew sodisfatti jew meta ma tibqax timxi mal-eżitu tal-valutazzjoni mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet xhur mid-data li tirċievi dik ir-rakkomandazzjoni, tadotta att ta' implimentazzjoni li jkun fih id-deċiżjoni tagħha f'dak ir-rigward. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jiddaħħlu mill-Aġenzija fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74.

Hekk kif l-Istat Membru kkonċernat jiġi nnotifikat b'att ta' implimentazzjoni li tikkonferma li dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux ġew sodisfatti, huwa għandu jirrevoka minnufih l-eżenzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Meta Stat Membru jqis li l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli stabbiliti fl-Annessi tista' tintwera permezz ta' mezzi oħra għajr dawk stabbiliti fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi ta' dan ir-Regolament, u li dawk il-mezzi joffru vantaġġi sinifikanti f'termini ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili jew ta' effiċjenza għall-persuni soġġetti għal dan ir-Regolament jew għall-awtoritajiet ikkonċernati, dan jista' jibgħat talba raġunata għall-emendar tal-att delegat u ta' implimentazzjoni kkonċernat lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija, permezz tar-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74, sabiex ikun hemm lok li jintużaw dawk il-mezzi l-oħra.

F'dak il-każ, l-Aġenzija għandha toħroġ, mingħajr dewmien bla bżonn, rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar jekk it-talba tal-Istat Membru tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu. Meta jkun meħtieġ bħala riżultat tal-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, mingħajr dewmien u filwaqt li tqis dik ir-rakkomandazzjoni, li temenda l-att delegat jew ta' implimentazzjoni kkonċernat.

Artikolu 72

Ġbir, skambju u analiżi ta' informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu skambju ta' kwalunkwe informazzjoni li tkun disponibbli lilhom fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, li tkun rilevanti għall-partijiet l-oħra sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fdati bl-investigazzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti fl-avjazzjoni ċivili, jew bl-analiżi tal-okkorrenzi, għandhom ikunu intitolati wkoll li jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom. Dik l-informazzjoni tista' wkoll titqassam lill-partijiet interessati f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 376/2014, l-Aġenzija għandha tikkoordina fil-livell tal-Unjoni l-ġbir, l-iskambju u l-analiżi ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż data operattiva dwar titjiriet. Għal dak il-għan, l-Aġenzija tista' tidħol f' arranġamenti dwar ġbir, skambju u analiżi ta' informazzjoni ma' persuni fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għal dan ir-Regolament jew ma' assoċjazzjonijiet ta' tali persuni. Meta tiġbor, tiskambja u tanalizza l-informazzjoni u tidħol f'arranġamenti bħal dawn u tagħtihom effett, l-Aġenzija għandha tillimita kemm jista' jkun il-piż amministrattiv fuq il-persuni kkonċernati u tiżgura protezzjoni xierqa tal-informazzjoni, inkluż kwalunkwe data personali li tinsab fiha, f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu u mal-Artikoli 73(1), 123 u 132 ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Aġenzija għandha, fuq talba, tassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tanalizza kwistjonijiet urġenti jew importanti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Meta jkun rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkooperaw mal-Aġenzija għall-fini li jwettqu tali analiżi.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u t-tqassim ta' tali informazzjoni lil partijiet interessati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal- proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Ir-regoli dettaljati msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom iqisu l-ħtieġa li:

(a)

persuni fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għal dan ir-Regolament jiġu pprovduti bl-informazzjoni li jeħtieġu sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 u sabiex javvanzawhom;

(b)

t-tqassim u l-użu tal-informazzjoni jiġu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1;

(c)

jiġi evitat li l-informazzjoni ssir disponibbli jew li l-informazzjoni tintuża sabiex jiġi attribwit tort jew responsabbiltà, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali applikabbli.

6.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-assoċjazzjonijiet ta' dawk il-persuni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw kunfidenzjalità xierqa b'rabta mal-informazzjoni li jkunu rċevew skont dan l-Artikolu. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit ta' kunfidenzjalità aktar strett previst fir-Regolamenti (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014, jew f'leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.

7.   Sabiex il-pubbliku ġenerali jiġi mgħarraf dwar il-livell ġenerali ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, kull sena l-Aġenzija għandha tippubblika annwalment, u fejn japplikaw ċirkostanzi speċjali, rieżami tas-sikurezza. Dak ir-rieżami għandu jkun fih analiżi tas-sitwazzjoni ġenerali b'rabta mas-sikurezza f'lingwaġġ li jkun sempliċi u faċli biex jinftiehem u għandu jindika jekk ikunx hemm riskji ogħla b'rabta mas-sikurezza.

Artikolu 73

Protezzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni

1.   Meta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 72(1) u (2) tkun ġiet ipprovduta lil awtorità kompetenti nazzjonali, is-sors ta' tali informazzjoni għandu jiġi protett f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tas-sors ta' informazzjoni relatata mas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. Meta informazzjoni bħal din tkun ġiet ipprovduta minn persuna fiżika lill-Kummissjoni jew lill-Aġenzija, is-sors ta' informazzjoni bħal din ma għandux jiġi żvelat u d-dettalji personali ta' dak is-sors ma għandhomx jiġu rreġistrati flimkien mal-informazzjoni pprovduta.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt kriminali nazzjonali applikabbli, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jibdew proċedimenti fir-rigward ta' ksur tal-liġi li ma jkunx premeditat jew li jkun aċċidentali, li jsiru jafu bih biss minħabba li l-informazzjoni dwar dak il-ksur tkun ġiet ipprovduta skont dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika f'każijiet ta' mġiba ħażina volontarja jew f'każijiet meta jiġi injorat b'mod manifest, gravi u serju riskju ovvju u nuqqas kbir ta' responsabbiltà professjonali li tingħata attenzjoni li tkun evidentement meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, u li tikkawża ħsara prevedibbli lil persuna jew lil proprjetà, jew li tikkomprometti serjament il-livell ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jadottaw miżuri sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-impjegati u l-persunal b'kuntratt li jipprovdu informazzjoni b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi preġudizzju minn min iħaddimhom jew mill-organizzazzjoni li għaliha jipprovdu servizzi, abbażi tal-informazzjoni pprovduta.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika f'każijiet ta' mġiba ħażina volontarja jew f'każijiet meta jiġi injorat b'mod manifest, gravi u serju riskju ovvju u nuqqas kbir ta' responsabbiltà professjonali li tingħata attenzjoni li tkun evidentement meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, u li tikkawża ħsara prevedibbli lil persuna jew lil proprjetà, jew li tikkomprometti serjament is-sikurezza tal-avjazzjoni.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri milli jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa għaż-żamma jew għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

6.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tas-sors ta' informazzjoni stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 376/2014.

Artikolu 74

Repożitorju ta' informazzjoni

1.   F'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tamministra repożitorju ta' informazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar skont dan ir-Regolament.

Dak ir-repożitorju għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

iċ-ċertifikati maħruġa u d-dikjarazzjonijiet li jkunu rċevew l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f'konformità mal-Kapitolu III u l-Artikoli 64 u 65 u l-Artikoli 77 sa 82;

(b)

iċ-ċertifikati maħruġa u d-dikjarazzjonijiet li jkunu rċevew l-entitajiet kwalifikati f'isem l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 69(3);

(c)

l-akkreditazzjonijiet mogħtija mill-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lil entitajiet kwalifikati f'konformità mal-Artikolu 69, inkluż informazzjoni dwar l-ambitu tal-akkreditazzjoni u l-privileġġi mogħtija;

(d)

il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(6) u (7), kif ukoll id-deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni;

(e)

id-deċiżjonijiet tal-Istat Membri meħuda skont l-Artikolu 2(8);

(f)

id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri meħuda skont l-Artikolu 41(5);

(g)

ir-riallokazzjoni mill-Istati Membri tar-responsabbiltà għall-kompiti lill-Aġenzija jew lil Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikoli 64 u 65, inkluż dettalji dwar il-kompiti riallokati;

(h)

id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda f'konformità mal-Artikolu 67;

(i)

in-notifiki mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar l-iskemi ta' speċifikazzjoni individwali tal-ħin tat-titjir li jkunu ntbagħtu lill-Aġenzija abbażi tal-atti delegati adottati f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 32(1), u l-opinjonijiet korrispondenti tal-Aġenzija maħruġin f'konformità mal-Artikolu 76(7);

(j)

in-notifiki mill-Istati Membri dwar il-miżuri meħuda b'reazzjoni immedjata għal problema relatata mas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u dwar l-għoti ta' eżenzjonijiet, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni korrispondenti, skont l-Artikoli 70(1) u 71(1);

(k)

it-talbiet mill-Istati Membri dwar mezzi oħra ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali, u r-rakkomandazzjonijiet korrispondenti tal-Aġenzija skont l-Artikolu 71(3);

(l)

in-notifiki mill-Aġenzija u d-deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 76(4);

(m)

informazzjoni li hija disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u li għandha x'taqsam mal-attivitajiet minn inġenji tal-ajru involuti f'operazzjonijiet minbarra trasport kummerċjali bl-ajru;

(n)

informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali u prattiki rrakkomandati, kif imsemmi fl-Artikolu 90(4);

(o)

deċiżjonijiet tal-Istat Membri u tal-Kummissjoni li ġew notifikati skont l-Artikolu 62(5), inkluż informazzjoni dwar il-kompiti li qed jiġu eżerċitati b'mod konġunt;

(p)

l-eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 41(6) u d-deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni;

(q)

miżuri tal-Aġenzija dwar titjiriet fuq żoni ta' kunflitt applikati skont l-Artikolu 88(3);

(r)

informazzjoni oħra li tista' tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-eżaminaturi ajrumediċi u ċ-ċentri ajrumediċi għandhom ukoll iwettqu skambju ta' informazzjoni dwar l-istat mediku tal-bdoti permezz tar-repożitorju. Kwalunkwe informazzjoni ta' dan it-tip li tikkostitwixxi data personali, inkluż data dwar is-saħħa, għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu żgurati ċertifikazzjoni u sorveljanza effettivi tal-bdoti f'konformità mal-Artikolu 21.

3.   Kwalunkwe data personali, inkluż data dwar is-saħħa, li tiġi inkluża fir-repożitorju għandha tinħażen għal perijodu ta' żmien li ma jkunx itwal minn dak li jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun inġabret id-data jew li għalihom tkun ġiet ipproċessata ulterjorment.

4.   L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jiżguraw li s-suġġetti tad-data li tkun ġiet ipproċessa data personali dwarhom fir-repożitorju jiġu infurmati b'dan, ex ante.

5.   L-Istati Membri u l-Aġenzija jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data għall-aċċess, il-korrezzjoni u t-tħassir ta' data personali inkluża fir-repożitorju skont kemm dan ikun strettament meħtieġ biex tiġi ssalvagwardata s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, f'konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Istati Membri li tkun fdata bl-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fl-avjazzjoni ċivili, għandu jkollhom aċċess online u sikur għall-informazzjoni kollha inkluża fir-repożitorju sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

Fejn rilevanti, il-Kummissjoni u l-Aġenzija jistgħu jqassmu ċerta informazzjoni inkluża fir-repożitorju, għajr l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, lill-partijiet interessati jew iqiegħduha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

L-Aġenzija għandha, fi kwalunkwe każ, tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwalunkwe ċertifikat maħruġ u kwalunkwe dikjarazzjoni rċevuta skont l-Artikolu 2(4);

(b)

kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ta' Stat Membru nnotifikata lilha skont l-Artikolu 2(6) u (7).

(c)

kwalunkwe deċiżjoni ta' Stat Membru nnotifikata lilha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(11).

7.   L-informazzjoni inkluża fir-repożitorju għandha tkun protetta minn kwalunkwe aċċess mhux awtorizzat permezz ta' għodod u protokolli xierqa. L-aċċess u l-iżvelar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu ristretti għal persuni li jkunu responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza tal-istat mediku tal-bdoti, għall-fini li jwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Jista' jingħata wkoll aċċess limitat għal din l-informazzjoni lil persuni awtorizzati oħra għall-fini li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tar-repożitorju, b'mod partikolari għall-manutenzjoni teknika tiegħu. Il-persuni awtorizzati li jkollhom aċċess għal informazzjoni li jkun fiha data personali għandhom jirċievu taħriġ minn qabel dwar il-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u s-salvagwardji relatati.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli meħtieġa għall-funzjonament u l-ġestjoni tar-repożitorju u rekwiżiti dettaljati rigward:

(a)

l-aspetti tekniċi tal-istabbiliment u l-manutenzjoni tar-repożitorju;

(b)

il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi trasmessa mill-Kummissjoni, mill-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għall-inklużjoni fir-repożitorju, inkluż il-forma u l-mod kif tiġi trasmessa tali informazzjoni;

(c)

l-aġġornamenti regolari u standardizzati tal-informazzjoni inkluża fir-repożitorju;

(d)

l-arranġamenti dettaljati għat-tqassim u l-pubblikazzjoni ta' ċerta informazzjoni inkluża fir-repożitorju f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu;

(e)

il-klassifikazzjoni ta' informazzjoni li tikkonċerna l-istat mediku tal-bdoti li trid tiġi trasmessa mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-eżaminaturi ajrumediċi u ċ-ċentri ajrumediċi, għall-inklużjoni fir-repożitorju, inkluż il-forma u l-mod kif tiġi trasmessa tali informazzjoni;

(f)

l--arranġamenti dettaljati għall-protezzjoni tal-informazzjoni inkluża fir-repożitorju minn aċċess mhux awtorizzat, li jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni u li jipproteġu kwalunkwe data personali inkluża fir-repożitorju f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari kontra l-qerda, it-telf, it-tibdil jew l-iżvelar aċċidentali jew illegali;

(g)

il-perijodu massimu ta' ħżin permess fir-rigward tad-data personali inkluża fir-repożitorju, inkluż l-informazzjoni dwar l-istat mediku tal-bdoti li tikkostitwixxi data personali;

(h)

il-kondizzjonijiet dettaljati li skonthom l-Istati Membri u l-Aġenzija jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, għall-aċċess, il-korrezzjoni u t-tħassir ta' data personali inkluża fir-repożitorju, għall-fini tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

KAPITOLU V

L-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI

TAQSIMA I

Kompiti

Artikolu 75

Stabbiliment u funzjonijiet tal-Aġenzija

1.   B'dan qed tiġi stabbilita Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

2.   Għall-finijiet li jiġu żgurati l-funzjonament u l-iżvilupp adatti tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni f'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, l-Aġenzija għandha:

(a)

twettaq kwalunkwe kompitu u tifformula opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn dan ir-Regolament;

(b)

tassisti lill-Kummissjoni billi tħejji miżuri li għandhom jittieħdu skont dan ir-Regolament. Meta dawk il-miżuri jkunu jinkludu regoli tekniċi, il-Kummissjoni ma tistax tibdel il-kontenut tagħhom mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Aġenzija;

(c)

tipprovdi l-appoġġ tekniku, xjentifiku, u amministrattiv meħtieġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha;

(d)

tieħu l-miżuri meħtieġa fil-limiti tas-setgħat li tkun ġiet konferita minn dan ir-Regolament jew minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni;

(e)

twettaq spezzjonijiet, attivitajiet oħra ta' monitoraġġ u investigazzjonijiet kif meħtieġ sabiex tissodisfa l-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, jew kif mitlub mill-Kummissjoni;

(f)

fil-qasam tal-kompetenza tagħha, twettaq, f'isem l-Istati Membri, funzjonijiet u kompiti mogħtija lilhom minn konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Chicago;

(g)

tassisti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, b'mod partikolari billi tipprovdi forum għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert;

(h)

tikkontribwixxi, għal kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, fuq talba mill-Kummissjoni, għat-twaqqif, għall-kejl, għar-rappurtar u għall-analiżi ta' indikaturi tal-prestazzjoni, meta l-leġislazzjoni tal-Unjoni tistabbilixxi skemi ta' prestazzjoni relatati mal-avjazzjoni ċivili;

(i)

tippromwovi l-istandards u r-regoli tal-avjazzjoni tal-Unjoni fil-livell internazzjonali billi tistabbilixxi kooperazzjoni xierqa mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

(j)

tikkoopera ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni f'oqsma fejn l-attivitajiet tagħhom ikunu relatati mal-aspetti tekniċi tal-avjazzjoni ċivili.

Artikolu 76

Miżuri tal-aġenzija

1.   Fuq talba, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta' proposti għal emendi ta' dan ir-Regolament u ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni li jridu jiġu adottati abbażi ta' dan ir-Regolament, f'konformità mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 4. Id-dokumenti li l-Aġenzija tibgħat lill-Kummissjoni għal dawk il-finijiet għandu jkollhom l-għamla ta' opinjonijiet.

2.   L-Aġenzija għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 70 u 71.

3.   L-Aġenzija għandha, f'konformità mal-Artikolu 115 u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni applikabbli adottati abbażi ta' dan ir-Regolament, toħroġ speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u speċifikazzjonijiet dettaljati oħra, mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

4.   L-Aġenzija għandha tieħu d-deċiżjonijiet adatti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 77 sa 83, 85 u 126 u fejn kompiti jkunu ġew allokati lilha skont l-Artikoli 64 u 65.

L-Aġenzija tista' tagħti eżenzjonijiet lil kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li tkun ħarġitilha ċertifikat fis-sitwazzjonijiet u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71(1).

F'każ bħal dan, l-Aġenzija għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, permezz tar-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74, dwar l-eżenzjonijiet mogħtija, ir-raġunijiet għalfejn ingħataw u, fejn applikabbli, il-miżuri ta' mitigazzjoni meħtieġa applikati.

Meta eżenzjoni tkun ingħatat għal tul ta' żmien ta' aktar minn tmien xhur konsekuttivi jew meta l-Aġenzija tkun tat l-istess eżenzjoni ripetutament u t-tul ta' żmien totali tagħha jkun aktar minn tmien xhur, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71(1) ikunux ġew issodisfati. Meta tqis li dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti li jkun fihom id-deċiżjoni tagħha għal dak l-għan. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jiddaħħlu mill-Aġenzija fir-repożitorju stabbilit skont l-Artikolu 74.

Hekk kif l-Aġenzija tirċievi n-notifika ta' dak l-att ta' implimentazzjoni, hija għandha tirrevoka l-eżenzjoni minnufih.

5.   L-Aġenzija għandha toħroġ rapporti dwar l-ispezzjonijiet u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 85.

6.   L-Aġenzija għandha tirreaġixxi mingħajr dewmien żejjed għal problema urġenti ta' sikurezza li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament billi:

(a)

tiddetermina l-azzjoni korrettiva li trid tittieħed mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li fir-rigward tagħhom hija taġixxi bħala l-awtorità kompetenti u billi tqassam informazzjoni relatata lil dawk il-persuni, inkluż direttivi jew rakkomandazzjonijiet, meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1; l-Aġenzija tista' wkoll toħroġ bullettini ta' sikurezza li jkun fihom informazzjoni jew rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti indirizzati lil persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra involuti f'attivitajiet ta' avjazzjoni;

(b)

tiddetermina l-objettivi ta' sikurezza li jridu jintlaħqu u tirrakkomanda l-azzjoni korrettiva li trid tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u billi tqassam informazzjoni relatata lil dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1.

Fir-rigward tal-punt (b), l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien żejjed dwar il-miżuri meħuda biex jintlaħqu dawk l-objettivi ta' sikurezza determinati mill-Aġenzija. Barra minn hekk, fejn il-problema taffettwa iktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkonċernati għandhom jikkooperaw mal-Aġenzija biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi ta' sikurezza jittieħdu b'mod koordinat.

7.   L-Aġenzija għandha toħroġ opinjonijiet dwar l-iskemi ta' speċifikazzjoni individwali tal-ħin tat-titjir proposti mill-Istati Membri skont l-atti delegati adottati f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 32(1) li jiddevjaw mill-ispeċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjonijiet adottati mill-Aġenzija.

Artikolu 77

Ċertifikazzjoni tal-ajrunavigabbiltà u ambjentali

1.   Fir-rigward tal-prodotti, tal-parts, tat-tagħmir mhux installat u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod, imsemmija fil-punti (a) u (b)(i) tal-Artikolu 2(1), l-Aġenzija għandha, meta jkun applikabbli u kif speċifikat fil-Konvenzjoni ta' Chicago jew fl-Annessi tagħha, twettaq il-funzjonijiet u l-kompiti tal-istat tad-disinn, tal-manifattura jew tar-reġistrazzjoni f'isem l-Istati Membri, meta dawk il-funzjonijiet u l-kompiti jkunu relatati maċ-ċertifikazzjoni tad-disinn u mal-informazzjoni obbligatorja dwar l-ajrunavigabbiltà kontinwa. Għal dak l-għan, b'mod partikolari, l-Aġenzija għandha:

(a)

għal kull disinn ta' prodott u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod li għalih tkun saret applikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 11 jew l-Artikolu 56(1) għal ċertifikat tat-tip, ċertifikat ristrett tat-tip, bidla għaċ-ċertifikat tat-tip jew għaċ-ċertifikat ristrett tat-tip, inkluż ċertifikat tat-tip supplimentari, approvazzjoni ta' disinn tat-tiswija jew approvazzjoni tal-idoneità operazzjonali, tistabbilixxi l-bażi taċ-ċertifikazzjoni u tinnotifikaha lill-applikant;

(b)

għal kull disinn ta' part jew ta' tagħmir mhux installat li għalih tkun saret applikazzjoni għal ċertifikat f'konformità mal-Artikolu 12, 13 jew l-Artikolu 56(1) rispettivament, tistabbilixxi l-bażi taċ-ċertifikazzjoni u tinnotifikaha lill-applikant;

(c)

għal inġenju tal-ajru li għalih tkun saret applikazzjoni għal permess tat-titjir f'konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) jew l-Artikolu 56(1), toħroġ l-approvazzjoni għal kondizzjonijiet assoċjati tat-titjir relatati mad-disinn;

(d)

tistabbilixxi u tagħmel disponibbli l-ispeċifikazzjonijiet tal-ajrunavigabbiltà u tal-kompatibbiltà ambjentali li japplikaw għad-disinn ta' prodotti, parts, tagħmir mhux installat u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod li jkunu soġġetti għal dikjarazzjoni f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 18(1) jew l-Artikolu 56(5);

(e)

tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward taċ-ċertifikati tat-tip, iċ-ċertifikati ristretti tat-tip, iċ-ċertifikati tal-bidliet, inkluż iċ-ċertifikati tat-tip supplimentari, u l-approvazzjonijiet tad-disinni tat-tiswija u l-approvazzjonijiet ta' data dwar l-idoneità operazzjonali għad-disinn ta' prodotti f'konformità mal-Artikolu 11, il-punt (b) tal-Artikolu 18(1) jew l-Artikolu 56(1);

(f)

tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar skont l-Artikolu 62(2) fir-rigward taċ-ċertifikati għad-disinn ta' parts, għal tagħmir mhux installat u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod skont l-Artikoli 12, 13 u 56(1);

(g)

toħroġ l-iskedi xierqa tad-data ambjentali dwar id-disinn tal-prodotti li tiċċertifika f'konformità mal-Artikolu 11 u 56(1);

(h)

tiżgura l-funzjonijiet ta' ajrunavigabbiltà kontinwa assoċjati mad-disinn ta' prodotti, id-disinn ta' parts, tagħmir mhux installat u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod li tkun iċċertifikat u li fir-rigward tagħhom tkun qed twettaq sorveljanza, inkluż billi tirreaġixxi mingħajr dewmien bla bżonn għal problema ta' sikurezza jew ta' sigurtà u toħroġ u tqassam l-informazzjoni obbligatorja applikabbli.

2.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar skont l-Artikolu 62(2) rigward:

(a)

l-approvazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet responsabbli għad-disinn ta' prodotti, parts, tagħmir mhux installat u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod u d-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom, f'konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (g) tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 56(1) u (5);

(b)

l-approvazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet responsabbli għall-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa ta' prodotti, parts, tagħmir mhux installat, u tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod u d-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom u mill-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ tal-persunal responsabbli għar-rilaxx tal-prodott, part, tagħmir mhux installat jew tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod f'konformità mal-Artikolu 15, il-punt (g) tal-Artikolu 19(1) u u l-Artikolu 56(1) u (5), meta dawk l-organizzazzjonijiet ikollhom is-sede prinċipali tan-negozju tagħhom barra mit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

3.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti relatati mas-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-organizzazzjonijiet, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 56(5) u li jirrigwardaw il-konformità ta' disinn ta' prodott, part, tagħmir mhux installat jew tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod ma' speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati.

Artikolu 78

Ċertifikazzjoni tal-ekwipaġġ tal-ajru

1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward tal-approvazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet għat-taħriġ tal-bdoti, l-organizzazzjonijiet għat-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-kabina u ċ-ċentri ajrumediċi msemmija fl-Artikolu 24 u l-Artikolu 56(1) u (5), u tad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom, meta dawk l-organizzazzjonijiet u ċ-ċentri jkollhom is-sede prinċipali tan-negozju tagħhom barra mit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

2.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward taċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet għall-apparati ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir f'konformità mal-Artikolu 25 u l-Artikolu 56(1) u (5) f'kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-apparat jitħaddem minn organizzazzjoni li jkollha s-sede prinċipali tan-negozju tagħha barra mit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago;

(b)

l-apparat ikun jinsab barra mit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 79

Ċertifikazzjoni ta' Tagħmir tal-Ajrudrom Relatat mas-Sikurezza

Fir-rigward ta' tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza msemmi fl-Artikolu 35, l-Aġenzija għandha:

(a)

tistabbilixxi u tinnotifika lill-applikant bl-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza li jkun soġġett għal ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 35;

(b)

tistabbilixxi u tagħmel disponibbli l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza li jkun soġġett għal dikjarazzjoni f'konformità mal-Artikolu 35;

(c)

tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward taċ-ċertifikati għal, u d-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rigward ta' tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza f'konformità mal-Artikolu 35.

Artikolu 80

ATM/ANS

1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar skont l-Artikolu 62(2) fir-rigward ta':

(a)

iċ-ċertifikati għall-fornituri tal-ATM/ANS imsemmija fl-Artikolu 41, meta is-sede prinċipali tan-negozju ta' dawk il-fornituri tkun tinsab barra mit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago u dawk il-fornituri jkunu responsabbli għall-forniment tal-ATM/ANS fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati;

(b)

iċ-ċertifikati għall-fornituri ATM/ANS imsemmija fl-Artikolu 41, meta dawk il-fornituri jipprovdu ATM/ANS pan-Ewropew;

(c)

iċ-ċertifikati għall- organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42 u tad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom, meta dawk l-organizzazzjonijiet jkunu involuti fid-disinn, fil-produzzjoni jew fil-manutenzjoni tas-sistemi u l-kostitwenti tal- ATM/ANS inkluż meta jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), użata fil-forniment tas-servizzi msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

(d)

id-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-fornituri tal-ATM/ANS li l-Aġenzija tkun ħarġitilhom ċertifikat f'konformità mal-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu, fir-rigward tas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS li jitħaddmu minn dawk il-fornituri f'konformità mal-Artikolu 45(1).

2.   Fir-rigward tas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS imsemmija fl-Artikolu 45, inkluż fejn jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-SESAR, l-Aġenzija għandha, fejn l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 hekk jipprovdu:

(a)

tistabbilixxi u tinnotifika lill-applikant l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS, li huma soġġetti għal ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 45(2);

(b)

tistabbilixxi u tagħmel disponibbli l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għas-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS li huma soġġetti għal dikjarazzjoni f'konformità mal-Artikolu 45(2);

(c)

tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward taċ-ċertifikati għal sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS u d-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rigward tagħhom f'konformità mal-Artikolu 45(2).

Artikolu 81

Ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward taċ-ċertifikati għall-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru msemmija fl-Artikolu 51, meta dawk l-organizzazzjonijiet ikollhom is-sede prinċipali tan-negozju tagħhom barra mit-territorji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago u, fejn rilevanti, għall-persunal tagħhom.

Artikolu 82

Operaturi ta' inġenji tal-ajru minn pajjiżi terzi u s-sorveljanza tas-sikurezza internazzjonali

1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet għall-operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru u għall-operaturi ta' inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 60 ħlief jekk Stat Membru jwettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-istat tal-operatur fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru kkonċernati.

2.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2) fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għall-inġenji tal-ajru u għall-bdoti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 61(1).

3.   Fuq talba, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 billi twettaq il-valutazzjonijiet tas-sikurezza meħtieġa kollha, inkluż iż-żjarat fuq il-post, ta' operaturi ta' pajjiżi terzi u ta' awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tagħhom. Hi għandha tipprovdi r-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet, b'rakkomandazzjonijiet xierqa, lill-Kummissjoni.

Artikolu 83

Investigazzjonijiet mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha twettaq hi stess jew permezz ta' awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew ta' entitajiet kwalifikati, l-investigazzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar f'konformità mal-Artikolu 62(2).

2.   Għall-finijiet ta' twettiq tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandu jkollha s-setgħa li:

(a)

tirrikjedi li l-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li tkun ħarġitilhom ċertifikat, jew li jkunu għamlulha dikjarazzjoni, jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni kollha meħtieġa;

(b)

tirrikjedi li dawk il-persuni jipprovdu spjegazzjonijiet bil-fomm dwar kwalunkwe fatt, dokument, oġġett, proċedura jew suġġett ieħor rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna tikkonformax ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(c)

tidħol fil-bini, l-art u l-mezzi tat-trasport rilevanti ta' dawk il-persuni;

(d)

teżamina, tikkopja jew tieħu estratti minn kwalunkwe dokument, rekord jew data rilevanti miżmuma minn dawk il-persuni jew li dawk il-persuni jkollhom aċċess għaliha, ikun xi jkun il-mezz li fuqu tkun maħżuna l-informazzjoni inkwistjoni.

