10.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/968

tat-30 ta' April 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-valutazzjonijiet tar-riskju b'rabta ma' speċijiet aljeni invażivi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, il-Kummissjoni adottat lista ta' speċijiet aljeni invażivi li jħassbu lill-Unjoni (“il-lista tal-Unjoni”), li trid tiġi aġġornata regolarment. Prekundizzjoni għall-inklużjoni ta' speċijiet ġodda fil-lista tal-Unjoni hi li tkun saret valutazzjoni tar-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament (“il-valutazzjoni tar-riskju”). Fil-punti (a) sa (h) tiegħu, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 jistabbilixxi l-elementi komuni li jridu jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju (“l-elementi komuni”).

(2)

B'konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talbiet għall-inklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi fil-lista tal-Unjoni. Ma' dawk it-talbiet trid tinhemeż valutazzjoni tar-riskju. Diġà jeżistu bosta metodi u protokolli biex issir il-valutazzjoni tar-riskju, dan jintużaw u huma osservati fi ħdan il-komunità xjentifika fil-qasam tal-invażjonijiet bijoloġiċi. Jenħtieġ jiġu rikonoxxuti l-valur u s-sodezza xjentifika ta' dawn il-metodi u l-protokolli. Fl-interess tal-użu effiċjenti tal-għarfien eżistenti, jenħtieġ li kwalunkwe metodu jew protokoll li jkun fih l-elementi komuni jiġi aċċettat għat-tħejjija tal-valutazzjoni tar-riskju. Madankollu, biex ikun żgurat li kull deċiżjoni dwar l-elenkar tal-ispeċijiet tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tar-riskju ta' kwalità kbira u sodezza simili u biex l-assessuri tar-riskju jkollhom gwida dwar kif jiżguraw li l-elementi komuni jitqiesu kif xieraq, hemm bżonn jiġu stabbiliti deskrizzjoni dettaljata tal-elementi komuni u l-metodoloġija li trid tintuża fil-valutazzjoni tar-riskju u li magħha jenħtieġ jimxu l-metodi u l-protokoll eżistenti.

(3)

Biex il-valutazzjoni tar-riskju tgħin fl-irfid tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li din tkun rilevanti għall-Unjoni kollha kemm hi, għajr għall-aktar reġjuni mbiegħda (“iż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju”).

(4)

Biex il-valutazzjoni tar-riskju tipprovdi bażi xjentifika u evidenza sodi ħalli fuqhom jistrieħ it-teħid tad-deċiżjonijiet, jenħtieġ li kull informazzjoni li din tkun tinkludi, anki b'rabta mal-abbiltà ta' speċi li tistabbilixxi u tinfirex fl-ambjent kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, tkun sostnuta bl-aqwa evidenza xjentifika disponibbli. Dan l-aspett jenħtieġ jiġi indirizzat fil-metodoloġija li trid tintuża fil-valutazzjoni tar-riskju.

(5)

L-ispeċijiet aljeni invażivi huma theddida ambjentali serja, iżda mhux kull speċi hi studjata sew bl-istess mod. Meta speċi ma tkunx tinsab fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju jew tkun preżenti biss f'numri żgħar, jaf ma jkunx hemm għarfien dwar din l-ispeċi jew inkella l-għarfien dwarha ma jkunx komplut. Sakemm jinkiseb għarfien sħiħ, l-ispeċi jaf tkun diġà ġiet introdotta jew xterdet fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju. Għaldaqstant, il-valutazzjoni tar-riskju jenħtieġ tkun tista' tqis dan in-nuqqas ta' għarfien u informazzjoni u tindirizza l-livell għoli ta' inċertezza fejn jidħlu l-konsegwenzi ta' introduzzjoni jew tixrid tal-ispeċijiet rilevanti.

(6)

Biex il-valutazzjoni tar-riskju tipprovdi bażi soda li fuqha jkun jista' jistrieħ it-teħid ta' deċiżjonijiet, jenħtieġ li din tkun soġġetta għal kontroll rigoruż tal-kwalità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-elementi komuni

L-Anness ta' dan ir-Regolament jistabbilixxi deskrizzjoni fid-dettall tal-applikazzjoni tal-elementi komuni stabbiliti fil-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 (“l-elementi komuni”).

