13.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1119

tal-31 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ iddikjarati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness VII (il-Parti-ORA) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2), jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-bdoti jistabbilixxu u jżommu sistema ta' ġestjoni, inkluż il-monitoraġġ tal-konformità, u sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza. Jeħtieġ li l-organizzazzjoni ġenerali, flimkien mal-proċessi, mal-proċeduri u mal-attivitajiet tagħha, jiġu stabbiliti f'dokumentazzjoni dettaljata (manwali).

(2)

L-Anness VII (il-Parti-ORA) jikkostitwixxi qafas legali xieraq għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ bl-għan li jinkisbu liċenzji ta' bdot kummerċjali. Madankollu, ir-rekwiżiti stipulati fih huma ta' piż bla bżonn u mhumiex proporzjonati għal organizzazzjonijiet li jipprovdu biss taħriġ bl-għan li jinkisbu liċenzji ta' bdot mhux kummerċjali u klassifikazzjonijiet, privileġġi u ċertifikati speċifiċi, meta wieħed iqis il-kostijiet imġarrba, in-natura u l-iskala tal-attivitajiet tagħhom u r-riskji u l-benefiċċji għas-sikurezza tal-avjazzjoni. Għaldaqstant, kif ġie nnutat fil-Pjan Direzzjonali għall-Avjazzjoni Ġenerali (3) tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, jenħtieġ li tiġi żviluppata sistema iktar sempliċi għal dawk l-organizzazzjonijiet.

(3)

Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li dawk l-organizzazzjonijiet ikunu soġġetti għal sett ta' rekwiżiti speċifiċi u ma jkunux soġġetti għal rekwiżit ta' approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti. Minflok, jenħtieġ li jitħallew jiddikjaraw lill-awtorità kompetenti li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti li huma applikabbli għalihom.

(4)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti speċifiċi għal organizzazzjonijiet tat-taħriġ iddikjarati (DTOs) bħal dawn jinkludu proċeduri ssimplifikati ta' sikurezza sabiex jitqiesu kemm l-ambjent ta' inqas riskju li fih joperaw il-bdoti mhux kummerċjali kif ukoll il-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw sorveljanza xierqa. F'ġieħ is-sikurezza, jenħtieġ li jiġu previsti wkoll regoli dwar il-preżentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ lill-awtorità kompetenti flimkien mad-dikjarazzjoni, iż-żamma tar-rekords, il-monitoraġġ tal-konformità permezz ta' analiżi interna annwali u l-ħatra ta' rappreżentanti tad-DTO responsabbli għall-politika dwar is-sikurezza.

(5)

Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li jiġu emendati wkoll ir-regoli dwar is-sorveljanza u l-infurzar fir-rigward tad-DTOs mill-awtoritajiet kompetenti, stipulati fl-Anness VI (il-Parti-ARA) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, sabiex jiġi żgurat li jkunu proporzjonati, flessibbli biżżejjed, ibbażati fuq approċċ abbażi tar-riskju u konsistenti mar-rekwiżiti speċifiċi għad-DTOs.

(6)

Ikun xieraq li jiġu emendati wkoll ċerti dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 dwar l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-bdoti, b'mod partikolari biex tiġi pprovduta kjarifika, jitħassru d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali li ma jkunux għadhom rilevanti iktar u jigi emendat l-Anness I (il-Parti-FCL) ta' dak ir-Regolament sabiex jirreferi kemm għal organizzazzjonijiet tat-taħriġ approvati kif ukoll għal dawk li jkunu ddikjarati.

(7)

Jenħtieġ li jingħata żmien addizzjonali biex jiġu implimentati l-miżuri dwar il-prevenzjoni tat-telfien tal-kontroll u t-taħriġ ta' rkupru.

(8)

Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ppreżentat abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fl-Opinjoni Nru 11/2016.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(14)

‘mezzi aċċettabbli ta' konformità (AMC)’ tfisser standards mhux vinkolanti adottati mill-Aġenzija sabiex juru l-mezzi li bihom tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu;

(15)

‘mezzi alternattivi ta' konformità (AltMOC)’ tfisser dawk il-mezzi ta' konformità li jipproponu alternattiva għal AMC eżistenti jew dawk li jipproponu mezzi ġodda sabiex tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu li għalihom ma ġie adottat l-ebda AMC assoċjat mill-Aġenzija;

(16)

‘organizzazzjoni tat-taħriġ approvata (ATO)’ tfisser organizzazzjoni li tkun intitolata tipprovdi taħriġ għall-bdoti abbażi ta' approvazzjoni maħruġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1);

(17)

‘apparat bażiku għat-taħriġ fl-istrumenti (BITD)’ tfisser apparat tat-taħriġ ibbażat fuq l-art għat-taħriġ ta' bdoti li jirrappreżenta l-post fiżiku ta' bdot student ta' klassi ta' ajruplani, li jista' juża pannelli tal-istrumenti bbażati fuq skrins u kontrolli tat-titjir li jittellgħu b'molla, u li jipprovdi pjattaforma ta' taħriġ għall-inqas għall-aspetti proċedurali tat-titjir bl-istrumenti;

(18)

‘speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni (CS)’ tfisser standards tekniċi adottati mill-Aġenzija li jindikaw il-mezzi li jridu jintużaw minn organizzazzjoni għall-iskop ta' ċertifikazzjoni;

(19)

‘għalliem tat-titjir (FI)’ tfisser għalliem bil-privileġġi li jipprovdi taħriġ f'inġenju tal-ajru, skont is-Subparti J tal-Anness I (il-Parti-FCL);

(20)

‘apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir (FSTD)’ tfisser apparat għat-taħriġ tal-bdoti li jkun:

(a)

fil-każ tal-ajruplani, simulatur ta' titjira sħiħa (FFS), apparat għat-taħriġ fit-titjir (FTD), tagħmir għat-taħriġ fil-proċeduri tat-titjir u tan-navigazzjoni (FNPT) jew apparat bażiku għat-taħriġ fl-istrumenti (BITD);

(b)

fil-każ tal-ħelikopters, simulatur ta' titjira sħiħa (FFS), apparat għat-taħriġ fit-titjir (FTD) jew tagħmir għat-taħriġ fil-proċeduri tat-titjir u tan-navigazzjoni (FNPT);

(21)

‘kwalifika FSTD’ tfisser il-livell ta' kapaċità teknika ta' FSTD; kif speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni marbuta mal-FSTD inkwistjoni;

(22)

‘post prinċipali tan-negozju’ ta' organizzazzjoni tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju rreġistrat tal-organizzazzjoni li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv tal-attivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament;

(23)

‘gwida għat-test tal-kwalifika (QTG)’ tfisser dokument stabbilit biex juri li l-prestazzjoni u l-kwalitajiet tal-immaniġġjar ta' FSTD jirrappreżentaw dawk tal-inġenju tal-ajru, tal-klassi tal-ajruplan jew tat-tip ta' ħelikopter, simulat fil-limiti preskritti u li r-rekwiżiti applikabbli kollha ġew issodisfati. Il-QTG jinkludi kemm id-dejta tal-inġenju tal-ajru, il-klassi ta' ajruplan jew it-tip ta' ħelikopter kif ukoll id-dejta użata biex tissostanzja l-validazzjoni;

(24)

‘organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata (DTO)’ tfisser organizzazzjoni li tkun intitolata tipprovdi taħriġ għall-bdoti abbażi ta' dikjarazzjoni li tkun saret skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1);

(25)

‘programm ta' taħriġ tad-DTO’ tfisser dokument stabbilit minn DTO, li jiddeskrivi fid-dettall il-kors ta' taħriġ ipprovdut minn dik id-DTO.”