L-Aġenzija għandha, fejn meħtieġ sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li l-Aġenzija tkun ħarġitilha ċertifikat, jew li tkun għamlet dikjarazzjoni lill-Aġenzija, tikkonformax ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, ikollha wkoll is-setgħa li teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-ewwel subparagrafu fir-rigward ta' kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra li tista' raġonevolment tkun mistennija jkollha l-informazzjoni rilevanti għal dawk il-finijiet jew li jkollha aċċess għaliha. Is-setgħat ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn isseħħ l-investigazzjoni, b'attenzjoni dovuta għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati u f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Meta, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz ikkonċernat biex wieħed jidħol f'bini, art u mezz tat-trasport rilevanti kif imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati biss wara li tkun inkisbet tali awtorizzazzjoni bil-quddiem.

3.   L-Aġenzija għandha tiżgura li l-membri tal-persunal tagħha u, fejn rilevanti, kwalunkwe espert ieħor li jkun qed jipparteċipa fl-investigazzjoni, ikun ikkwalifikat biżżejjed, imħarreġ b'mod adegwat u awtorizzat kif suppost. Dawk il-persuni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom wara li jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub.

4.   Fuq talba tal-Aġenzija, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser issir l-investigazzjoni, għandhom jgħinuha twettaq l-investigazzjoni. Meta tali assistenza tkun meħtieġa, fi żmien debitu qabel l-investigazzjoni, l-Aġenzija għandha tinforma lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser issir l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u dwar l-assistenza meħtieġa.

Artikolu 84

Multi u ħlasijiet penali perjodiċi

1.   Fuq talba tal-Aġenzija, il-Kummissjoni tista' timponi fuq persuna ġuridika jew fiżika li l-Aġenzija tkun ħarġitilha ċertifikat, jew li tkun għamlet dikjarazzjoni lill-Aġenzija, f'konformità ma' dan ir-Regolament, waħda minn dawn li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)

multa, meta dik il-persuna tkun kisret, b'mod intenzjonali jew b'negliġenza, waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(b)

pagament perjodiku ta' penali meta dik il-persuna tkompli tikser waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, sabiex iġġiegħel lil dik il-persuna tikkonforma ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta' penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn għandhom jiġu stabbiliti b'kont meħud tal-gravità tal-każ, u b'mod partikolari kemm is-sikurezza jew il-protezzjoni tal-ambjent ikunu ġew kompromessi, l-attività li fiha jkun seħħ il-ksur u l-kapaċità ekonomika tal-persuna ġuridika jew fiżika kkonċernata.

L-ammont tal-multi ma għandux jisboq l-4 % tad-dħul jew tal-fatturat annwali tal-persuna ġuridika jew fiżika kkonċernata. L-ammont tal-penali perjodiku ma għandux jisboq it-2,5 % tad-dħul jew tal-fatturat medju ta' kuljum tal-persuna ġuridika jew fiżika kkonċernata.

3.   Il-Kummissjoni ma għandhiex timponi multi u pagamenti perjodiċi ta' penali skont il-paragrafu 1 ħlief meta l-miżuri l-oħra previsti f'dan ir-Regolament u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu sabiex jiġi indirizzat ksur bħal dan ma jkunux adegwati jew proporzjonati.

4.   Fir-rigward tal-applikazzjoni ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali f'konformità ma' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 128, li jistabbilixxu:

(a)

kriterji dettaljati u metodoloġija dettaljata għall-istabbiliment tal-ammonti tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta' penali;

(b)

regoli dettaljati għat-tiftix, il-miżuri u r-rappurtar assoċjati, kif ukoll għat-teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, l-aċċess għall-fajl, ir-rappreżentanza legali, il-kunfidenzjalità u d-dispożizzjonijiet temporanji; u

(c)

proċeduri għall-ġbir tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta' penali.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li tkun ħadet il-Kummissjoni skont il-paragrafu 1. Hi tista' tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta jew il-pagament perjodiku ta' penali impost.

6.   Id-deċiżjonijiet li tkun ħadet il-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 85

Monitoraġġ tal-Istati Membri

1.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu billi twettaq spezzjonijiet u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ. Dawk l-ispezzjonijiet u l-attivitajiet l-oħra ta' monitoraġġ għandu wkoll ikollhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimnetazzjoni adottati abbażi tiegħu u jikkondividu l-aħjar prattiki.

L-Aġenzija għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-ispezzjonijiet u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ imwettqa skont dan il-paragrafu.

2.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-ispezzjonijiet u ta' attivitajiet oħra ta' monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandu jkollha s-setgħa li:

(a)

tirrikjedi li kwalunkwe awtorità kompetenti nazzjonali u kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika soġġetta għal dan ir-Regolament tipprovdi lill-Aġenzija bl-informazzjoni kollha meħtieġa;

(b)

tirrikjedi li dawk l-awtoritajiet u l-persuni jipprovdu spjegazzjonijiet bil-fomm dwar kwalunkwe fatt, dokument, oġġett, proċedura jew suġġett ieħor rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jikkonformax ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(c)

tidħol fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport rilevanti ta' dawk l-awtoritajiet u l-persuni;

(d)

teżamina, tikkopja jew tieħu estratti minn kwalunkwe dokument, rekord jew data rilevanti miżmuma minn dawk l-awtoritajiet u l-persuni jew li dawk l-awtoritajiet jew il-persuni jkollhom aċċess għaliha, ikun xi jkun il-mezz li fuqu tkun maħżuna l-informazzjoni inkwistjoni.

Meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru jikkonformax ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-Aġenzija għandu jkollha wkoll is-setgħa li teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-ewwel subparagrafu fir-rigward ta' kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra li tista' raġonevolment tkun mistennija jkollha informazzjoni rilevanti għal dawn il-finijiet jew li jkollha aċċess għaliha.

Is-setgħat ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih titwettaq l-ispezzjoni jew attivitajiet oħra ta' monitoraġġ, bl-attenzjoni dovuta għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati u f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Meta, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, tkun meħtieġa awtorizzazzjoni bil-quddiem mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat sabiex wieħed jidħol fil-bini, fl-art jew fil-mezz tat-trasport rilevanti kif imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati biss wara li tkun inkisbet tali awtorizzazzjoni bil-quddiem.

3.   L-Aġenzija għandha tiżgura li l-membri tal-persunal tagħha u, fejn rilevanti, kwalunkwe espert ieħor li jkun qed jipparteċipa fl-ispezzjoni jew f'attività oħra ta' monitoraġġ, ikunu kkwalifikati biżżejjed u mħarrġin b'mod adegwat. Fil-każ tal-ispezzjonijiet, dawk il-persuni għandhom jippreżentaw awtorizzazzjoni bil-miktub biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

Fi żmien debitu qabel l-ispezzjoni, l-Aġenzija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar is-suġġett, l-għan tal-attività, id-data li fiha tkun ser tibda u l-identità tal-membri tal-persunal tagħha u kwalunkwe espert ieħor li jkun ser iwettaq dik l-attività.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiffaċilita l-ispezzjoni jew l-attività l-oħra ta' monitoraġġ. Dan għandu jiżgura li l-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati jikkooperaw mal-Aġenzija.

Meta persuna ġuridika jew fiżika ma tikkooperax mal-Aġenzija, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jipprovdu l-assistenza neċessarja lill-Aġenzija sabiex tkun tista' twettaq l-ispezzjoni jew l-attività l-oħra ta' monitoraġġ.

5.   Meta spezzjoni jew attività oħra ta' monitoraġġ imwettqa f'konformità ma' dan l-Artikolu tinvolvi spezzjoni jew attività oħra ta' monitoraġġ fir-rigward ta' persuna ġuridika jew fiżika soġġetta għal dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 83(2), (3) u (4).

6.   Fuq talba tal-Istat Membru, ir-rapporti mfasslin mill-Aġenzija skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu disponibbli bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni tal-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni.

7.   L-Aġenzija għandha tippubblika sommarju ta' informazzjoni dwar l-applikazzjoni minn kull Stat Membru ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Hi għandha tinkludi dik l-informazzjoni fir-rieżami annwali dwar is-sikurezza msemmi fl-Artikolu 72(7).

8.   L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 124, filwaqt li tqis l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-metodi ta' ħidma tal-Aġenzija għat-twettiq tal-kompiti skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 86

Riċerka u innovazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' temi ewlenin ta' riċerka fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili sabiex tikkontribwixxi biex jiġu żgurati konsistenza u koordinazzjoni bejn ir-riċerka u l-iżvilupp iffinanzjati minn fondi pubbliċi u l-politiki li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Aġenzija għandha tappoġġa lill-Kummissjoni fid-definizzjoni u fit-twettiq tal-programmi qafas rilevanti tal-Unjoni għall-attivitajiet ta' riċerka u ta' innovazzjoni u tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali, inkluż fit-twettiq ta' proċeduri ta' evalwazzjoni, fir-rieżami ta' proġetti ffinanzjati u fl-isfruttament tar-riżultati ta' proġetti ta' riċerka u ta' innovazzjoni.

L-Aġenzija għandha timplimenta partijiet relatati mal-avjazzjoni ċivili tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni meta l-Kummissjoni tkun iddelegat is-setgħat rilevanti lilha.

3.   L-Aġenzija tista' tiżviluppa u tiffinanzja riċerka dment li din tkun strettament relatata mat-titjib ta' attivitajiet fil-kompetenza tagħha. Il-ħtiġijiet u l-attivitajiet ta' riċerka tal-Aġenzija għandhom jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma annwali tagħha.

4.   Ir-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-Aġenzija għandhom jiġu ppubblikati, ħlief jekk ir-regoli applikabbli tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali jew ir-regoli ta' sigurtà tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 123 jipprekludu pubblikazzjoni bħal din.

5.   Minbarra l-kompiti stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 75, l-Aġenzija tista' tkun involuta wkoll f'attivitajiet ta' riċerka apposta, dment li dawk l-attivitajiet ikunu kompatibbli mal-kompiti tal-Aġenzija u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 87

Protezzjoni ambjentali

1.   Il-miżuri meħuda mill-Aġenzija fir-rigward tal-emissjonijiet u l-istorbju, għall-fini taċ-ċertifikazzjoni tad-disinn tal-prodotti f'konformità mal-Artikolu 11, għandu jkollhom l-għan li jipprevjenu effetti negattivi sinifikanti fuq il-klima, l-ambjent u s-saħħa tal-bnedmin ikkawżati mill-prodotti kkonċernati tal-avjazzjoni ċivili, filwaqt li jqisu kif dovut l-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati, il-benefiċċji ambjentali, il-fattibilità teknoloġika u l-impatt ekonomiku.

2.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jikkooperaw b'rabta ma' kwistjonijiet ambjentali, inkluż dawk indirizzati fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) u fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interdipendenzi bejn il-klima u l-protezzjoni ambjentali, is-saħħa tal-bnedmin u oqsma tekniċi oħra tal-avjazzjoni ċivili jiġu kkunsidrati, filwaqt li jqisu kif dovut l-istandards internazzjonali u l-prattiki rakkomandati, il-benefiċċji ambjentali, il-fattibilità teknoloġika u l-impatt ekonomiku.

3.   L-Aġenzija għandha, fejn ikollha l-kompetenza esperta rilevanti, tassisti lill-Kummissjoni fid-definizzjoni u fil-koordinazzjoni ta' politiki u azzjonijiet dwar il-protezzjoni ambjentali fl-avjazzjoni ċivili, b'mod partikolari billi twettaq studji u simulazzjonijiet u tipprovdi pariri tekniċi filwaqt li tqis l-interdipendenzi bejn il-klima u l-protezzjoni ambjentali, is-saħħa tal-bnedmin u oqsma tekniċi oħra tal-avjazzjoni ċivili.

4.   Sabiex tinforma lill-partijiet interessati u lill-pubbliku ġenerali, l-Aġenzija għandha, mill-inqas kull tliet snin, tippubblika rieżami ambjentali, li għandu jagħti rendikont oġġettiv dwar l-istat tal-protezzjoni ambjentali fir-rigward tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

Fit-tħejjija ta' dak ir-rieżami, l-Aġenzija għandha tibbaża ruħha primarjament fuq informazzjoni diġà disponibbli għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif ukoll informazzjoni disponibbli pubblikament.

L-Aġenzija għandha tassoċja ruħha mal-Istati Membri u tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati u l-organizzazzjonijiet rilevanti fl-iżvilupp ta' dak ir-rieżami.

Dak ir-rieżami għandu jkollu wkoll rakkomandazzjonijiet bil-għan li jtejbu l-livell ta' protezzjoni ambjentali fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

Artikolu 88

Interdipendenzi bejn is-sikurezza u s-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw b'rabta ma' kwistjonijiet ta' sigurtà relatati mal-avjazzjoni ċivili, inkluż iċ-ċibersigurtà, fejn ikun hemm interdipendenzi bejn is-sikurezza u s-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili.

2.   Fejn ikun hemm interdipendenzi bejn is-sikurezza u s-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, fuq talba, l-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni, fejn l-Aġenzija jkollha l-kompetenza esperta rilevanti fil-qasam tas-sikurezza, fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.

3.   Biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza mhux skont il-liġi fejn ikun hemm interdipendenzi bejn is-sikurezza u s-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, l-Aġenzija għandha, fejn meħtieġ, tirreaġixxi mingħajr dewmien bla bżonn għal problema urġenti li tkun ta' interess komuni għall-Istati Membri u li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament billi:

(a)

tieħu miżuri skont il-punt (h) tal-Artikolu 77(1) biex tindirizza dgħufijiet fid-disinn tal-inġenji tal-ajru;

(b)

tirrakkomanda azzjonijiet korrettivi li jridu jieħdu l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew il-persuni fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għal dan ir-Regolament, u/jew tqassam l-informazzjoni rilevanti lil dawk l-awtoritajiet u l-persuni, fil-każ li l-problema taffettwa l-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru, inkluż ir-riskji għall-avjazzjoni ċivili li jkunu ġejjin minn żoni ta' konflitt.

Qabel ma tieħu l-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Aġenzija għandha tikseb il-kunsens tal-Kummissjoni u tikkonsulta lill-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tibbaża dawk il-miżuri, fejn ikun possibbli, fuq valutazzjonijiet tar-riskju komuni tal-Unjoni u tqis il-ħtieġa għal reazzjoni rapida f'każijiet ta' emerġenza.

Artikolu 89

Interdipendenzi bejn is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u fatturi soċjoekonomiċi

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni u l-Istati Membri, għandhom jikkooperaw, fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, bil-ħsieb li jiżguraw li jitqiesu l-interdipendenzi bejn is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u fatturi soċjoekonomiċi relatati inkluż fi proċeduri regolatorji, is-sorveljanza u l-implimentazzjoni ta' kultura ġusta kif ddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, biex jindirizzaw riskji soċjoekonomiċi għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti meta tkun qed tindirizza tali interdipendenzi.

3.   L-Aġenzija għandha, kull tliet snin, tippubblika rieżami, li għandu jagħti rendikont oġġettiv tal-azzjonijiet u l-miżuri meħuda, b'mod partikolari dawk li jindirizzaw l-interdipendenzi bejn is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u fatturi soċjoekonomiċi.

Artikolu 90

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   L-Aġenzija għandha, fuq talba, tassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tagħha tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament. Tali assistenza għandha b'mod partikolari tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tar-regoli, ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati, fl-interess tal-industrija Ewropea, u l-promozzjoni tal-istandards Ewropej tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.   L-Aġenzija tista' tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, l-Aġenzija, f'konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni, tista' tistabbilixxi arranġamenti ta' ħidma ma' dawk l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawk l-arranġamenti ta' ħidma ma għandhomx joħolqu obbligi legali imposti fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

3.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont ftehimiet internazzjonali relatati ma' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.

L-Aġenzija tista' taġixxi ta' Organizzazzjoni Reġjonali ta' Sorveljanza tas-Sikurezza fil-qafas tal-ICAO.

4.   L-Aġenzija għandha, f'kooperazzjoni mal- Kummissjoni u l-Istati Membri, tinkludi u taġġorna, fejn meħtieġ, l-informazzjoni li ġejja fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74:

(a)

informazzjoni dwar il-konformità ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu u tal-miżuri meħuda mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament, mal-istandards internazzjonali u mal-prattiki rakkomandati;

(b)

informazzjoni oħra relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, li tkun komuni għall-Istati Membri kollha u li tkun rilevanti għall-monitoraġġ mill-ICAO tal-konformità tal-Istati Membri mal-Konvenzjoni ta' Chicago u mal-istandards internazzjonali u mal-prattiki rakkomandati.

L-Istati Membri għandhom jużaw dik l-informazzjoni meta jkunu qed jimplimentaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta' Chicago u meta jkunu qed jipprovdu informazzjoni lill-ICAO skont il-Programm Universali ta' Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza tal-ICAO.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkunu involuti f'attivitajiet tal-ICAO, għandhom jikkollaboraw, permezz ta' netwerk ta' esperti, rigward kwistjonijiet tekniċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jkunu relatati mal-ħidma tal-ICAO. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-appoġġ amministrattiv meħtieġ lil dan in-netwerk, inkluż assistenza għat-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-laqgħat tiegħu.

6.   Minbarra l-kompiti stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 75, l-Aġenzija tista' tkun involuta wkoll fi proġetti apposta ta' kooperazzjoni teknika u ta' riċerka u assistenza ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, dment li dawn l-attivitajiet ikunu kompatibbli mal-kompiti tal-Aġenzija u mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1.

Artikolu 91

Maniġġar ta' Kriżijiet fl-Avjazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, sa fejn ikollha kompetenza, tikkontribwixxi għal reazzjoni f'waqtha u għall-mitigazzjoni ta' kriżijiet fl-avjazzjoni, f'koordinazzjoni, ma' partijiet ikkonċernati adatti oħra.

2.   L-Aġenzija għandha tipparteċipa fiċ-Ċellula Ewropea ta' Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni (“EACCC”) stabbilita f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (40).

Artikolu 92

Taħriġ vokazzjonali

1.   Sabiex jiġu promossi l-aħjar prattiki kif ukoll l-uniformità fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-Aġenzija, fuq talba ta' fornitur ta' taħriġ tal-avjazzjoni, tista' tevalwa l-konformità ta' dak il-fornitur u tal-korsijiet ta' taħriġ tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Aġenzija u maħruġa fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha. Malli tkun stabbilita tali konformità, il-fornitur għandu jkun intitolat li jipprovdi korsijiet ta' taħriġ approvati mill-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija tista' tipprovdi taħriġ indirizzat primarjament lill-persunal tagħha u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, iżda wkoll lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għal dan ir-Regolament u partijiet interessati oħra, jew permezz tar-riżorsi ta' taħriġ tagħha stess jew, fejn meħtieġ, billi tiddependi fuq fornituri esterni ta' taħriġ.

Artikolu 93

Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew

L-Aġenzija għandha, fejn ikollha l-għarfien espert rilevanti u fuq talba, tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni, fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, b'mod partikolari billi:

(a)

twettaq spezzjonijiet tekniċi, investigazzjonijiet tekniċi u studji;

(b)

tikkontribwixxi, f'materji koperti minn dan ir-Regolament, b'kooperazzjoni mal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, għall-implimentazzjoni ta' skema ta' prestazzjoni għal servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk;

(c)

tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, inkluż l-iżvilupp u l-użu tal-programm SESAR.

SEZZJONI II

L-Istruttura interna

Artikolu 94

Status ġuridiku, sede u uffiċċji lokali

1.   L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni. Għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom. B'mod partikolari, l-Aġenzija tista' takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali.

3.   Is-sede tal-Aġenzija għandha tkun f'Cologne, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

4.   L-Aġenzija tista' tistabbilixxi uffiċċji lokali fl-Istati Membri jew tikkolloka persunal f'delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi, f'konformità mal-Artikolu 104(4).

5.   L-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata legalment mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 95

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (41) u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jingħataw effett, għandhom japplikaw għall-persunal impjegat mill-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija tista' tagħmel użu minn esperti nazzjonali ssekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-Aġenzija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta' esperti nazzjonali fl-Aġenzija.

Artikolu 96

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mal-TUE u mat-TFUE, għandu japplika għall-Aġenzija u l-persunal tagħha.

Artikolu 97

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun kompetenti li tiddeċiedi skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, f'konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkaġunat minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza tiddeċiedi f'tilwim dwar kumpens għal danni kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-Aġenzija lejha għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg li japplikaw għalihom.

Artikolu 98

Il-Funzjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija

1.   L-Aġenzija għandu jkollha Bord ta' Tmexxija.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu:

(a)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u, meta jkun rilevanti, jestendi jew itemm il-mandat tiegħu f'konformità mal-Artikolu 103;

(b)

jadotta rapport annwali kkonsolidat dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju ta' kull sena. Ir-rapport annwali kkonsolidat dwar l-attività għandu jkun disponibbli għall-pubbliku;

(c)

jadotta, kull sena, id-dokument ta' programmazzjoni tal-Aġenzija b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri li jkunu intitolati li jivvotaw u f'konformità mal-Artikolu 117;

(d)

jadotta l-baġit annwali tal-Aġenzija b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri li jkunu intitolati li jivvotaw u f'konformità mal-Artikolu 120(11);

(e)

jistabbilixxi proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet mid-Direttur Eżekuttiv kif imsemmi fl-Artikoli 115 u 116;

(f)

iwettaq il-funzjonijiet tiegħu relatati mal-baġit tal-Aġenzija skont l-Artikoli 120, 121 u 125;

(g)

jaħtar il-membri tal-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 106;

(h)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv;

(i)

jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-regoli relatati mat-tariffi u mal-imposti kif imsemmi fl-Artikolu 126;

(j)

jaddotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

(k)

jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi għall-Aġenzija;

(l)

jieħu deċiżjonijiet dwar it-twaqqif tal-istrutturi interni tal-Aġenzija fil-livell tad-diretturi u, meta jkun neċessarju, dwar il-modifiki tagħhom;

(m)

f'konformità mal-paragrafu 6, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat konferiti mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra lill-Awtorità li jkollha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratt ta' Impieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

(n)

jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa sabiex ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jsiru effettivi f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(o)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni ta' konflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, kif ukoll tal-membri tal-Bord tal-Appell;

(p)

jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti tal-awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”) (42);

(q)

jadotta r-regoli finanzjarji li japplikaw għall-Aġenzija f'konformità mal-Artikolu 125;

(r)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu;

(s)

jadotta strateġija kontra l-frodi, li tkun proporzjonata għar-riskji ta' frodi, b'kont meħud tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;

(t)

jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 5;

(u)

jadotta l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 6;

(v)

jieħu deċiżjonijiet debitament motivati fir-rigward tat-tneħħija tal-immunità f'konformità mal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TEU u mat-TFUE;

(w)

jistabbilixxi proċeduri għal kooperazzjoni espedjenti tal-Aġenzija mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 376/2014.

3.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma' oqsma koperti minn dan ir-Regolament.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi korp konsultattiv li jkun jirrappreżenta l-firxa sħiħa ta' partijiet interessati affettwati mill-ħidma tal-Aġenzija, li għandu jikkonsulta qabel ma jieħu deċiżjonijiet fl-oqsma msemmija fil-punti (c), (e), (f) u (i) tal-paragrafu 2. Il-Bord ta' Tmexxija jista' wkoll jiddeċiedi li jikkonsulta lill-korp konsultattiv dwar kwistjonijiet oħra msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Il-Bord ta' Tmexxija fl-ebda każ ma għandu jkun marbut bl-opinjoni tal-korp konsultattiv.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jistabbilixxi korpi ta' ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

6.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta, f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u abbażi tal-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra, filwaqt li jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u filwaqt li jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li skonthom dik id-delega ta' setgħat tista' tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

Fejn meħtieġ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord ta' Tmexxija jista', permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk is-setgħat sottodelegati minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil xi membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 99

Il-kompożizzjoni tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, kollha bid-dritt tal-vot. Kull Stat Membru għandu jaħtar membru wieħed tal-Bord ta' Tmexxija u żewġ membri supplenti. Membru supplenti għandu i jirrappreżenta lill-membru meta dan ikun assenti. Il-Kummissjoni għandha taħtar żewġ rappreżentanti u l-membri supplenti tagħhom. Il-mandat għall-membri u għall-membri supplenti tagħhom għandu jkun ta' erba' snin. Dak il-mandat għandu jkun jista' jiġi estiż.

2.   Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija u l-membri supplenti tagħhom għandhom jinħatru minħabba fl-għarfien, tal-esperjenza rikonoxxuta u tal-impenn tagħhom fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, filwaqt li titqies il-kompetenza esperta maniġerjali, amministrattiva u baġitarja rilevanti, li għandhom jintużaw sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Il-membri għandu jkollhom responsabbiltà ġenerali tal-inqas għall-politika dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Istati Membri rispettivi tagħhom.

3.   Il-partijiet kollha rrappreżentati fil-Bord ta' Tmexxija għandhom jagħmlu sforzi sabiex jillimitaw ir-rotazzjoni tar-rappreżentanti tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Bord ta' Tmexxija. Il-partijiet kollha għandu jkollhom l-għan li jiksbu rappreżentanza bbilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-Bord ta' Tmexxija.

4.   Meta jkun xieraq, il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi Ewropej fil-Bord ta' Tmexxija bi status ta' osservatur u l-kondizzjonijiet għal tali parteċipazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 129.

5.   Il-korp konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 98(4) għandu jaħtar erbgħa mill-membri tiegħu sabiex jipparteċipaw bi status ta' osservatur fil-Bord ta' Tmexxija. Dawn għandhom jirrappreżentaw, b'mod kemm jista' jkun ġenerali, il-fehmiet differenti rrappreżentati f'dan il-korp konsultattiv. Il-mandat inizjali għandu jkun ta' 48 xahar u għandu jkun jista' jiġi estiż.

Artikolu 100

Il-President tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu bi dritt tal-vot. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi ex officio lill-President fil-każ li dan ma jkunx jista' jwettaq dmirijietu.

2.   Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta' erba' snin u għandu jkun jista' jiġi estiż darba għal erba' snin oħra. Jekk is-sħubija tagħhom fil-Bord ta' Tmexxija tispiċċa fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f'dik id-data.

Artikolu 101

Il-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jitlaqqa' mill-President tiegħu.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkollu tal-inqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, dan għandu jiltaqa' fuq talba mill-President, mill-Kummissjoni jew minn tal-inqas terz tal-membri tal-Bord.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr dritt tal-vot.

4.   Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija jistgħu, f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, ikunu assistiti mill-konsulenti jew l-esperti tagħhom.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jistieden lil kwalunkwe persuna li jista' jkollha opinjoni li tkun ta' interess sabiex tattendi għal-laqgħat tal-Bord bi status ta' osservatur.

6.   L-Aġenzija għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord ta' Tmexxija.

Artikolu 102

Ir-regoli tal-Bord ta' Tmexxija dwar il-votazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-punti (c) u (d) tal-Artikolu 98(2) u l-Artikolu 103(7), il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet b'maġġoranza tal-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot. Fuq it-talba ta' membru tal-Bord ta' Tmexxija, id-deċiżjoni msemmija fil-punt (k) tal-Artikolu 98(2) għandha tittieħed b'unanimità.

2.   Kull membru maħtur skont l-Artikolu 99(1) għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta' membru, il-membru supplenti tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu. La l-osservaturi u lanqas id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija ma għandu jkollhom id-dritt li jivvotaw.

3.   Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati, b'mod partikolari l-kondizzjonijiet li skonthom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit ta' kworum, meta dan ikun xieraq.

4.   Sabiex jiġu adottati, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta' riżorsi umani, b'mod partikolari l-punti (d), (f), (h), (m), (n), (o) u (q) tal-Artikolu 98(2), jirrikjedu vot pożittiv mill-Kummissjoni.

Artikolu 103

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi impjegat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta' Tmexxija abbażi ta' mertu u ta' kompetenza u esperjenza dokumentati rilevanti għall-avjazzjoni ċivili, minn lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata mill-President tal-Bord ta' Tmexxija.

Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi mistieden biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u biex iwieġeb mistoqsijiet mill-membri tal-Parlament Ewropew.

3.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Sa tmiem dak il-perijodu il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tqis l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija. F'nofs il-perijodu, id-Direttur Eżekuttiv jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tiegħu dwar il-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux iktar minn ħames snin. Qabel ma jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew li biħsiebu jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien xahar qabel kwalunkwe estensjoni bħal din, id-Direttur Eżekuttiv jista' jiġi mistieden biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u biex iwieġeb għal mistoqsijiet mill-membri tal-Parlament Ewropew.

5.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu ikun ġie estiż, ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu sħiħ.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv ma jistax jitneħħa mill-kariga ħlief b'deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

7.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu li għandhom id-dritt tal-vot.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jiġi assistit minn Direttur wieħed jew aktar. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, wieħed mid-Diretturi għandu jeħodlu postu.

