9.8.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1105
tat-8 ta' Awwissu 2018
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri u l-formoli għall-għoti ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrekjedi lill-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha. Sabiex jiżguraw komunikazzjoni effiċjenti u effettiva, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jenħtieġu li jużaw mezzi ta' komunikazzjoni definiti, fosthom il-persuni ta' kuntatt nominati u formoli standardizzati fit-talba tagħhom għal informazzjoni, u għandhom jikkonfermaw ir-riċevuta ta' talbiet għal informazzjoni u jwieġbu talbiet għal informazzjoni. |
(2) |
L-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tinkludi l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-ESMA tkun tista' tistabbilixxi u żżomm ir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 36(1) ta' dak ir-Regolament, b'mod partikolari l-informazzjoni elenkata fil-punti (a), (c) u (d) ta' dak l-Artikolu u kull tibdil sussegwenti li jsir fuq dik l-informazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jkunu obbligati li jiftiehmu dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirregolaw l-għoti ta' dik l-informazzjoni lis-sit web tal-ESMA sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni tiġi trażmessa b'mod preċiż sikur. |
(3) |
L-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu lill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tista' tinkludi data personali u informazzjoni sensittiva oħra li ma tinsabx fid-dominju pubbliku. Għaldaqstant huwa importanti li l-għoti ta' informazzjoni jkun irregolat minn salvagwardji xierqa u regoli ta' kunfidenzjalità. |
(4) |
L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jridu jingħataw biżżejjed żmien biex idaħħlu fis-seħħ il-proċeduri għall-għoti ta' informazzjoni stipulati f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika xahrejn wara li jkun daħal fis-seħħ. |
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
(6) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi ta' implementazzjoni abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati għaliex ikkonkludiet li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-impatt tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni, meta wieħed iqis li dawn jikkonċernaw biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux lill-parteċipanti fis-suq. |
(7) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Notifika lill-ESMA għar-reġistru tal-ESMA
1. Sabiex l-ESMA tkun tista' tistabbilixxi u żżomm ir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bl-informazzjoni elenkata fil-punti (a), (c) u (d) ta' dak l-Artikolu, u bi kwalunkwe tibdil li jsir f'dik l-informazzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta tittieħed id-deċiżjoni rilevanti.
2. Id-deċiżjoni rilevanti hija kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin li tittieħed mill-awtorità kompetenti li minnha jinbet l-obbligu skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 li l-ESMA tiġi nnotifikata dwar dik l-informazzjoni jew bidla partikolari:
(a) |
deċiżjoni li tawtorizza jew tirreġistra amministratur skont l-Artikolu 34(6)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) 2016/1011; |
(b) |
deċiżjoni li tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur skont l-Artikolu 35(1) ta' dak ir-Regolament; |
(c) |
deċiżjoni li tirrikonoxxi amministratur li jkun jinsab f'pajjiż terz skont l-Artikolu 32(5) ta' dak ir-Regolament; |
(d) |
deċiżjoni li tirtira jew tissospendi tali rikonoxximent skont l-Artikolu 32(8) ta' dak ir-Regolament; |
(e) |
deċiżjoni li tawtorizza l-approvazzjoni ta' parametru referenzjarju jew ta' familja ta' parametri referenzjarji bis-saħħa tal-Artikolu 33(3) ta' dak ir-Regolament; |
(f) |
deċiżjoni li tobbliga l-waqfien tal-approvazzjoni ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji bis-saħħa tal-Artikolu 33(6) ta' dak ir-Regolament. |
Kwalunkwe informazzjoni jew bidla għal dik l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat lill-ESMA permezz tal-mezz ta' komunikazzjoni tal-ESMA li jiżgura li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul it-trażmissjoni.
3. L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandhom jiftiehmu dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni li tirregola s-sottomissjoni tal-informazzjoni lis-sit web tal-ESMA permezz tal-mezz ta' komunikazzjoni tal-ESMA.
Artikolu 2
Notifiki lill-ESMA dwar il-parametri referenzjarji min-naħa ta' amministraturi rikonoxxuti
Kwalunkwe notifika li ssir lill-ESMA skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha ssir b'mezz elettroniku li jkun jista' jiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data matul il-proċess tat-trażmissjoni.
Artikolu 3
Talbiet għal informazzjoni
1. Kwalunkwe talba għal informazzjoni min-naħa tal-ESMA li jkollha tingħata minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, għajr informazzjoni koperta mill-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament, għandha ssir billi tintuża l-formola li tinsab fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
2. L-awtorità kompetenti li tintalab l-informazzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (“l-awtorità li ssirilha t-talba”) għandha tikkonferma r-riċevuta tat-talba fi żmien sebat ijiem minn meta ssir it-talba permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Tweġiba għal talba għal informazzjoni
1. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħti l-informazzjoni mitluba lill-ESMA billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness III ta' dan ir-Regolament. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha fis-setgħa tagħha biex tikseb u tagħti l-informazzjoni mitluba. Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tipprovdi l-informazzjoni sad-data mistennija għat-tweġiba stipulata fil-konferma tar-riċevuta tat-talba għal informazzjoni, hija għandha tinnotifika lill-ESMA mingħajr dewmien u tipprovdi data mistennija oħra għat-tweġiba flimkien mar-raġunijiet għaliex tkun qed tintalab estensjoni.
2. Kulfejn meħtieġ l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkonsulta mal-ESMA dwar kwalunkwe kjarifika dwar it-tip ta' informazzjoni mitluba u dwar il-frekwenza ta' kwalunkwe aġġornament li jkun meħtieġ.