Artikolu 2

Il-metodoloġija li trid tintuża fil-valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi l-elementi komuni, kif jispeċifika l-Anness ta' dan ir-Regolament, u għandha tkun konformi mal-metodoloġija stabbilita f'dan l-Artikolu. Il-valutazzjoni tar-riskju tista' tistrieħ fuq kwalunkwe protokoll jew metodu, diment li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 1143/2014.

2.   Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkopri t-territorju tal-Unjoni, għajr l-aktar reġjuni mbiegħda (“iż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju”).

3.   Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tistrieħ fuq l-aktar informazzjoni xjentifika affidabbli disponibbli, inkluż l-aktar riżultati riċenti tar-riċerka internazzjonali, sostnuta b'referenzi għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi riveduti mill-pari. Jekk ma jkunx hemm pubblikazzjonijiet xjentifiċi riveduti mill-pari jew jekk l-informazzjoni mogħtija f'dawn il-pubblikazzjonijiet ma tkunx biżżejjed, jew biex tissupplementa l-informazzjoni miġbura, l-evidenza xjentifika tista' tinkludi wkoll pubblikazzjonijiet oħrajn, opinjonijiet esperti, informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, notifiki uffiċjali u informazzjoni minn bażijiet tad-dejta, inkluż informazzjoni miġbura bix-xjenza taċ-ċittadini. Kull sors għandu jiġi rikonoxxut u referenzjat.

4.   Il-metodu jew il-protokoll użati għandhom jippermettu li titlesta l-valutazzjoni tar-riskju anki meta ma jkun hemm l-ebda informazzjoni dwar xi speċi jew meta l-informazzjoni dwar xi speċi ma tkunx biżżejjed. Meta jkun hemm nuqqas ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju għandha tiddikjara dak il-fatt b'mod espliċitu ħalli l-ebda kwistjoni fil-valutazzjoni tar-riskju ma titħalla mingħajr tweġiba.

5.   Ma' kull tweġiba mogħtija fil-valutazzjoni tar-riskju għandha tingħata valutazzjoni tal-livell ta' inċertezza jew fiduċja, li tkun tirrifletti l-possibbiltà li l-informazzjoni meħtieġa għat-tweġiba ma tkunx disponibbli jew ma tkunx biżżejjed jew il-fatt li l-evidenza disponibbli tkun kunfliġġenti. Il-valutazzjoni tal-livell ta' inċertezza jew ta' fiduċja li takkumpanja t-tweġiba għandha tistrieħ fuq metodu jew protokoll dokumentati. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi referenza għal dak il-metodu jew il-protokoll dokumentati.

6.   Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi sommarju tal-komponenti differenti tagħha, kif ukoll konklużjoni ġenerali, b'mod ċar u konsistenti.

7.   Parti integrali mill-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun proċess tal-kontroll tal-kwalità u dan għandu jinkludi għall-inqas rieżami tal-valutazzjoni tar-riskju minn żewġ analizzaturi pari. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proċess tal-kontroll tal-kwalità.

8.   L-awtur(i) tal-valutazzjoni tar-riskju u l-analizzaturi pari għandhom ikunu indipendenti u jkollhom għarfien espert xjentifiku rilevanti.

9.   L-awtur(i) tal-valutazzjoni tar-riskju u l-analizzaturi pari ma għandhomx ikunu affiljati fl-istess istituzzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.


ANNESS

Deskrizzjoni dettaljata tal-elementi komuni

Elementi komuni

Deskrizzjoni dettaljata

L-Artikolu 5(1)(a) - deskrizzjoni tal-ispeċi flimkien mal-identità tassonomika tagħha, l-istorja tagħha u l-firxa naturali u potenzjali tagħha

(1)

Id-deskrizzjoni tal-ispeċi għandha tagħti informazzjoni biżżejjed biex ikun żgurat li l-identità tal-ispeċi tkun tista' tingħaraf mingħajr referenza għal dokumentazzjoni addizzjonali.