(2)

L-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu intitolati jipprovdu taħriġ għall-bdoti involuti fit-tħaddim ta' inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u dan biss meta dawk l-organizzazzjonijiet tkun inħarġitilhom approvazzjoni mill-awtorità kompetenti li tikkonferma li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti tal-Anness VII ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, permezz ta' deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu intitolati jipprovdu t-taħriġ imsemmi fil-punt DTO.GEN.110 tal-Anness VIII ta' dan ir-Regolament mingħajr approvazzjoni bħal din meta jkunu għamlu dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti stipulati fil-punt DTO.GEN.115 ta' dak l-Anness u, meta dan ikun meħtieġ skont il-punt DTO.GEN.230(c) ta' dak l-Anness, l-awtorità kompetenti tkun approvat il-programm ta' taħriġ.”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-organizzazzjonijiet tat-taħriġ konformi mal-JAR għandhom jitħallew jipprovdu taħriġ għal liċenzja ta' bdot privat (PPL) tal-Parti-FCL, għall-klassifikazzjonijiet assoċjati inklużi fir-reġistrazzjoni u għal liċenzja ta' bdot ta' inġenji tal-ajru żgħar (LAPL) sat-8 ta' April 2019 mingħajr ma jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VII u l-Anness VIII, diment li jkunu ġew irreġistrati qabel it-8 ta' April 2015.”;

(3)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2a jinbidel b'dan li ġej:

“2a.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx sat-8 ta' April 2020:

(1)

id-dispożizzjonijiet tal-Anness I relatati mal-liċenzji ta' bdot għall-gliders u għall-blalen tal-ajru;

(2)

id-dispożizzjonijiet tal-Annessi VII u VIII relatati ma' organizzazzjoni ta' taħriġ li tagħti taħriġ biss għal liċenzja nazzjonali li tkun eliġibbli skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, għall-konverżjoni f'liċenzja ta' bdot ta' inġenji tal-ajru żgħar (LAPL) tal-Parti-FCL għall-gliders u għall-blalen tal-ajru, f'liċenzja ta' bdot tal-gliders (SPL) tal-Parti-FCL jew f'liċenzja ta' bdot tal-blalen tal-ajru (BPL) tal-Parti-FCL.

(3)

id-dispożizzjonijiet tas-Subparti B tal-Anness I.”;

(b)

jiżdied paragrafu 8 ġdid kif ġej:

“8.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-punt FCL.315.A, it-tieni sentenza tal-paragrafu (a) tal-punt FCL.410.A u l-paragrafu (c) tal-punt FCL.725.A tal-Anness I (il-Parti-FCL) għandhom jibdew japplikaw mit-8 ta' April 2019.”;

(4)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(5)

L-Anness VI huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament;

(6)

L-Anness VII huwa emendat skont l-Anness III ta' dan ir-Regolament;

(7)

L-Anness VIII jiżdied kif stabbilit fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(3)  http://www.easa.europa.eu/easa-and-you/general-aviation


ANNESS I

L-Anness I mar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (il-Parti-FCL) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt FCL.010, titħassar id-definizzjoni ta' “Apparat Bażiku għat-Taħriġ fl-Istrumenti”.

(2)

il-punt FCL.025 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punti (2) u (3) jinbidlu b'dan li ġej:

“(2)

L-applikanti għandhom jagħmlu l-eżami tal-għarfien teoriku biss meta jkunu rrakkomandati mill-organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata (DTO) u mill-organizzazzjoni tat-taħriġ approvata (ATO) responsabbli għat-taħriġ tagħhom, ladarba jkunu kkompletaw l-elementi xierqa tal-kors ta' taħriġ tat-tagħlim tal-għarfien teoriku b'livell sodisfaċenti.

(3)

Ir-rakkomandazzjoni minn DTO jew minn ATO għandha tkun valida għal 12-il xahar. Jekk l-applikant ma jkunx ipprova jagħmel minn tal-inqas eżami wieħed tal-għarfien teoriku f'dan il-perjodu ta' validità, il-ħtieġa għal taħriġ ulterjuri għandha tiġi stabbilita mid-DTO jew mill-ATO, abbażi tal-ħtiġijiet tal-applikant.”;

(b)

il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel paragrafu, il-punt (3) jinbidel b'dan li ġej:

“(3)

Jekk applikant ma jirnexxilux jgħaddi minn wieħed mill-eżamijiet tal-għarfien teoriku wara erba' tentattivi, jew ma jirnexxilux jgħaddi mill-eżamijiet kollha jew f'sitt tentattivi jew inkella fil-perjodu msemmi fil-punt (2), l-applikant għandu jerġa' jagħmel is-sett kollu ta' eżamijiet.

Qabel ma jerġa' jagħmel l-eżamijiet tal-għarfien teoriku, l-applikant għandu jieħu taħriġ ulterjuri f'DTO jew f'ATO. Il-livell u l-ambitu tat-taħriġ meħtieġ għandhom jiġu stabbiliti mid-DTO jew mill-ATO, abbażi tal-ħtiġijiet tal-applikant.”;

(ii)

it-tieni paragrafu jitħassar;

(3)

il-punt FCL.115 jinbidel b'dan li ġej:

FCL.115   LAPL — Kors ta' taħriġ

(a)

L-applikanti għal LAPL għandhom ilestu kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO.

(b)

Il-kors għandu jinkludi għarfien teoriku u tagħlim fit-titjir li jkunu xierqa għall-privileġġi tal-LAPL li tkun saret applikazzjoni għalih.

(c)

It-tagħlim tal-għarfien teoriku u t-tagħlim fit-titjir jistgħu jitlestew f'DTO jew f'ATO differenti minn dik li fiha l-applikanti jkunu bdew it-taħriġ tagħhom.”;

(4)

fil-punt FCL.110.A, il-punti (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

“(b)

Ir-rekwiżiti speċifiċi għall-applikanti li jkollhom LAPL(S) jew SPL b'estensjoni għal TMG. L-applikanti għal LAPL(A) li jkollhom LAPL(S) jew SPL b'estensjoni għal TMG għandhom ikunu lestew minn tal-inqas 21 siegħa ta' ħin tat-titjir fuq it-TMGs wara l-approvazzjoni tal-estensjoni għal TMG u kkonformaw mar-rekwiżiti tal-punt FCL.135.A(a) dwar l-ajruplani.

(c)

Ikkreditar. L-applikanti b'esperjenza preċedenti bħala PIC jistgħu jiġu kkreditati fir-rigward tar-rekwiżiti tal-punt (a).

L-ammont ta' kreditu għandu jiġi deċiż mid-DTO jew mill-ATO li fiha l-bdot ikun attenda l-kors ta' taħriġ, abbażi ta' test tat-titjir qabel id-dħul, iżda fi kwalunkwe każ:

(1)

ma għandux jaqbeż il-ħin tat-titjir totali bħala PIC;

(2)

ma għandux jaqbeż il-50 % tas-sigħat meħtieġa fil-punt (a);

(3)

ma għandux jinkludi r-rekwiżiti tal-punt (a)(2).”;

(5)

fil-punt FCL.110.H, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Ikkreditar. L-applikanti b'esperjenza preċedenti bħala PIC jistgħu jiġu kkreditati fir-rigward tar-rekwiżiti tal-punt (a).