Artikolu 104

Ir-Responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jmexxi l-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli lejn il-Bord ta' Tmexxija. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, u tal-Bord ta' Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas għandu jieħu struzzjonijiet mingħand kwalunkwe gvern jew korp ieħor.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar it-twettiq ta' dmirijietu meta jkun mistieden jagħmel dan. Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jirrapporta dwar it-twettiq ta' dawk id-dmirijiet.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija b'dan ir-Regolament jew b'atti oħra tal-Unjoni. B'mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli biex:

(a)

japprova l-miżuri tal-Aġenzija kif definiti fl-Artikolu 76 fil-limiti speċifikati b'dan ir-Regolament u bl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(b)

jiddeċiedi dwar investigazzjonijiet, spezzjonijiet u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ kif previst fl-Artikoli 83 u 85;

(c)

jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta' kompiti lil entitajiet kwalifikati skont l-Artikolu 69(1) u dwar it-twettiq ta' investigazzjonijiet f'isem l-Aġenzija mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew mill-entitajiet kwalifikati f'konformità mal-Artikolu 83(1);

(d)

jieħu l-miżuri meħtieġa li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Aġenzija relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 90;

(e)

jieħu l-passi kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tal-Aġenzija f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(f)

jimplimenta deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta' Tmexxija;

(g)

iħejji r-rapport konsolidat annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jippreżentah lill-Bord ta' Tmexxija għall-adozzjoni;

(h)

iħejji l-abbozz tar-rendikont tal-istimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija skont l-Artikolu 120, u jimplimenta l-baġit tagħha skont l-Artikolu 121;

(i)

jiddelega s-setgħat tad-Direttur Eżekuttiv tiegħu lil membri oħra tal-persunal tal-Aġenzija. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli applikabbli għal tali delegi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 127(2);

(j)

iħejji d-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 117(1), u jippreżentah lill-Bord ta' Tmexxija għall-adozzjoni, wara li jkun kiseb l-opinjoni tal-Kummissjoni;

(k)

jimplimenta d-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 117(1), u jirrapporta lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

(l)

iħejji pjan ta' azzjoni li jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll tal-investigazzjonijiet li jsiru mill-OLAF, u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u b'mod regolari lill-Bord ta' Tmexxija;

(m)

jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li tħallsu bi żball u, meta dan ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(n)

iħejji strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u jippreżentaha lill-Bord ta' Tmexxija għall-adozzjoni;

(o)

iħejji abbozz ta' regoli finanzjarji li japplikaw għall-Aġenzija;

(p)

iħejji l-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-aġġornamenti sussegwenti tiegħu, u jippreżentahom lill-Bord ta' Tmexxija għall-adozzjoni;

(q)

jirrapporta lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni;

(r)

iwieġeb għal talbiet ta' assistenza mill-Kummissjoni li jkunu saru f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(s)

jaċċetta r-riallokazzjoni ta' responsabbiltajiet lill-Aġenzija f'konformità mal-Artikoli 64 u 65;

(t)

iwettaq l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Aġenzija;

(u)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Aġenzija u, fejn meħtieġ, dwar kwalunkwe tibdil fihom, ħlief għal dawk fil-livell tad-diretturi, li ser ikunu approvati mill-Bord ta' Tmexxija;

(v)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti ta' interess fir-rigward ta' parteċipanti fi gruppi ta' ħidma u gruppi ta' esperti, u membri oħra tal-persunal mhux koperti mir-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar dikjarazzjonijiet ta' interess u, fejn xieraq, attivitajiet okkupazzjonali ta' wara l-impjieg.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli wkoll biex jiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ, għall-fini li l-kompiti tal-Aġenzija jitwettqu b'mod effiċjenti u effettiv, li jiġi stabbilit uffiċċju lokali wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar jew biex jikkollokaw persunal fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi soġġett għall-ftehimiet xierqa mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dik id-deċiżjoni tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord ta' Tmexxija u, fejn applikabbli, tal-Istat Membru li fih irid jiġi stabbilit l-uffiċċju lokali. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li jridu jitwettqu f'dak l-uffiċċju lokali jew minn dak il-persunal kollokat b'mod li jiġu evitati spejjeż bla bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Aġenzija.

Artikolu 105

Setgħat tal-Bord tal-Appell

1.   Għandu jiġi stabbilit Bord tal-Appell bħala parti mill-istruttura amministrattiva tal-Aġenzija. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 128, biex tiddetermina l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell.

2.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun responsabbli għad-deċiżjoni dwar l-appelli kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 108. Il-Bord tal-Appell għandu jitlaqqa' skont il-ħtieġa.

Artikolu 106

Membri tal-Bord tal-Appell

1.   Il-membri u l-membri supplenti tagħhom għandhom jinħatru mill-Bord ta' Tmexxija minn lista ta' kandidati kwalifikati stabbilita mill-Kummissjoni.

2.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell, inkluż il-President u kwalunkwe membru supplenti, għandu jkun ta' ħames snin u għandu jkun jista' jiġi estiż għal ħames snin oħra.

3.   Il-Membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom dawn la għandhom ifittxu u lanqas ma għandhom jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

4.   Il-membri tal-Bord tal-Appell ma għandhomx iwettqu dmirijiet oħra fl-Aġenzija. Il-membri tal-Bord tal-Appell jistgħu jaħdmu fuq bażi part-time.

5.   Il-membri tal-Bord tal-Appell ma għandhomx jitneħħew mill-kariga jew mil-lista ta' kandidati kwalifikati matul il-mandat tagħhom, dment li ma jkunx hemm bażi serja biex jitneħħew u l-Kummissjoni, wara li tirċievi l-opinjoni tal-Bord ta' Tmexxija, tkun ħadet deċiżjoni dwar dan.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 128 biex tiddetermina l-kwalifiki meħtieġa għall-membri tal-Bord tal-Appell, l-istatus u r-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-Aġenzija, is-setgħat tal-membri individwali fil-fażi ta' tħejjija tad-deċiżjonijiet u r-regoli u l-proċeduri tal-votazzjoni.

Artikolu 107

Esklużjoni u oġġezzjoni

1.   Il-membri tal-Bord tal-Appell ma għandhom jieħdu sehem fl-ebda proċedimenti tal-appell jekk ikollhom kwalunkwe interess personali fih, jekk preċedentement kienu involuti bħala rappreżentanti ta' wieħed mill-partijiet fil-proċedimenti, jew jekk ikunu pparteċipaw fl-adozzjoni tad-deċiżjoni soġġetta għall-appell.

2.   Jekk, għal waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 jew għal kwalunkwe raġuni oħra, membru tal-Bord tal-Appell iqis li ma għandu jieħu sehem fl-ebda proċedura tal-appell, dak il-membru għandu jinforma lill-Bord tal-Appell b'dan.

3.   Kwalunkwe parti għall-proċedimenti tal-appell tista' toġġezzjona għal kwalunkwe membru tal-Bord tal-Appell għal kwalunkwe raġuni fost dawk imsemmija fil-paragrafu 1, jew jekk il-membru jkun issuspettat b'parzjalità. Kwalunkwe oġġezzjoni ta' dan it-tip ma għandhiex tkun ammissibbli jekk, filwaqt li tkun konxja dwar raġuni għall-oġġezzjoni, il-parti fil-proċedimenti tal-appell tkun ħadet pass proċedurali. L-ebda oġġezzjoni ma tista' tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri.

4.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-finijiet li tittieħed din id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fil-Bord tal-Appell mill-membru supplenti tiegħu.

Artikolu 108

Deċiżjonijiet soġġetti għal appell

1.   Jista' jitressaq appell kontra deċiżjonijiet tal-Aġenzija meħuda skont l-Artikolu 64 u 65, l-Artikolu 76(6), l-Artikolu 77 sa 83, 85 jew 126.

2.   Appell li jiġi ppreżentat skont il-paragrafu 1 ma għandux ikollu effett sospensiv. Meta d-Direttur Eżekuttiv iqis li dan ikun permess miċ-ċirkostanzi, jista' jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li tkun soġġetta għall-appell.

3.   Appell kontra deċiżjoni li ma jtemmx il-proċedimenti fir-rigward ta' waħda mill-partijiet jista' jsir biss b'mod konġunt ma' appell kontra d-deċiżjoni finali, ħlief jekk id-deċiżjoni tkun tipprevedi appell separat.

Artikolu 109

Persuni intitolati għal appell

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista' tappella kontra deċiżjoni indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm tkun fil-forma ta' deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, taffettwa direttament u individwalment lill-ewwel persuna. Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jkunu parti fil-proċedimenti tal-appell.

Artikolu 110

Limitu ta' żmien u forma

L-appell, flimkien ma' dikjarazzjoni sostanzjata tal-motivazzjoni tiegħu, għandhom jitressqu bil-miktub lis-segretarjat tal-Bord tal-Appell fi żmien xahrejn min-notifika tal-miżura lill-persuna kkonċernata, jew, jekk tkun assenti, mill-jum li fih saret taf biha din tal-aħħar, skont xi jkun il-każ.

Artikolu 111

Reviżjoni interlokutorja

1.   Qabel ma jeżamina l-appell, il-Bord tal-Appell għandu jagħti lill-Aġenzija l-opportunità li terġa' teżamina d-deċiżjoni tagħha. Jekk id-Direttur Eżekuttiv iqis li l-appell ikollu bażi tajba, huwa għandu jirrettifika d-deċiżjoni fi żmien xahrejn minn meta jkun ġie nnotifikat mill-Bord tal-Appell. Dan ma għandux japplika meta l-appellant jopponi parti oħra fil-proċedimenti tal-appell.

2.   Jekk id-deċiżjoni ma tiġix rettifikata, l-Aġenzija għandha minnufih tiddeċiedi jekk għandhiex tissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 108(2).

Artikolu 112

Eżami ta' appelli

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jivvaluta jekk l-appell huwiex ammissibbli u jekk għandux bażi tajba.

2.   Meta jeżamina l-appell skont il-paragrafu 1, il-Bord tal-Appell għandu jaġixxi mingħajr dewmien. Dan għandu jistieden lill-partijiet, kemm-il darba jkun meħtieġ, għall-proċedimenti tal-appell sabiex iressqu, f'limitu ta' żmien speċifikat, osservazzjonijiet bil-miktub dwar notifiki li jkunu ħarġu huma stess jew dwar komunikazzjonijiet minn partijiet oħra fil-proċedimenti tal-appell. Il-Bord tal-Appell jista' jiddeċiedi li jlaqqa' seduta orali, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba sostanzjata ta' waħda mill-partijiet fl-appell.

Artikolu 113

Deċiżjonijiet fuq appell

Meta l-Bord tal-Appell jikkonkludi li l-appell ma jkunx ammissibbli jew li ma jkunx hemm bażi għall-appell, dan għandu jiċħad l-appell. Meta l-Bord tal-Appell jikkonkludi li l-appell ikun ammissibbli u li jkun hemm motivazzjoni tajba għall-appell, dan għandu jirreferi l-każ lill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tieħu deċiżjoni motivata ġdida filwaqt li tqis id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

Artikolu 114

Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1.   Jistgħu jsiru rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-annullament ta' atti tal-Aġenzija li jkollhom l-għan li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta' partijiet terzi, għal nuqqas ta' azzjoni u, f'konformità mal-Artikolu 97, għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali u, skont klawżola ta' arbitraġġ, ir-responsabbiltà kuntrattwali għal danni kkawżati minn atti tal-Aġenzija.

2.   Ir-rikorsi għall-annullament ta' deċiżjonijiet tal-Aġenzija meħuda skont l-Artikoli 64, 65, 76(6), 77 sa 83, 85 jew 126 jistgħu biss isiru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara li jkunu ġew eżawriti l-proċeduri kollha ta' appell fi ħdan l-Aġenzija.

3.   L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jressqu azzjonijiet kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkunu meħtieġa jeżawrixxu l-proċeduri ta' appell fi ħdan l-Aġenzija.

4.   L-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

SEZZJONI III

Metodi ta' ħidma

Artikolu 115

Proċeduri għall-iżvilupp ta' opinjonijiet, speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u speċifikazzjonijiet dettaljati oħra, mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi proċeduri trasparenti għall-ħruġ ta' opinjonijiet, speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u speċifikazzjonijiet dettaljati oħra, mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida msemmija fl-Artikolu 76(1) u (3). Dawk il-proċeduri għandhom:

(a)

jagħmlu użu mill-kompetenza esperta tal-awtoritajiet ċivili, u fejn adatt, l-awtoritajiet tal-avjazzjoni militari tal-Istati Membri;

(b)

kulfejn meħtieġ, jinvolvu l-esperti minn partijiet interessati rilevanti jew jagħmlu użu mill-kompetenza esperta tal-korpi rilevanti Ewropej ta' standardizzazzjoni jew ta' korpi speċjalizzati oħra;

(c)

jiżguraw li l-Aġenzija tippubblika d-dokumenti u tikkonsulta b'mod wiesa' mal-partijiet interessati, f'konformità ma' skeda ta' żmien u ma' proċedura li tinkludi obbligu fuq l-Aġenzija sabiex tagħti tweġiba bil-miktub fil-proċess ta' konsultazzjoni.

2.   Meta, skont l-Artiklu 76(1) u (3), l-Aġenzija tiżviluppa opinjonijiet, speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u speċifikazzjonijiet dettaljati oħra, mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida, din għandha tistabbilixxi proċedura għall-konsultazzjoni minn qabel tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, hija tista' toħloq grupp ta' ħidma li kull Stat Membru jkun intitolat jinnomina espert fih. Meta tkun meħtieġa konsultazzjoni relatata ma' aspetti militari, l-Aġenzija għandha tikkonsulta, apparti l-Istati Membri, lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u esperti militari kompetenti maħtura mill-Istati Membri. Meta tkun meħtieġa konsultazzjoni relatata mal-impatt soċjali possibbli ta' dawk il-miżuri tal-Aġenzija, l-Aġenzija għandha tinvolvi lis-sħab soċjali tal-Unjoni u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

3.   L-Aġenzija għandha tippubblika l-opinjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u speċifikazzjonijiet dettaljati oħra, il-mezzi aċċettabbli ta' konformità u l-materjal ta' gwida żviluppati skont l-Artikolu 76(1) u (3) u l-proċeduri stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fil-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Aġenzija.

Artikolu 116

Proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi proċeduri trasparenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet individwali kif previst fl-Artikolu 76(4).

Dawk il-proċeduri għandhom, b'mod partikolari:

(a)

jiżguraw li l-persuna fiżika jew ġuridika li trid tiġi indirizzata fid-deċiżjoni tinstema' u li tinstema' kwalunkwe parti oħra li tkun affettwata direttament u individwalment;

(b)

jipprevedu n-notifika tad-deċiżjoni lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-pubblikazzjoni tan-notifika, soġġett għar-rekwiżiti tal-Artikoli 123 u 132(2);

(c)

jipprevedu li l-persuna fiżika jew ġuridika li lilha tkun indirizzata d-deċiżjoni, u kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti, ikunu informati dwar ir-rimedji ġuridiċi li jkollhom disponibbli skont dan ir-Regolament;

(d)

jiżguraw li d-deċiżjoni jkun fiha dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi proċeduri li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li skonthom id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lill-persuni kkonċernati, inkluż l-informazzjoni dwar il-proċeduri tal-appell disponibbli kif previst f'dan ir-Regolament.

Artikolu 117

Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.   Sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 98(2), il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta dokument ta' programmazzjoni li jkun fih programmazzjoni multiannwali u annwali, ibbażata fuq abbozz imressaq mid-Direttur Eżekuttiv sitt ġimgħat qabel l-adozzjoni tiegħu, li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni u b'rabta mal-programmazzjoni pluriennali wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jibgħat dan id-dokument lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, fejn meħtieġ, għandu jiġi aġġustat skont il-ħtieġa.

2.   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija inkluż indikaturi ta' prestazzjoni u għandu jieħu kont tal-objettivi tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f'konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni abbażi tal-attività, filwaqt li jiġu indikati liema attivitajiet għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-baġit regolatorju u liema attivitajiet għandhom jiġu ffinanzjati permezz tat-tariffi u l-imposti li tkun irċeviet l-Aġenzija. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu. Dan għandu jindika b'mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti. Il-programmazzjoni annwali għandha tinkludi l-istrateġija tal-Aġenzija fir-rigward tal-attivitajiet tagħha relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 90 u l-azzjonijiet tal-Aġenzija marbuta ma' dik l-istrateġija.

3.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jemenda l-programm ta' ħidma annwali adottat meta l-Aġenzija tingħata kompitu ġdid. Kwalunkwe emenda sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħal dik tal-programm ta' ħidma annwali inizjali. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddelega s-setgħa biex jagħmel emendi mhux sostanzjali għall-programm ta' ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.

4.   Il-programm ta' ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta dan ikun xieraq, u b'mod partikolari sabiex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 124.

Artikolu 118

Rapport annwali kkonsolidat dwar l-attività

1.   Ir-rapport annwali kkonsolidat dwar l-attività għandu jiddeskrivi l-mod li bih l-Aġenzija tkun implimentat il-programm ta' ħidma annwali, il-baġit u r-riżorsi tal-persunal tagħha. Dan għandu jindika b'mod ċar liema mill-mandati u mill-kompiti tal-Aġenzija jkunu ġew miżjuda, mibdula jew imħassra meta mqabbel mas-sena preċedenti.

2.   Ir-rapport għandu jindika l-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija u jevalwa r-riżultati tagħhom fir-rigward tal-objettivi, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-iskeda ta' żmien stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma' dawk l-attivitajiet, l-użu tar-riżorsi u l-operazzjonijiet ġenerali tal-Aġenzija, u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll interni. Huwa għandu wkoll jindika liema attivitajiet ikunu ġew iffinanzjati permezz tal-baġit regolatorju u liema attivitajiet ikunu ġew iffinanzjati permezz tat-tariffi u l-imposti li tkun irċeviet l-Aġenzija.

Artikolu 119

Trasparenza u komunikazzjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-aċċess għad-data u l-informazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u fl-atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tal-Artikoli 72(5) u 74(8) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Aġenzija tista' tkun involuta f'attivitajiet ta' komunikazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess fl-oqsma ta' kompetenza tagħha. B'mod partikolari, għandha tiżgura li, minbarra l-pubblikazzjoni speċifikata fl-Artikolu 115(3), il-pubbliku ġenerali u kwalunkwe parti interessata jingħataw mingħajr dewmien informazzjoni oġġettiva, affidabbli u li tinftiehem faċilment, dwar il-ħidma tagħha. L-Aġenzija għandha tiżgura li l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħha għal attivitajiet ta' komunikazzjoni ma tkunx ta' detriment għall-eżerċizzju effettiv tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 75.

3.   L-Aġenzija għandha tittraduċi l-materjal dwar il-promozzjoni tas-sikurezza fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, fejn xieraq.

4.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jassistu lill-Aġenzija billi jikkomunikaw b'mod effettiv l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom.

5.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun intitolata li tindirizza bil-miktub lill-Aġenzija bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u għandu jkollha d-dritt tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

6.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

TAQSIMA IV

Rekwiżiti finanzjarji

Artikolu 120

Baġit

1.   Mingħajr preġudizzju għal dħul ieħor, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni;

(b)

kontribuzzjoni minn kwalunkwe pajjiż terz Ewropew li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehimiet internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 129;

(c)

it-tariffi mħallsa mill-applikanti għaċ-ċertifikati li jinħarġu mill-Aġenzija, u mid-detenturi tagħhom, kif ukoll minn persuni li rreġistraw dikjarazzjonijiet mal-Aġenzija;

(d)

imposti għall-pubblikazzjonijiet, għat-taħriġ u għal servizzi oħra pprovduti u għall-ipproċessar tal-appelli mill-Aġenzija;

(e)

kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet oħra, dment li tali kontribuzzjoni ma tikkompromettix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Aġenzija;

(f)

għotjiet.

2.   L-infiq tal-Aġenzija għandu jinkludi l-infiq għall-persunal, għall-amministrazzjoni, għall-infrastruttura u għall-operazzjoni. Fir-rigward tal-infiq operazzjonali, fejn meħtieġ, l-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali, fejn ikun meħtieġ.

3.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bilanċjati.

4.   Il-baġits regolatorji, it-tariffi stabbiliti u miġbura għall-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni u l-imposti mill-Aġenzija għandhom jiġu ttrattati b'mod separat fil-kontijiet tal-Aġenzija.

5.   L-aġenzija għandha, matul is-sena finanzjarja, tadatta l-ippjanar tal-persunal u l-ġestjoni tal-attivitajiet iffinanzjati minn riżorsi relatati mat-tariffi u l-imposti b'mod li jippermettilha tirrispondi malajr għall-ammont ta' xogħol u l-varjazzjonijiet ta' dak id-dħul.

6.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta' rendikont tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara, inkluż abbozz ta' pjan ta' stabbiliment u jibagħtu lill-Bord ta' Tmexxija flimkien ma' materjal ta' spjegazzjoni dwar is-sitwazzjoni baġitarja. Fir-rigward tal-karigi ffinanzjati mit-tariffi u l-imposti, dak l-abbozz ta' pjan ta' stabbiliment għandu jkun ibbażat fuq sett limitat ta' indikaturi approvati mill-Kummissjoni sabiex jitkejlu l-ammont ta' xogħol u l-effiċjenza tal-Aġenzija, u għandu jistabbilixxi r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti t-talbiet għaċ-ċertifikazzjoni u attivitajiet oħra tal-Aġenzija b'mod effiċjenti u f'waqtu, inkluż dawk li jirriżultaw minn riallokazzjonijiet ta' responsabbiltà f'konformità mal-Artikoli 64 u 65.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu, abbażi ta' dak l-abbozz, jadotta abbozz proviżorju tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara. L-abbozz proviżorju tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.

7.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jibgħat l-abbozz finali tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija, li għandu jinkludi l-abbozz tal-pjan ta' stabbiliment flimkien mal-programm ta' ħidma proviżorju, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi Ewropej li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehimiet internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 129.

8.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rendikont tal-istimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Abbażi tar-rendikont tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-istimi li tqis li jkunu meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni li trid tittieħed mill-baġit ġenerali, li għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'konformità mal-Artikoli 313 u 314 TFUE.

10.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Aġenzija u għandhom jadottaw il-pjan ta' stabbiliment tal-Aġenzija, filwaqt li jqisu l-indikaturi relatati mal-ammont ta' xogħol u l-effiċjenza tal-Aġenzija msemmija fil-paragrafu 6.

11.   Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord ta' Tmexxija. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun xieraq, dan għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

12.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, malajr kemm jista' jkun, jinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit, b'mod partikolari kwalunkwe proġett li jkun relatat ma' proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta' binjiet, u għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Għal kwalunkwe proġett ta' bini li x'aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Aġenzija, għandu japplika r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (43).

Fejn il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ikun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħti opinjoni, dan għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-Bord ta' Tmexxija fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 121

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.

2.   Sal-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija għandu wkoll jibgħat rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati f'konformità mal-Artikolu 147 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44).

3.   Sal-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

4.   Skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu u d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord ta' Tmexxija għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

6.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija għandu, sal-1 ta' Lulju ta' wara kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta' Tmexxija.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru wara kull sena finanzjarja.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta' Settembru wara kull sena finanzjarja. Huwa għandu wkoll jibgħat dik it-tweġiba lill-Bord ta' Tmexxija u lill-Kummissjoni.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, kif previst mill-Artikolu 165(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena n + 2, jiddeċiedi dwar il-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena n.

Artikolu 122

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45) għandu japplika mingħajr restrizzjoni.

2.   L-Aġenzija għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (46) fi żmien sitt xhur mill-11 ta' Settembru 2018 u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal tagħha billi tuża l-mudell stabbilit fl-Anness għal dak il-Ftehim.

3.   Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-Aġenzija.

4.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (47), bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-Aġenzija.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 4, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet tal-għotjiet tal-Aġenzija għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 123

Ir-regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

L-Aġenzija għandha tadotta regoli proprji ta' sigurtà li jkunu ekwivalenti għar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI) u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (48) u (UE, Euratom) 2015/444 (49). Ir-regoli ta' sigurtà tal-Aġenzija għandhom ikopru, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta' tali informazzjoni.

Artikolu 124

Evalwazzjoni

1.   Sa mhux aktar tard mit-12 ta' Settembru 2023, u mbagħad kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha. L-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiki ta' ħidma tagħha fl-istabbiliment ta' livell għoli ta' sikurezza fl-avjazzjoni ċivili. L-evalwazzjoni għandha wkoll tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi modifikat il-mandat tal-Aġenzija, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe modifika ta' dan it-tip. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali.

2.   Meta l-Kummissjoni tqis li ma jkunx għadu ġġustifikat li l-Aġenzija tkompli fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti assenjati lilha, tista' tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat kif meħtieġ jew imħassar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat is-sejbiet tal-evalwazzjoni, flimkien mal-konklużjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord ta' Tmexxija. Għandu jiġi inkluż pjan ta' azzjoni bi skeda ta' żmien, jekk ikun adatt. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 125

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji li japplikaw għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Tmexxija wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni. Dawn ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013, ħlief jekk tali devjazzjoni tkun meħtieġa b'mod speċifiku għall-operazzjoni tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem.

Artikolu 126

Tariffi u imposti

1.   Għandhom jiġu applikati tariffi u imposti:

(a)

għall-ħruġ u għat-tiġdid taċ-ċertifikati u għar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament, kif ukoll għall-attivitajiet ta' sorveljanza tagħha fir-rigward tal-attivitajiet li dawk iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet ikunu relatati magħhom;

(b)

għall-pubblikazzjoni, it-taħriġ u l-għoti ta' kwalunkwe servizz ieħor mill-Aġenzija, li għandu jirrifletti l-ispiża reali ta' kull servizz individwali li jiġi pprovdut;

(c)

għall-ipproċessar tal-appelli.

It-tariffi u l-imposti kollha għandhom ikunu espressi, u għandhom jitħallsu, f'euro.

2.   L-ammont tat-tariffi u l-imposti għandu jiġi stabbilit f'tali livell li jiżgura li d-dħul fir-rigward tagħhom ikun ikopri l-ispiża kollha tal-attivitajiet relatati mas-servizzi li jingħataw, u li jevita l-akkumulazzjoni sinifikanti ta' eċċess. L-infiq kollu tal-Aġenzija attribwit lill-persunal involut fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari l-kontribuzzjoni pro rata ta' min iħaddem għall-iskema tal-pensjonijiet, għandu jkun rifless f'dik l-ispiża. It-tariffi u l-imposti għandhom ikunu dħul assenjat lill-Aġenzija għall-attivitajiet relatati mas-servizzi li għalihom ikunu dovuti tariffi u imposti.

3.   Il-bilanċi pożittivi tal-baġit iġġenerati mit-tariffi u l-imposti għandhom jiffinanzjaw l-attivitajiet futuri relatati mat-tariffi u l-imposti jew jikkumpensaw għat-telf. Meta riżultat baġitarju sinifikanti pożittiv jew negattiv isir rikorrenti, il-livell tat-tariffi u tal-imposti għandu jiġi rivedut.

4.   Wara konsultazzjoni mal-Aġenzija f'konformità mal-punt (i) tal-Artikolu 98(2), il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimnetazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati relatati mat-tariffi u l-imposti applikati mill-Aġenzija, li jispeċifikaw b'mod partikolari l-kwistjonijiet li għalihom ikunu dovuti t-tariffi u l-imposti skont il-punt (c) u (d) tal-Artikolu 120(1), u l-ammont tat-tariffi u l-imposti u l-mod li bih jitħallsu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 127

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

Artikolu 128

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl- Artikoli 19, 28, 32, 39, 47, 54, 58, 61, 62(13), 68(3), 84(4), 105 u 106 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-11 ta' Settembru 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 19, 28, 32, 39, 47 54, 58, 61, 62(13), 68(3), 84(4), 105 u 106 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat imsemmi fl-Artikoli 19, 28, 32, 39, 47, 54, 58, 61, 62(13), 68(3), 84(4), 105 u 106 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 129

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi Ewropej

L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi Ewropej li jkunu partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Chicago u li jkunu daħlu fi ftehimiet internazzjonali mal-Unjoni li skonthom huma adottaw il-liġi tal-Unjoni u qed japplikawha fl-oqsma koperti b'dan ir-Regolament.

Dawk il-ftehimiet internazzjonali jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura u l-firxa tal-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz Ewropew ikkonċernat fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. L-Aġenzija tista', f'konformità mal-Artikolu 90(2), tistabbilixxi arranġamenti ta' ħidma mal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz Ewropew ikkonċernat sabiex dawk id-dispożizzjonijiet isiru effettivi.

Artikolu 130

Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kondizzjonijiet tal-operat

1.   L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tkun ipprovduta lill-Aġenzija fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li jridu jkunu disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord ta' Tmexxija, għall-persunal tal-Aġenzija u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom ikunu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede.

2.   L-Istat Membru ospitanti tal-Aġenzija għandu jipprovdi l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Aġenzija, inkluż sistemi edukattivi multilingwi adatti u konnessjonijiet xierqa ta' trasport.

Artikolu 131

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 132

Proċessar ta' data personali

1.   Fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali fil-qafas ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

2.   Fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali fil-qafas ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 133

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2111/2005

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-paragrafi 1 sa 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat (‘il-Kumitat tal-UE għas-Sikurezza tal-Ajru’). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

Artikolu 134

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 4, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

ikollha ĊOA validu maħruġ f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew minn awtorità nazzjonali ta' Stat Membru, jew minn diversi awtoritajiet nazzjonali ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt f'konformità mal-Artikolu 62(5) ta' dak ir-Regolament jew mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”;"

2.

L-Artikolu 6 hu sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru

1.   L-għoti u l-validità ta' liċenzja tal-operazzjoni għandhom jiddependu mill-pussess ta' ĊOA validu li jispeċifika l-attivitajiet koperti minn dik il-liċenzja operattiva.