(2)

L-ambitu tal-valutazzjoni tar-riskju għandu jiġi delinjat b'mod ċar. Filwaqt li, bħala regola ġenerali, jenħtieġ issir valutazzjoni tar-riskju waħda għal kull speċi unika, jaf ikun hemm każijiet meta jkun ġustifikat li ssir valutazzjoni tar-riskju waħda li tkopri aktar minn speċi waħda (eż. speċijiet li jappartjenu għall-istess ġeneru b'karatteristiċi u impatt identiċi jew komparabbli). Għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar jekk il-valutazzjoni tar-riskju tkoprix aktar minn speċi waħda, jew jekk teskludix jew tinkludix biss ċerti sottospeċijiet, unitajiet tassonomiċi aktar baxxi, speċijiet ibridi, varjetajiet jew razez (u jekk iva, liema sottospeċijiet, unitajiet tassonomiċi aktar baxxi, speċijiet ibridi, varjetajiet jew razez). Kull għażla bħal din għandha tiġi ġustifikata kif xieraq.

(3)

Id-deskrizzjoni tal-identità tassonomika tal-ispeċi għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

il-familja, l-ordni u l-klassi tassonomika li għalihom tappartjeni l-ispeċi;

l-isem xjentifiku attwali tal-ispeċi, u l-awtur ta' dak l-isem;

lista tal-aktar sinonimi komuni tal-isem xjentifiku attwali;

l-ismijiet użati fil-kummerċ;

lista tal-aktar sottospeċi, unitajiet tassonomiċi aktar baxxi, speċijiet ibridi, varjetajiet jew razez komuni;

informazzjoni dwar l-eżistenza ta' speċijiet oħrajn li jidhru simili ħafna:

speċijiet aljeni oħrajn b'karatteristiċi invażivi simili li jridu jkunu evitati bħala speċijiet sostituti (f'dan il-każ li jista' jitqies li titħejja valutazzjoni tar-riskju għal aktar minn speċi waħda, ara l-punt 2);

speċijiet aljeni oħrajn mingħajr karatteristiċi invażivi simili li jistgħu jintużaw bħala speċijiet sostituti potenzjali;

speċijiet indiġeni, biex ikunu evitati l-identifikazzjoni ħażina u l-immirar żbaljat.

(4)

Id-deskrizzjoni tal-istorja tal-ispeċi għandha tinkludi l-istorja tal-invażjoni tal-ispeċi, inkluż informazzjoni dwar il-pajjiżi li invadiet (fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju u fi bnadi oħra, jekk rilevanti) u indikazzjoni tal-medda taż-żmien tal-ewwel osservazzjonijiet, l-istabbiliment u t-tixrid.

(5)

Id-deskrizzjoni tal-firxa naturali u potenzjali tal-ispeċi għandha tinkludi indikazzjoni tal-kontinent jew parti minn kontinent, iż-żona klimatika u l-ħabitat fejn tokkorri l-ispeċi b'mod naturali. Jekk applikabbli, din jenħtieġ tindika jekk l-ispeċi tistax tinfirex b'mod naturali fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju.

L-Artikolu 5(1)(b) - deskrizzjoni tax-xejriet u d-dinamiċi tar-riproduzzjoni u tat-tixrid tal-ispeċi, inkluż valutazzjoni dwar jekk jeżistux il-kundizzjonijiet ambjentali meħtieġa għar-riproduzzjoni u t-tixrid tagħha

(1)

Id-deskrizzjonijiet tax-xejriet tar-riproduzzjoni u tat-tixrid għandhom jinkludu elementi tal-istorja tal-ħajja tal-ispeċi u kif iġġib ruħha, li jkunu jistgħu jispjegaw l-abbiltà tagħha li tistabbilixxi u tixtered, fosthom strateġija tar-riproduzzjoni u t-tkabbir, il-kapaċità tat-tifrix, il-lonġevità, ir-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi, il-karatteristiċi speċjalisti jew ġeneralisti, u informazzjoni rilevanti oħra disponibbli.