L-ammont ta' kreditu għandu jiġi deċiż mid-DTO jew mill-ATO li fiha l-bdot ikun attenda l-kors ta' taħriġ, abbażi ta' test tat-titjir qabel id-dħul, iżda fi kwalunkwe każ:

(1)

ma għandux jaqbeż il-ħin tat-titjir totali bħala PIC;

(2)

ma għandux jaqbeż il-50 % tas-sigħat meħtieġa fil-punt (a);

(3)

ma għandux jinkludi r-rekwiżiti tal-punt (a)(2).”;

(6)

fil-punt FCL.110.S, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

Ikkreditar. L-applikanti b'esperjenza preċedenti bħala PIC jistgħu jiġu kkreditati fir-rigward tar-rekwiżiti tal-punt (a).

L-ammont ta' kreditu għandu jiġi deċiż mid-DTO jew mill-ATO li fiha l-bdot ikun attenda l-kors ta' taħriġ, abbażi ta' test tat-titjir qabel id-dħul, iżda fi kwalunkwe każ:

(1)

ma għandux jaqbeż il-ħin tat-titjir totali bħala PIC;

(2)

ma għandux jaqbeż il-50 % tas-sigħat meħtieġa fil-punt (a);

(3)

ma għandux jinkludi r-rekwiżiti tal-punti (2), (3) u (4) tal-punt (a).”;

(7)

fil-punt FCL.135.S, il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“Il-privileġġi ta' LAPL(S) għandhom jiġu estiżi għal TMG meta l-bdot ikun lesta, f'DTO jew f'ATO, minn tal-inqas:”;

(8)

fil-punt FCL.110.B, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Ikkreditar. L-applikanti b'esperjenza preċedenti bħala PIC fuq blalen tal-arja jistgħu jiġu kkreditati fir-rigward tar-rekwiżiti tal-punt (a).

L-ammont ta' kreditu għandu jiġi deċiż mid-DTO jew mill-ATO li fiha l-bdot ikun attenda l-kors ta' taħriġ, abbażi ta' test tat-titjir qabel id-dħul, iżda fi kwalunkwe każ:

(1)

ma għandux jaqbeż il-ħin tat-titjir totali bħala PIC fuq il-blalen tal-arja;

(2)

ma għandux jaqbeż il-50 % tas-sigħat meħtieġa fil-punt (a);

(3)

ma għandux jinkludi r-rekwiżiti tal-punti (2) u (3) tal-punt (a).”;

(9)

fil-punt FCL.135.B, il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“Il-privileġġi tal-LAPL(B) għandhom ikunu limitati għall-klassi tal-blalen tal-arja li fihom ikun sar it-test tal-ħiliet. Din il-limitazzjoni tista' titneħħa meta l-bdot ikun lesta fil-klassi l-oħra, f'DTO jew f'ATO, minn tal-inqas:”

(10)

il-punt FCL.210 jinbidel b'dan li ġej:

FCL.210   Kors ta' taħriġ

(a)

L-applikanti għal BPL, għal SPL jew għal PPL għandhom ilestu kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO.

(b)

Il-kors għandu jinkludi għarfien teoriku u tagħlim fit-titjir li jkunu xierqa għall-privileġġi tal-BPL, tal-SPL jew tal-PPL li għaliha tkun saret l-applikazzjoni.

(c)

It-tagħlim tal-għarfien teoriku u t-tagħlim fit-titjir jistgħu jitlestew f'DTO jew f'ATO differenti minn dik li fiha l-applikanti jkunu bdew it-taħriġ tagħhom.”;

(11)

fil-punt FCL.210.A, il-punti (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

“(b)

Rekwiżiti speċifiċi għal applikanti li jkollhom LAPL(A). L-applikanti għal PPL(A) li jkollhom LAPL(A) għandhom ikunu lestew minn tal-inqas 15-il siegħa ta' ħin tat-titjir fuq l-ajruplani wara l-ħruġ tal-LAPL(A), li minnhom minn tal-inqas 10 sigħat għandhom ikunu tagħlim fit-titjir imwettaq f'kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO. Dak il-kors ta' taħriġ għandu jinkludi minn tal-inqas erba' sigħat ta' ħin tat-titjir bi bdot waħdu taħt superviżjoni, inklużi minn tal-inqas sagħtejn ta' ħin tat-titjir minn pajjiż għall-ieħor bi bdot waħdu b'minn tal-inqas titjira waħda minn pajjiż għall-ieħor ta' mill-inqas 270 km (150 NM), li matulhom għandu jsir inżul b'waqfien totali f'żewġ ajrudromi differenti mill-ajrudrom tat-tluq.

(c)

Ir-rekwiżiti speċifiċi għall-applikanti li jkollhom LAPL(S) jew SPL b'estensjoni għal TMG. L-applikanti għal PPL(A) li jkollhom LAPL(S) jew SPL b'estensjoni għal TMG għandhom ikunu lestew:

(1)

minn tal-inqas 24 siegħa ta' ħin tat-titjir fuq TMG wara l-approvazzjoni tal-estensjoni għal TMG; u

(2)

minn tal-inqas 15-il siegħa ta' tagħlim fit-titjir tal-ajruplani f'kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO, inklużi minn tal-inqas ir-rekwiżiti tal-punt (a)(2).”;

(12)

fil-punt FCL.210.H, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Rekwiżiti speċifiċi għal applikant li jkollu LAPL(H). L-applikanti għal PPL(H) li jkollhom LAPL(H) għandhom ilestu kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO. Dak il-kors ta' taħriġ għandu jinkludi minn tal-inqas ħames sigħat ta' ħin tat-tagħlim fit-titjir b'żewġ bdoti u minn tal-inqas titjira waħda bi bdot waħdu taħt superviżjoni minn pajjiż għall-ieħor ta' mill-inqas 185 km (100 NM), bi nżul b'waqfien totali f'żewġ ajrudromi differenti mill-ajrudrom tat-tluq.”;

(13)

fil-punt FCL.725, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Kors ta' taħriġ. Applikant għal klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip għandu jlesti kors ta' taħriġ f'ATO. Applikant għal klassifikazzjoni tal-klassi għal inġenji tal-ajru tal-pistuni b'magna waħda mhux ta' prestazzjoni għolja, għal klassifikazzjoni tal-klassi ta' TMG jew għal klassifikazzjoni tat-tip għal ħelikopters b'magna waħda msemmija fil-punt DTO.GEN.110(a)(2)(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) jista' jlesti l-kors ta' taħriġ f'DTO. Il-kors ta' taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip għandu jinkludi l-elementi obbligatorji tat-taħriġ għat-tip rilevanti kif iddefinit fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont l-Anness I (il-Parti-21) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012.”;

(14)

fil-punt FCL.740, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Tiġdid. Jekk klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip tkun skadiet, l-applikant għandu jieħu l-passi li ġejjin:

(1)

jgħaddi minn kontroll tal-profiċjenza skont l-Appendiċi 9 ta' dan l-Anness;