2.   Kwalunkwe modifika fiċ-ĊOA ta' trasportatur tal-ajru Komunitarju għandha tkun riflessa, fejn xieraq, fil-liċenzja operattiva tiegħu.

L-awtorità kompetenti għaċ-ĊOA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji malajr kemm jista' jkun bi kwalunkwe bidla proposta rilevanti fiċ-ĊOA.

3.   L-awtorità kompetenti għaċ-ĊOA u l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandhom jaqblu dwar miżuri għal skambju proattiv ta' informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni u ż-żamma taċ-ĊOA u tal-liċenzja operattiva.

Dak l-iskambju jista' jinkludi, mingħajr ma jkun limitat għal, informazzjoni marbuta mal-arranġamenti finanzjarji, organizzattivi u dwar is-sjieda tat-trasportatur tal-ajru Komunitarju li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza jew is-solvenza tal-operazzjonijiet tagħha jew li jistgħu jassistu lill-awtorità kompetenti għaċ-ĊOA fit-twettiq tal-attivitajiet ta' sorveljanza tagħha relatati mas-sikurezza. Meta l-informazzjoni tingħata b'mod kunfidenzjali, għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tiġi protetta b'mod adegwat.

3a.   Fejn x'aktarx li tkun meħtieġa azzjoni ta' infurzar, l-awtorità kompetenti għaċ-ĊOA u l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandhom jikkonsultaw lil xulxin mill-aktar fis possibbli qabel ma jieħdu tali azzjoni, u jaħdmu flimkien sabiex isolvu l-kwistjonijiet qabel ma tittieħed azzjoni. Fejn tittieħed azzjoni, l-awtorità kompetenti għaċ-ĊOA u l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandhom jinnotifikaw lil xulxin mill-aktar fis possibbli dwar it-teħid tal-azzjoni.”;

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Inġenju tal-ajru li jintuża minn trasportatur tal-ajru Komunitarju għandu jiġi rreġistrat, skont l-għażla tal-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu toħroġ il-liċenzja operattiva, jew fir-reġistru nazzjonali tiegħu stess jew inkella fir-reġistru nazzjonali ta' Stat Membri ieħor. Madankollu, meta jintuża taħt ftehim ta' kiri mingħajr ekwipaġġ jew bl-ekwipaġġ skont l-Artikolu 13, dak l-inġenju tal-ajru jista' jiġi rreġistrat fir-reġistru nazzjonali jew ta' kwalunkwe Stat Membru jew inkella ta' pajjiż terz.”.

Artikolu 135

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 996/2010

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 hu sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Obbligu ta' investigazzjoni

1.   Kull aċċident jew inċident serju li jinvolvi inġenju tal-ajru li għalih japplika r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) għandu jkun is-suġġett ta' investigazzjoni tas-sikurezza fl-Istat Membru li fih ikun seħħ l-aċċident jew l-inċident serju.

2.   Meta inġenju tal-ajru li għalih ikun japplika r-Regolament (UE) 2018/1139 u li jkun irreġistrat fi Stat Membru jkun involut f'aċċident jew f'inċident serju u ma jkunx jista' jiġi stabbilit b'mod definittiv li l-post fejn ikun seħħ ikun fit-territorju ta' xi Stat, l-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandha twettaq investigazzjoni tas-sikurezza.

3.   Il-firxa tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 u l-proċedura li trid tiġi segwita sabiex isiru tali investigazzjonijiet tas-sikurezza għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza, b'kont meħud tal-konsegwenzi tal-aċċident jew tal-inċident serju u t-tagħlimiet li tkun mistennija tieħu minn dawn l-investigazzjonijiet għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

4.   L-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza jistgħu jiddeċiedu li jinvestigaw inċidenti oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, kif ukoll aċċidenti jew inċidenti serji ta' tipi oħra ta' inġenji tal-ajru, f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, meta jkunu qed jistennew li jieħdu tagħlimiet ta' sikurezza minnhom.

5.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità responsabbli għall-investigazzjoni tas-sikurezza, filwaqt li tqis it-tagħlimiet li tkun qed tistenna li tieħu għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, tista' tiddeċiedi li ma tibdix investigazzjoni tas-sikurezza meta aċċident jew inċident serju jkun jikkonċerna inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord li għalih ma jkunux meħtieġa ċertifikat jew dikjarazzjoni skont l-Artikolu 56(1) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/1139, jew ikun jikkonċerna inġenju tal-ajru bi bdot abbord b'massa massima waqt it-tlugħ li tkun inqas minn jew ekwivalenti għal 2 250 kg, u li fih l-ebda persuna ma tkun indarbet b'mod fatali jew serju.

6.   L-investigazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 fl-ebda każ ma għandhom ikunu kkonċernati bl-attribuzzjoni tat-tort jew tar-responsabbiltà. Dawn għandhom ikunu indipendenti u separati minn kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv u mingħajr preġudizzju għalihom biex jattribwixxu t-tort jew ir-responsabbiltà.

Artikolu 136

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 376/2014

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Dan ir-Regolament japplika għal okkorrenzi u għal informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu l-inġenji tal-ajru ċivili li għalihom japplika r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal okkorrenzi u għal informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għalihom ma jkunx meħtieġ ċertifikat jew dikjarazzjoni skont l-Artikolu 56(1) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/1139, ħlief jekk l-okkorrenza jew l-informazzjoni l-oħra relatata mas-sikurezza li tkun tinvolvi tali inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord tkun irriżultat f'dannu fatali jew serju ta' persuna jew tkun involviet xi inġenju tal-ajru li ma jkunx inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament anke għal okkorrenzi u għal informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu l-inġenji tal-ajru li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) 2018/1139.

Artikolu 137

Emendi għad-Direttiva 2014/30/UE

Fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/30/UE, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

It-tagħmir tal-avjazzjoni li ġej, fejn dak it-tagħmir jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u huwa maħsub esklużivament għall-użu fl-ajru:

(i)

inġenji tal-ajru, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat assoċjati;

(ii)

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) ta' dak ir-Regolament u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett.

Artikolu 138

Emendi għad-Direttiva 2014/53/UE

Fl-Anness I għad-Direttiva 2014/53/UE, il-punt 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.

It-tagħmir tal-avjazzjoni li ġej, fejn dak it-tagħmir jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) u huwa maħsub esklużivament għall-użu fl-ajru:

(a)

inġenji tal-ajru, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat assoċjati;

(b)

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) ta' dak ir-Regolament u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett.

Artikolu 139

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jitħassar b'effett mill-11 ta' Settembru 2018.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 jitħassar mill-11 ta' Settembru 2018. Madankollu, l-Artikoli 4, 5, 6, 6a u 7 ta' dak ir-Regolament u l-Annessi III u IV tiegħu għandhom jibqgħu japplikaw sad-data tal-applikazzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 47 ta' dan ir-Regolament u sa fejn dawk l-atti jkopru s-suġġett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-12 ta' Settembru 2023.

3.   Ir-Regolament (KEE) Nru 3922/91 jitħassar mid-data tal-applikazzjoni tar-regoli dettaljati adottati skont il-punt (a) tal-Artikolu 32(1) dwar limiti ta' ħin għat-titjir u l-ħidma u rekwiżiti ta' mistrieħ fir-rigward ta' taxi tal-ajru, servizzi mediċi ta' emerġenza u operazzjonijiet ta' trasport kummerċjali bl-ajru bi bdot wieħed permezz tal-ajruplani.

4.   Ir-referenzi għar-Regolamenti li tħassru msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u, fejn ikun xieraq, jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness X.

Artikolu 140

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Iċ-ċertifikati u l-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi dwar l-ajrunavigabbiltà li jkunu nħarġu jew ġew rikonoxxuti u d-dikjarazzjonijiet magħmula jew rikonoxxuti f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu għandhom jibqgħu validi u għandhom jitqiesu li nħarġu, saru u ġew rikonoxxuti skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' dan ir-Regolament, inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 67.

2.   Mhux aktar tard mit-12 ta' Settembru 2023 ir-regoli ta' implimentazzjoni adottati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u (KE) Nru 552/2004 għandhom jiġu adattati għal dan ir-Regolament. Sa ma jsir l-adattament, kwalunkwe referenza f'dawk ir-regoli ta' implimentazzjoni għal:

(a)

“operazzjoni kummerċjali” għandha tinftiehem bħala referenza għall-punt (i) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008;

(b)

“inġenju tal-ajru mħaddem b'magna kumplessa” għandha tinftiehem bħala referenza għall-punt (j) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008;

(c)

“tagħmir” għandha tinftiehem bħala referenza għall-punt (29) tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;

(d)

“liċenzja ta' bdot għal titjir rikreattiv” għandha tinftiehem bħala referenza għal-liċenzja msemmija fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008;

3.   L-Aġenzija għandha toħroġ, sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-11 ta' Settembru 2018, f'konformità mal-Artikolu 76(1) u 76(3) ta' dan ir-Regolament, opinjonijiet li jikkonċernaw proposti għal emendi għar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (50), (UE) Nru 1321/2014 (51), (UE) Nru 1178/2011 (52), u (UE) Nru 965/2012 (53) u l-ispeċifikazzjoni ta' ċertifikazzjoni applikabbli sabiex jiġu adattati, fir-rigward ta' inġenji tal-ajru maħsuba primarjament għall-użu sportiv u rikreattiv, għal dan ir-Regolament.

4.   Sat-12 ta' Settembru 2021 l-Aġenzija tista' toħroġ materjal ta' gwida għal użu volontarju mill-Istati Membri biex tappoġġa l-iżvilupp ta' regoli nazzjonali proporzjonati li jikkonċernaw id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' inġenji tal-ajru elenkati fl-Anness I.

5.   B'deroga mill-Artikoli 55 u 56, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57 ta' dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ.

6.   L-Istati Membri għandhom itemmu jew jaġġustaw il-ftehimiet bilaterali eżistenti li jkunu kkonkludew ma' pajjiżi terzi għall-oqsma li huma koperti b'dan ir-Regolament mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u fi kwalunkwe każ qabel it-12 ta' Settembru 2021.

Artikolu 141

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta' Lulju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 111.

(2)  ĠU C 88, 21.3.2017, p. 69.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(10)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni (ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' lista Komunitarja ta' kumpanniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta' operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(19)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (Ir-Regolament ta' interoperabilità) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26).

(21)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 46.

(22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 tas-6 ta' Lulju 2006 li jistipula rekwiżiti għal sistemi awtomatiċi għall-iskambju ta' tagħrif dwar it-titjiriet bejn ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għall-iskopijiet ta' notifikazzjoni, koordinazzjoni u trasferiment ta' titjiriet (ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27)

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 633/2007 tas-7 ta' Ġunju 2007 li jistipula rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira użat għan-notifika, il-koordinazzjoni u t-trasferiment ta' titjiriet bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru (ĠU L 146, 8.6.2007, p. 7).

(24)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 262/2009 tat-30 ta' Marzu 2009 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-allokazzjoni koordinata u għall-użu ta' kodiċijiet tal-interrogatur Mode S għall-ajru uniku Ewropew (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 20).

(25)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 tas-16 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta' kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 13, 17.1.2009, p. 3).

(26)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 73/2010 tas-26 ta' Jannar 2010 li jistipula r-rekwiżiti dwar il-kwalità tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 6).

(27)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1206/2011 tat-22 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta' inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 305, 23.11.2011, p. 23).

(28)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1207/2011 tat-22 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza għall-ajru uniku Ewropew (ĠU L 305, 23.11.2011, p. 35).

(29)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2012 tas-16 ta' Novembru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti ta' spazjar bejn il-kanali ta' komunikazzjoni vokali għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 320, 17.11.2012, p. 14).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4).

(31)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(32)  Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20).

(33)  Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10).

(34)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE tat-30 ta' Marzu 2009 li tendorsja il-Pjan Direttur Ewropew għall-Ġestjoni tal-Ajru tal-proġett ta' Riċerka tal-ATM tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR)(ĠU L 95, 9.4.2009, p. 41).

(35)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1).

(36)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(37)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(38)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(39)  Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).

(40)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010 (ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1).

(41)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(42)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(43)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(44)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(45)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(46)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(47)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(48)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(49)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(50)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(51)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(52)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(53)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).


ANNESS I

Inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(3)

1.

Il-kategoriji ta' inġenji tal-ajru bi bdot abbord li għalihom ma japplikaw dan ir-Regolament:

(a)

inġenji tal-ajru storiċi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

(i)

inġenji tal-ajru li:

id-disinn inizjali tagħhom ġie stabbilit qabel l-1 ta' Jannar 1955, u

li ma baqgħux jiġu mmanifatturati wara l-1 ta' Jannar 1975;

jew

(ii)

inġenji tal-ajru li għandhom rilevanza storika ċara, marbuta ma':

parteċipazzjoni f'avveniment storiku notevoli,

pass ewlieni fl-iżvilupp tal-avjazzjoni, jew

rwol prinċipali fil-forzi armati ta' Stat Membru;

jew

(b)

inġenji tal-ajru speċifikament iddisinjati jew immodifikati għal skopijiet sperimentali, xjentifiċi jew ta' riċerka, u x'aktarx prodotti f'numri limitati ħafna;

(c)

inġenji tal-ajru, inkluż dawk fornuti f'forma ta' kit, fejn mill-inqas 51 % tal-kompiti ta' fabbrikazzjoni u assemblaġġ jitwettqu minn dilettant, jew assoċjazzjoni ta' dilettanti mingħajr skop ta' profitt, għall-finijiet tagħhom stess u mingħajr ebda għan kummerċjali;

(d)

inġenji tal-ajru li kienu fis-servizz tal-forzi militari, ħlief jekk l-inġenju tal-ajru huwa ta' tip li għalih l-Aġenzija tkun adottat standard tad-disinn;

(e)

ajruplani li jkollhom veloċità minima ta' titjir li tista' titkejjel jew veloċità kostanti ta' titjir fil-konfigurazzjoni tal-inżul li ma taqbiżx il-35 mil nawtiku fis-siegħa bħala veloċità kalibrata fl-ajru (CAS), ħelikopters, paraxuts bil-mutur, gliders u gliders bil-mutur, li ma jkollhomx aktar minn żewġ sits u massa massima ta' tluq (MTOM), kif irreġistrata mill-Istati Membri, ta' mhux aktar minn:

 

Ajruplan/Ħelikopter/Paraxut bil-mutur/glider bil-mutur

Gliders

Amfibju jew ajruplan galleġġjanti/ħelikopter

Paraxut ta' rkupru totali mmuntat fuq qafas ta' inġenju tal-ajru

B'sit wieħed

300 kg MTOM

250 kg MTOM

Żieda ta' 30 kg MTOM

Żieda ta' 15 kg MTOM

B'żewġ sits

450 kg MTOM

400 kg MTOM

Żieda ta' 45 kg MTOM

Żieda ta' 25 kg MTOM

Meta amfibju jew ajruplan galleġġjanti/ħelikopter jopera kemm bħala ajruplan galleġġjanti/ħelikopter kif ukoll bħala ajruplan tal-art/ħelikopter, dan għandu jaqa' taħt il-limitu MTOM applikabbli.

(f)

ġiroplani b'sit wieħed jew b'żewġ sits b'MTOM li ma teċċedix is-600 kg;

(g)

repliki ta' inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kriterji tal-punti (a) jew (d), li d-disinn strutturali tagħhom huwasimili għal dak tal-inġenji tal-ajru oriġinali;

(h)

blalen tal-arja u iġfna tal-ajru li għandhom post għal wieħed jew tnejn u volum massimu ta' disinn ta' mhux aktar minn 1 200 m3, u fil-każ ta' gassijiet reffejja oħra mhux aktar minn 400 m3;

(i)

kwalunkwe inġenju tal-ajru ieħor bi bdot abbord b'massa vojta massima, inkluż il-fjuwil, ta' mhux aktar minn 70 kg.

2.

Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

inġenji tal-ajru marbuta mingħajr ebda sistema ta' propulsjoni, fejn it-tul massimu tal-irbit huwa ta' 50 m, u fejn:

(i)

il-MTOM tal-inġenju tal-ajru, inkluż it-tagħbija tiegħu, hija ta' inqas minn 25 kg, jew

(ii)

fil-każ ta' inġenji tal-ajru eħfef mill-arja, il-volum tad-disinn massimu tal-inġenju tal-ajru huwa ta' inqas minn 40 m3;

(b)

inġenji tal-ajru marbuta b'MTOM ta' mhux aktar minn 1 kg.


ANNESS II

Rekwiżiti essenzjali għall-ajrunavigabbiltà

1.   INTEGRITÀ TAL-PRODOTT

L-integrità tal-prodott, inkluż il-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà tal-informazzjoni, trid tiġi aċċertata għall-kondizzjonijiet antiċipati kollha ta' titjir għall-ħajja operazzjonali tal-inġenju tal-ajru. Il-konformità mar-rekwiżiti kollha trid tintwera permezz ta' valutazzjoni jew ta' analiżi, sostnuta, fejn hemm bżonn, b'testijiet.

1.1.   Strutturi u materjali

1.1.1.   L-integrità tal-istruttura trid tiġi aċċertata f'kull waqt, u biżżejjed lil hinn miż-żona operazzjonali għall-inġenju tal-ajru, inkluż is-sistema ta' propulsjoni tiegħu, u trid tinżamm għall-ħajja operattiva tal-inġenju tal-ajru.

1.1.2.   Il-parts kollha tal-inġenju tal-ajru, li jekk tinqalgħalhom il-ħsara jistgħu jnaqqsu l-integrità strutturali, iridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin mingħajr deformazzjoni detrimentali jew ħsara. Dan jinkludi l-oġġetti kollha ta' massa sinifikanti u l-mezzi tagħhom ta' trażżin.

(a)

Iridu jiġu kkunsidrati l-kombinazzjonijiet kollha ta' tagħbija li jkunu raġonevolment mistennija li jseħħu fil-piżijiet, fil-firxa taċ-ċentru tal-gravità, fiż-żona operazzjonali u fil-ħajja tal-inġenju tal-ajru u biżżejjed lil hinn minnhom. Dan jinkludi tagħbijiet dovuti għal buffuri, manuvri, pressjoni għolja, superfiċji mobbli, sistemi ta' kontroll u ta' propulsjoni kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art.

(b)

Trid tingħata kunsiderazzjoni lit-tagħbijiet u lill-ħsarat probabbli kkawżati bi nżul ta' emerġenza fuq l-art jew fuq il-baħar.

(c)

Skont kif inhu adatt għat-tip ta' operazzjoni, l-effetti dinamiċi jridu jiġu koperti fir-rispons strutturali għal dawk it-tagħbijiet, b'kunsiderazzjoni għad-daqs u l-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru.

1.1.3.   L-inġenju tal-ajru ma jrid ikollu ebda instabbiltà ajruelastika u vibrazzjoni eċċessiva.

1.1.4.   Il-proċessi tal-produzzjoni u l-materjali użati fil-kostruzzjoni tal-inġenju tal-ajru jridu jirriżultaw fi proprjetajiet strutturali magħrufa u riproduċibbli. Irid jittieħed kont ta' kwalunkwe tibdil fil-prestazzjoni tal-materjali relatata mal-ambjent operazzjonali.

1.1.5.   Hemm bżonn li jiġi żgurat li sa fejn huwa prattikabbli, l-effetti tat-tagħbija ċiklika, id-degradazzjoni ambjentali, il-ħsara aċċidentali u li ġejja minn sors diskret ma jnaqqsux l-integrità strutturali taħt livell aċċettabbli ta' saħħa residwa. L-istruzzjonijiet kollha meħtieġa biex tiġi żgurata ajrunavigabbiltà kontinwa f'dan ir-rigward iridu jiġu promulgati.

1.2.   Propulsjoni

1.2.1.   L-integrità tas-sistema ta' propulsjoni (jiġifieri l-magna u, meta jkun xieraq, l-iskrun) trid tintwera f'kull waqt, u biżżejjed lil hinn miż-żona operazzjonali tas-sistema ta' propulsjoni u trid tinżamm tul il-ħajja operattiva tas-sistema ta' propulsjoni, filwaqt li jiġi kkunsidrat ir-rwol tas-sistema ta' propulsjoni fil-kunċett ġenerali tas-sikurezza tal-inġenju tal-ajru.

1.2.2.   Is-sistema ta' propulsjoni trid tipproduċi, fil-limiti dikjarati tagħha, il-forza propulsiva jew il-potenza mitluba minnha fil-kondizzjonijiet kollha meħtieġa tat-titjir, filwaqt li jitqiesu l-effetti u l-kondizzjonijiet ambjentali.

1.2.3.   Il-proċess tal-produzzjoni u l-materjali użati fil-kostruzzjoni tas-sistema ta' propulsjoni jridu jirriżultaw f'imġiba strutturali magħrufa u riproduċibbli. Irid jittieħed kont ta' kwalunkwe tibdil fil-prestazzjoni tal-materjali relatata mal-ambjent operazzjonali.

1.2.4.   L-effetti tat-tagħbija ċiklika, id-degradazzjoni ambjentali u operazzjonali u ħsarat sussegwenti probabbli fil-parts ma għandhomx inaqqsu l-integrità tas-sistema ta' propulsjoni taħt livelli aċċettabbli. L-istruzzjonijiet kollha meħtieġa biex tiġi żgurata ajrunavigabbiltà kontinwa f'dan ir-rigward iridu jiġu promulgati.

1.2.5.   L-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u r-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-interfaċċa sikura u korretta bejn is-sistema ta' propulsjoni u l-inġenju tal-ajru jridu jiġu promulgati.

1.3.   Sistemi u tagħmir (għajr it-tagħmir mhux installat):

1.3.1.   L-inġenju tal-ajru ma jridx ikollu karatteristiċi jew dettalji ta' disinn li l-esperjenza wriet li huma perikolużi.

1.3.2.   L-inġenju tal-ajru, inkluż dawk is-sistemi u t-tagħmir meħtieġa għall-valutazzjoni tad-disinn tat-tip, jew bir-regoli tal-operazzjoni, irid jiffunzjona dejjem, kif ippjanat f'kwalunkwe kondizzjoni tal-operazzjoni prevista, u biżżejjed lil hinn, mill-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru, b'konsiderazzjoni xierqa tas-sistema jew tal-ambjent tal-operazzjoni tat-tagħmir. Sistemi jew tagħmir oħra mhux meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip, jew bir-regoli tal-operazzjoni, kemm jekk jiffunzjonaw tajjeb kif ukoll jekk le, ma jridux inaqqsu s-sikurezza u ma jridux jaffettwaw ħażin il-funzjonament kif suppost ta' kull tip ta' sistema jew tagħmir ieħor. Is-sistemi u t-tagħmir iridu jkunu operabbli mingħajr ma jeħtieġu ħila jew saħħa eċċezzjonali.

1.3.3.   Is-sistemi u t-tagħmir tal-inġenji tal-ajru, ikkunsidrati separatament u f'relazzjoni ma' xulxin, iridu jiġu ddisinjati b'tali mod li kwalunkwe kondizzjoni ta' ħsara katastrofika ma tirriżultax minn ħsara waħda li ma tidhirx li hija estremament improbabbli u trid teżisti relazzjoni inversa bejn il-probabbiltà ta' kondizzjoni ta' xi ħsara u s-severità tal-effett tagħha fuq l-inġenju tal-ajru u fuq l-okkupanti tiegħu. Fir-rigward tal-kriterju ta' ħsara waħda msemmi hawn fuq, huwa aċċettat li jrid ikun hemm riserva dovuta għad-daqs u l-konfigurazzjoni wiesgħa tal-inġenju tal-ajru u li dan jista' jostakola lil dan il-kriterju ta' ħsara waħda milli jiġi sodisfatt fir-rigward ta' xi parts u xi sistemi fuq ħelikopters u ajruplani żgħar.

1.3.4.   L-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq sikur tat-titjira u l-informazzjoni li tikkonċerna kondizzjonijiet mhux sikuri trid tiġi pprovduta lill-ekwipaġġ, jew lill-persunal ta' manutenzjoni, kif xieraq, b'mod ċar, konsistenti u mhux ambigwu. Iridu jiġu ddisinjati u mpoġġija sistemi, tagħmir u kontrolli, inkluż sinjali u avviżi biex jiġu minimizzati l-iżbalji li jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' perikli.

1.3.5.   Iridu jittieħdu prekawzjonijiet tad-disinn sabiex jitnaqqsu l-perikli għall-inġenji tal-ajru u għall-okkupanti minn theddid raġonevolment probabbli, inkluż theddidiet dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, kemm ġewwa kif ukoll barra l-inġenju tal-ajru, inkluż il-protezzjoni kontra l-possibbiltà ta' ħsara sinifikanti jew ta' tfixkil f'xi tagħmir mhux installat.

1.4.   Tagħmir mhux installat

1.4.1.   It-tagħmir mhux installat irid iwettaq il-funzjoni ta' sikurezza tiegħu jew funzjoni rilevanti għas-sikurezza kif maħsub fi kwalunkwe kondizzjoni tal-operazzjoni prevista sakemm dik il-funzjoni ma tkunx tista' titwettaq ukoll permezz ta' mezzi oħra.

1.4.2.   It-tagħmir mhux installat irid ikun operabbli mingħajr ma jeħtieġ ħila jew saħħa eċċezzjonali.

1.4.3.   It-tagħmir mhux installat, kemm jekk jiffunzjona kif suppost kif ukoll jekk le, ma jridx inaqqas is-sikurezza u ma jridx jaffettwa ħażin il-funzjonament kif suppost ta' kwalunkwe tagħmir, sistema, jew apparat ieħor.

1.5.   Ajrunavigabbiltà kontinwa

1.5.1.   Id-dokumenti kollha meħtieġa inkluż l-istruzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa jridu jiġu stabbiliti u jkunu disponibbli biex ikun żgurat li jinżamm l-istandard tal-ajrunavigabbiltà relatat mat-tip ta' inġenju tal-ajru u kwalnukwe parti assoċjata tul il-ħajja operazzjonali tal-inġenju tal-ajru.

1.5.2.   Iridu jiġu pprovduti mezzi sabiex jippermettu l-ispezzjoni, l-aġġustament, il-lubrikazzjoni, it-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta' parts u ta' tagħmir mhux installat kif meħtieġ għall-ajrunavigabbiltà kontinwa.

1.5.3.   L-istruzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa jridu jkunu fil-forma ta' manwal jew ta' manwali, kif adattat għall-kwantità ta' data li trid tiġi pprovduta. Il-manwali jridu jkopru manutenzjoni u struzzjonijiet ta' tiswija, informazzjoni dwar is-servizz ta' manutenzjoni, proċeduri ta' individwazzjoni ta' soluzzjonijiet u ta' spezzjoni, f'format li jipprevedi arranġament prattiku.

1.5.4.   L-istruzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa jrid ikun fihom limitazzjonijiet ta' ajrunavigabbiltà li jistabbilixxu kull ħin obbligatorju ta' sostituzzjoni, intervall ta' spezzjoni u proċedura relatata ta' spezzjoni.

2.   ASPETTI TA' AJRUNAVIGABBILTÀ TAL-OPERAZZJONI TAL-PRODOTT

2.1.   Dan li ġej irid jintwera li ġie indirizzat sabiex tiġi żgurata is-sikurezza għal dawk abbord jew fuq l-art tul l-operazzjoni tal-prodott:

(a)

It-tipi ta' operazzjoni li għalihom l-inġenju tal-ajru huwa approvat iridu jiġu stabbiliti u l-limitazzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa għal operazzjoni sikura, inkluż il-limitazzjonijiet ambjentali u l-prestazzjoni, iridu jiġu stabbiliti;

(b)

L-inġenju tal-ajru jrid jkun kontrollabbli u manuvrabbli b'mod sikur fil-kondizzjonijiet kollha antiċipati ta' operazzjoni inkluż wara li tinqala' ħsara f'sistema ta' propulsjoni waħda jew skont il-każ, f'iktar minn waħda, b'kunsiderazzjoni għad-daqs u l-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru. Iridu jiġu kkunsidrati s-saħħa tal-bdot, l-ambjent tal-kabina tal-bdot, l-ammont ta' xogħol tal-bdot u kunsiderazzjonijiet oħra tal-fattur uman u l-fażi tat-titjira u t-tul tagħha;

(c)

Irid ikun possibbli li ssir transizzjoni mingħajr xkiel minn fażi waħda ta' titjira għal oħra mingħajr ma tkun meħtieġa xi ħila eċċezzjonali ta' pilotaġġ, riflessi tajba, saħħa jew ammont ta' xogħol f'kwalunkwe tip ta' kondizzjoni tal-operazzjoni probabbli;

(d)

L-inġenju tal-ajru jrid ikollu din it-tip ta' stabbiltà sabiex ikun żgurat li dak li hu mistenni mill-bdot ma jkunx eċċessiv filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-fażi u t-tul tat-titjira;

(e)

Iridu jiġu stabbiliti proċeduri għall-operazzjoni normali, il-ħsara u l-kondizzjonijiet ta' emerġenza;

(f)

Iridu jiġu pprovduti twissijiet jew deterrenti oħra maħsuba sabiex jevitaw li titħarbat in-normalità tat-titjira, b'mod adattat għat-tip ta' inġenju tal-ajru;

(g)

Il-karatteristiċi tal-inġenju tal-ajru u s-sistemi tiegħu jridu jippermettu ritorn sikur mill-estremi tat-titjira li jistgħu jiġu ffaċċjati.

2.2.   Il-limitazzjonijiet tal-operazzjoni u informazzjoni oħra meħtieġa għal operazzjoni sikura jridu jkunu disponibbli għall-membri tal-ekwipaġġ.