(2)

Id-deskrizzjoni tax-xejriet u d-dinamiċi tar-riproduzzjoni għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista u deskrizzjoni tal-mekkaniżmi tar-riproduzzjoni tal-ispeċi;

valutazzjoni ta' jekk fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju jeżistux kundizzjonijiet ambjentali xierqa għar-riproduzzjoni tal-ispeċi;

indikazzjoni tal-pressjoni tal-propagula tal-ispeċi (pereżempju l-għadd ta' gameti, żrieragħ, bajd jew propaguli, l-għadd ta' ċikli tar-riproduzzjoni kull sena) għal kull wieħed minn dawk il-mekkaniżmi tar-riproduzzjoni b'rabta mal-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju.

(3)

Id-deskrizzjoni tax-xejriet u d-dinamiċi tat-tixrid għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista u deskrizzjoni tal-mekkaniżmi tat-tixrid tal-ispeċi;

valutazzjoni ta' jekk fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju jeżistux kundizzjonijiet ambjentali xierqa għat-tixrid tal-ispeċi;

indikazzjoni tar-rata ta' kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi tat-tixrid b'rabta mal-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju.

L-Artikolu 5(1)(c) - deskrizzjoni tal-mogħdijiet potenzjali tal-introduzzjoni u tat-tixrid tal-ispeċi, kemm intenzjonati u mhux intenzjonati, inkluż fejn rilevanti l-prodotti bażiċi li magħhom hija ġeneralment assoċjata l-ispeċi

(1)

Għandha titqies kull mogħdija tal-introduzzjoni u tat-tixrid tal-ispeċi. Bħala bażi għandha tintuża l-klassifikazzjoni tal-mogħdijiet żviluppata mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (1).

(2)

Id-deskrizzjoni tal-mogħdijiet intenzjonati tal-introduzzjoni għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista u deskrizzjoni tal-mogħdijiet b'indikazzjoni tal-importanza tagħhom u tar-riskji assoċjati (eż. il-probabbiltà ta' introduzzjoni fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, abbażi ta' dawk il-mogħdijiet; il-probabbiltà ta' sopravivenza, riproduzzjoni jew tkattir waqt it-trasport u l-ħażna; l-abbiltà u l-probabbiltà ta' trasferiment minn dawk il-mogħdijiet għal ħabitat jew ospitant xierqa), inkluż, meta possibbli, dettalji dwar l-oriġnijiet speċifiċi u l-punti tat-tmiem tal-mogħdijiet;

indikazzjoni tal-pressjoni tal-propagula (pereżempju, il-volum stmat jew in-numru stmat ta' kampjuni, jew il-frekwenza ta' penetrazzjoni minn dawn il-mogħdijiet), inkluż il-probabbiltà ta' invażjoni mill-ġdid wara l-qerda.

(3)

Id-deskrizzjoni tal-mogħdijiet mhux intenzjonati tal-introduzzjoni għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista u deskrizzjoni tal-mogħdijiet b'indikazzjoni tal-importanza tagħhom u tar-riskji assoċjati (eż. il-probabbiltà ta' introduzzjoni fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, abbażi ta' dawk il-mogħdijiet; il-probabbiltà ta' sopravivenza, riproduzzjoni jew tkattir waqt it-trasport u l-ħażna; il-probabbiltà ta' nuqqas ta' detezzjoni fil-punt tad-dħul; l-abbiltà u l-probabbiltà ta' trasferiment minn dawk il-mogħdijiet għal ħabitat jew ospitant xierqa), inkluż, meta possibbli, dettalji dwar l-oriġnijiet speċifiċi u l-punti tat-tmiem tal-mogħdijiet;

indikazzjoni tal-pressjoni tal-propagula (pereżempju, il-volum stmat jew in-numru stmat ta' kampjuni, jew il-frekwenza ta' penetrazzjoni minn dawn il-mogħdijiet), inkluż il-probabbiltà ta' invażjoni mill-ġdid wara l-qerda.

(4)

Id-deskrizzjoni tal-prodotti bażiċi li magħhom hija ġeneralment assoċjata l-introduzzjoni għandha tinkludi lista u deskrizzjoni tal-prodotti bażiċi b'indikazzjoni tar-riskji assoċjati (pereżempju, il-volum tal-fluss tal-kummerċ; il-probabbiltà li l-prodott bażiku jkun kontaminat jew li jaġixxi bħala vettur).