(2)

qabel il-kontroll tal-profiċjenza msemmi fil-punt (1), jieħu taħriġ ta' aġġornament f'ATO, meta jkun meħtieġ biex jilħaq il-livell ta' profiċjenza biex iħaddem b'mod sikur il-klassi jew it-tip rilevanti tal-inġenju tal-ajru. Madankollu, l-applikant jista' jieħu t-taħriġ:

(i)

f'DTO jew f'ATO, meta l-klassifikazzjoni li skadiet kienet klassifikazzjoni tal-klassi għal inġenji tal-ajru tal-pistuni b'magna waħda mhux ta' prestazzjoni għolja, għal klassifikazzjoni tal-klassi ta' TMG jew għal klassifikazzjoni tat-tip għal ħelikopters b'magna waħda msemmija fil-punt DTO.GEN.110(a)(2)(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO);

(ii)

f'DTO, f'ATO jew ma' għalliem, meta l-klassifikazzjoni tkun ilha li skadiet għal mhux iktar minn tliet snin u l-klassifikazzjoni kienet klassifikazzjoni tal-klassi għal inġenji tal-ajru tal-pistuni b'magna waħda mhux ta' prestazzjoni għolja jew klassifikazzjoni tal-klassi ta' TMG.”;

(15)

fil-punt FCL.800(b)(2), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(2)

kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO, li jinkludi:”;

(16)

il-punt FCL.805 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (b)(2), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(2)

kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO, li jinkludi:”;

(b)

fil-punt (c)(2), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(2)

kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO, li jinkludi:”;

(17)

il-punt FCL.810 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a)(1), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(1)

Jekk il-privileġġi ta' LAPL, ta' SPL jew ta' PPL għall-ajruplani, għat-TMGs jew għall-airships iridu jiġu eżerċitati f'kundizzjonijiet VFR billejl, l-applikanti għandhom ikunu lestew kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO. Il-kors għandu jinkludi:”;

(b)

fil-punt (b)(2), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(2)

lesta kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO. Il-kors għandu jitlesta f'perjodu ta' sitt xhur u għandu jinkludi:”;

(18)

fil-punt FCL.815, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Kors ta' taħriġ. L-applikanti għal klassifikazzjoni tat-titjir fil-muntanji għandhom ikunu lestew, f'perjodu ta' 24 xahar, kors ta' tagħlim tal-għarfien teoriku u ta' taħriġ fit-titjir f'DTO jew f'ATO. Il-kontenut tal-kors għandu jkun xieraq għall-privileġġi tal-klassifikazzjoni tat-titjir fil-muntanji li għaliha tkun saret applikazzjoni.”;

(19)

fil-punt FCL.830(b)(2), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(2)

kors ta' taħriġ f'DTO jew f'ATO, li jinkludi:”;

(20)

il-punt FCL.930 jinbidel b'dan li ġej:

FCL.930   Kors ta' taħriġ

(a)

Applikant għal ċertifikat ta' għalliem għandu jkun lesta kors ta' għarfien teoriku u ta' tagħlim fit-titjir f'ATO. Applikant għal ċertifikat ta' għalliem għall-gliders jew għall-blalen tal-arja jista' jkun lesta kors ta' għarfien teoriku u ta' tagħlim fit-titjir f'DTO.

(b)

Minbarra l-elementi speċifiċi stabbiliti f'dan l-Anness (il-Parti-FCL) għal kull kategorija ta' għalliem, il-kors ta' taħriġ għandu jinkludi l-elementi meħtieġa fil-punt FCL.920.”;

(21)

fil-punt FCL.910.FI(a), il-frażi introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

“(a)

FI għandu jkollu l-privileġġi tiegħu limitati għat-twettiq ta' tagħlim fit-titjir taħt is-superviżjoni ta' FI għall-istess kategorija ta' inġenju tal-ajru nnominat mid-DTO jew mill-ATO għal dan l-għan, fil-każijiet li ġejjin:”;

(22)

fil-punt FCL.1015, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

L-applikant għal ċertifikat ta' eżaminatur għandu jieħu kors ta' standardizzazzjoni pprovdut mill-awtorità kompetenti jew minn ATO u approvat mill-awtorità kompetenti. Applikant għal ċertifikat ta' eżaminatur għall-gliders jew għall-blalen tal-arja jista' jieħu kors ta' standardizzazzjoni pprovdut minn DTO u approvat mill-awtorità kompetenti.”;

(23)

fil-punt FCL.1025(b), il-punt (2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

attenda, matul l-aħħar sena tal-perjodu ta' validità, kors ta' aġġornament għall-eżaminaturi pprovdut mill-awtorità kompetenti jew minn ATO u approvat mill-awtorità kompetenti. Eżaminatur li jkollu ċertifikat għall-gliders jew għall-blalen tal-arja jista' jkun attenda, matul l-aħħar sena tal-perjodu ta' validità, kors ta' aġġornament għall-eżaminaturi pprovdut minn DTO u approvat mill-awtorità kompetenti.”.

ANNESS II

L-Anness VI mar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (il-Parti-ARA) huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt ARA.GEN.105 jitħassar;

(2)

fil-punt ARA.GEN.200, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni u tal-assistenza kollha meħtieġa ma' awtoritajiet kompetenti oħra kkonċernati, inkluż l-informazzjoni dwar is-sejbiet kollha li jsiru, l-azzjonijiet ta' segwitu li jittieħdu bis-saħħa ta' sejbiet bħal dawk u l-miżuri ta' infurzar li jittieħdu bħala riżultat ta' sorveljanza ta' persuni u ta' organizzazzjonijiet li jeżerċitaw l-attivitajiet fit-territorju ta' Stat Membru, iżda li jkunu ċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, jew li jkunu għamlu xi dikjarazzjoni lilhom.”;

(3)

il-punt ARA.GEN.220 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punt (4) jinbidel b'dan li ġej:

“(4)

proċessi ta' ċertifikazzjoni u ta' dikjarazzjoni kif ukoll sorveljanza ta' organizzazzjonijiet iċċertifikati u ddikjarati;”;

(b)

il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi lista taċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet, taċ-ċertifikati tal-kwalifika FSTD u tal-liċenzji, taċ-ċertifikati u tal-attestazzjonijiet tal-persunal li ħarġet, tad-dikjarazzjonijiet tad-DTO li rċeviet u tal-programmi ta' taħriġ tad-DTO li vverifikat jew approvat għall-konformità mal-Anness I (il-Parti-FCL), u żżommha aġġornata.”;

(4)

fil-punt ARA.GEN.300(a), il-punt (2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli għall-persuni li jkollhom liċenzji, klassifikazzjonijiet u ċertifikati, l-organizzazzjonijiet li tkun iċċertifikat, id-detenturi ta' kwalifika FSTD u l-organizzazzjonijiet li rċeviet dikjarazzjoni mingħandhom;”;

(5)

fil-punt ARA.GEN.305, jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

Minkejja l-punti (b), (c) u (ca), il-programm ta' sorveljanza tad-DTOs għandu jiġi żviluppat filwaqt li jitqiesu n-natura speċifika tal-organizzazzjoni, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha u r-riżultati tal-attivitajiet ta' sorveljanza tal-imgħoddi u għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati mat-tip ta' taħriġ ipprovdut. L-attivitajiet ta' sorveljanza għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet għal għarrieda, u jistgħu jinkludu awditi, skont kif tqis li jkun meħtieġ mill-awtorità kompetenti.”;