2.3.   L-operazzjonijiet tal-prodotti jridu jiġu protetti minn perikli li jirriżultaw minn kondizzjonijiet avversi esterni u interni, inkluż kondizzjonijiet ambjentali.

(a)

B'mod partikolari u skont it-tip ta' operazzjoni, l-ebda kondizzjoni mhux sikura ma trid tinħoloq mill-esponiment għal fenomeni bħal, iżda mhux biss, temp ikrah, sajjetti, ħbit ma' għasafar, għelieqi radjati bi frekwenza għolja, l-ożonu, eċċ., raġonevolment mistennija li jseħħu tul l-operazzjoni tal-prodott, b'kunsiderazzjoni għad-daqs u l-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru;

(b)

Il-kompartimenti tal-kabina, kif xieraq għat-tip ta' operazzjonijiet, iridu jipprovdu lill-passiġġieri b'kondizzjonijiet ta' trasport adattati u bi protezzjoni adegwata kontra kwalunkwe periklu mistenni li jirriżulta fl-operazzjonijiet ta' titjir jew li jirriżulta f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inkluż perikli ta' nar, duħħan, gassijiet tossiċi u dekompressjoni rapida, b'kunsiderazzjoni għad-daqs u l-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru. Iridu jsiru dispożizzjonijiet sabiex l-okkupanti jingħataw kull ċans raġonevoli sabiex jiġi evitat korriment serju, sabiex jiġu evakwati malajr mill-inġenju tal-ajru u sabiex ikunu protetti mill-effett tal-forzi ta' deċelerazzjoni fil-każ ta' nżul ta' emerġenza fuq l-art jew fuq il-baħar. Iridu jiġu pprovduti sinjali jew notifiki ċari u mhux ambigwi, kif meħtieġ, sabiex l-okkupanti jingħataw struzzjonijiet dwar imġiba sikura adattata u dwar il-post u l-użu korrett tat-tagħmir tas-sikurezza. It-tagħmir ta' sikurezza meħtieġ irid ikun faċilment aċċessibbli;

(c)

Il-kompartimenti tal-ekwipaġġ, kif xieraq għat-tip ta' operazzjonijiet, iridu jiġu rranġati sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' titjir, inkluż mezzi li jipprovdu għarfien tas-sitwazzjoni, u ġestjoni ta' kwalunkwe tip ta' sitwazzjoni u emerġenza previsti. L-ambjent tal-kompartimenti tal-ekwipaġġ ma jridx jipperikola l-abbiltà tal-ekwipaġġ milli jwettaq il-kompiti tiegħu u jrid jiġi ddisinjat b'tali mod li jevita l-interferenza matul l-operazzjoni u l-użu ħażin tal-kontrolli.

3.   ORGANIZZAZZJONIJIET (INKLUŻ PERSUNI FIŻIĊI RESPONSABBLI MID-DISINN, IL-PRODUZZJONI, IL-ĠESTJONI JEW IL-MANUTENZJONI TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ KONTINWA)

3.1.   Kif adatt għat-tip ta' attività, l-approvazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet iridu jinħarġu meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni jrid ikollha l-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu tax-xogħol. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjali, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b)

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni trid timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza u timmira għal titjib kontinwu ta' dik is-sistema;

(c)

l-organizzazzjoni trid tistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, kif meħtieġ, sabiex tiżgura konformità kontinwa mar-rekwiżiti essenzjali għall-ajrunavigabbiltà stabbiliti f'dan l-Anness;

(d)

l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt (b) u l-arranġamenti skont il-punt (c), sabiex tikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

3.2.   Fil-każ ta' organizzazzjonijiet ta' taħriġ dwar il-manutenzjoni, il-kondizzjonijiet fil-punti 3.1(c) u 3.1(d) ma japplikawx.

3.3.   Persuni fiżiċi li jwettqu l-manutenzjoni għandhom jiksbu u jżommu livelli ta' għarfien teoretiku, ħiliet prattiċi u esperjenza kif xieraq għat-tip ta' attività.


ANNESS III

Rekwiżiti essenzjali ta' kompatibbiltà ambjentali relatata mal-prodotti

1.

Il-prodotti jridu jkunu ddisinjati b'mod li jnaqqsu kemm jista' jkun l-istorbju, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-punt 4.

2.

Il-prodotti jridu jkunu ddisinjati b'mod li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-punt 4.

3.

Il-prodotti jridu jkunu ddisinjati b'mod li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet li huma kkawżati mill-evaporazzjoni jew mir-rilaxx ta' fluwidi, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-punt 4.

4.

Kwalunkwe tip ta' kompromess bejn il-miżuri dwar id-disinn maħsuba biex inaqqsu l-istorbju, l-emissjonijiet ta' speċijiet differenti u r-rilaxx ta' fluwidi jrid jiġi kkunsidrat.

5.

Il-medda totali ta' kondizzjonijiet normali ta' operazzjoni u ż-żoni ġeografiċi fejn l-istorbju u l-emissjonijiet mill-inġenji tal-ajru huma ta' tħassib, għandha tiġi kkunsidrata meta jiġu mnaqqsa l-istorbju u l-emissjonijiet.

6.

Is-sistemi u t-tagħmir tal-inġenju tal-ajru meħtieġa għall-ħarsien tal-ambjent iridu jkunu ddisinjati, prodotti u miżmuma b'mod li jiffunzjonaw kif ippjanat f'kwalunkwe tip ta' kondizzjoni tal-operazzjoni prevista. L-affidabbiltà tagħhom trid tkun adegwata fir-rigward tal-effett ippjanat tagħhom fuq il-kompatibbiltà ambjentali tal-prodott.

7.

Kwalunkwe tip ta' struzzjoni, proċedura, mezz, manwal, limitazzjoni u spezzjoni meħtieġa sabiex tkun żgurata l-konformità kontinwa ta' prodott tal-avjazzjoni mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness jridu jiġu stabbiliti u pprovduti għall-utenti intenzjonati b'mod ċar.

8.

L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, fil-produzzjoni u fil-manutenzjoni ta' prodotti tal-avjazzjoni:

(a)

irid ikollhom il-mezzi kollha meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ta' prodott tal-avjazzjoni mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness; u

(b)

jistabbilixxu arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, kif meħtieġ, sabiex tiġi żgurata l-konformità ta' prodott tal-avjazzjoni mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.


ANNESS IV

Rekwiżiti essenzjali għall-ekwipaġġ tal-ajru

1.   IT-TAĦRIĠ TAL-BDOTI

1.1.   Ġenerali

Persuna li tkun qed titħarreġ biex ittajjar inġenju tal-ajru trid tkun matura biżżejjed fl-edukazzjoni, fiżikament u mentalment biex tikseb, iżżomm u turi l-għarfien teoretiku u l-ħila prattika rilevanti.

1.2.   Għarfien teoretiku

Bdot irid jikseb u jżomm livell xieraq ta' għarfien fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru u li jkun proporzjonat mar-riskji marbuta ma' din it-tip ta' attività. Tali għarfien irid jinkludi mill-anqas dawn li ġejjin:

(a)

il-liġi tal-ajru;

(b)

għarfien ġenerali dwar l-inġenji tal-ajru;

(c)

kwistjonijiet tekniċi relatati mal-kategorija tal-inġenju tal-ajru;

(d)

prestazzjoni u ppjanar fit-titjir;

(e)

prestazzjoni u limitazzjonijiet umani;

(f)

meteoroloġija;

(g)

navigazzjoni;

(h)

proċeduri operazzjonali, inkluż il-ġestjoni tar-riżorsi;

(i)

prinċipji tat-titjir;

(j)

komunikazzjonijiet; u

(k)

ħiliet mhux tekniċi, inkluż ir-rikonoxximent u l-ġestjoni ta' theddidiet u ta' żbalji.

1.3.   Dimostrazzjoni u manutenzjoni tal-għarfien teoretiku

1.3.1.   L-akkwist u ż-żamma tal-għarfien teoretiku jridu jintwerew permezz ta' valutazzjoni kontinwa waqt it-taħriġ, u fejn hu xieraq, permezz ta' eżamijiet.

1.3.2.   Irid jinżamm livell xieraq ta' kompetenza fl-għarfien teoretiku. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjonijiet, eżamijiet, testijiet jew kontrolli regolari. Il-frekwenza tal-eżamijiet, tat-testijiet jew tal-kontrolli jridu jkunu proporzjonati mal-livell ta' riskju marbut mal-attività.

1.4.   Ħila prattika

Bdot irid jakkwista u jżomm il-ħiliet prattiċi li huma xierqa għall-funzjonijiet tiegħu jew tagħha fuq l-inġenji tal-ajru. Dawn il-ħiliet iridu jkunu proporzjonati mar-riskji marbuta mat-tip ta' attività u jridu jkopru, jekk adattati għall-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru, dawn li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet qabel u waqt it-titjira, inkluż il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru, id-determinazzjoni tal-massa u tal-bilanċ, l-ispezzjoni u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, l-ippjanar tal-fjuwil/tal-enerġija, għarfien dwar it-temp, l-ippjanar tar-rotta, ir-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru u d-disponibbiltà ta' runway;

(b)

l-operazzjonijiet tal-ajrudrom u x-xejriet tat-traffiku;

(c)

il-prekawzjonijiet u l-proċeduri biex jiġu evitati l-kolliżjonijiet;

(d)

il-kontroll tal-inġenju tal-ajru permezz ta' referenza viżiva esterna;

(e)

il-manuvri tat-titjir, inkluż dawk f'sitwazzjonijiet kritiċi, u l-manuvri “upset” assoċjati, kif teknikament possibbli;

(f)

it-tlugħ u l-inżul normali u f'riħ laterali;

(g)

it-titjir b'referenza għall-istrumenti biss, skont kif adatt għat-tip ta' attività;

(h)

il-proċeduri operazzjonali, inkluż il-ħiliet f'tim u l-ġestjoni tar-riżorsi, kif adatt għat-tip ta' operazzjoni, kemm jekk b'ekwipaġġ ta' persuna waħda jew aktar;

(i)

in-navigazzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli tal-ajru u proċeduri relatati, bl-użu kif jixraq, ta' referenza viżiva jew ta' għajnuniet għan-navigazzjoni;

(j)

l-operazzjonijiet mhux normali u ta' emerġenza, inkluż is-simulazzjonijiet ta' funzjonament ħażin tat-tagħmir tal-inġenji tal-ajru;

(k)

il-konformità mas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u mal-proċeduri ta' komunikazzjoni;

(l)

it-tip ta' inġenju tal-ajru jew aspetti speċifiċi tal-klassi;

(m)

it-taħriġ addizzjonali fil-ħiliet prattiċi li jistgħu jkunu meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji marbuta ma' attivitajiet speċifiċi; u

(n)

ħiliet mhux tekniċi, inkluż ir-rikonoxximent u l-ġestjoni ta' theddidiet u ta' żbalji bl-użu ta' metodoloġija ta' valutazzjoni xierqa flimkien mal-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi.

1.5.   Dimostrazzjoni u żamma ta' ħila prattika

1.5.1.   Bdot irid juri l-kapaċità li jesegwixxi l-proċeduri u l-manuvri b'livell ta' kompetenza adattat skont il-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru, billi:

(a)

jopera l-inġenju tal-ajru fil-limiti tiegħu;

(b)

jeżerċita ġudizzju tajjeb u ħila fit-titjir;

(c)

japplika għarfien ajrunawtiku;

(d)

iżomm il-kontroll tal-inġenju tal-ajru f'kull ħin b'mod li l-eżitu b'suċċess ta' proċedura jew ta' manuvra jkun żgurat; u

(e)

ħiliet mhux tekniċi, inkluż ir-rikonoxximent u l-ġestjoni ta' theddidiet u ta' żbalji bl-użu ta' metodoloġija ta' valutazzjoni xierqa flimkien mal-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi.

1.5.2.   Irid jinżamm livell xieraq ta' kompetenza fil-ħiliet prattiċi. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjonijiet, eżamijiet, testijiet jew kontrolli regolari. Il-frekwenza tal-eżamijiet, tat-testijiet jew tal-kontrolli jridu jkunu proporzjonati mal-livell ta' riskju marbut mal-attività.

1.6.   Profiċjenza fil-lingwi

Bdot irid ikollu profiċjenza fil-lingwi sa livell xieraq għall-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru. Tali profiċjenza għandha tinkludi:

(a)

l-abbiltà li jifhem id-dokumenti ta' informazzjoni dwar it-temp;

(b)

l-użu ta' mapep ajrunawtiċi waqt ir-rotta, ta' ċarts tat-tluq u tal-approċċ u ta' dokumenti ta' informazzjoni ajrunawtika marbuta magħhom; u

(c)

l-abbiltà li jikkomunika ma' ekwipaġġ tat-titjira ieħor u mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru matul il-fażijiet kollha tat-titjira, inkluż il-preparazzjoni għat-titjira, bil-lingwa użata għall-komunikazzjonijiet bir-radju involuti fit-titjira.

1.7.   Apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir

Meta apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir (FSTD) jintuża għat-taħriġ, jew biex jintwera li tkun inkisbet jew inżammet ħila prattika, dan l-FSTD irid jilħaq livell partikolari ta' prestazzjoni f'dawk l-oqsma, li huma rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-azzjoni kkonċernata. B'mod partikolari, ir-replikazzjoni tal-konfigurazzjoni, il-kwalitajiet tal-immaniġġjar, il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru, u l-prestazzjoni tas-sistemi jridu jirrappreżentaw b'mod adegwat lill-inġenju tal-ajru.

1.8.   Kors ta' taħriġ

1.8.1.   It-taħriġ irid isir permezz ta' kors ta' taħriġ.

1.8.2.   Kors ta' taħriġ irid jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

irid jiġi żviluppat sillabu għal kull tip ta' kors; u

(b)

il-kors ta' taħriġ irid ikun imqassam bejn għarfien teoretiku u struzzjoni prattika fit-titjir (inkluż taħriġ sintetiku), jekk applikabbli.

1.9.   Għalliema

1.9.1.   Tagħlim teoretiku

It-tagħlim teoretiku jrid jingħata minn għalliema kwalifikati kif jixraq. Huma jridu:

(a)

ikollhom għarfien xieraq fil-qasam li qed jingħata t-tagħlim dwaru; u

(b)

ikunu kapaċi jużaw it-tekniki ta' struzzjoni adattati.

1.9.2.   Struzzjoni fit-titjir u fis-simulazzjoni tat-titjir

Struzzjoni fit-titjir u fis-simulazzjoni tat-titjir trid tiġi mogħtija minn għalliema kwalifikati kif jixraq, li jkollhom il-kwalifiki li ġejjin:

(a)

ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' għarfien teoretiku u l-esperjenza xierqa għat-tagħlim li jkun qed jingħata;

(b)

jkunu kapaċi jużaw it-tekniki ta' struzzjoni adattati;

(c)

ikunu pprattikaw tekniki ta' struzzjoni f'dawk il-manuvri u fil-proċeduri tat-titjir li fihom huwa ppjanat li jipprovdu struzzjoni fit-titjir;

(d)

ikunu wrew l-abbiltà li jgħallmu f'dawk l-oqsma li fihom tkun ser tingħata l-istruzzjoni fit-titjir, inkluż l-istruzzjoni għal qabel it-titjira, wara t-titjira, u fuq l-art; u

(e)

jirċievu regolarment taħriġ ta' aġġornament biex jiġi żgurat li l-istandards tal-kapaċità tal-għalliema jinżamm aġġornat.

L-għalliema tat-titjir li jħarrġu fl-inġenju tal-ajru jridu wkoll ikunu awtorizzati li jagħmluha ta' bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru li fuqu jkun qed jingħata t-tagħlim, ħlief fil-każ ta' taħriġ fuq tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru.

1.10.   Eżaminaturi

Persuni responsabbli mill-valutazzjoni tal-ħila ta' bdoti jridu:

(a)

jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' għalliema tat-titjir jew ta' simulazzjoni tat-titjir; u

(b)

ikunu kapaċi jivvalutaw il-prestazzjoni ta' bdot u jwettqu testijiet u kontrolli tat-titjir.

2.   REKWIŻITI TAL-ESPERJENZA - IL-BDOTI

Persuna li taġixxi bħala membru tal-ekwipaġġ, għalliem jew eżaminatur fuq titjira trid tikseb u żżomm esperjenza suffiċjenti għall-funzjonijiet li jkunu qed jiġu eżerċitati, sakemm l-atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi ta' dan ir-Regolament ma jipprevedux li l-kompetenza trid tintwera skont il-punt 1.5.

3.   STAT MEDIKU TAJJEB - IL-BDOTI

3.1.   Kriterji mediċi

3.1.1.   Il-bdoti kollha jridu perjodikament juru stat mediku tajjeb biex jesegwixxu l-funzjonijiet tagħhom b'mod sodisfaċenti, b'kunsiderazzjoni għat-tip ta' attività. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjoni xierqa bbażata fuq l-aħjar prattika ajrumedika, b'kunsiderazzjoni għat-tip ta' attività u l-possibbiltà ta' deterjorazzjoni mentali u fiżika minħabba l-età.

Stat mediku tajjeb, li jinkludi s-saħħa fiżika u mentali, ifisser li ma jkunx hemm problemi ta' mard jew diżabbiltà, li jirrendu l-bdot inkapaċi:

(a)

li jesegwixxi l-kompiti meħtieġa biex jopera inġenju tal-ajru;

(b)

li jesegwixxi doveri assenjati f'kwalunke ħin; jew

(c)

milli jagħraf korrettament l-ambjent tiegħu jew tagħha.

3.1.2.   Meta l-istat mediku tajjeb ma jintweriex b'mod sħiħ, jistgħu jiġu implimentati miżuri ta' mitigazzjoni li jipprovdu sikurezza ekwivalenti fit-titjir.

3.2.   Eżaminaturi ajrumediċi

Eżaminatur ajrumediku jrid:

(a)

ikun kwalifikat u jkollu liċenzja fil-prattika tal-mediċina;

(b)

ikun irċieva taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni u taħriġ ta' aġġornament regolari fil-mediċina tal-avjazzjoni biex ikun żgurat li l-istandards ta' valutazzjoni jinżammu aġġornati; u

(c)

jkun kiseb għarfien prattiku u esperjenza fir-rigward tal-kondizzjonijiet li fihom il-bdoti jaqdu dmirijiethom.

3.3.   Ċentri ajrumediċi

Iċ-ċentri ajrumediċi jridu jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollhom il-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu ta' responsabbiltajiet marbuta mal-privileġġi tagħhom. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b)

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, jimplimentaw u jżommu sistema ta' ġestjoni sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza u jimmiraw għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c)

jistabbilixxu arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, skont il-ħtieġa, biex jiżguraw konformità kontinwa ma' dawk ir-rekwiżiti.

4.   MEMBRI TAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA

4.1.   Ġenerali

Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina jridu:

(a)

ikunu mħarrġa u kkontrollati fuq bażi regolari biex jilħqu u jżommu livell adegwat ta' kompetenza biex jaqdu d-dmirijiet ta' sikurezza assenjati lilhom; u

(b)

jiġu vvalutati perjodikament għal stat mediku tajjeb biex jaqdu b'mod sikur id-dmirijiet ta' sikurezza assenjati lilhom. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjoni adattata bbażata fuq l-aħjar prattika ajrumedika.

4.2.   Kors ta' taħriġ

4.2.1.   Jekk adatt għat-tip ta' operazzjoni jew privileġġi, it-taħriġ irid isir permezz ta' kors ta' taħriġ.

4.2.2.   Kors ta' taħriġ irid jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

irid jiġi żviluppat sillabu għal kull tip ta' kors; u

(b)

il-kors ta' taħriġ irid ikun imqassam bejn għarfien teoretiku u tagħlim prattiku (inkluż taħriġ sintetiku), jekk applikabbli.

4.3.   Għalliema tal-Ekwipaġġ tal-Kabina

It-tagħlim irid jingħata minn għalliema kwalifikati kif jixraq. Dawk l-għalliema jridu:

(a)

jkollhom għarfien xieraq fil-qasam li qed jingħata t-tagħlim dwaru;

(b)

jkunu kapaċi jużaw it-tekniki ta' struzzjoni adattati; u

(c)

jirċievu regolarment taħriġ ta' aġġornament biex jiġi żgurat li l-istandards tal-kapaċità tal-għalliema jinżamm aġġornat.

4.4.   Eżaminaturi tal-Ekwipaġġ tal-Kabina

Il-persuni responsabbli għall-eżaminar tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina jridu:

(a)

jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' għalliema tal-ekwipaġġ tal-kabina; u

(b)

jkunu kapaċi jivvalutaw il-prestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina u jwettqu l-eżamijiet.

5.   ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TAĦRIĠ

Organizzazzjoni tat-taħriġ li tipprovdi taħriġ għall-bdoti jew għall-ekwipaġġ tal-kabina trid tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollha l-mezzi kollha neċessarji għall-ambitu tar-responsabbiltajiet assoċjati mal-attività tagħha. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b)

kif adatta għat-tip ta' taħriġ mogħti u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni trid timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza, inkluż riskji marbuta mad-deterjorazzjoni fl-istandard tat-taħriġ, u timmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c)

tistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, skont il-ħtieġa, biex tiżgura konformità kontinwa ma' dawk ir-rekwiżiti.


ANNESS V

Rekwiżiti essenzjali għal operazzjonijiet bl-ajru

1.   ĠENERALI

1.1.   Titjira ma tridx issir jekk il-membri tal-ekwipaġġ u, kif adatt, kull persunal ta' operazzjonijiet ieħor li huwa involut fil-preparazzjoni u fl-eżekuzzjoni tagħha ma jkunux familjari mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-proċeduri applikabbli, pertinenti għall-eżekuzzjoni ta' dmirijiethom, preskritti għaż-żoni li jridu jiġu ttraversati, l-ajrudromi ppjanati li jintużaw u l-faċilitajiet ta' navigazzjoni fl-ajru relatati magħhom.

1.2.   Titjira trid issir b'tali mod li jiġu segwiti l-proċeduri operazzjonali speċifikati fil-Manwal tat-Titjir jew, fejn meħtieġ fil-Manwal tal-Operat, għall-preparazzjoni u għall-eżekuzzjoni tat-titjira.

1.3.   Qabel kull titjira, ir-rwoli u d-dmirijiet ta' kull membru tal-ekwipaġġ iridu jiġu ddefiniti. Il-bdot fil-kmand irid ikun responsabbli għall-operazzjoni u għas-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u għas-sikurezza tal-membri kollha tal-ekwipaġġ, tal-passiġġieri u tal-merkanzija abbord.

1.4.   Oġġetti jew sustanzi, li jistgħu jikkawżaw riskju sinifikanti għas-saħħa, għas-sikurezza, għall-proprjetà jew għall-ambjent, fosthom oġġetti perikolużi, armi u munizzjon, ma jridux jinġarru fuq kwalunkwe inġenju tal-ajru, ħlief jekk proċeduri u struzzjonijiet speċifiċi ta' sikurezza jkunu ġew applikati biex jitnaqqsu r-riskji relatati.

1.5.   Kull data, dokument, rekord u informazzjoni meħtieġa biex jiġi rreġistrat ir-rispett tal-kondizzjonijiet speċifikati fil-punt 5.3 iridu jinżammu għal kull titjira u jibqgħu disponibbli u protetti minn kwalunkwe modifika mhux awtorizzata għal perijodu minimu ta' żmien kompattibbli mat-tip ta' operazzjoni.

2.   TĦEJJIJA GĦAT-TITJIRA

Titjira ma tridx tinbeda jekk ma jkunx ġie aċċertat b'mezz raġonevoli disponibbli li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(a)

Faċilitajiet adegwati direttament meħtieġa għat-titjira u għall-operazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru, inkluż il-faċilitajiet ta' komunikazzjoni u l-għajnuniet tan-navigazzjoni, huma disponibbli għall-eżekuzzjoni tat-titjira, b'kunsiderazzjoni għad-dokumentazzjoni disponibbli tas-Servizzi ta' Informazzjoni Ajrunawtika;

(b)

L-ekwipaġġ irid ikun familjari ma' fejn jinsab u kif jintuża t-tagħmir ta' emerġenza rilevanti, u l-passiġġieri jridu jkunu infurmati dwar dan. L-informazzjoni suffiċjenti, relatata mal-operazzjoni u speċifika għat-tagħmir installat, li tirrigwarda l-proċeduri ta' emerġenza u l-użu tat-tagħmir tas-sikurezza tal-kabina trid tkun disponibbli għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri;

(c)

Il-bdot fil-kmand irid ikun sodisfatt li:

(i)

l-inġenju tal-ajru huwa ajrunavigabbli skont kif speċifikat fil-punt 6;

(ii)

jekk meħtieġ, l-inġenju tal-ajru jkun irreġistrat kif suppost u li ċ-ċertifikati adattati kollha fir-rigward tiegħu huma abbord l-inġenju tal-ajru;

(iii)

strumenti u tagħmir meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dik it-titjira kif speċifikat fil-punt 5, huma installati fuq l-inġenju tal-ajru u huma operattivi, sakemm mhux eżenti permezz tal-MEL jew ta' dokument ekwivalenti applikabbli;

(iv)

il-massa tal-inġenju tal-ajru u l-punt taċ-ċentru tal-gravità huma b'tali mod li t-titjira tista' tiġi eżegwita fil-limiti msemmijin fid-dokumentazzjoni tal-ajrunavigabbiltà;

(v)

il-bagalji tal-kabina, il-bagalji tal-istiva u l-merkanzija kollha huma mgħobbija kif suppost u maqfula sew; u

(vi)

il-limiti tal-operat tal-inġenju tal-ajru kif speċifikat fil-punt 4 mhux ser jinqabżu fl-ebda ħin matul it-titjira;

(d)

L-informazzjoni li tirrigwarda l-kondizzjonijiet meteoroloġiċi tat-tluq, tad-destinazzjoni u, fejn applikabbli, tal-ajrudromi alternattivi, kif ukoll il-kondizzjonijiet għal waqt ir-rotta, iridu jkunu disponibbli għall-ekwipaġġ tat-titjira. Trid tingħata attenzjoni speċjali lil kondizzjonijiet atmosferiċi potenzjalment perikolużi;

(e)

Irid jkun hemm mezzi xierqa ta' mitigazzjoni jew pjanijiet ta' kontinġenza biex jittrattaw kondizzjonijiet atmosferiċi potenzjalment perikolużi li huma mistennija fit-titjira;

(f)

Għal titjira bbażata fuq regoli viżivi tat-titjir, il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi matul ir-rotta tat-titjira jridu jkunu tali li jippermettu l-konformità ma' dawk ir-regoli tat-titjir. Għal titjira bbażata fuq regoli tat-titjir bl-istrumenti, id-destinazzjoni u, fejn hu applikabbli, l-ajrudrom(i) alternattiv(i) fejn l-inġenju tal-ajru jista' jinżel, iridu jintgħażlu, b'kunsiderazzjoni b'mod partikolari għall-kondizzjonijiet meteoroloġiċi mbassra, għad-disponibbiltà ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, għad-disponibbiltà ta' faċilitajiet tal-art u għall-proċeduri tat-titjir bl-istrumenti approvati mill-Istat fejn jinsab l-ajrudrom tad-destinazzjoni u/jew l-ajrudrom alternattiv;

(g)

L-ammont ta' fjuwil/enerġija għall-propulsjoni u ta' oġġetti konsumabbli li jkunu abbord irid ikun biżżejjed biex jiġi żgurat li t-titjira ppjanata tista' tiġi kkompletata mingħajr periklu, b'kunsiderazzjoni għall-kondizzjonijiet meteoroloġiċi, kull tip ta' element li jaffettwa l-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru u xi dewmien mistenni fit-titjira. Barra dan, trid tinġarr riżerva ta' fjuwil/enerġija għal li jista' jinqala'. Il-proċeduri għall-ġestjoni tal-fjuwil/tal-enerġija waqt it-titjira jridu jkunu stabbiliti meta rilevanti.

3.   OPERAZZJONIJIET TA' TITJIR

F'dak li għandu x'jaqsam ma' operazzjonijiet ta' titjir, irid ikun hemm konformità mal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

fejn rilevanti għat-tip tal-inġenju tal-ajru, waqt it-tlugħ u l-inżul, u kull meta jkun meqjus meħtieġ mill-bdot fil-kmand fl-interess tas-sikurezza, kull membru tal-ekwipaġġ irid ikun bilqiegħda fil-post tal-ekwipaġġ u jrid juża s-sistemi ta' rbit ipprovduti;

(b)

fejn rilevanti għat-tip ta' inġenju tal-ajru, il-membri kollha tal-ekwipaġġ tat-titjira li huma meħtieġa jkunu xogħol fil-kabina tal-ekwipaġġ iridu jkunu fil-post tagħhom u jridu jibqgħu hemm, biċ-ċinturini tas-sikurezza maqfula ħlief tul ir-rotta għal ħtiġijiet fiżjoloġiċi u operazzjonali;

(c)

fejn rilevanti għat-tip ta' inġenju tal-ajru u għat-tip ta' operazzjoni, qabel it-tlugħ u l-inżul, waqt it-taxiing u kull meta jkun meħtieġ fl-interess tas-sikurezza, il-bdot fil-kmand irid jiżgura li kull passiġġier jkun bilqiegħda u maqful sew;

(d)

titjira trid issir b'tali mod li tinżamm separazzjoni xierqa minn inġenji tal-ajru oħra u jkun żgurat spazju adegwat ħieles minn ostakli, matul il-fażijiet kollha tat-titjira. Separazzjoni ta' dan it-tip trid tkun minn tal-inqas dik stabbilita mir-regoli tal-ajru applikabbli, kif adatt għat-tip ta' operazzjoni;

(e)

titjira ma tridx titkompla jekk il-kondizzjonijiet magħrufa ma jibqgħux ikunu almenu ekwivalenti għal dawk fil-punt 2. Barra minn hekk, għal titjira bbażata fuq regoli ta' titjira bl-istrumenti, approċċ lejn ajrudrom ma jridx jitkompla jekk ikun inqas minn ċertu għoli speċifikat jew lil hinn minn ċertu pożizzjoni, jekk il-kriterji ta' viżibbiltà preskritti ma jintlaħqux;

(f)

f'emerġenza, il-bdot fil-kmand irid jiżgura li l-passiġġieri kollha jingħataw struzzjonijiet xierqa dwar l-azzjoni ta' emerġenza meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;

(g)

bdot fil-kmand irid jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex inaqqas kemm jista' jkun il-konsegwenzi fuq it-titjira ta' passiġġieri li jġibu ruħhom ħażin;

(h)

inġenju tal-ajru ma jridx jittajjar fuq iż-żona tal-moviment ta' ajrudrom, jew ir-rotor tiegħu ma jridx jitħaddem, ħlief jekk il-persuna mal-kontrolli tkun kompetenti kif jixraq;

(i)

il-proċeduri applikabbli ta' ġestjoni tal-fjuwil/tal-enerġija waqt it-titjira jridu jintużaw, meta rilevanti.