(5)

Id-deskrizzjoni tal-mogħdijiet intenzjonati tat-tixrid għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista u deskrizzjoni tal-mogħdijiet b'indikazzjoni tal-importanza tagħhom u tar-riskji assoċjati (eż. il-probabbiltà ta' tixrid fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, abbażi ta' dawk il-mogħdijiet; il-probabbiltà ta' sopravivenza, riproduzzjoni jew tkattir waqt it-trasport u l-ħażna; l-abbiltà u l-probabbiltà ta' trasferiment minn dawk il-mogħdijiet għal ħabitat jew ospitant xierqa), inkluż, meta possibbli, dettalji dwar l-oriġnijiet speċifiċi u l-punti tat-tmiem tal-mogħdijiet;

indikazzjoni tal-pressjoni tal-propagula (pereżempju, il-volum stmat jew in-numru stmat ta' kampjuni, jew il-frekwenza ta' penetrazzjoni minn dawn il-mogħdijiet), inkluż il-probabbiltà ta' invażjoni mill-ġdid wara l-qerda.

(6)

Id-deskrizzjoni tal-mogħdijiet mhux intenzjonati tat-tixrid għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista u deskrizzjoni tal-mogħdijiet b'indikazzjoni tal-importanza tagħhom u tar-riskji assoċjati (eż. il-probabbiltà ta' tixrid fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, abbażi ta' dawk il-mogħdijiet; il-probabbiltà ta' sopravivenza, riproduzzjoni jew tkattir waqt it-trasport u l-ħażna; il-faċilità tad-detezzjoni; l-abbiltà u l-probabbiltà ta' trasferiment minn dawk il-mogħdijiet għal ħabitat jew ospitant xierqa), inkluż, meta possibbli, dettalji dwar l-oriġnijiet speċifiċi u l-punti tat-tmiem tal-mogħdijiet;

indikazzjoni tal-pressjoni tal-propagula (pereżempju, il-volum stmat jew in-numru stmat ta' kampjuni, jew il-frekwenza ta' penetrazzjoni minn dawn il-mogħdijiet), inkluż il-probabbiltà ta' invażjoni mill-ġdid wara l-qerda.

(7)

Id-deskrizzjoni tal-prodotti bażiċi li magħhom huwa ġeneralment assoċjat it-tixrid għandha tinkludi lista u deskrizzjoni tal-prodotti bażiċi b'indikazzjoni tar-riskji assoċjati (pereżempju, il-volum tal-fluss tal-kummerċ; il-probabbiltà li l-prodott bażiku jkun kontaminat jew li jaġixxi bħala vettur).

L-Artikolu 5(1)(d) - valutazzjoni rigoruża tar-riskju tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid f'reġjuni bijoġeografiċi rilevanti skont il-kundizzjonijiet attwali u skont kundizzjonijiet ta' tibdil fil-klima prevedibbli

(1)

Din il-valutazzjoni dettaljata għandha tipprovdi tagħrif dwar ir-riskji li speċi tiġi introdotta, tiġi stabbilita u tixtered fir-reġjuni bijoġeografiċi rilevanti fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, li jispjega kif il-kundizzjonijiet ta' tibdil fil-klima prevedibbli se jinfluwenzaw dawn ir-riskji.

(2)

Din il-valutazzjoni rigoruża ta' dawk ir-riskji ma għandhiex għalfejn tkun tinkludi firxa sħiħa ta' simulazzjonijiet abbażi tax-xenarji differenti tat-tibdil fil-klima, diment li ssir valutazzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid probabbli f'perjodu ta' żmien medju (eż. 30-50 sena) bi spjega ċara tas-suppożizzjonijiet.

(3)

Pereżempju, ir-riskji msemmija fil-punt (1) jistgħu jiġu deskritti f'termini ta' “probabbiltà” jew “rata”.

L-Artikolu 5(1)(e) - deskrizzjoni tad-distribuzzjoni attwali tal-ispeċi, inkluż jekk l-ispeċi hix diġà preżenti fl-Unjoni jew f'pajjiżi ġirien, u tbassir tad-distribuzzjoni probabbli tagħha fil-futur

(1)

Id-deskrizzjoni tad-distribuzzjoni attwali fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju jew fil-pajjiżi ġirien għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista ta' reġjun(i) bijoġeografiku/ċi jew ta' subreġjun(i) tal-baħar fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, fejn l-ispeċi tkun preżenti u fejn ġiet stabbilita;

l-istatus attwali tal-istabbiliment tal-ispeċi f'kull Stat Membru u, meta rilevanti, fil-pajjiżi ġirien.