(6)

fil-punt ARA.GEN.330, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

Minkejja l-punti (a), (b) u (c), fil-każ ta' tibdil fl-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjonijiet li jaslulha minn DTO jew fil-programm ta' taħriġ li jintuża mid-DTO, innotifikati lilha skont il-punt DTO.GEN.116 tal-Anness VIII (il-Part-DTO), l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont ir-rekwiżiti tal-punti ARA.DTO.105 u ARA.DTO.110, kif applikabbli.”;

(7)

il-punt ARA.GEN.350 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt (da) li ġej:

“(da)

Minkejja l-punti (a) sa (d), fil-każ ta' DTOs, jekk waqt is-sorveljanza jew bi kwalunkwe mezz ieħor, l-awtorità kompetenti ssib evidenza li tindika nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) u tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) ta' dan ir-Regolament minn DTO, l-awtorità kompetenti għandha:

(1)

tagħmel sejba, iżżomm rekord tagħha, tikkomunikaha bil-miktub lir-rappreżentant tad-DTO u tistabbilixxi perjodu raġonevoli ta' żmien li fih id-DTO trid tieħu l-passi speċifikati fil-punt DTO.GEN.150 tal-Anness VIII (il-Parti-DTO);

(2)

tieħu azzjoni immedjata u xierqa biex tillimita jew tipprojbixxi l-attivitajiet tat-taħriġ affettwati min-nuqqas ta' konformità sakemm id-DTO tkun ħadet l-azzjoni korrettiva msemmija fil-punt (1), meta sseħħ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(i)

tkun ġiet identifikata problema ta' sikurezza;

(ii)

id-DTO ma tiħux azzjoni korrettiva skont il-punt DTO.GEN.150;

(3)

fir-rigward tal-programmi ta' taħriġ imsemmija fil-punt DTO.GEN.230(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO), tillimita, tissospendi jew tirrevoka l-approvazzjoni tal-programm ta' taħriġ;

(4)

tieħu kwalunkwe miżura ta' infurzar ulterjuri li tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li jintemm in-nuqqas ta' konformità u, meta jkun rilevanti, ikun hemm rimedju għall-konsegwenzi ta' dak in-nuqqas.”;

(b)

il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

“(e)

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta' infurzar addizzjonali, meta l-awtorità ta' Stat Membru li taġixxi skont il-punt ARA.GEN.300(d) tidentifika kwalunkwe nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) u tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) ta' dan ir-Regolament minn organizzazzjoni ċċertifikata mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, jew li tkun għamlitilhom dikjarazzjoni, din għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti b'dak in-nuqqas ta' konformità.”;

(8)

is-Subparti DTO li ġejja tiżdied wara s-Subparti MED:

“SUBPARTI DTO

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTA MAL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TAĦRIĠ IDDIKJARATI (DTOs)

ARA.DTO.100   Dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti

(a)

Malli tirċievi dikjarazzjoni mingħand DTO, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li d-dikjarazzjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha speċifikata fil-punt DTO.GEN.115 tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) u tikkonferma li rċeviet id-dikjarazzjoni, inkluż l-assenjazzjoni ta' numru ta' referenza individwali tad-DTO lir-rappreżentant tad-DTO.

(b)

Jekk id-dikjarazzjoni ma jkunx fiha l-informazzjoni meħtieġa, jew ikun fiha informazzjoni li tindika nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) u tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont il-punt ARA.GEN.350(da).

ARA.DTO.105   Tibdil fid-dikjarazzjonijiet

Malli tirċievi notifika dwar tibdil fl-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ta' DTO, l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont il-punt ARA.DTO.100.

ARA.DTO.110   Verifika tal-konformità tal-programm ta' taħriġ

(a)

Meta tirċievi l-programm ta' taħriġ ta' DTO, u kwalunkwe tibdil fih, u li jiġu nnotifikati lilha skont il-punt DTO.GEN.115(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) jew l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-programm ta' taħriġ ta' DTO ppreżentat lilha skont il-punt DTO.GEN.230(c) ta' dak l-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità ta' dawk il-programmi ta' taħriġ mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti FCL).

(b)

Meta tkun issodisfata li l-programm ta' taħriġ ta' DTO, u kwalunkwe tibdil sussegwenti fih, huma konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, l-awtorità kompetenti għandha tinforma bil-miktub lir-rappreżentant tad-DTO b'dan jew, fil-każ imsemmi fil-punt DTO.GEN.230(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO), tapprova l-programm ta' taħriġ. Għal approvazzjoni bħal din għandha tuża l-formola li tinsab fl-Appendiċi VIII ta' dan l-Anness (il-Parti-ARA).

(c)

F'każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità, l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont il-punt ARA.GEN.350(da) jew, fil-każ imsemmi fil-punt DTO.GEN.230(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO), tirrifjuta l-applikazzjoni għal approvazzjoni tal-programm ta' taħriġ.”

(9)

jiżdied l-Appendiċi VIII li ġej:

Appendiċi VIII tal-Anness VI (il-Parti-ARA)

Approvazzjoni tal-programm ta' taħriġ

għal organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata (DTO)

L-Unjoni Ewropea (*1)

L-awtorità kompetenti

L-awtorità tal-ħruġ:

Isem id-DTO:

In-numru ta' referenza tad-DTO:

 

Programm(i) ta' taħriġ approvat(i):

 

Standardizzazzjoni għall-eżaminaturi — FE(S), FIE(S), FE(B), FIE(B) (*2)

 

Seminar ta' aġġornament għall-eżaminaturi — FE(S), FIE(S), FE(B), FIE(B) (*2)

Ir-referenza tad-dokument:

Rimarki:

Il-programm(i) ta' taħriġ imsemmi(ja) hawn fuq ġie vverifikat/ġew ivverifikati mill-awtorità kompetenti msemmija hawn fuq u nstab(u) konformi mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011.

Id-data tal-ħruġ:

Iffirmat: [l-awtorità kompetenti]

Il-Ħarġa Nru 1 tal-Formola XXX tal-EASA — Paġna 1/1

”.

(*1)  Il-kliem “Unjoni Ewropea” irid jitħassar għall-pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE.

(*2)  Irid jiġi aġġustat kif ikun applikabbli.


ANNESS III

Fl-Anness VII mar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (il-Parti-ORA), il-frażi introduttiva fil-punt ORA.ATO.120 tinbidel b'dan li ġej:

“Ir-rekords li ġejjin għandhom jinżammu matul il-kors u għal perjodu ta' tliet snin wara li jitlesta t-taħriġ:”.


ANNESS IV

ANNESS VIII

REKWIŻITI GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TAĦRIĠ IDDIKJARATI (DTOs)

[PARTI-DTO]

DTO.GEN.100   Ġenerali

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), dan l-Anness (il-Part-DTO) jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-bdoti li jipprovdu t-taħriġ imsemmi fil-punt DTO.GEN.110 abbażi ta' dikjarazzjoni li tkun saret skont il-punt DTO.GEN.115.

DTO.GEN.105   Awtorità kompetenti

Għall-għan ta' dan l-Anness (il-Part-DTO), l-awtorità kompetenti fir-rigward ta' DTO għandha tkun l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-DTO jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha.

