30.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1065

tas-27 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-validazzjoni awtomatika tal-liċenzji tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-Unjoni u mat-taħriġ dwar it-tlugħ u l-inżul

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għaċ-ċertifikazzjoni tal-apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir, għaċ-ċertifikazzjoni tal-bdoti involuti fit-tħaddim ta' ċerti inġenji tal-ajru u għaċ-ċertifikazzjoni tal-persuni u tal-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ, fit-testijiet u fil-kontrolli tal-bdoti.

(2)

Wara spezzjonijiet fir-rampa li saru barra mit-territorju tal-Istati Membri li matulhom instab li xi membri tal-ekwipaġġ tat-titjira kienu qed iħaddmu inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru li ma kienx dak li ħarġilhom il-liċenzji ta' bdoti tagħhom, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) emendat l-Anness 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li ġiet iffirmata f'Chicago, sabiex tiffaċilita l-validazzjoni awtomatika tal-liċenzji permezz ta' ftehimiet bejn l-organizzazzjonijiet reġjonali għas-sorveljanza tas-sikurezza.

(3)

Jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 ikun jirrifletti dik l-emenda sabiex ikun jippermetti l-validazzjoni awtomatika tal-liċenzji tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-Unjoni f'pajjiżi terzi. Skont l-emenda 174 tal-punt 1.2.2.3.2.1 tal-Anness 1 tal-ICAO, jenħtieġ li jkun hemm perjodu tranżitorju sabiex ikunu jistgħu jsiru l-bidliet meħtieġa fil-liċenzji tal-bdoti eżistenti.

(4)

Sa minn meta daħal fis-seħħ l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (il-Parti-FCL), li l-abbozz tiegħu ssejjes fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Rekwiżiti konġunti dwar l-avjazzjoni nru 1 marbutin mal-ħruġ ta' liċenzji għall-ekwipaġġ tat-titjira (il-JAR-FCL 1), l-Unjoni qed timxi fuq approċċ ibbażat iktar fuq il-kompetenzi sabiex tiżgura li jiġu implimentati rekwiżiti proporzjonati bbażati fuq il-prestazzjoni għal-liċenzji tal-ekwipaġġ tat-titjira. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżit tat-taħriġ marbut mat-tlugħ u mal-inżul fil-fażi avvanzata tal-kors tat-taħriġ għal-liċenzja ta' bdot ta' ekwipaġġ multiplu jiġi emendat sabiex ikun allinjat mar-rakkomandazzjonijiet li l-ICAO għamlet fid-Dokument nru 9868 tagħha dwar it-taħriġ marbut mal-proċeduri għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru msejjaħ “Procedures for Air Navigation Services - Training” (PANS-TRG).

(5)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bagħtet abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni flimkien mal-Opinjonijiet tagħha bin-Nru 16/2016 u Nru 03/2017.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Fil-każ ta' liċenzji maħruġin qabel id-19 ta' Awwissu 2018, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni paragrafu ta' ARA.FCL.200(a), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1065 (*1), sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1065 tas-27 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-validazzjoni awtomatika tal-liċenzji tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-Unjoni u mat-taħriġ dwar it-tlugħ u l-inżul (ĠU L 192, 30.7.2018, p. 31).”;"

(2)

l-Anness I (il-Parti-FCL) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-parti FCL.045, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

Bdot li jkun beħsiebu jsuq inġenju tal-ajru rreġistrat fi Stat Membru li ma jkunx dak li ħareġ il-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira 'l barra mit-territorju tal-Unjoni għandu jġorr, bħala dokument stampat jew f'format elettroniku, l-aħħar verżjoni tad-dokument mehmuż tal-ICAO li jinkludi referenza għan-numru ta' reġistrazzjoni tal-ICAO tal-ftehim li jirrikonoxxi l-validazzjoni awtomatika tal-liċenzji, kif ukoll il-lista tal-Istati li ffirmaw dak il-ftehim.”;

(b)

fl-Appendiċi 5, il-punt 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“11.

Il-kors tat-taħriġ għandu jinkludi mill-inqas 12-il telgħa u nżul l-art biex tkun żgurata l-kompetenza. Dan l-ammont ta' tlugħ u nżul jista' jitnaqqas għal mill-inqas sitta, dejjem jekk, qabel ma jingħata t-taħriġ, l-organizzazzjoni tat-taħriġ approvata u l-operatur jiżguraw:

(a)

li jkun hemm proċedura fis-seħħ biex jiġi vvalutat il-livell ta' kompetenza meħtieġ tal-bdot student; u

(b)

li jkun hemm proċess fis-seħħ biex ikun żgurat li tittieħed azzjoni korrettiva jekk l-evalwazzjoni waqt it-taħriġ tindika li hemm bżonn isir dan.

Dan it-tlugħ u dan l-inżul għandu jitwettaq taħt is-sorveljanza ta' għalliem f'ajruplan li għalih għandha tinħareġ il-klassifikazzjoni tat-tip.”;

(3)

l-Anness VI (il-Parti-ARA) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti ARA.GEN.105 hija emendata kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti 3a u 3b li ġejjin:

“3a.

“ARO.RAMP” tfisser is-Subparti RAMP tal-Anness II tar-Regolament dwar l-Operazzjonijiet tal-Ajru;

3b.

“ivvalidata awtomatikament” tfisser l-aċċettazzjoni, mingħajr ebda formalità, ta' liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira maħruġa minn Stat skont l-Anness I tal-Konvenzjoni ta' Chicago minn Stat kontraenti tal-ICAO mniżżel fid-dokument mehmuż tal-ICAO;”;

(ii)

il-punt 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“12.

“dokument mehmuż tal-ICAO” tfisser dokument mehmuż ma' liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira vvalidata awtomatikament maħruġa skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta' Chicago li jissemma fl-element XIII tal-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira;”;

(b)

il-parti ARA.FCL.200 hija emendata kif ġej:

il-punt (a) tal-parti ARA.FCL.200 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

Ħruġ ta' liċenzji u klassifikazzjonijiet. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira u l-klassifikazzjonijiet assoċjati magħha billi tuża l-formola stabbilita fl-Appendiċi I ta' din il-Parti.

Jekk bdot ikun beħsiebu jsuq inġenju tal-ajru rreġistrat fi Stat Membru li ma jkunx dak li ħareġ il-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira 'l barra mit-territorju tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti għandha:

(1)

iżżid il-kumment li ġej fl-element XIII tal-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira: “Din il-liċenzja hija vvalidata awtomatikament skont id-dokument tal-ICAO mehmuż magħha”; u

(2)

tqiegħed id-dokument mehmuż tal-ICAO għad-dispożizzjoni tal-bdot bħala dokument stampat jew f'format elettroniku.”;

(c)

fl-Appendiċi I, il-punt (a)(2)(XIII) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(XIII)

kummenti: jiġifieri approvazzjonijiet speċjali marbutin ma' restrizzjonijiet u approvazzjonijiet għall-privileġġi, inklużi approvazzjonijiet tal-profiċjenza fil-lingwa, kummenti dwar il-validazzjoni awtomatika tal-liċenzja, u klassifikazzjonijiet għall-inġenji tal-ajru tal-Anness II meta dawn jintużaw għat-trasport kummerċjali bl-arju; u”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).