12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/981

tal-11 ta' Lulju 2018

li jemenda l-lista ta' stabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali. B'mod partikolari, l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament jipprevedi li bl-eċċezzjoni ta' ċerti każijiet speċifiċi, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jeħtieġ li jiġu importati biss fl-Unjoni jekk dawn joriġinaw minn stabbilimenti ta' pajjiż terz li jidhru f'listi mfasslin u aġġornati skont dak l-Artikolu. Dawk il-listi jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (2).

(2)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jitlob li l-istabbilimenti ta' pajjiż terz jitqiegħdu biss f'dawk il-listi jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jiżguraw li dawk l-istabbilimenti, flimkien ma' kwalunkwe stabbiliment li jimmaniġġa l-materja prima ta' oriġini mill-annimali użata għall-manifattura tal-prodotti ta' oriġini mill-annimali kkonċernati, jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, iżommu dawk il-listi tal-istabbilimenti aġġornati u jgħadduhom, kif xieraq, lill-Kummissjoni.

(3)

L-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprevedi li prodotti tas-sajd importati minn bastiment fabbrika jew friża li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz jeħtieġ li jkunu ġejjin minn bastimenti li jidhru f'lista mħejjija u aġġornata skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 12(4) ta' dak ir-Regolament.

(4)

F'Settembru 2017, spezzjoni mill-Kummissjoni żvelat li l-istabbilimenti tal-produzzjoni primarja li jfornu lill-istabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd, mhumiex la identifikati u lanqas soġġetti għal kontrolli uffiċjali. Minħabba f'dan, dak l-awditu kkonkluda li l-awtorità kompetenti fil-Brażil la hija f'pożizzjoni li tipprovdi l-garanziji stipulati fl-Artikolu 12(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, u lanqas ma hija fil-pożizzjoni li tipprovdi l-garanziji kollha msemmija fiċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti tas-sajd stabbiliti fl-Appendiċi IV tal-Anness VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (3). Barra minn hekk, dik l-ispezzjoni żvelat nuqqasijiet serji fir-rigward tar-rekwiżiti tal-infrastruttura u tal-iġjene f'għadd ta' stabbilimenti Brażiljani spezzjonati minfejn huma permessi l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd. In-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq urew nuqqas sistematiku tal-kontrolli effettivi mill-awtoritajiet kompetenti Brażiljani fir-rigward tal-prodotti tas-sajd.

(5)

Bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport ta' spezzjoni preliminari, f'ittra uffiċjali tat-22 ta' Diċembru 2017, l-awtoritajiet Brażiljani informaw lill-Kummissjoni li sosspendew il-ħruġ taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti tas-sajd kollha maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mit-3 ta' Jannar 2018. Madankollu, Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li fil-fruntieri tal-Unjoni ġew ippreżentati kunsinni ta' prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Brażil, b'ċertifikati maħruġa wara d-data ta' sospensjoni.

(6)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, u fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida mingħand l-awtoritajiet Brażiljani, ma hemmx biżżejjed garanziji li l-istabbilimenti awtorizzati biex jesportaw il-prodotti tas-sajd mill-Brażil lejn l-Unjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, u għaldaqstant, il-prodotti tagħhom jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika. Għaldaqstant, jixraq li jitneħħew l-istabbilimenti kollha mil-lista tal-istabbilimenti Brażiljani minfejn jistgħu jiġu importati fl-Unjoni l-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman.

(7)

Fid-dawl tar-riskju għas-saħħa pubblika assoċjat mal-prodotti tagħhom, jenħtieġ li mingħajr dewmien, dawk l-istabbilimenti ma jibqgħux jiġu awtorizzati biex jesportaw lejn l-Unjoni. Għaldaqstant, jixraq li d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament tkun id-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-lista tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 għandha tiġi emendata sabiex jitneħħew l-entrati kollha tal-istabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  https://ec.europa.eu/food/safety/international_affairs/trade/non-eu-countries_en

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).