DTO.GEN.110   Ambitu tat-taħriġ

(a)

DTO għandha tkun intitolata tipprovdi t-taħriġ li ġej, diment li d-DTO tkun ippreżentat dikjarazzjoni skont il-punt DTO.GEN.115:

(1)

għall-ajruplani:

(a)

tagħlim tal-għarfien teoriku għal LAPL(A) u għal PPL(A);

(b)

tagħlim fit-titjir għal LAPL(A) u għal PPL(A);

(c)

taħriġ għal klassifikazzjoni tal-klassi ta' SEP(tal-art), ta' SEP(tal-baħar) u ta' TMG;

(d)

taħriġ għal klassifikazzjonijiet addizzjonali: titjir ta' billejl, titjir ajrubatiku, titjir fil-muntanji, titjir ta' gliders u titjir bl-irmonk ta' strixxuni;

(2)

għall-ħelikopters:

(a)

tagħlim tal-għarfien teoriku għal LAPL(H) u għal PPL(H);

(b)

tagħlim fit-titjir għal LAPL(H) u għal PPL(H);

(c)

klassifikazzjoni tat-tip għal ħelikopters b'magna waħda b'konfigurazzjoni massima ċċertifikata tas-sits li ma taqbiżx il-ħames sits;

(d)

taħriġ għal klassifikazzjoni tat-titjir ta' billejl;

(3)

għall-gliders:

(a)

tagħlim tal-għarfien teoriku għal LAPL(S) u għal SPL;

(b)

tagħlim fit-titjir għal LAPL(S) u għal SPL;

(c)

taħriġ għal estensjoni tal-privileġġi għal TMG skont il-punt FCL.135.S;

(d)

taħriġ għal metodi ta' llanċjar addizzjonali skont il-punt FCL.130.S;

(e)

taħriġ għal klassifikazzjonijiet addizzjonali: klassifikazzjoni għal titjir ajrubatiku, għal titjir ta' gliders bl-irmonk u għal titjir ta' gliders fis-sħab;

(f)

taħriġ għal klassifikazzjoni FI(S) tat-tagħlim fit-titjir;

(g)

seminar ta' aġġornament dwar l-FI(S).

(4)

għall-blalen tal-arja:

(a)

tagħlim tal-għarfien teoriku għal LAPL(B) u għal BPL;

(b)

tagħlim fit-titjir għal LAPL(B) u għal BPL;

(c)

taħriġ għal estensjoni tal-klassi skont il-punt FCL.135.B;

(d)

taħriġ għal estensjoni tal-klassi jew tal-grupp skont il-punt FCL.225.B;

(e)

taħriġ għal estensjoni għat-titjir marbut mal-art skont il-punt FCL.130.B;

(f)

taħriġ għal klassifikazzjoni tat-titjir ta' billejl;

(g)

taħriġ għal klassifikazzjoni FI(B) tat-tagħlim fit-titjir;

(h)

seminar ta' aġġornament dwar l-FI(B).

(b)

DTO għandha tkun intitolata tipprovdi wkoll il-korsijiet għall-eżaminaturi msemmija fil-punti FCL.1015(a) u FCL.1025(b)(2) tal-Anness I (il-Parti-FCL) għal FE(S), għal FIE(S), għal FE(B) u għal FIE(B), diment li d-DTO tkun ippreżentat dikjarazzjoni skont il-punt DTO.GEN.115 u l-awtorità kompetenti tkun approvat il-programm ta' taħriġ skont il-punt DTO.GEN.230(c).

DTO.GEN.115   Dikjarazzjoni

(a)

Qabel ma tipprovdi kwalunkwe taħriġ speċifikat fil-punt DTO.GEN.110, organizzazzjoni li tkun beħsiebha tipprovdi taħriġ bħal dan għandha tippreżenta dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti. Id-dikjarazzjoni għandu jkollha minn tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

isem id-DTO;

(2)

id-dettalji ta' kuntatt tal-post prinċipali tan-negozju tad-DTO u, meta jkun applikabbli, id-dettalji ta' kuntatt tal-ajrudromi u tas-siti operattivi tad-DTO;

(3)

l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuni li ġejjin:

(i)

ir-rappreżentant tad-DTO;

(ii)

il-kap tat-taħriġ tad-DTO; u

(iii)

l-viċi kapijiet kollha tat-taħriġ, jekk dan ikun meħtieġ skont il-punt DTO.GEN.250(b)(1);

(4)

it-tip ta' taħriġ, kif speċifikat fil-punt DTO.GEN.110, li jiġi pprovdut f'kull ajrudrom u/jew f'kull sit operattiv;

(5)

lista tal-inġenji tal-ajru u tal-FSTDs kollha li jridu jintużaw għat-taħriġ, jekk ikun applikabbli;

(6)

id-data prevista għall-bidu tat-taħriġ;

(7)

stqarrija li tikkonferma li d-DTO żviluppat politika ta' sikurezza u se tapplika dik il-politika matul l-attivitajiet kollha tat-taħriġ koperti bid-dikjarazzjoni, skont il-punt DTO.GEN.210(a)(1)(ii);

(8)

stqarrija li tikkonferma li d-DTO tikkonforma u, matul l-attivitajiet kollha tat-taħriġ koperti bid-dikjarazzjoni, se tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) u tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) ta' dan ir-Regolament.

(b)

Id-dikjarazzjoni, u kwalunkwe tibdil sussegwenti fiha, għandhom isiru billi tintuża l-formola li tinsab fl-Appendiċi 1.

(c)

Flimkien mad-dikjarazzjoni, DTO għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti l-programm jew il-programmi ta' taħriġ, li tuża jew li beħsiebha tuża biex tipprovdi t-taħriġ, kif ukoll l-applikazzjoni tagħha għal approvazzjoni tal-programm jew tal-programmi ta' taħriġ meta approvazzjoni bħal din tkun meħtieġa skont il-punt DTO.GEN.230(c).

(d)

B'deroga mill-punt (c), organizzazzjoni li jkollha approvazzjoni maħruġa skont is-Subparti ATO tal-Anness VII (il-Parti-ORA) tista', flimkien mad-dikjarazzjoni, tippreżenta biss ir-referenza għall-manwal jew għall-manwali tat-taħriġ li diġà jkun(u) approvat(i).

DTO.GEN.116   Notifika ta' tibdil u ta' waqfien tal-attivitajiet tat-taħriġ

DTO għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn b'dan li ġej:

(a)

kwalunkwe tibdil fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni speċifikata fil-punt DTO.GEN.115(a) u fir-rigward tal-programm jew tal-programmi ta' taħriġ jew tal-manwal jew tal-manwali tat-taħriġ approvat(i) fil-punti DTO.GEN.115(c) u (d) rispettivament;

(b)

il-waqfien ta' xi attivitajiet tat-taħriġ jew tal-attivitajiet kollha tat-taħriġ koperti bid-dikjarazzjoni.

DTO.GEN.135   Terminazzjoni tal-intitolament tal-provvista ta' taħriġ

DTO ma għandhiex tibqa' tkun intitolata tipprovdi xi taħriġ jew it-taħriġ kollu speċifikat fid-dikjarazzjoni tagħha abbażi ta' dik id-dikjarazzjoni, meta jseħħ wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

id-DTO tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti bil-waqfien ta' xi attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tat-taħriġ koperti bid-dikjarazzjoni skont il-punt DTO.GEN.116(b);

(b)

id-DTO ma tkunx ipprovdiet it-taħriġ għal iktar minn 36 xahar wara xulxin.