4.   LIMITAZZJONIJIET TA' PRESTAZZJONI U TA' OPERAZZJONI TAL-INĠENJI TAL-AJRU

4.1.   Inġenju tal-ajru jrid jitħaddem skont id-dokumentazzjoni tal-ajrunavigabbiltà tiegħu u skont il-proċeduri u l-limitazzjonijiet operazzjonali kollha relatati, kif espressi fil-manwal approvat tat-titjir tiegħu jew f'dokumentazzjoni ekwivalenti, skont il-każ. Il-manwal tat-titjira jew id-dokumentazzjoni ekwivalenti jridu jkunu disponibbli għall-ekwipaġġ u miżmuma aġġornati għal kull inġenju tal-ajru.

4.2.   Minkejja l-punt 4.1., għal operazzjonijiet bil-ħelikopters tista' tiġi permessa titjira momentarja fil-limiti taż-żona ta' veloċità għolja, sakemm tkun żgurata s-sikurezza.

4.3.   L-inġenju tal-ajru jrid jitħaddem skont id-dokumentazzjoni ambjentali applikabbli.

4.4.   Titjira ma tridx tinbeda jew titkompla ħlief jekk il-prestazzjoni ppjanata tal-inġenju tal-ajru, b'kunsiderazzjoni għall-fatturi kollha li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-livell tal-prestazzjoni tiegħu, tippermetti li kull fażi tat-titjira tkun eżegwita fil-limiti tad-distanzi/taż-żoni u fi spazji ħielsa minn ostakli applikabbli għall-massa tal-operazzjoni ppjanata. Il-fatturi tal-prestazzjoni li jaffettwaw b'mod sinifikanti t-tlugħ, it-titjira u l-approċċ/l-inżul huma, b'mod partikolari:

(a)

il-proċeduri tal-operazzjoni;

(b)

il-pressjoni tal-altitudni tal-ajrudrom;

(c)

il-kondizzjonijiet tat-temp (temperatura, riħ, preċipitazzjoni u medda tal-viżibbiltà);

(d)

id-daqs, ix-xaqliba tal-art u l-kondizzjoni taż-żona tat-tlugħ/tal-inżul; u

(e)

il-kondizzjoni tal-qafas tal-inġenju tal-ajru, tal-impjant tal-enerġija jew tas-sistemi, b'kunsiderazzjoni ta' deterjorazzjoni possibbli.

4.5.   Tali fatturi jridu jiġu kkunsidrati direttament bħala parametri operazzjonali jew indirettament permezz ta' tolleranzi jew ta' marġni, li jistgħu jiġu pprovduti fl-ippjanar tad-data tal-prestazzjoni, skont it-tip ta' operazzjoni.

5.   STRUMENTI, DATA U TAGĦMIR

5.1.   Inġenju tal-ajru jrid ikun mgħammar b'kull tagħmir ta' navigazzjoni u ta' komunikazzjoni u b'tagħmir ieħor meħtieġ għat-titjira ppjanata, b'kunsiderazzjoni għar-regolamenti tat-traffiku tal-ajru u għar-regoli tal-ajru applikabbli waqt kwalunkwe fażi tat-titjira.

5.2.   Meta rilevanti, inġenju tal-ajru jrid ikun mgħammar bit-tagħmir kollu ta' sikurezza, mediku, ta' evakwazzjoni u ta' sopravivenza meħtieġ, b'kunsiderazzjoni għar-riskji marbuta maż-żoni ta' operazzjoni, mar-rotot tat-titjir, mal-altitudni u mat-tul tat-titjira.

5.3.   Id-data kollha meħtieġa mill-ekwipaġġ għall-eżekuzzjoni tat-titjira trid tkun aġġornata u disponibbli abbord l-inġenju tal-ajru, b'kunsiderazzjoni għar-regolamenti dwar it-traffiku tal-ajru, ir-regoli tal-ajru, l-altitudnijiet tat-titjira u ż-żoni ta' operazzjoni applikabbli.

6.   AJRUNAVIGABBILTÀ KONTINWA U KOMPATIBBILTÀ AMBJENTALI TAL-PRODOTTI

6.1.   L-inġenju tal-ajru ma jridx jitħaddem ħlief jekk:

(a)

l-inġenju tal-ajru jista' jittajjar u hu f'kondizzjoni tajba biex jitħaddem b'mod sikur u li jirrispetta l-ambjent;

(b)

it-tagħmir operazzjonali u ta' emerġenza meħtieġ għat-titjira ppjanata hu fi stat tajjeb biex jintuża;

(c)

id-dokument tal-ajrunavigabbiltà u, skont il-każ, iċ-ċertifikat tal-istorbju tal-inġenju tal-ajru huwa validu; u

(d)

l-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru ssir skont ir-rekwiżiti applikabbli.

6.2.   Qabel kull titjira jew serje ta' titjiriet konsekuttivi, l-inġenju tal-ajru jrid jiġi spezzjonat, permezz ta' kontroll ta' qabel it-titjira, biex jiġi stabbilit jekk huwiex tajjeb għat-titjira ppjanata.

6.3.   L-inġenju tal-ajru ma jridx jitħaddem ħlief jekk jiġi rilaxxat għas-servizz minn persuni jew minn organizzazzjonijiet kwalifikati, wara manutenzjoni. Ir-rilaxx iffirmat għas-servizz irid ikun fih b'mod partikolari, id-dettalji bażiċi tal-manutenzjoni li tkun twettqet.

6.4.   Ir-rekords meħtieġa li juru l-istatus tal-ajrunavigabbiltà u tal-kompatibbiltà ambjentali tal-inġenju tal-ajru jridu jinżammu, u jiġu mħarsa minn modifiki mhux awtorizzati għal perijodu ta' żmien li jikkorrispondi mar-rekwiżiti applikabbli tal-ajrunavigabbiltà kontinwa, sakemm l-informazzjoni li jkun fihom ma tiġix sostitwita b'informazzjoni ġdida ekwivalenti fl-ambitu u fid-dettall imma jkun xi jkun il-każ għal mhux inqas minn 24 xahar.

6.5.   Il-modifiki u t-tiswijiet kollha jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali tal-ajrunavigabbiltà u, jekk applikabbli, mal-kompatibbiltà ambjentali tal-prodotti. Id-data li ssostni l-konformità mar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà u mar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà ambjentali tal-prodotti trid tinżamm u tkun protetta minn modifiki mhux awtorizzati.

6.6.   Hija r-responsabbiltà tal-operatur tal-inġenju tal-ajru li jiżgura li parti terza li twettaq il-manutenzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-operatur.

7.   MEMBRI TAL-EKWIPAĠĠ

7.1.   In-numru u l-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ iridu jiġu determinati b'kunsiderazzjoni:

(a)

għal-limitazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru, inkluż jekk applikabbli, id-dimostrazzjoni rilevanti ta' evakwazzjoni f'emerġenza;

(b)

għall-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru; u

(c)

għat-tip u għat-tul tal-operazzjonijiet.

7.2.   Il-bdot fil-kmand irid ikollu l-awtorità li jagħti l-ordnijiet kollha u li jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa biex jassigura l-operazzjoni u s-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u tal-persuni u/jew tal-proprjetà li jkunu qed jinġarru fih.

7.3.   F'sitwazzjoni ta' emerġenza, li tipperikola l-operazzjoni jew is-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u/jew tal-persuni abbord, il-bdot fil-kmand irid jieħu kwalunkwe azzjoni li huwa jikkunsidra meħtieġa fl-interess tas-sikurezza. Meta azzjoni bħal din tinvolvi ksur ta' regolamenti jew ta' proċeduri lokali, il-bdot fil-kmand irid ikollu r-responsabbiltà li jinnotifika lill-awtoritajiet lokali rilevanti mingħajr dewmien.

7.4.   Mingħajr preġudizzju għall-punt 8.12, meta persuni oħra jinġarru abbord, sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew anormali jistgħu jiġu simulati biss jekk dawk il-persuni ġew infurmati kif xieraq u huma konxji tar-riskji assoċjati qabel ma jitilgħu fuq it-titjira.

7.5.   L-ebda membru tal-ekwipaġġ ma jista' jippermetti li l-kisba tal-kompiti/it-teħid tad-deċiżjonijiet jiddeterjoraw sal-punt li s-sikurezza tat-titjira tista' tiġi pperikolata minħabba l-effetti ta' għejja, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-akkumulazzjoni ta' għejja, in-nuqqas ta' rqad, in-numru ta' setturi ta' titjir, ix-xiftijiet ta' billejl jew it-tibdil taż-żoni ta' ħin. Perijodi ta' mistrieħ iridu jipprovdu ħin suffiċjenti biex il-membri tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jegħlbu l-effetti tad-dmirijiet ta' qabel u jkunu mistrieħa biżżejjed sal-bidu tal-perijodu ta' titjir li jkun imiss.

7.6.   Membru tal-ekwipaġġ ma jridx jesegwixxi d-dmirijiet allokati lilu abbord inġenju tal-ajru meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew ta' alkoħol jew meta ma jkunx f'sikktu minħabba korriment, għejja, medikazzjoni, mard jew raġunijiet oħra simili.

8.   REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAT-TRASPORT KUMMERĊJALI BL-AJRU U GĦAL OPERAZZJONIJIET OĦRA LI HUMA SOĠĠETTI GĦAL REKWIŻIT TA' ĊERTIFIKAZZJONI JEW TA' DIKJARAZZJONI MWETTQA B'AJRUPLANI, ĦELIKOPTERS JEW INĠENJI TAL-AJRU B'TILT ROTOR

8.1.   L-operazzjoni m'għandhiex issir jekk ma jiġġġux sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet:

(a)

l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid ikollu direttament jew permezz ta' ftehimiet ma' partijiet terzi, il-mezzi meħtieġa skont l-iskala u l-ambitu tal-operazzjonijiet. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: inġenji tal-ajru, faċilitajiet, struttura ta' ġestjoni, persunal, tagħmir, dokumentazzjoni ta' kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għad-data rilevanti u żamma ta' rekords;

(b)

l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid juża biss persunal kwalifikat u mħarreġ sew u jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll għall-membri tal-ekwipaġġ u għal persunal ieħor rilevanti li huma meħtieġa biex jiżguraw il-validità taċ-ċertifikati, il-klassifikazzjonijiet u l-kwalifiki tagħhom;

(c)

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema;

(d)

l-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi, bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt (c), sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

8.2.   L-operazzjoni trid issir biss skont manwal tal-operazzjonijiet tal-operatur tal-inġenju tal-ajru. Manwal ta' dan it-tip irid ikun fih l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għall-inġenji tal-ajru kollha mħaddma u għall-persunal tal-operazzjonijiet biex iwettaq dmirijietu. Iridu jkunu speċifikati l-limitazzjonijiet applikabbli għall-ħin tat-titjira, għall-perjodi ta' xogħol fit-titjiriet u għall-perjodi ta' mistrieħ għall-membri tal-ekwipaġġ. Il-manwal tal-operazzjonijiet u r-reviżjonijiet tiegħu jridu jkunu konformi mal-manwal approvat tat-titjir u jrid jiġi emendat skont il-ħtieġa.

8.3.   L-operatur tal-inġenju tal-ajru għandu jistabbilixxi proċeduri, skont il-każ, biex inaqqas il-konsegwenzi li xi mġiba ħażina tal-passiġġieri jista' jkollha fuq is-sikurezza tal-operazzjonijiet tat-titjir.

8.4.   L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jiżviluppa u jżomm programmi ta' sigurtà adattati għall-inġenju tal-ajru u għat-tip ta' operazzjoni li jkunu jinkludu partikularment:

(a)

is-sigurtà tal-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira;

(b)

il-lista ta' kontroll tal-proċedura ta' tfittxija fuq l-inġenju tal-ajru;

(c)

il-programmi ta' taħriġ; u

(d)

il-protezzjoni tas-sistemi elettroniċi u tal-kompjuter għall-prevenzjoni ta' interferenza u ta' korruzzjoni intenzjonati u mhux intenzjonati fis-sistemi.

8.5.   Meta l-miżuri ta' sigurtà jistgħu jaffettwaw ħażin is-sikurezza tal-operazzjonijiet, ir-riskji jridu jiġu vvalutati u l-proċeduri adattati jridu jiġu żviluppati biex jitnaqqsu r-riskji ta' sikurezza, dan jista' jirrikjedi l-użu ta' tagħmir speċjalizzat.

8.6.   L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jaħtar bdot wieħed minn fost l-ekwipaġġ tat-titjira bħala l-bdot fil-kmand.

8.7.   Il-prevenzjoni tal-għejja trid tiġi ġestita permezz ta' sistema ta' ġestjoni tal-għejja. Għal titjira, jew għal serje ta' titjiriet, sistema ta' dan it-tip trid tindirizza l-ħinijiet tat-titjir, il-ħinijiet ta' xogħol fit-titjir, ix-xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ adattati. Il-limitazzjonijiet stabbiliti fis-sistema tal-ġestjoni tal-għejja jridu jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti li jikkontribwixxu għall-għejja bħal mhuma, b'mod partikolari, in-numru ta' setturi tat-titjir, il-qsim ta' żoni tal-ħin, in-nuqqas ta' rqad, it-tfixkil taċ-ċikli bijoloġiċi ta' kuljum, is-sigħat ta' billejl, il-pożizzjonament, l-akkumulazzjoni ta' ħinijiet tax-xogħol għal perjodi speċifiċi, il-kondiviżjoni ta' kompiti allokati fost membri tal-ekwipaġġ, u kif ukoll il-provvediment ta' ekwipaġġi miżjuda.

8.8.   L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jiżgura li l-kompiti speċifikati fil-punt 6.1 u dawk deskritti fil-punti 6.4 u 6.5 huma kkontrollati minn organizzazzjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa li trid tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II, il-punt 3.1, u l-Anness III, il-punti 7 u 8.

8.9.   L-operatur tal-inġenju tal-ajru jrid jiżgura li r-rilaxx għas-servizz meħtieġ mill-punt 6.3 jinħareġ minn organizzazzjoni kwalifikata għall-manutenzjoni tal-prodotti, tal-parts u tat-tagħmir mhux installat. Din l-organizzazzjoni trid tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II, il-punt 3.1.

8.10.   L-organizzazzjoni msemmija fi 8.8 għandha tistabbilixxi manwal tal-organizzazzjoni għall-użu u għall-gwida tal-persunal ikkonċernat li jagħti deskrizzjoni tal-proċeduri ta' ajrunavigabbiltà kontinwa kollha tal-organizzazzjoni.

8.11.   Sistema ta' lista ta' kontroll għandha tkun disponibbli, kif applikabbli, mill-membri tal-ekwipaġġ fil-fażijiet kollha tal-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru f'kondizzjonijiet u f'sitwazzjonijiet normali u dawk ta' emerġenza u mhux normali. Iridu jiġu stabbiliti proċeduri għal kwalunkwe sitwazzjoni ta' emerġenza raġonevolment prevedibbli.

8.12.   Ma tridx issir simulazzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew mhux normali waqt li jkunu qed jinġarru passiġġieri jew merkanzija.


ANNESS VI

Rekwiżiti Essenzjali għall-entitajiet kwalifikati

1.

L-entità kwalifikata, id-Direttur tagħha u l-persunal responsabbli għat-twettiq taċ-ċertifikazzjoni u tal-kompiti ta' sorveljanza, ma jistgħux jinvolvu ruħhom, la direttament u lanqas bħala rappreżentanti awtorizzati, fid-disinn, fil-produzzjoni, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fil-manutenzjoni tal-prodotti, tal-parts, tat-tagħmir mhux installat, tal-kostitwenti jew tas-sistemi jew fl-operazzjonijiet tagħhom, il-provvediment ta' servizz jew l-użu. Dan ma jeskludix il-possibbiltà ta' skambju ta' informazzjoni teknika bejn l-organizzazzjonijiet involuti u l-entità kwalifikata.

L-ewwel subparagrafu ma għandux iċaħħad organizzazzjoni maħluqa bil-għan li tippromwovi sport tal-ajru jew avjazzjoni ta' divertiment milli tkun eliġibbli għall-akkreditazzjoni bħala entità kwalifikata, bil-kondizzjoni li hija turi, għas-sodisfazzjon tal-awtorità responsabbli mill-akkreditazzjoni, li daħħlet fis-seħħ arranġamenti adegwati għall-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess.

2.

L-entità kwalifikata u l-persunal responsabbli għall-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza jridu jesegwixxu dmirijiethom bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli u jridu jkunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv ta' kull tip, b'mod partikolari ta' natura finanzjarja, li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju u d-deċiżjonijiet tagħhom jew ir-riżultati taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza tagħhom, b'mod partikolari minn persuni jew minn gruppi ta' persuni affettwati minn dawk ir-riżultati.

3.

L-entità kwalifikata trid timpjega persunal u jkollha l-mezzi meħtieġa biex twettaq b'mod adegwat il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-proċess ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza; għandu jkollha wkoll aċċess għat-tagħmir meħtieġ għal kontrolli eċċezzjonali.

4.

L-entità kwalifikata u l-persunal tagħha li huwa responsabbli għall-investigazzjoni jrid ikollhom:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod, jew għarfien espert suffiċjenti miksub permezz tal-esperjenza ta' attivitajiet rilevanti;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza li jwettqu u esperjenza adegwata ta' dawn it-tipi ta' proċessi;

(c)

l-abbiltà meħtieġa biex jippreparaw dikjarazzjonijiet, rekords u rapporti li juru li l-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza jkunu twettqu.

5.

Trid tkun garantita l-imparzjalità tal-persunal responsabbli għal kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza. Ir-remunerazzjoni tagħhom ma tridx tkun tiddependi fuq in-numru ta' investigazzjonijiet magħmula jew fuq ir-riżultati ta' tali investigazzjonijiet.

6.

L-entità kwalifikata jrid ikollha polza ta' assigurazzjoni ta' terzi ħlief meta r-responsabbiltà tagħha tkun meħuda minn Stat Membru wieħed skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

7.

Il-persunal tal-entità kwalifikata jrid josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha li jkun kiseb waqt l-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament.

ANNESS VII

Rekwiżiti essenzjali għall-ajrudromi

1.   KARATTERISTIĊI FIŻIĊI, INFRASTRUTTURA U TAGĦMIR

1.1.   Żona ta' moviment

1.1.1.   L-ajrudromi għandu jkollhom żona apposta għat-tlugħ u għall-inżul tal-inġenji tal-ajru, li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iż-żona tat-tlugħ u tal-inżul għandu jkollha dimensjonijiet u karatteristiċi xierqa għall-inġenji tal-ajru maħsuba biex jużaw il-faċilità;

(b)

iż-żona tat-tlugħ u tal-inżul, fejn applikabbli, għandha tkun b'saħħitha biżżejjed biex tiflaħ għal operazzjonijiet ripetittivi tal-inġenju tal-ajru li huwa ppjanat li jintuża. Dawk iż-żoni li mhumiex maħsuba għal operazzjonijiet ripetittivi jridu jkunu biss kapaċi jifilħu l-inġenju tal-ajru;

(c)

iż-żona tat-tlugħ u tal-inżul għandha tkun iddisinjata b'tali mod li l-ilma jiskula minnha u li ilma qiegħed ma jkunx jista' jsir riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(d)

ix-xaqliba u l-bidliet fix-xaqliba ta' din iż-żona ma għandhomx joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(e)

il-karatteristiċi tas-superfiċe taż-żona tat-tlugħ u tal-inżul għandhom ikunu xierqa għall-użu mill-inġenju tal-ajru li huwa ppjanat li jintuża; u

(f)

ż-żona għat-tlugħ u tal-inżul għandha tkun ħielsa minn oġġetti li jistgħu joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.

1.1.2.   Fejn ikun hemm bosta żoni tat-tlugħ u tal-inżul deżinjati, dawn għandhom ikunu tali li ma joħolqux riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.

1.1.3.   Iż-żona deżinjata tat-tlugħ u tal-inżul għandha tkun imdawra b'żoni definiti. Dawk iż-żoni huma maħsuba biex iħarsu l-inġenji tal-ajru li jtiru minn fuqhom waqt operazzjonijiet ta' tlugħ jew ta' nżul, jew biex itaffu l-konsegwenzi ta' nżul li jsir qabel tibda r-runway, il-ħruġ mill-ġenb tar-runway jew moviment lil hinn mil-limiti taż-żona tat-tlugħ u tal-inżul, u għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawk iż-żoni għandu jkollhom dimensjonijiet xierqa għall-operazzjonijiet antiċipati tal-inġenji tal-ajru;

(b)

ix-xaqliba u l-bidliet fix-xaqliba ta' dawk iż-żoni ma għandhomx joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(c)

dawk iż-żoni għandhom ikunu ħielsa minn oġġetti li jistgħu joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Dan ma għandux jipprekludi li jkun hemm tagħmir fraġli f'dawk iż-żoni, jekk ikun meħtieġ biex jassisti l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru; u

(d)

kull waħda minn dawk iż-żoni għandha tkun b'saħħitha biżżejjed biex taqdi l-iskop tagħha.

1.1.4.   Dawk iż-żoni ta' ajrudrom, bil-madwar immedjat assoċjat tagħhom, li jridu jintużaw għat-taxiing jew għall-ipparkjar ta' inġenji tal-ajru, għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li jippermettu l-operazzjoni sikura tal-inġenju tal-ajru li mistenni juża l-faċilità partikolari fil-kondizzjonijiet kollha li sar pjan għalihom, u għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawk iż-żoni għandhom ikunu b'saħħithom biżżejjed biex jifilħu għall-operazzjonijiet ripetittivi tal-inġenju tal-ajru li huwa ppjanat li jintuża, ħlief iż-żoni fejn hu mistenni biss użu okkażjonali u li jeħtieġu biss ikunu jifilħu l-inġenju tal-ajru;

(b)

dawk iż-żoni għandhom ikunu ddisinjati biex l-ilma jiskula minnhom u biex l-ilma qiegħed ma jkunx jista' jsir riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(c)

ix-xaqliba u l-bidliet fix-xaqliba ta' dawk iż-żoni ma għandhomx joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru;

(d)

il-karatteristiċi tas-superfiċe ta' dawk iż-żoni għandhom ikunu xierqa għall-użu mill-inġenju tal-ajru li ser jintuża; u

(e)

dawk iż-żoni għandhom ikunu ħielsa minn oġġetti li jistgħu joħolqu riskju inaċċettabbli għall-inġenji tal-ajru. Dan ma għandux jipprekludi tagħmir għall-parkeġġ meħtieġ għal dik iż-żona f'pożizzjonijiet jew f'żoni speċifikament identifikati.

1.1.5.   Infrastruttura oħra maħsuba biex tintuża minn inġenji tal-ajru għandha tkun iddisinjata b'tali mod li l-użu ta' dik l-infrastruttura ma joħloqx riskju inaċċettabbli għall-inġenji tal-ajru li jużawha.

1.1.6.   Kostruzzjonijiet, binjiet, tagħmir jew imħażen għandhom ikunu f'postijiet u ddisinjati b'tali mod li ma joħolqux riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.

1.1.7.   Għandhom jiġu pprovduti mezzi xierqa li jżommu lil persuni mhux awtorizzati, vetturi jew annimali mhux awtorizzati li jkunu kbar biżżejjed li joħolqu riskju inaċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru milli jidħlu fiż-żona tal-moviment, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali dwar il-ħarsien tal-annimali.

1.2.   Separazzjoni mill-ostakli

1.2.1.   Sabiex jiġu protetti l-inġenji tal-ajru li jkunu resqin lejn ajrudrom għall-inżul, jew għat-tluq tagħhom minn ajrudrom, għandhom jiġu stabbiliti rotot jew żoni ta' wasla u ta' tluq. Rotot jew żoni bħal dawn għandhom jipprovdu l-inġenji tal-ajru bis-separazzjoni meħtieġa mill-ostakli li jkunu qegħdin fiż-żona madwar l-ajrudrom wara li jitqiesu l-karatteristiċi fiżiċi lokali.

1.2.2.   Din is-separazzjoni mill-ostakli għandha tkun xierqa għall-fażi tat-titjir u għat-tip ta' operazzjoni li qed titwettaq. Għandha wkoll tqis it-tagħmir li jkun qed jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-inġenju tal-ajru.

1.3.   Tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza, inkluż għajnuniet viżivi u mhux viżivi

1.3.1.   L-għajnuniet iridu jkunu adattati għall-iskop tagħhom, jintgħarfu u jipprovdu informazzjoni mhux ambigwa lill-utenti skont il-kondizzjonijiet tal-operazzjoni kollha maħsuba.

1.3.2.   It-tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza għandu jaħdem kif maħsub fil-kondizzjonijiet tal-operazzjoni previsti. Fil-kondizzjonijiet tal-operazzjoni jew fil-każ ta' ħsara, it-tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza ma għandux jikkawża riskju inaċċettabbli għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

1.3.3.   L-għajnuniet u s-sistema tal-provvista tal-elettriku tagħhom għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li l-ħsarat ma jirriżultawx f'għoti ta' informazzjoni mhux xierqa, qarrieqa jew insuffiċjenti lill-utenti, jew f'interruzzjoni ta' xi servizz essenzjali.

1.3.4.   Għandhom jiġu pprovduti mezzi xierqa ta' protezzjoni sabiex jiġu evitati l-ħsarat jew it-tfixkil ta' dawn l-għajnuniet.

1.3.5.   Sorsi tar-radjazzjoni jew il-preżenza ta' oġġetti jiċċaqalqu jew fissi ma għandhomx jinterferixxu jew jolqtu ħażin il-prestazzjoni tas-sistemi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza ajrunawtika.

1.3.6.   Għandu jkun hemm informazzjoni disponibbli lill-persunal rilevanti dwar l-operat u l-użu tat-tagħmir tal-ajrudrom marbut mas-sikurezza, inkluż indikazzjonijiet ċari tal-kondizzjonijiet li jistgħu joħolqu riskji inaċċettabbli għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

1.4.   Data dwar l-ajrudromi

1.4.1.   Id-data rilevanti għall-ajrudrom u s-servizzi disponibbli għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma aġġornati.

1.4.2.   Id-data għandha tkun preċiża, tista' tinqara, kompluta u mhux ambigwa. Għandhom jinżammu l-awtentiċità u livelli xierqa ta' integrità.

1.4.3.   Id-data għandha tkun disponibbli għall-utenti u għall-fornituri tal-ANS rilevanti fi żmien xieraq, billi jintuża metodu sigur u veloċi ta' komunikazzjoni.