Artikolu 5
Mezzi ta' trażmissjoni
It-talbiet kollha għal informazzjoni, il-konfermi tar-riċevuta u t-tweġibiet għal informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu konformi mar-regoli li ġejjin:
(a) |
għandhom isiru bil-miktub; |
(b) |
għandhom jintbagħtu bil-posta jew bil-faks, jew b'mezzi elettroniċi li jkunu jistgħu jiżguraw il-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni matul il-proċess tat-trażmissjoni; |
(c) |
għandhom ikunu indirizzati:
|
Artikolu 6
Kunfidenzjalità
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu l-kunfidenzjalità dwar il-fatt li tkun intbagħtet talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, dwar il-kontenut ta' dik it-talba u dwar kwalunkwe kwistjoni li tinqala' matul it-twettiq tat-talba, b'mod partikolari dwar kwalunkwe konsultazzjoni bejn l-ESMA u l-awtorità kompetenti fir-rigward tat-talba.
2. Madanakollu l-awtorità kompetenti tista' tiżvela tali fatti jew kwistjonijiet jekk l-ESMA tippermetti dan l-iżvelar jew li-iżvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali.
Artikolu 7
Persuni ta' kuntatt
Kull awtorità kompetenti għandha taħtar persuna ta' kuntatt għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u tikkomunika l-isem u d-dettalji ta' kuntatt ta' dik il-persuna ta' kuntatt lill-ESMA fi żmien 30 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Kull bidla sussegwenti fir-rigward tal-ħatra jew dwar id-dettalji ta' kuntatt ta' persuna ta' kuntatt għandhom jiġu kkomunikati lill-ESMA mingħajr dewmien.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-29 ta' Ottubru 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
ANNESS I
Formola għal talba għal informazzjoni
TALBA GĦAL INFORMAZZJONI
Numru ta' referenza: … Data: … Informazzjoni ġenerali MINGĦAND: Stat Membru (jekk applikabbli): Awtorità rikjedenti: Indirizz legali: (Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105) Isem: Telefon: Posta elettronika: LIL: Stat Membru (jekk applikabbli): Awtorità li ssirilha t-talba: Indirizz legali: (Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105) Isem: Telefon: Posta elettronika: Sinjur/Sinjura [Ikteb l-isem] F'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1105 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni [biex jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta' informazzjoni] qed tintalab informazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni(jiet) indikati f'aktar dettall hawn taħt. Inkun grat jekk tibgħatli l-informazzjoni mitluba hawn fuq sa [Ikteb id-data indikattiva ta' meta ser tintbagħat it-tweġiba] jew, jekk dan mhuwiex possibbli, indikazzjoni dwar meta taħseb li ser tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Raġunijiet għat-talba għal informazzjoni … … … [Ikteb id-dispożizzjoni(jiet) tar-Regolament (UE) 2016/1011 bis-saħħa ta' liema l-awtorità rikjedenti hija kompetenti biex tittratta l-kwistjoni] It-talba tikkonċerna informazzjoni dwar … … … [Ikteb id-deskrizzjoni tas-suġġett tat-talba, il-qasam tas-superviżjoni tal-parametru referenzjarju kkonċernat u r-raġuni għala qed tintalab l-informazzjoni] B'referenza għal … [Jekk applikabbli, ikteb id-dettalji tat-talba preċedenti sabiex tkun tista' tiġi identifikata] L-informazzjoni inkluża f'din it-talba għandha tinżamm kunfidenzjali b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105. Dejjem tiegħek, [firma] |
ANNESS II
Formola għall-konferma tar-riċevuta ta' talba għal informazzjoni
KONFERMA TAR-RIĊEVUTA TA' TALBA GĦAL INFORMAZZJONI
Numru ta' referenza: … Data: … MINGĦAND: Stat Membru (jekk applikabbli): Awtorità li ssirilha t-talba: Indirizz legali: (Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105) Isem: Telefon: Posta elettronika: LIL: Stat Membru (jekk applikabbli): Awtorità rikjedenti: Indirizz legali: (Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105) Isem: Telefon: Posta elettronika: Sinjur/Sinjura [Ikteb l-isem] F'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1105 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni [biex jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta' informazzjoni], b'dan nikkonfermaw ir-riċevuta tat-talba tiegħek għal informazzjoni bin-numru ta' referenza [Ikteb it-talba] Id-data mistennija tat-tweġiba (jekk possibbli f'dan l-istadju): … Dejjem tiegħek, [firma] |
ANNESS III
Formula għat-tweġiba għal talba għal informazzjoni
TWEĠIBA GĦAL TALBA GĦAL INFORMAZZJONI
Numru ta' referenza: … Data: … Informazzjoni ġenerali MINGĦAND: Stat Membru (jekk applikabbli): Awtorità li ssirilha t-talba: Indirizz legali: (Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105) Isem: Telefon: Posta elettronika: LIL: Stat Membru (jekk applikabbli): Awtorità Rikjedenti: Indirizz legali: (Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105) Isem: Telefon: Posta elettronika: Sinjur/Sinjura [Ikteb l-isem] F'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1105 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni [biex jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta' informazzjoni], ipproċessajna t-talba tiegħek għal informazzjoni bid-data [jj.xx.ssss] bin-numru ta' referenza [ikteb in-numru ta' referenza]. Informazzjoni mitluba … … … L-informazzjoni mogħtija hija kunfidenzjali u qed tiġi żvelata lil [ikteb isem l-Awtorità Rikjedenti] skont [ikteb id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli] u fuq il-bażi li l-informazzjoni għandha tibqa' kunfidenzjali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105. [Ikteb isem l-Awtorità Rikjedenti] għandha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105. fir-rigward tal-kunfidenzjalità u l-użi permessibbli tal-informazzjoni. Dejjem tiegħek, [firma] |