DTO.GEN.140   Aċċess

Bl-għan li jiġi stabbilit jekk DTO hijiex qed taġixxi f'konformità mad-dikjarazzjoni tagħha, id-DTO għandha tagħti aċċess fi kwalunkwe ħin lil kwalunkwe faċilità, inġenju tal-ajru, dokument, rekord, dejta, proċedura jew lil kwalunkwe materjal ieħor li jkun rilevanti għall-attivitajiet tat-taħriġ tagħha koperti bid-dikjarazzjoni, lil kwalunkwe persuna awtorizzata mill-awtorità kompetenti.

DTO.GEN.150   Sejbiet

Wara li l-awtorità kompetenti tkun ikkomunikat sejba lil DTO skont il-punt ARA.GEN.350(da)(1), id-DTO għandha tieħu l-passi li ġejjin fil-perjodu ta' żmien stabbilit mill-awtorità kompetenti:

(a)

tidentifika l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta' konformità;

(b)

tieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa biex jintemm in-nuqqas ta' konformità u, meta jkun rilevanti, ikun hemm rimedju għall-konsegwenzi tiegħu;

(c)

tinforma lill-awtorità kompetenti dwar l-azzjoni korrettiva li tkun ħadet.

DTO.GEN.155   Reazzjoni għal problema ta' sikurezza

Bħala reazzjoni għal problema ta' sikurezza, DTO għandha timplimenta:

(a)

il-miżuri ta' sikurezza li l-awtorità kompetenti awtorizzat skont il-punt ARA.GEN.135(c);

(b)

l-informazzjoni obbligatorja rilevanti dwar is-sikurezza maħruġa mill-Aġenzija, inklużi d-direttivi dwar l-ajrunavigabbiltà.

DTO.GEN.210   Rekwiżiti tal-persunal

(a)

DTO għandha taħtar:

(1)

rappreżentant, li għandu jkun responsabbli u awtorizzat debitament biex minn tal-inqas jagħmel dan li ġej:

(i)

jiżgura l-konformità tad-DTO u tal-attivitajiet tagħha mar-rekwiżiti applikabbli u mad-dikjarazzjoni tagħha;

(ii)

jiżviluppa u jistabbilixxi politika ta' sikurezza li tiżgura li l-attivitajiet tad-DTO jitwettqu b'mod sikur, jiżgura li d-DTO jaderixxi ma' dik il-politika ta' sikurezza u jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta' dik il-politika ta' sikurezza;

(iii)

jippromwovi s-sikurezza fid-DTO;

(iv)

jiżgura d-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi fid-DTO sabiex l-attivitajiet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) ikunu jistgħu jitwettqu b'mod effettiv.

(2)

kap tat-taħriġ, li għandu jkun responsabbli u kkwalifikat biex jiżgura minn tal-inqas dan li ġej:

(i)

li t-taħriġ ipprovdut jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) u mal-programm ta' taħriġ tad-DTO;

(ii)

l-integrazzjoni sodisfaċenti tat-taħriġ fit-titjir f'inġenju tal-ajru jew b'apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir (FSTD) u tat-tagħlim tal-għarfien teoriku;

(iii)

is-superviżjoni tal-progress tal-istudenti;

(iv)

fil-każ li hemm referenza għalih fil-punt DTO.GEN.250(b), is-superviżjoni tal-viċi kap jew tal-viċi kapijiet tat-taħriġ.

(b)

DTO tista' taħtar persuna waħda bħala r-rappreżentant tagħha u l-kap tat-taħriġ tagħha.

(c)

DTO ma għandhiex taħtar persuna bħala rappreżentant tagħha jew bħala l-kap tat-taħriġ tagħha jekk hemm indikazzjonijiet oġġettivi li din ma tistax tiġi fdata biex twettaq il-kompiti elenkati fil-punt (a) b'mod li jissalvagwardja u jmexxi 'l quddiem is-sikurezza tal-avjazzjoni. Il-fatt li persuna tkun ġiet soġġetta għal miżura ta' infurzar meħuda skont il-punt ARA.GEN.355 fl-aħħar tliet snin għandu jitqies li jikkostitwixxi indikazzjoni oġġettiva, sakemm dik il-persuna ma tkunx tista' turi li s-sejba li wasslet għal dik il-miżura, minħabba n-natura, l-iskala jew l-impatt tagħha fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni, ma tagħtix lok li tindika li ma tistax tiġi fdata biex twettaq dawk il-kompiti b'dak il-mod.

(d)

DTO għandha tiżgura li l-għalliema tal-għarfien teoriku tagħha jkollhom waħda mill-kwalifiki li ġejjin:

(1)

sfond prattiku fl-avjazzjoni, fl-oqsma rilevanti għat-taħriġ ipprovut, u jkunu attendew kors ta' taħriġ għat-tekniki tat-tagħlim;

(2)

esperjenza preċedenti fl-għoti ta' tagħlim tal-għarfien teoriku u sfond teoriku xieraq fis-suġġett li fih ikunu se jipprovdu tagħlim tal-għarfien teoriku.

(e)

L-għalliema tat-titjir u l-għalliema tat-taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir għandu jkollhom il-kwalifiki meħtieġa skont l-Anness I (il-Parti-FCL) għat-tip ta' taħriġ li jkunu qed jipprovdu.

DTO.GEN.215   Rekwiżiti tal-faċilitajiet

DTO għandha jkollha faċilitajiet fis-seħħ li jippermettu t-twettiq u l-ġestjoni tal-attivitajiet kollha tagħha skont ir-rekwiżiti essenzjali tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u skont ir-rekwiżiti ta' dan l-Anness (il-Parti-DTO).

DTO.GEN.220   Żamma tar-rekords

(a)

DTO għandha żżomm ir-rekords li ġejjin għal kull student individwali matul il-kors tat-taħriġ u għal tliet snin wara li titlesta l-aħħar sessjoni tat-taħriġ:

(1)

id-dettalji dwar it-taħriġ fit-titjir fuq l-art, fl-ajru, u ssimulat;

(2)

informazzjoni dwar il-progress individwali;

(3)

informazzjoni dwar il-liċenzji u l-klassifikazzjonijiet assoċjati rilevanti għat-taħriġ ipprovdut, inklużi d-dati ta' skadenza tal-klassifikazzjonijiet u taċ-ċertifikati mediċi.

(b)

DTO għandha żżomm ir-rapport dwar l-analiżi interna annwali u r-rapport annwali tal-attività msemmija fil-punti DTO.GEN.270(a) u (b) rispettivament għal tliet snin mid-data li fiha d-DTO stabbiliet dawk ir-rapporti.

(c)

DTO għandha żżomm il-programm ta' taħriġ tagħha għal tliet snin mid-data li fiha pprovdiet l-aħħar kors tat-taħriġ skont dak il-programm.

(d)

DTO għandha, f'konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, taħżen ir-rekords imsemmija fil-punt (a), b'mod li jiżgura l-protezzjoni b'għodod u bi protokolli xierqa, u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirrestrinġi l-aċċess għal dawk ir-rekords lil persuni li jkunu awtorizzati debitament biex ikollhom aċċess għalihom.

DTO.GEN.230   Programm ta' taħriġ ta' DTO

(a)

DTO għandha tistabbilixxi programm ta' taħriġ għal kull taħriġ speċifikat fil-punt DTO.GEN.110 li tipprovdi d-DTO.