2.   OPERAZZJONIJIET U ĠESTJONI

2.1.   Responsabbiltajiet tal-operatur tal-ajrudrom

L-operatur tal-ajrudrom huwa responsabbli mill-operat tal-ajrudrom. Ir-responsabbiltajiet tal-operatur tal-ajrudrom huma kif ġej:

(a)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jkollu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, il-mezzi neċessarji kollha biex jiżgura l-operazzjoni sikura tal-inġenju tal-ajru fl-ajrudrom. Dawk il-mezzi għandhom jinkludu faċilitajiet, persunal, tagħmir u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri, iżda mhumiex limitati għal dawn;

(b)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jivverifika li jkun hemm konformità f'kull ħin mar-rekwiżiti tal-punt 1 jew jieħu miżuri xierqa biex itaffi r-riskji assoċjati man-nonkonformità. Il-proċeduri għandhom ikunu stabbiliti u applikati sabiex l-utenti kollha jkunu konxji f'kull ħin minn dawn il-miżuri;

(c)

l-operatur tal-ajrudrom għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jistabbilixxi u jimplimenta programm xieraq ta' ġestjoni tar-riskji marbuta mal-preżenza ta' fawna selvaġġa fl-ajrudrom;

(d)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, li l-movimenti tal-vetturi u l-persuni fiż-żona tal-moviment u żoni operazzjonali oħra jkunu kkoordinati mal-movimenti tal-inġenji tal-ajru biex jiġu evitati kolliżjonijiet u ħsarat lill-inġenji tal-ajru;

(e)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li jiġu stabbiliti u implimentati proċeduri li jtaffu r-riskji marbuta mal-operazzjonijiet tal-ajrudrom waqt l-operat tiegħu fix-xitwa, f'kondizzjonijiet ħżiena tat-temp, f'viżibbiltà ħażina jew bil-lejl, fejn applikabbli;

(f)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra sabiex tiġi żgurata l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti essenzjali għall-ajrudromi stabbiliti f'dan l-Anness. Dawk l-organizzazzjonijiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, operaturi tal-inġenji tal-ajru, fornituri tal-ANS, fornituri ta' servizzi fuq l-art, fornituri tal-AMS u organizzazzjonijiet oħra li l-attivitajiet jew il-prodotti tagħhom jista' jkollhom effett fuq is-sikurezza tal-inġenji tal-ajru;

(g)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jivverifika li l-organizzazzjonijiet involuti fil-ħżin u fl-għoti tal-fjuwil/enerġija għall-propulsjoni lill-inġenji tal-ajru jkollhom proċeduri biex jiżguraw li l-inġenji tal-ajru jingħataw fjuwil/enerġija għall-propulsjoni li mhix ikkontaminata u bl-ispeċifikazzjoni l-korretta;

(h)

għandhom ikunu disponibbli manwali għall-operat u manutenzjoni tat-tagħmir tal-ajrudromi, u għandhom ikunu applikabbli fil-prattika u jkopru tagħrif dwar is-servizz ta' manutenzjoni, l-individwazzjoni ta' soluzzjonijiet u l-proċeduri ta' spezzjoni;

(i)

l-operatur tal-ajrudrom għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' emerġenza għall-ajrudrom, li jkopri xenarji ta' emerġenza li jistgħu jseħħu fl-ajrudrom jew fl-inħawi ta' madwaru. Il-pjan għandu jkun ikkoordinat mal-pjan ta' emerġenza għall- komunità lokali, kif meħtieġ;

(j)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, li huma pprovduti servizzi xierqa ta' salvataġġ u ta' tifi tan-nar fl-ajrudrom. Dawn is-servizzi għandhom iwieġbu għal inċident jew aċċident b'biżżejjed urġenza u għandhom jinkludu mill-inqas tagħmir, sustanzi għat-tifi tan-nar u għadd suffiċjenti ta' persunal;

(k)

l-operatur tal-ajrudrom għandu juża biss persunal imħarreġ u kwalifikat għall-operazzjonijiet u għall-manutenzjoni tal-ajrudromi, u għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll sabiex tiġi żgurata l-kompetenza kontinwa tal-persunal rilevanti kollu;

(l)

l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li kull persuna li tingħata l-permess ikollha aċċess mingħajr skorta fiż-żona tal-moviment jew f'żoni operazzjonali oħra tkun imħarrġa kif xieraq u kwalifikata għal dan it-tip ta' aċċess;

(m)

il-persunal tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar għandu jkun imħarreġ kif xieraq u kwalifikat biex jopera fl-ambjent tal-ajrudrom. L-operatur tal-ajrudrom għandu, direttament jew b'arranġamenti ma' partijiet terzi, jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll sabiex tiġi żgurata l-kompetenza kontinwa ta' dan il-persunal; u

(n)

il-persunal kollu tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar li jkun potenzjalment meħtieġ li jaġixxi f'emerġenzi tal-avjazzjoni għandu jagħti perjodikament prova ta' stat mediku tajjeb biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod sodisfaċenti, filwaqt li tiġi kkunsidrata t-tip ta' attività. F'dan il-kuntest, l-istat mediku tajjeb, li jinkludi kemm l-aspett fiżiku kif ukoll l-aspett mentali, ifisser li dak li jkun ma jkunx ibati minn ebda marda jew diżabbiltà li tista' twassal li dan il-persunal ma jkunx jista':

iwettaq il-kompiti meħtieġa biex jopera f'emerġenzi tal-avjazzjoni;

iwettaq id-dmirijiet assenjati lilu fi kwalunkwe ħin; jew

jipperċepixxi b'mod xieraq l-ambjent tiegħu.

2.2.   Sistemi ta' ġestjoni

2.2.1.   Skont it-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-operatur tal-ajrudrom għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jimmaniġġja r-riskji tas-sikurezza, u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema.

2.2.2.   L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt 2.2.1, sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. L-analiżi ta' informazzjoni minn din is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tinvolvi l-partijiet elenkati fil-punt 2.1(f), kif xieraq. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

2.2.3.   L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżviluppa manwal tal-ajrudrom u jopera skont dak il-manwal. Dawn il-manwali għandu jkun fihom l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għall-ajrudrom, għas-sistema ta' ġestjoni u għall-persunal tal-operazzjonijiet u tal-manutenzjoni biex iwettaq dmirijietu.

3.   L-INĦAWI TA' MADWAR L-AJRUDROM

3.1.1.   L-ispazju tal-ajru madwar iż-żoni ta' moviment tal-ajrudrom għandhom ikunu protetti mill-ostakli sabiex ikunu jistgħu jseħħu l-operazzjonijiet maħsuba tal-inġenji tal-ajru fl-ajrudromi mingħajr ma jinħoloq riskju inaċċettabbli kkawżat mill-iżvilupp ta' ostakli madwar l-ajrudrom. Għalhekk, għandhom jiġu żviluppati, implimentati u mmonitorjati kontinwament superfiċe għall-monitoraġġ tal-ostakli sabiex tiġi identifikata kwalunkwe penetrazzjoni mhux permessa.

3.1.2.   Kwalunkwe infrazzjoni ta' dawk is-superfiċe tkun teħtieġ valutazzjoni biex jiġi identifikat jekk l-oġġett huwiex qed joħloq riskju inaċċettabbli. Kwalunkwe oġġett li jippreżenta riskju inaċċettabbli għandu jitneħħa jew għandha tittieħed azzjoni xierqa ta' mitigazzjoni biex jiġi protett l-inġenju tal-ajru.

3.1.3.   Kwalunkwe ostaklu li jkun fadal għandu jiġi ppubblikat u, skont il-ħtieġa, għandu jiġi mmarkat u, fejn meħtieġ, ikun viżibbli permezz ta' dwal.

3.2.   Għandhom jiġu mmonitorjati perikli marbuta ma' attivitajiet tal-bniedem u mal-użu tal-art, bħal dawk elenkati fil-lista li ġejja, iżda mhux limitat għalihom. Ir-riskju kkawżat minnhom għandu jiġi vvalutat u mitigat kif xieraq:

(a)

kwalunkwe żvilupp jew bidla fl-użu tal-art fiż-żona tal-ajrudrom;

(b)

il-possibbiltà ta' turbolenza kkaġunata minn ostaklu;

(c)

l-użu ta' dwal perikolużi, li jfixklu jew li jqarrqu;

(d)

it-tgħammix ikkawżat minn superfiċe kbar li jirriflettu ħafna;

(e)

il-ħolqien ta' żoni li għandhom mnejn jinkoraġġixxu attività ta' fawna selvaġġa fl-inħawi taż-żoni ta' moviment tal-ajrudrom; jew

(f)

is-sorsi ta' radjazzjoni mhux viżibbli jew il-preżenza ta' oġġetti li jiċċaqalqu jew li huma fissi u li jistgħu jinterferixxu mas-sistemi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza ajrunawtika jew jolqtuhom ħażin.

3.3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjan ta' emerġenza huwa stabbilit għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza tal-avjazzjoni li jseħħu fiż-żona lokali tal-ajrudromi.

4.   SERVIZZI FUQ L-ART

4.1.   Responsabbiltajiet tal-fornitur tas-servizzi fuq l-art

Il-fornitur tas-servizzi tal-fuq l-art huwa responsabbli għall-operazzjoni sikura tal-attivitajiet tiegħu fl-ajrudrom. Ir-responsabbiltajiet tal-fornitur huma kif ġej:

(a)

il-fornitur għandu jkollu l-mezzi neċessarji kollha biex jiżgura l-provvista sikura tas-servizz fl-ajrudrom. Dawk il-mezzi għandhom jinkludu, imma ma jkunux limitati għal, faċilitajiet, persunal, tagħmir u materjal;

(b)

il-fornitur għandu jikkonforma mal-proċeduri li jinsabu fil-manwal tal-ajrudrom, inkluż dawk marbuta mal-movimenti tal-vetturi, tat-tagħmir u tal-persunal tiegħu u mar-riskju marbut mal-operazzjonijiet tal-ajrudrom fix-xitwa, bil-lejl jew f'kondizzjonijiet tat-temp ħżiena;

(c)

il-fornitur għandu jipprovdi s-servizzi fuq l-art skont il-proċeduri u l-istruzzjonijiet tal-operatur tal-inġenju tal-ajru li jkun qed jaqdi;

(d)

il-fornitur għandu jiżgura li l-manwali għall-operazzjoni u għall-manutenzjoni tat-tagħmir għas-servizzi fuq l-art ikunu disponibbli, applikati fil-prattika u li jkopru struzzjonijiet dwar l-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiswija, tagħrif dwar is-servizz ta' manutenzjoni, l-individwazzjoni ta' soluzzjonijiet u l-proċeduri ta' spezzjoni;

(e)

il-fornitur għandu juża biss persunal imħarreġ b'mod adegwat u kwalifikat u għandu jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u ta' kontroll li jiżguraw il-kompetenza kontinwa tal-persunal rilevanti kollu;

(f)

il-fornitur għandu jiżgura li l-persunal tiegħu jkun fiżikament u mentalment adatt biex iwettaq il-funzjonijiet tagħhom b'mod sodisfaċenti, b'kont meħud tat-tip ta' attività u b'mod partikolari l-impatt potenzjali fuq is-sikurezza u s-sigurtà relatata mas-sikurezza.

4.2.   Sistemi ta' ġestjoni

4.2.1.   Kif xieraq għall-attività mwettqa u għad-daqs tal-organizzazzjoni, il-fornitur għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema. Sistema bħal din għandha tiġi kkoordinata mas-sistema ta' ġestjoni tal-operatur tal-ajrudrom.

4.2.2.   Il-fornitur għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt 4.2.1 sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra ta' rappurtar, il-fornitur għandu jibgħat l-okkorrenzi kollha lis-sistema ta' rappurtar tal-operatur tal-ajrudrom, l-operatur tal-inġenju tal-ajru u, jekk rilevanti, lil dik tal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

4.2.3.   Il-fornitur għandu jiżviluppa manwal ta' servizzi fuq l-art u jopera skont dak il-manwal. Manwal ta' dan it-tip għandu jkun fih l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għas-servizz, għas-sistema ta' ġestjoni u għall-persunal tas-servizz biex iwettaq dmirijietu.

5.   SERVIZZI TA' ĠESTJONI TAR-RAMPA (AMS)

5.1.   Il-fornitur tal-AMS għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu skont il-proċeduri ta' operazzjoni inklużi fil-manwal tal-ajrudrom.

5.2.   Kif xieraq għall-attività mwettqa u għad-daqs tal-organizzazzjoni, il-fornitur tal-AMS għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni, inkluż il-ġestjoni tas-sikurezza, sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.

5.3.   Il-fornitur tal-AMS għandu jistabbilixxi arranġamenti formali mal-operatur tal-ajrudrom u mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru li jiddeskrivu l-firxa tas-servizzi li għandhom jingħataw.

5.4.   Il-fornitur tal-AMS għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt 5.2 sabiex jikkontribwixxi għall-għan tat-titjib kontinwu tas-sikurezza. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra ta' rappurtar, il-fornitur għandu jibgħat l-okkorrenzi kollha lis-sistema ta' rappurtar tal-operatur tal-ajrudrom, u, jekk rilevanti, lil dik tal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.

5.5.   Il-fornitur tal-AMS għandu jieħu sehem fil-programmi ta' sikurezza stabbiliti mill-operatur tal-ajrudrom.

6.   OĦRAJN

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-operatur tal-inġenju tal-ajru, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li ajrudrom jew partijiet minnu ma għandhomx jintużaw minn inġenji tal-ajru li d-disinn jew il-proċeduri ta' operazzjoni tal-ajrudrom normalment mhumiex intenzjonati għalihom, ħlief f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza tal-inġenji tal-ajru, meta ssir devjazzjoni għal ajrudrom alternattiv, jew b'kondizzjonijiet speċifikati f'kull każ.


ANNESS VIII

Rekwiżiti essenzjali għal ATM/ANS u għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

1.   L-UŻU TAL-ISPAZJU TAL-AJRU

1.1.   Kull inġenju tal-ajru, barra dawk involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a), f'kull fażi tat-titjir jew fiż-żona ta' moviment tal-ajrudrom, għandu jkun operat skont regoli ġenerali komuni tal-operat u skont kwalunkwe proċedura speċifikata applikabbli għall-użu tal-ispazju tal-ajru.

1.2.   Kull inġenju tal-ajru, barra dawk involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a), għandu jkun mgħammar bil-kostitwenti meħtieġa u jkun operat kif xieraq. Il-kostitwenti użati fis-sistema tal-ATM/ANS għandhom ukoll jikkonformaw mar-rekwiżiti fil-punt 3.

2.   SERVIZZI

2.1.   Informazzjoni ajrunawtika u data għall-utenti tal-ispazju tal-ajru għall-iskop tan-navigazzjoni bl-ajru

2.1.1.   Id-data użata bħala sors ta' informazzjoni ajrunawtika għandha tkun ta' kwalità suffiċjenti, kompluta, kurrenti u pprovduta f'waqtha.

2.1.2.   L-informazzjoni ajrunawtika għandha tkun preċiża, kompluta, attwali, mhux ambigwa, minn sors leġittimu, u ta' integrità adegwata, kif ukoll f'format adattat għall-utenti.

2.1.3.   It-tqassim ta' din l-informazzjoni ajrunawtika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru għandu jkun f'waqtu, u jkun jagħmel użu minn mezzi ta' komunikazzjoni affidabbli u veloċi biżżejjed li jkunu protetti minn interferenza u minn korruzzjoni intenzjonati jew mhux intenzjonati.

2.2.   Informazzjoni meteoroloġika

2.2.1.   Id-data użata bħala sors ta' informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika għandha tkun ta' kwalità suffiċjenti, kompluta u kurrenti.

2.2.2.   Sa fejn hu possibbli, l-informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika għandha tkun biżżejjed preċiża, kompluta, attwali, ta' integrità adegwata u mhux ambigwa biex tilħaq il-ħtiġijiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru. L-informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika għandha tkun minn sors leġittimu.

2.2.3.   It-tqassim ta' din l-informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru jrid ikun f'waqtu u jkun juża mezzi ta' komunikazzjoni affidabbli u veloċi biżżejjed li jkunu protetti mill-interferenza u mill-korruzzjoni.

2.3.   Servizzi tat-traffiku tal-ajru

2.3.1.   Id-data użata bħala sors għall-forniment ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru għandha tkun korretta, kompluta, u kurrenti.

2.3.2.   Il-forniment ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru għandu jkun biżżejjed preċiż, komplut, kurrenti, u mhux ambigwu biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta' sikurezza tal-utenti.

2.3.3.   L-għodod awtomatizzati li jipprovdu informazzjoni jew pariri lill-utenti għandhom ikunu ddisinjati, prodotti u miżmuma b'mod xieraq sabiex jiġi żgurat li huma adattati għall-iskop tagħhom.

2.3.4.   Is-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-proċessi relatati għandhom jipprevedu separazzjoni adegwata bejn l-inġenji tal-ajru u jevitaw kolliżjonijiet bejn l-inġenji tal-ajru u l-ostakli fiż-żona tal-manuvrar tal-ajrudrom, u fejn xieraq, jassistu fil-protezzjoni minn ostakli u minn perikli oħra fl-ajru, u għandhom jiżguraw koordinazzjoni f'waqtha u fil-pront mal-utenti rilevanti kollha u mal-volumi fil-qrib ta' spazji tal-ajru.

2.3.5.   Il-komunikazzjoni bejn is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u bejn l-unitajiet rilevanti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom ikunu f'waqthom, ċari, korretti, mhux ambigwi, protetti mill-interferenzi u mifhuma minn kulħadd u, fejn applikabbli, magħrufa minn kull min huwa involut.

2.3.6.   Għandu jkun hemm mezzi fis-seħħ sabiex jintgħarfu emerġenzi possibbli u, fejn xieraq, tinbeda azzjoni effettiva ta' tiftix u ta' salvataġġ. Dawn il-mezzi għandhom, bħala minimu, jinkludu mekkaniżmi xierqa ta' twissija, miżuri u proċeduri ta' koordinazzjoni, mezzi u persunal biex jiġi kopert b'mod effiċjenti l-qasam ta' responsabbiltà.

2.4.   Servizzi ta' komunikazzjoni

Is-servizzi tal-komunikazzjoni għandhom jiksbu u jżommu prestazzjoni suffiċjenti fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-integrità, tal-kontinwità u tal-puntwalità tagħhom. Huma għandhom ikunu veloċi u mħarsa mill-korruzzjoni u l-interferenza.

2.5.   Servizzi ta' navigazzjoni

Is-servizzi ta' navigazzjoni għandu jikseb u jżomm livell suffiċjenti ta' prestazzjoni fir-rigward tal-gwida, il-pożizzjonament u, meta pprovduta, l-informazzjoni dwar il-ħinijiet. Il-kriterji tal-prestazzjoni jinkludu l-preċiżjoni, l-integrità, il-leġittimità tas-sors, id-disponibbiltà, u l-kontinwità tas-servizz.

2.6.   Servizzi ta' sorveljanza

Is-servizzi ta' sorveljanza għandhom jiddeterminaw il-pożizzjoni rispettiva tal-inġenju tal-ajru fl-ajru u ta' inġenji tal-ajru oħra u ta' vetturi tal-art fuq is-superfiċe tal-ajrudrom, bi prestazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-preċiżjoni, tal-integrità, tal-leġittimità tas-sors, tal-kontinwità u tal-probabbiltà tal-lokalizzazzjoni.

2.7.   Ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

Il-ġestjoni tattika tal-flussi tat-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni għandha tuża u tagħti tagħrif li jkun preċiż u aġġornat biżżejjed dwar il-volum u n-natura tat-traffiku tal-ajru ppjanat li jaffettwa l-forniment tas-servizz u għandha tikkoordina u tinnegozja l-bdil tar-rotot jew id-dewmien tal-flussi tat-traffiku sabiex jitnaqqas ir-riskju li jkun hemm sitwazzjonijiet ta' konġestjoni fl-ajru jew fl-ajrudromi. Il-ġestjoni tal-flussi għandha titwettaq bl-għan li tintuża bl-aħjar mod il-kapaċità disponibbli fl-użu tal-ispazju tal-ajru u li jitjiebu l-proċessi tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru. Dan għandu jkun ibbażat fuq is-sikurezza, it-trasparenza u l-effiċjenza, filwaqt li jiġi żgurat li dik il-kapaċità tiġi pprovduta b'mod flessibbli u f'waqtha, b'konsistenti mal-Pjan Ewropew ta' Navigazzjoni bl-Ajru.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 43 dwar il-ġestjoni tal-fluss għandhom isostnu d-deċiżjonijiet operazzjonali meħuda mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mill-operaturi tal-ajrudromi u mill-utenti tal-ispazju tal-ajru u għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-ippjanar tat-titjir;

(b)

l-użu tal-kapaċità disponibbli tal-ispazju tal-ajru matul il-fażijiet kollha tat-titjir, inkluż l-assenjazzjoni ta' slots tul ir-rotta;

(c)

l-użu tar-rotot mit-traffiku ġenerali tal-ajru, inkluż:

il-ħolqien ta' pubblikazzjoni unika għall-orjentazzjoni tar-rotot u tat-traffiku,

il-possibilitajiet għad-devjazzjoni tat-traffiku ġenerali tal-ajru minn żoni ta' konġestjoni, u

ir-regoli ta' prijorità dwar l-aċċess għall-ispazju tal-ajru għat-traffiku ġenerali tal-ajru, b'mod partikolari matul perjodi ta' konġestjoni u ta' kriżi; u

(d)

il-konsistenza bejn il-pjanijiet tat-titjir u s-slots tal-ajruporti kif ukoll il-koordinazzjoni meħtieġa mar-reġjuni li jmissu magħhom, skont il-każ.

2.8.   Ġestjoni tal-ispazju tal-ajru

L-allokazzjoni ta' volumi speċifiċi ta' spazju tal-ajru għal ċertu użu għandha tiġi mmonitorjata, ikkoordinata u promulgata f'waqtha sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' telf ta' separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru f'kull ċirkostanza. Filwaqt li jqis l-organizzazzjoni tal-attivitajiet militari u l-aspetti relatati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru għandha ssostni wkoll l-applikazzjoni uniformi tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru kif deskritt mill-ICAO u kif implimentat bir-Regolament (KE) Nru 551/2004, biex jiffaċilita l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport.

2.9.   It-tfassil tal-proċedura tat-titjir

Il-proċeduri tat-titjir għandhom ikunu mfassla, mistħarrġa u vvalidati sew qabel ma jkunu disponibbli u qabel ma jintużaw mill-inġenji tal-ajru.

3.   SISTEMI U KOSTITWENTI

3.1.   Ġenerali

Is-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS li jipprovdu informazzjoni relatata mal-inġenju tal-ajru, minnu u fuq l-art għandhom ikunu ddisinjati, prodotti, installati, miżmuma, imħarsa kontra interferenza mhux awtorizzata u operati b'mod xieraq sabiex jiġi żgurat li huma adattati għall-iskop tagħhom.

Is-sistemi u l-proċeduri għandhom jinkludu b'mod partikolari dawk meħtieġa biex jiġu appoġġati l-funzjonijiet u s-servizzi li ġejjin:

(a)

Ġestjoni tal-ispazju tal-ajru;

(b)

Ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru;

(c)

Is-servizzi tat-traffiku tal-ajru, b'mod partikolari s-sistemi tal-ipproċessar tad-data tat-titjir, is-sistemi tal-ipproċessar tad-data tas-sorveljanza u s-sistemi ta' interfaċċa bejn il-bniedem u l-magni;

(d)

Il-komunikazzjonijiet inkluż dawk mill-art għall-art/għall-ispazju tal-ajru, mill-ajru għall-art u mill-ajru għall-ajru/għall-ispazju tal-ajru;

(e)

In-navigazzjoni;

(f)

Is-sorveljanza;

(g)

Is-servizzi ta' informazzjoni ajrunawtika; u

(h)

Is-servizzi meteoroloġiċi.

3.2.   Integrità, prestazzjoni u affidabbiltà tas-sistema u tal-kostitwenti

L-integrità u l-prestazzjoni relatata mas-sikurezza tas-sistemi u tal-kostitwenti, ikunux fuq l-inġenju tal-ajru, fuq l-art jew fl-ispazju, għandhom ikunu adattati għall-iskop tagħhom. Għandhom jissodisfaw il-livell meħtieġ ta' prestazzjoni operazzjonali għall-kondizzjonijiet ta' operazzjoni prevedibbli kollha tagħhom u għall-ħajja operazzjonali kollha tagħhom.

Is-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS għandhom ikunu ddisinjati, mibnija, miżmuma u mħaddma billi jintużaw il-proċeduri xierqa u validati, f'manjiera tali li tiżgura li l-operat tan-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (EATMN) jimxi ħarir f'kull ħin u tul il-fażijiet kollha ta' titjir. Operat li jimxi ħarir jista' jiġi espress, b'mod partikolari, f'termini ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż l-informazzjoni dwar l-istatus operattiv rilevanti, il-fehim komuni tal-informazzjoni, il-prestazzjonijiet komparabbli ta' pproċessar u l-proċeduri assoċjati li jippermettu prestazzjonijiet operazzjonali komuni maqbula għal-EATMN jew għal partijiet minnu.

L-EATMN, is-sistemi tiegħu u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw, fuq bażi kkoordinata, kunċetti ġodda ta' operat maqbula u validati li jtejbu l-kwalità, is-sostenibbiltà u l-effikaċja ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, b'mod partikolari f'termini ta' sikurezza u ta' kapaċità.

L-EATMN, is-sistemi tiegħu u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni progressiva tal-kordinazzjoni ċivili/militari, sal-punt meħtieġ għal ġestjoni effettiva tal-spazju tal-ajru u tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, u għal użu sikur u effiċjenti tal-ispazju tal-ajru mill-utenti kollha, permezz tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru.

Biex jinkisbu dawk l-għanijiet, l-EATMN, is-sistemi tiegħu u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw il-kondiviżjoni f'waqtha ta' informazzjoni korretta u konsistenti li tkopri l-fażijiet kollha tat-titjir, bejn il-partijiet ċivili u militari, mingħajr preġudizzju għall-interessi tas-sigurtà jew tal-politika tad-difiża, inkluż ir-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità.

3.3.   Disinn tas-sistemi u tal-kostitwenti

3.3.1.   Is-sistemi u l-kostitwenti għandhom ikunu ddisinjati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' sikurezza u ta' sigurtà applikabbli.

3.3.2.   Is-sistemi u l-kostitwenti, meqjusa kollettivament, separatament u f'relazzjoni ma' xulxin, għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li tkun teżisti relazzjoni inversa bejn il-probabbiltà li l-ħsara li tista' tirriżulta f'falliment totali tas-sistema u bejn is-severità tal-effett tagħhom fuq is-sikurezza tas-servizzi.

3.3.3.   Is-sistemi u l-kostitwenti, meqjusa kollettivament u mħallta ma' xulxin, għandhom ikunu ddisinjati billi jitqiesu l-limitazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet u mal-prestazzjoni tal-bniedem.

3.3.4.   Is-sistemi u l-kostitwenti għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li jkunu protetti, kemm huma kif ukoll id-data li qed iwasslu, minn interazzjonijiet perikolużi ma' elementi interni u esterni.

3.3.5.   L-informazzjoni meħtieġa għall-produzzjoni, għall-installazzjoni, għall-operazzjoni u għall-manutenzjoni tas-sistemi u tal-kostitwenti, kif ukoll l-informazzjoni dwar kondizzjonijiet mhux sikuri għandha tiġi pprovduta lill-persunal b'mod ċar, konsistenti u mhux ambigwu.

3.4.   Livell kontinwu ta' servizz

Il-livelli ta' sikurezza tas-sistemi u tal-kostitwenti għandhom ikunu miżmuma tajjeb waqt is-servizz u waqt kwalunkewe tip ta' modifika tas-servizz.

4.   KWALIFIKI TAL-KONTROLLURI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU

4.1.   Ġenerali

Persuna li qed titħarreġ bħala kontrollur tat-traffiku tal-ajru jew bħala student kontrollur tat-traffiku tal-ajru, għandha tkun matura biżżejjed f'sens edukattiv, fiżiku u mentali biex tikseb, iżżomm u turi l-għarfien teoretiku u l-ħila prattika rilevanti.

4.2.   Għarfien teoretiku

4.2.1.   Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu jikseb u jżomm livell ta' għarfien xieraq għall-funzjonijiet li jwettaq u proporzjonat għar-riskji assoċjati mat-tip ta' servizz.

4.2.2.   Il-kisba u ż-żamma tal-għarfien teoretiku għandhom jintwerew permezz ta' valutazzjoni kontinwa waqt it-taħriġ, jew permezz ta' eżamijiet xierqa.

4.2.3.   Għandu jinżamm livell xieraq ta' għarfien teoretiku. Il-konformità għandha tintwera permezz ta' valutazzjonijiet jew permezz ta' eżamijiet regolari. Il-frekwenza tal-eżamijiet għandha tkun proporzjonata mal-livell tar-riskju assoċjat mat-tip ta' servizz.

4.3.   Ħila prattika

4.3.1.   Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu jikseb u jżomm il-ħiliet prattiċi xierqa għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha. Dawn il-ħiliet għandhom ikunu proporzjonati għar-riskji assoċjati mat-tip ta' servizz u għandhom ikopru mill-inqas, jekk xierqa għall-funzjonijiet imwettqa, dawn li ġejjin:

(a)

il-proċeduri operazzjonali;

(b)

l-aspetti speċifiċi għall-kompitu;

(c)

is-sitwazzjonijiet mhux normali u ta' emerġenza; u

(d)

il-fatturi umani.

4.3.2.   Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu juri l-abbiltà li jwettaq il-proċeduri u l-kompiti assoċjati b'livell ta' kompetenza xieraq għall-funzjonijiet imwettqa.

4.3.3.   Għandu jinżamm livell xieraq ta' kompetenza fil-ħila prattika. Il-konformità għandha tkun verifikata permezz ta' valutazzjonijiet regolari. Il-frekwenza ta' dawk il-valutazzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-kumplessità u għal-livell tar-riskju assoċjat mat-tip ta' servizz u mal-kompiti mwettqa.

4.4.   Profiċjenza fil-lingwi

4.4.1.   Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu juri profiċjenza li jitkellem u jifhem l-Ingliż sa tali punt li jkun jista' jikkomunika effettivament f'sitwazzjonijiet ta' leħen biss (telefown/radjutelefown) u f'sitwazzjonijiet wiċċ imb'wiċċ, dwar suġġetti konkreti u marbuta max-xogħol, inkluż f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

4.4.2.   Kull meta jkun meħtieġ f'volum definit ta' spazju tal-ajru għall-iskopijiet ta' forniment tas-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (ATS), kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu wkoll ikollu l-profiċjenza li jitkellem u jifhem l-ilsien/l-ilsna nazzjonali sal-punt deskritt hawn fuq.

4.5.   Mezzi sintetiċi ta' taħriġ (STD)

Meta jintuża STD għat-taħriġ prattiku dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-fatturi umani jew biex jintwera li l-ħiliet inkisbu jew inżammu, dan għandu jkollu livell ta' prestazzjoni li jippermetti simulazzjoni xierqa tal-ambjent tax-xogħol u tas-sitwazzjonijiet operazzjonali li jkunu adattati għat-taħriġ li jingħata.