(b)

Il-programmi ta' taħriġ għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL).

(c)

DTO għandha tkun intitolata tipprovdi t-taħriġ imsemmi fil-punt DTO.GEN.110(b) biss meta l-programm ta' taħriġ tagħha għal dak it-taħriġ, u kwalunkwe tibdil fih, ikunu nħarġu mill-awtorità kompetenti, wara applikazzjoni mid-DTO, b'approvazzjoni li tikkonferma li l-programm ta' taħriġ u kwalunkwe tibdil jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL), skont il-punt ARA.DTO.110. DTO għandha tapplika għal approvazzjoni bħal din permezz tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tagħha skont il-punt DTO.GEN.115.

(d)

Il-punt (c) ma għandux japplika għal organizzazzjoni li jkollha wkoll approvazzjoni maħruġa f'konformità mas-Subparti ATO tal-Anness VII (il-Parti-ORA) li tinkludi privileġġi għal dak it-taħriġ.

DTO.GEN.240   Inġenji tal-ajru għat-taħriġ u FSTDs

(a)

DTO għandha tuża flotta adegwata ta' inġenji tal-ajru għat-taħriġ jew ta' FSTDs li tkun xierqa għat-taħriġ li tkun qed tipprovdi.

(b)

DTO għandha tistabbilixxi lista tal-inġenji kollha tal-ajru, u żżommha aġġornata, inkluż tal-marki tar-reġistrazzjoni tagħhom, li jintużaw għat-taħriġ li tkun qed tipprovdi.

DTO.GEN.250   Ajrudromi u siti operattivi

(a)

Meta tipprovdi taħriġ fit-titjir fuq inġenju tal-ajru, DTO għandha tuża biss ajrudromi jew siti operattivi li jkollhom il-faċilitajiet u l-karatteristiki xierqa li jippermettu t-taħriġ tal-manuvri rilevanti, filwaqt li tikkunsidra t-taħriġ ipprovdut u l-kategorija u t-tip ta' inġenji tal-ajru li jintużaw.

(b)

Meta DTO tuża iktar minn ajrudrom wieħed biex tipprovdi kwalunkwe taħriġ speċifikat fil-punti DTO.GEN.110(a)(1) u (2), din għandha:

(1)

għal kull ajrudrom addizzjonali, taħtar viċi kap tat-taħriġ, li għandu jkun responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti DTO.GEN.210(a)(2)(i) sa (iii) f'dak l-ajrudrom; u

(2)

tiżgura d-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi biex topera b'mod sikur fl-ajrudromi kollha, f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan l-Anness (il-Parti-DTO).

DTO.GEN.260   Tagħlim tal-għarfien teoriku

(a)

Meta tipprovdi tagħlim tal-għarfien teoriku, DTO tista' tuża tagħlim fil-post jew tagħlim mill-bogħod.

(b)

DTO għandha twettaq monitoraġġ u żżomm rekord tal-progress ta' kull student li jattendi għal tagħlim tal-għarfien teoriku.

DTO.GEN.270   Analiżi interna annwali u rapport annwali tal-attività

DTO għandha tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

twettaq analiżi interna annwali dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet speċifikati fil-punt DTO.GEN.210 u tistabbilixxi rapport dwar dik l-analiżi;

(b)

tistabbilixxi rapport annwali tal-attività;

(c)

tippreżenta r-rapport dwar l-analiżi interna annwali u r-rapport annwali tal-attività lill-awtorità kompetenti sad-data stabbilita mill-awtorità kompetenti.

L-Appendiċi 1 tal-Anness VIII (il-Part-DTO)

DIKJARAZZJONI

skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011

☐ Id-dikjarazzjoni inizjali

☐ In-notifika ta' tibdil (1) — in-numru ta' referenza tad-DTO:

1.

L-organizzazzjoni tat-taħriġ iddikjarata (DTO)

Isem:

2.

Il-post(ijiet) tan-negozju

Id-dettalji ta' kuntatt (l-indirizz, it-telefown, l-email) tal-post prinċipali tan-negozju tad-DTO:

3.

Il-persunal

L-isem u d-dettalji ta' kuntatt (l-indirizz, it-telefown, l-email) tar-rappreżentant tad-DTO:

L-isem u d-dettalji ta' kuntatt (l-indirizz, it-telefown, l-email) tal-kap tat-taħriġ tad-DTO u, jekk ikun applikabbli, tal-viċi kap(ijiet) tat-taħriġ:

4.

L-ambitu tat-taħriġ

Lista tat-taħriġ kollu pprovdut:

Lista tal-programmi kollha ta' taħriġ li ntużaw biex jiġi pprovdut it-taħriġ (id-dokumenti jridu jiġu mehmuża ma' din id-dikjarazzjoni) jew, fil-każ imsemmi fil-punt DTO.GEN.230(d) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, ir-referenza għall-manwali kollha tat-taħriġ li ġew approvati u li ntużaw biex jiġi pprovdut it-taħriġ:

5.

L-inġenji tal-ajru għat-taħriġ u l-FSTDs

Lista tal-inġenji tal-ajru li ntużaw għat-taħriġ:

Lista ta' FSTDs ikkwalifikati li ntużaw għat-taħriġ (jekk ikun applikabbli, inkluż il-kodiċi bl-ittri kif indikat fuq iċ-ċertifikat tal-kwalifika):

6.

L-ajrudrom(i) u s-sit(i) operattiv(i)

Id-dettalji ta' kuntatt (l-indirizz, it-telefown, l-email) tal-ajrudromi u tas-siti operattivi kollha li ntużaw mid-DTO biex jiġi pprovdut it-taħriġ:

7.

Id-data prevista għall-bidu tat-taħriġ:

8.

L-applikazzjoni għal approvazzjoni ta' korsijiet ta' standardizzazzjoni għall-eżaminaturi u ta' seminars ta' aġġornament (jekk ikun applikabbli)

☐ B'din l-applikazzjoni d-DTO tapplika għal approvazzjoni tal-programm(i) ta' taħriġ imsemmi(ja) hawn fuq għal korsijiet għall-eżaminaturi għal gliders jew għal blalen tal-arja skont il-punti DTO.GEN.110(b) u DTO.GEN.230(c) tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

9.

L-istqarrijiet

Id-DTO żviluppat politika ta' sikurezza skont l-Anness VIII (il-Parti-DTO) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, u b'mod partikolari skont il-punt DTO.GEN.210(a)(1)(ii) tiegħu, u se tapplika dik il-politika waqt l-attivitajiet kollha tat-taħriġ koperti bid-dikjarazzjoni.

Id-DTO tikkonforma u, matul l-attivitajiet kollha tat-taħriġ koperti bid-dikjarazzjoni, se tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti-FCL) u tal-Anness VIII (il-Parti-DTO) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011.

Nikkonfermaw li l-informazzjoni kollha li tinsab f'din id-dikjarazzjoni, inklużi l-annessi tagħha (jekk huwa applikabbli), hija kompluta u korretta.

L-isem, id-data u l-firma tar-rappreżentant tad-DTO

L-isem, id-data u l-firma tal-kap tat-taħriġ tad-DTO


(1)  Fil-każ ta' tibdil, jeħtieġ li jimtlew biss il-punt 1 u dawk l-oqsma li fihom it-tibdil.