4.6.   Kors ta' taħriġ

4.6.1.   It-taħriġ għandu jingħata permezz ta' kors ta' taħriġ, li jista' jinkludi tagħlim teoretiku u prattiku, inkluż taħriġ fuq STD, jekk applikabbli.

4.6.2.   Kors għandu jiġi ddefinit u approvat għal kull tip ta' taħriġ.

4.7.   Għalliema

4.7.1.   It-tagħlim teoretiku għandu jingħata minn għalliema kwalifikati kif xieraq. Huma:

(a)

għandu jkollhom għarfien xieraq fil-qasam li qed jingħata t-tagħlim dwaru; u

(b)

għandhom ikunu wrew l-abbiltà li jużaw tekniki ta' tagħlim xierqa.

4.7.2.   It-tagħlim dwar il-ħiliet prattiċi għandu jingħata minn għalliema kwalifikati kif xieraq, li jkollhom il-kwalifiki li ġejjin:

(a)

jissodisfaw l-għarfien teoretiku u r-rekwiżiti ta' esperjenza li huma adattati għat-tagħlim li qed jingħata;

(b)

ikunu wrew abbiltà li jgħallmu u li jużaw tekniki ta' tagħlim xierqa;

(c)

ikunu pprattikaw tekniki ta' tagħlim f'dawk li proċeduri li dwarhom ikun ser jingħata t-tagħlim; u

(d)

jirċievu taħriġ ta' aġġornament b'mod regolari biex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-għalliema jinżammu aġġornati.

4.7.3.   Barra minn hekk, l-għalliema tal-ħiliet prattiċi għandhom jkunu intitolati jew inkella diġà kienu intitolati li jaġixxu bħala kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

4.8.   Valutaturi

4.8.1.   Il-persuni responsabbli għall-valutazzjoni tal-ħila tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom:

(a)

ikun wrew il-ħila li jivvalutaw il-prestazzjoni tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, u jwettqu testijiet u kontrolli fuqhom; u

(b)

jirċievu korsijiet ta' aġġornament regolari sabiex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-valutazzjoni tagħhom jinżammu.

4.8.2.   Il-valutaturi tal-ħiliet prattiċi għandhom, barra minn hekk, ikunu intitolati jew inkella diġà kienu intitolati li jaġixxu bħala kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f'dawk l-oqsma li fihom trid issir l-evalwazzjoni.

4.9.   Stat mediku tajjeb ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru

4.9.1.   Il-kontrolluri kollha tat-traffiku tal-ajru għandhom perjodikament jagħtu prova li l-istat mediku tagħhom huwa tajjeb biex iwettqu l-funzjonijiet tiegħu b'mod sodisfaċenti. Il-konformità għandha tintwera permezz ta' valutazzjoni xierqa li tqis id-deterjorament mentali u fiżiku possibbli minħabba l-età.

4.9.2.   Il-wiri ta' stat mediku tajjeb, li jinkludi kemm l-aspett fiżiku kif ukoll l-aspett mentali, għandu jinkludi l-prova tal-assenza ta' kwalunkwe marda jew diżabbiltà, li tista' żżomm lill-persuna li qed tipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) milli:

(a)

twettaq kif xieraq il-kompiti meħtieġa biex jiġi pprovdut servizz ta' ATC,

(b)

twettaq id-dmirijiet assenjati lilha fi kwalunkwe ħin, jew

(c)

milli tagħraf korrettament l-ambjent tagħha.

4.9.3.   Meta l-istat mediku tajjeb ma jkunx jista' jintwera għalkollox, jistgħu jiġu implimentati miżuri ta' mitigazzjoni li jipprovdu sikurezza ekwivalenti.

5.   FORNITURI TAS-SERVIZZI U ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TAĦRIĠ

5.1.   Il-forniment tas-servizz ma għandux isir jekk ma jiġux issodisfati dawn il-kondizzjonijiet:

(a)

il-fornitur tas-servizz għandu jkollu, direttament jew permezz ta' ftehimiet ma' partijiet terzi, il-mezzi neċessarji għall-iskala u għall-ambitu tas-servizz. Dawk il-mezzi għandhom ikunu dawn li ġejjin, għalkemm mhux limitati għalihom: sistemi, faċilitajiet, inkluż il-provvista tal-enerġija, struttura ta' ġestjoni, persunal, tagħmir u l-manutenzjoni tiegħu, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u ż-żamma ta' reġistri;

(b)

il-fornitur tas-servizz għandu jiżviluppa u jżomm aġġornati manwali tal-ġestjoni u tal-operazzjonijiet marbuta mal-forniment tas-servizzi tiegħu u għandu jopera skont dawk il-manwali. Dawk il-manwali għandu jkun fihom l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għall-operazzjonijiet, għas-sistema ta' ġestjoni u għall-persunal tal-operazzjonijiet biex iwettaq dmirijietu;

(c)

kif ikun adatt skont it-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, il-fornitur tas-servizz għandu jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jimmaniġġja r-riskji tas-sikurezza u jimmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema;

(d)

il-fornitur tas-servizz għandu juża biss persunal kwalifikat u mħarreġ kif xieraq u jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u kontrolli għall-persunal;

(e)

il-fornitur tas-servizz għandu jistabbilixxi interfaċċi formali mal-partijiet ikkonċernati kollha li jistgħu jinfluwenzaw b'mod dirett is-sikurezza tas-servizz tagħhom sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness;

(f)

il-fornitur tas-servizz għandu jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' kontinġenza li jkopri sitwazzjonijiet ta' emerġenza u anormali li jistgħu jseħħu b'rabta mas-servizzi tiegħu, inkluż fil-każ ta' avvenimenti li jwasslu għal degradazzjoni jew interruzzjoni sinifikanti tal-operazzjonijiet tiegħu;

(g)

il-fornitur tas-servizz għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt (c) sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni; u

(h)

il-fornitur tas-servizz għandu jagħmel arranġamenti biex jivverifika li r-rekwiżiti tal-prestazzjoni tas-sikurezza ta' kwalunkwe sistema u kostitwent li huwa jopera jintlaħqu f'kwalunkwe ħin.

5.2.   Il-forniment tas-servizz ATC ma għandux isir jekk ma jiġux issodisfati dawn il-kondizzjonijiet:

(a)

il-prevenzjoni tal-għejja tal-persunal li jipprovdi servizz ATC għandha tkun ġestita permezz ta' sistema ta' roster. Sistema ta' roster bħal din trid tindirizza l-perjodi ta' xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol u l-perjodi adattati ta' mistrieħ. Il-limitazzjonijiet stabbiliti fis-sistema ta' roster għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti li jikkontribwixxu għall-għejja bħal ma' huma, in-nuqqas ta' rqad, lit-tfixkil taċ-ċikli bijoloġiċi ta' kuljum, is-sigħat ta' bil-lejl, l-akkumulazzjoni ta' ħinijiet ta' xogħol għal perjodi speċifiċi kif ukoll il-kondiviżjoni ta' kompiti allokati fost il-membri tal-persunal;

(b)

il-prevenzjoni tal-istress tal-persunal li jipprovdi servizz ATC għandha tkun ġestita permezz ta' programmi ta' edukazzjoni u ta' prevenzjoni;

(c)

il-fornitur tas-servizz ATC għandu jkollu stabbiliti proċeduri li jivverifikaw li l-persunal li jipprovdi s-servizzi ATC m'għandux il-ġudizzju konjittiv tiegħu mxekkel jew l-istat mediku mhux tajjeb biżżejjed; u

(d)

il-fornitur tas-servizz ATC għandu jikkunsidra l-limitazzjonijiet operazzjonali u tekniċi kif ukoll il-prinċipji tal-fatturi umani fl-ippjanar u fl-operazzjonijiet tiegħu.

5.3.   Il-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u/jew tas-sorveljanza ma għandhomx isiru ħlief sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kondizzjonijiet:

Il-fornitur tas-servizzi għandu jżomm lill-utenti tal-ispazju tal-ajru u lill-unitajiet ATS rilevanti infurmati dwar l-istatus operazzjonali (u l-bidliet fih) tas-servizzi tagħhom ipprovduti għal skopijiet ATS.

5.4.   Organizzazzjonijiet tat-taħriġ

Organizzazzjoni tat-taħriġ li tipprovdi t-taħriġ għall-persunal li jipprovdi servizz ATC għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollha l-mezzi kollha neċessarji għall-ambitu tar-responsabbiltajiet assoċjati mal-attività tagħha. Dawk il-mezzi jinkludu dawn li ġejjin, għalkemm mhumiex limitati għalihom: faċilitajiet, persunal, tagħmir, metodoloġija, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u ż-żamma ta' reġistri;

(b)

kif xieraq għat-taħriġ mogħti u għad-daqs tal-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni għandha timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza, inkluż ir-riskji relatati ma' deterjorament fl-istandard tat-taħriġ, u timmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c)

tistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, kif meħtieġ, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.

6.   EŻAMINATURI AJRUMEDIĊI U ĊENTRI AJRUMEDIĊI

6.1.   Eżaminaturi ajrumediċi

Eżaminatur ajrumediku jrid:

(a)

ikun kwalifikat u jkollu liċenzja fil-prattika tal-mediċina;

(b)

ikun irċieva taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni u taħriġ ta' aġġornament regolari fil-mediċina tal-avjazzjoni biex ikun żgurat li l-istandards ta' valutazzjoni jinżammu aġġornati; u

(c)

ikun kiseb għarfien u esperjenza prattiċi fir-rigward tal-kondizzjonijiet li fihom il-kontrolluri tat-traffiku jaqdu dmirijiethom.

6.2.   Ċentri ajrumediċi

Iċ-ċentri ajrumediċi jridu jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollhom il-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu ta' responsabbiltajiet marbuta mal-privileġġi tagħhom. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b)

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, jimplimentaw u jżommu sistema ta' ġestjoni sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza u jimmiraw għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c)

jistabbilixxu arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, skont il-ħtieġa, biex jiżguraw konformità kontinwa mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Anness.


ANNESS IX

Rekwiżiti essenzjali għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord

1.   REKWIŻITI ESSENZJALI GĦAD-DISINN, GĦALL-PRODUZZJONI, GĦALL-MANUTENZJONI U GĦALL-OPERAT TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD

1.1.   L-operatur u l-pilota mill-bogħod ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jkunu konxji tar-regoli applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali relatati mal-operazzjonijiet ippjanati, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza, tal-privatezza, tal-protezzjoni tad-data, tar-responsabbiltà, tal-assigurazzjoni, tas-sigurtà u tal-protezzjoni ambjentali. L-operatur u l-pilota mill-bogħod iridu jkunu kapaċi jiżguraw is-sikurezza tal-operat u s-separazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mill-persuni fuq l-art u mill-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra. Dan jinkludi għarfien tajjeb tal-istruzzjonijiet operattivi pprovduti mill-produttur, tal-użu sikur u li jirrispetta l-ambjent ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord fl-ispazju tal-ajru, u tal-funzjonalitajiet rilevanti kollha tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord u regoli applikabbli tal-proċeduri tal-ajru u ATM/ANS.

1.2.   Inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid jiġi iddisinjat u jinbena b'mod li jkun tajjeb għall-funzjoni maħsuba tiegħu, u jista' jitħaddem, jiġi aġġustat u miżmum mingħajr ma jpoġġi lil persuni f'riskju.

1.3.   Jekk ikun meħtieġ u biex jitnaqqsu r-riskji relatati mas-sikurezza, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, is-sigurtà jew l-ambjent, li jirriżultaw mill-operazzjoni, l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid ikollu l-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet korrispondenti u speċifiċi li permezz tad-disinn u b'mod awtomatiku jikkunsidraw il-prinċipji ta' privatezza u ta' protezzjoni tad-data personali. Skont il-ħtiġijiet dawk l-elementi u l-funzjonalitajiet iridu jiżguraw identifikazzjoni faċli tal-inġenju tal-ajru u tan-natura u tal-iskop tal-operazzjoni; u jridu jiżguraw li l-limitazzjonijiet, il-projbizzjonijiet jew il-kondizzjonijiet applikabbli jiġu osservati, b'mod partikolari fir-rigward tal-operat f'żoni ġeografiċi partikolari, lil hinn minn ċerti distanzi mill-operatur jew f'ċerti altitudnijiet.

1.4.   L-organizzazzjoni responsabbli għall-produzzjoni jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord trid tipprovdi informazzjoni lill-operatur tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u, fejn rilevanti, lill-organizzazzjoni tal-manutenzjoni fuq it-tip ta' operazzjonijiet li għalihom l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord huwa ddisinjat flimkien mal-limitazzjonijiet u mal-informazzjoni meħtieġa għall-operazzjoni sikura tiegħu, inkluż il-prestazzjoni operazzjonali u ambjentali, il-limitazzjonijiet tal-ajrunavigabbiltà u l-proċeduri ta' emerġenza. Din l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar, konsistenti u mhux ambigwu. Il-kapaċitajiet operazzjonali ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet li ma jeħtiġux ċertifikat jew dikjarazzjoni jridu jippermettu l-possibbiltà li jiġu introdotti limitazzjonijiet li jissodisfaw ir-regoli applikabbli tal-ispazju tal-ajru għal operazzjonijiet bħal dawn.

2.   REKWIŻITI ADDIZZJONALI ESSENZJALI GĦAD-DISINN, GĦALL-PRODUZZJONI, GĦALL-MANUTENZJONI U GĦALL-OPERAZZJONI TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 56(1) U (5)

B'kunsiderazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, ir-rekwiżiti li ġejjin iridu jiġu ssodisfati biex tiġi żgurata s-sikurezza għall-persuni fuq l-art u għall-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra matul l-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-livell ta' riskju tal-operazzjoni kif meħtieġ:

2.1.   Ajrunavigabbiltà

2.1.1.   Inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jkunu ddisinjati b'tali mod, jew ikun fihom karatteristiċi jew dettalji li, is-sikurezza tal-persuna li tkun qed topera l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jew ta' partijiet terzi, fl-ajru jew fuq l-art, inkluż il-proprjetà, tkun tista' tintwera b'mod sodisfaċenti.

2.1.2.   L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jipprovdu integrità tal-prodott li hija proporzjonata għar-riskju f'kull tip ta' kondizzjoni ta' titjir antiċipata.

2.1.3.   L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jkunu kontrollabbli u manuvrabbli, kif meħtieġ fil-kondizzjonijiet kollha antiċipati ta' operazzjoni, inkluż wara li sistema ta' propulsjoni waħda jew aktar, skont kif ikun il-każ, jinqalgħalha l-ħsara. Kunsiderazzjoni xierqa tal-fattur uman, b'mod partikolari għarfien disponibbli dwar il-fatturi li jwasslu għal tħaddim sikur tat-teknoloġija mill-bnedmin, hija importanti ħafna.

2.1.4.   L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts u t-tagħmir mhux installat tagħhom, u t-tagħmir li jikkontrolla l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord mill-bogħod, jridu jiffunzjonaw kif ippjanat f'kull tip ta' kondizzjoni ta' operazzjoni prevista, dejjem, u biżżejjed lil hinn mill-operazzjoni li għalih l-inġenju tal-ajru kien iddisinjat.

2.1.5.   L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat tagħhom, u t-tagħmir għall-kontroll mill-bogħod tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, ikkunsidrati separatament u f'rabta ma' xulxin, iridu jkunu ddisinjati b'tali mod li l-probabbiltà li tinqalgħalhom ħsara u s-severità tal-effett tagħha fuq il-persuni fuq l-art u fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra tittaffa abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4(2).

2.1.6.   Kwalunkwe tagħmir li jikkontrolla mill-bogħod inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord li jkun involut fl-operazzjoni jrid ikun tat-tip li jiffaċilita l-operazzjonijiet ta' titjir, inkluż mezzi li jipprovdu għarfien tas-sitwazzjoni kif ukoll il-ġestjoni ta' kull tip ta' sitwazzjoni u ta' emerġenza prevista.

2.1.7.   L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, ta' magni u ta' skrejjen iridu jieħdu prekawzjonijiet sabiex inaqqsu l-perikli li jinqalgħu minn kondizzjonijiet, kemm interni kif ukoll esterni, għall-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u għas-sistemi tagħhom, li skont l-esperjenza ntwera li għandhom impatt fuq is-sikurezza. Dan jinkludi l-protezzjoni kontra l-interferenza b'mezzi elettroniċi.

2.1.8.   Il-proċessi ta' manifattura, il-materjali u l-komponenti użati għall-produzzjoni tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jirriżultaw fi proprjetajiet u fi prestazzjoni li jkunu adegwati, riproduċibbli u konformi mal-karatteristiċi tad-disinn.

2.2.   Organizzazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, fil-produzzjoni, fil-manutenzjoni, fl-operazzjoni, fis-servizzi relatati u fit-taħriġ tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-organizzazzjoni jrid ikollha l-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu tax-xogħol tagħha u trid tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali u mal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 58 u l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl- Artikolu 57, rilevanti għall-attività tagħha.

(b)

L-organizzazzjoni trid timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura konformità ma' dawn ir-rekwiżiti essenzjali għall-ajrunavigabbiltà, u timmira għat-titjib kontinwu ta' din is-sistema. Sistema ta' ġestjoni bħal din trid tkun proporzjonata għat-tip ta' attività u d-daqs tal-organizzazzjoni.

(c)

L-organizzazzjoni trid tistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, sabiex tikkontribwixxi għat-titjib kontinwu tas-sikurezza. Sistema ta' rappurtar bħal din trid tkun proporzjonata għat-tip tal-attività u d-daqs tal-organizzazzjoni.

(d)

L-organizzazzjoni trid tistabbilixxi arranġamenti, fejn ikun rilevanti, ma' organizzazzjonijiet oħra sabiex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti.

2.3.   Persuni involuti f'operazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord

Kwalunkwe persuna involuta fl-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, inkluż pilota mill-bogħod, għandu jkollha l-għarfien meħtieġ u l-ħiliet meħtieġa biex tiżgura s-sikurezza tal-operazzjoni u li dan ikun proporzjonat għar-riskji assoċjati mat-tip ta' operazzjoni. Din il-persuna għandha wkoll turi stat mediku tajjeb, jekk dan huwa meħtieġ biex jittaffew ir-riskji involuti fl-operazzjoni kkonċernata.

2.4.   Operazzjonijiet

2.4.1.   L-operatur tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord huwa responsabbli għall-operazzjoni u jrid jieħu kwalnukwe azzjoni xierqa biex jiżgura s-sikurezza tal-operazzjoni.

2.4.2.   Titjira trid issir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli, li huma pertinenti għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet, preskritti għaż-żona, għall-ispazju tal-ajru, għall-ajrudromi jew għas-siti li huma ppjanati li jridu jintużaw u, fejn applikabbli, mas-sistemi tal-ATM/ANS relatati.

2.4.3.   L-operazzjonijiet b'inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jiżguraw is-sikurezza ta' partijiet terzi fuq l-art u tal-utenti tal-ispazju tal-ajru l-oħra u jridu jnaqqsu r-riskji li jirriżultaw minn kondizzjonijiet avversi esterni u interni, inkluż kondizzjonijiet ambjentali, billi jżommu distanza ta' separazzjoni xierqa matul il-fażijiet kollha tat-titjira.

2.4.4.   Inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid jitħaddem biss jekk ikun f'kondizzjoni tajba ta' ajrunavigabbiltà u meta t-tagħmir u l-komponenti l-oħra u s-servizzi meħtieġa għall-operazzjoni ppjanata jkunu disponibbli u qegħdin fi stat tajjeb biex jintużaw.

2.4.5.   Inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u operazzjonijiet b'inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord iridu jikkonformaw mad-drittijiet rilevanti ggarantiti mil-liġi tal-Unjoni.

2.4.6.   L-operatur ta' inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord irid jiżgura li l-inġenju tal-ajru jkollu t-tagħmir meħtieġ ta' navigazzjoni, ta' komunikazzjoni, ta' sorveljanza, ta' detezzjoni u ta' evitar, kif ukoll kwalunkwe tagħmir ieħor li huwa meħtieġ għas-sikurezza tat-titjira ppjanata, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni n-natura tal-operazzjoni, ir-regolamenti tat-traffiku tal-ajru u r-regoli tal-ajru applikabbli tul il-fażijiet kollha tat-titjira.

2.5.   Rekwiżiti essenzjali relatati mal-kompatibilità elettromanjetika u l-ispettru tar-radju, għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett

2.5.1.   Dawk l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat għandhom ikunu ddisinjati u prodotti b'tali mod, b'kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, sabiex jiżguraw li:

(a)

id-disturb elettromanjetiku li jiġġeneraw ma jaqbiżx il-livell li 'l fuq minnu tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjoni jew tagħmir ieħor ma jkunx jista' jopera kif maħsub; u

(b)

jkollhom livell ta' immunità għad-disturb elettromanjetiku li jippermettilhom joperaw mingħajr degradazzjoni inaċċettabbli tal-użu maħsub tagħhom.

2.5.2.   Dawk l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, magni, skrejjen, parts u tagħmir mhux installat għandhom ikunu ddisinjati u prodotti b'tali mod, b'kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, sabiex jiġi żgurat li jużaw b'mod effettiv u jappoġġaw l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju sabiex tiġi evitata interferenza li tagħmel ħsara.

3.   REKWIŻITI AMBJENTALI ESSENZJALI GĦAL INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD

L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali stabbiliti fl-Anness III.

4.   REKWIŻITI ESSENZJALI GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD U L-OPERATURI TAGĦHOM U L-IMMARKAR TA' INĠENJI TAL-AJRU MINGĦAJR BDOT ABBORD

4.1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni ta' Chicago, inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li d-disinn tagħhom huwa soġġett għal ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 56(1) għandhom jiġu rreġistrati f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.

4.2.   L-operaturi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għandhom jiġu rreġistrati skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57, meta joperaw kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li, fil-każ ta' impatt, jistgħu jittrasferixxu għal enerġija kinetika umana 'l fuq minn 80 Joules;

(b)

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li t-tħaddim tagħhom jippreżenta riskji għall-privatezza, il-protezzjoni ta' data personali, is-sigurtà jew l-ambjent;

(c)

inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li d-disinn tagħhom huwa soġġett għal ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 56(1);

4.3.   Fejn rekwiżit ta' reġistrazzjoni japplika skont il-punt 4.1 jew 4.2, l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord ikkonċernat għandu jkun immarkat u identifikat individwalment, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 57.


ANNESS X

Tabella ta' korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 216/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 2(1) u (2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2

Artikolu 1

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 2(1)(a)

Artikolu 4(1)(b)

Artikolu 2(1)(b)(i)

Artikolu 4(1)(c)

Artikolu 2(1)(b)(ii)

Artikolu 2(1)(b)(iii)

Artikolu 4(1)(d)

Artikolu 2(1)(c)

Artikolu 4(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 2(1)(b) u (c)

Artikolu 4(3a)

Artikolu 2(1)(d),(e) u (2)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(6)

Artikolu 4(3b)

Artikolu 2(7)

Artikolu 4(3c)

Artikolu 2(1)(g) u (2)

Artikolu 4(4) u (5)

Artikolu 2(3)(d)

Artikolu 4(6)

Artikolu 2(8) sa (11)

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 5(1), (2) u (3)

Artikoli 9 sa 16

Artikolu 5(4)(a) u (b)

Artikolu 18(2)

Artikolu 5(4)(c)

Artikolu 18(1)(b)

Artikolu 18(1)(a)

Artikolu 5(5)

Artikolu 17 u 19

Artikolu 5(6)

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikoli 9 (2) u 19(3)

Artikolu 7(1) u (2)

Artikoli 20 u 21

Artikolu 8(4)

Artikolu 22

Artikolu 7(3) sa (7)

Artikoli 23 sa 28

Artikolu 8(1) sa (3)

Artikoli 29, 30(1) sa (3)

Artikolu 30(4) sa (7)

Artikolu 8(5)

Artikolu 31 u 32

Artikolu 8(6)

Artikolu 4

Artikolu 8a(1) sa (5)

Artikoli 33 sa 39

Artikolu 8a(6)

Artikolu 4

Artikolu 8b(1) sa (6)

Artikoli 40 sa 47

Artikolu 8b(7)

Artikolu 4

Artikolu 8c(1) sa (10)

Artikoli 48 sa 54

Artikolu 8c(11)

Artikolu 4

Artikoli 55 sa 58

Artikolu 9

Artikoli 59 sa 61

Artikolu 10(1) sa (3)

Artikolu 62(1) u (2)

Artikolu 92(4) sa (8)

Artikolu 10(4)

Artikolu 62(9)

Artikolu 62(10) sa (12)

Artikolu 10(5)

Artikolu 62(13) sa (15)

Artikolu 63

Artikolu 64

Artikolu 65

Artikolu 66

Artikolu 11(1) sa (3)

Artikolu 67(1) sa (3)

Artikolu 11(4) sa (5b)

Artikolu 11(6)

Artikolu 67(4)

Artikolu 12

Artikolu 68

Artikolu 13

Artikolu 69

Artikolu 14(1) sa (3)

Artikolu 70

Artikolu 14(4) sa (7)

Artikolu 71

Artikolu 15

Artikolu 72

Artikolu 16

Artikolu 73

Artikolu 74

Artikolu 17

Artikolu 75

Artikolu 18

Artikolu 76(1) sa (5)

Artikolu 19

Artikolu 76(1) sa (5)

Artikolu 20

Artikolu 77

Artikolu 21

Artikolu 78

Artikolu 22(1)

Artikolu 76(6)

Artikolu 22(2)

Artikolu 76(7)

Artikolu 79

Artikolu 22a

Artikolu 80

Artikolu 22b

Artikolu 81

Artikolu 23

Artikolu 82(1) u (2)

Artikolu 82(3)

Artikoli 24 u 54

Artikolu 85

Artikolu 25

Artikolu 84

Artikolu 26

Artikolu 86(1) - (4)

Artikolu 86(5)

Artikolu 87

Artikolu 88

Artikolu 89

Artikolu 27

Artikolu 90(1) sa (3)

Artikolu 90(4) sa (6)

Artikolu 91

Artikolu 92

Artikolu 93

Artikolu 28(1) u (2)

Artikolu 94(1) u (2)

Artikolu 94(3)

Artikolu 28(3) u (4)

Artikolu 94(4) u (5)

Artikolu 29(1)

Artikolu 95(1)

Artikolu 29(2)

Artikolu 98(2)(m) u (6)

Artikolu 29(3)

Artikolu 95(2)

Artikolu 30

Artikolu 96

Artikolu 31

Artikolu 97

Artikolu 32(1)

Artikolu 119(3)

Artikolu 32(2)

Artikolu 119(6)

Artikolu 33

Artikolu 98(1) sa (5)

Artikolu 34(1)

Artikolu 99(1) u (2)

Artikolu 99(3)

Artikolu 34(2) u (3)

Artikolu 99(4) u (5)

Artikolu 35

Artikolu 100

Artikolu 36

Artikolu 101

Artikolu 37(1) sa (3)

Artikolu 102(1) sa (3)

Artikolu 102(4)

Artikolu 38(1) sa (3)

Artikolu 104(1) sa (3)

Artikolu 104(4)

Artikolu 39

Artikolu 103

Artikolu 40

Artikolu 105

Artikolu 41(1)

Artikolu 41(2) u (3)

Artikolu 106(1)

Artikolu 41(4)

Artikolu 41(5)

Artikolu 106(6)

Artikolu 42

Artikolu 106(2) sa (5)

Artikolu 43

Artikolu 107

Artikolu 44

Artikolu 108

Artikolu 45

Artikolu 109

Artikolu 46

Artikolu 110

Artikolu 47

Artikolu 111

Artikolu 48

Artikolu 112

Artikolu 49

Artikolu 113

Artikoli 50

Artikolu 114(1), (2) u (4)

Artikolu 51

Artikolu 114(3)

Artikolu 52(1) sa (3)

Artikolu 115

Artikolu 52(4)

Artikolu 76(6)

Artikolu 53(1) u (2)

Artikolu 116

Artikolu 53(3)

Artikolu 76(6)

Artikolu 54

Artikolu 85

Artikolu 55

Artikolu 83

Artikolu 56

Artikolu 117

Artikolu 57

Artikolu 118

Artikolu 58(1) u (2)

Artikolu 119(1) u (2)

Artikolu 119(4)

Artikolu 58(3)

Artikolu 119(5)

Artikolu 58(4)

Artikolu 132(2)

Artikolu 59(1) sa (4)

Artikolu 120(1) sa (4)

Artikolu 120(5)

Artikolu 59(5) sa (11)

Artikolu 120(6) sa (12)

Artikolu 60

Artikolu 121

Artikolu 61

Artikolu 122

Artikolu 123

Artikolu 62

Artikolu 124

Artikolu 63

Artikolu 125

Artikolu 64(1) sa (5)

Artikolu 126(4)

Artikolu 64(2)

Artikolu 64(4)

Artikolu 126(1)

Artikolu 64(5)

Artikolu 126(2)

Artikolu 126(3)

Artikolu 65

Artikolu 127

Artikolu 65a

Artikolu 128

Artikolu 66

Artikolu 129

Artikolu 130

Artikolu 67

Artikolu 68

Artikolu 131

Artikolu 132(1)

Artikolu 58(4)

Artikolu 132(2)

Artikolu 69

Artikolu 133

Artikolu 134

Artikolu 135

Artikolu 136

Artikolu 137

Artikolu 138

Artikolu 139

Artikolu 140

Artikolu 70

Artikolu 141