(2)

It-tbassir tad-distribuzzjoni futura probabbli fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju jew fil-pajjiżi ġirien għandha tinkludi dawn l-elementi kollha li ġejjin:

lista ta' reġjun(i) bijoġeografiku/ċi jew ta' subreġjun(i) tal-baħar fiż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, fejn l-ispeċi tista' tistabbilixxi ruħha f'kundizzjonijiet ta' tibdil fil-klima prevedibbli;

lista tal-Istati Membri u, meta rilevanti, tal-pajjiżi ġirien fejn l-ispeċi tista' tistabbilixxi ruħha, b'mod partikolari f'kundizzjonijiet ta' tibdil fil-klima prevedibbli.

L-Artikolu 5(1)(f) - deskrizzjoni tal-impatt negattiv fuq il-bijodiversità u servizzi tal-ekosistema relatati, inkluż fuq speċijiet indiġeni, siti protetti, ħabitats fil-periklu, u saħħet il-bniedem, is-sikurezza u l-ekonomija, inkluż valutazzjoni tal-impatt potenzjali fil-futur li tqis l-għarfien espert xjentifiku disponibbli

(1)

Fid-deskrizzjoni għandha ssir distinzjoni bejn l-impatt magħruf u l-impatt futur potenzjali fuq il-bijodiversità u servizzi tal-ekosistema relatati. L-impatt magħruf għandu jiġi deskritt għaż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju, u għall-pajjiżi terzi jekk rilevanti (eżempju, b'kundizzjonijiet ekoklimatiċi simili). L-impatt futur potenzjali għandu jiġi valutat biss għaż-żona tal-valutazzjoni tar-riskju.

(2)

Id-deskrizzjoni tal-impatt magħruf u l-valutazzjoni tal-impatt futur potenzjali għandhom jistrieħu fuq l-aqwa evidenza kwantitattiva jew kwalitattiva disponibbli. Il-kobor tal-impatt għandu jingħata punteġġ jew jiġi klassifikat mod ieħor. Is-sistema tal-punteġġ jew tal-klassifikazzjoni tal-impatt li tintuża għandha tinkludi referenza għall-pubblikazzjoni sottostanti.

(3)

Id-deskrizzjoni tal-impatt magħruf u l-valutazzjoni tal-impatt futur potenzjali fuq il-bijodiversità għandhom jagħmlu referenza għal dawn l-elementi kollha li ġejjin:

ir-reġjuni bijoġeografiċi differenti jew is-subreġjuni tal-baħar fejn l-ispeċi tista' tistabbilixxi ruħha;

l-ispeċijiet indiġeni milquta, inkluż l-ispeċijiet tal-lista l-ħamra u l-ispeċijiet elenkati fl-Annessi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (2), u l-ispeċijiet koperti mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

il-ħabitats milquta, inkluż il-ħabitats tal-lista l-ħamra u l-ħabitats elenkati fl-Annessi tad-Direttiva 92/43/KEE;

is-siti protetti milquta;

Il-karatteristiċi kimiċi, fiżiċi jew strutturali u l-funzjonament milqutin tal-ekosistemi;

l-istatus ekoloġiku milqut tal-ekosistemi akkwatiċi jew l-istatus ambjentali milqut tal-ilmijiet tal-baħar.

(4)

Id-deskrizzjoni tal-impatt magħruf u l-valutazzjoni tal-impatt futur potenzjali fuq servizzi tal-ekosistema relatati għandhom jagħmlu referenza għal dawn l-elementi kollha li ġejjin:

is-servizzi ta' provvediment;

is-servizzi regolatorji;

is-servizzi kulturali.

(5)

Id-deskrizzjoni tal-impatt magħruf u l-valutazzjoni tal-impatt futur potenzjali fuq saħħet il-bniedem, is-sikurezza u l-ekonomija, meta rilevanti għandha tinkludi informazzjoni dwar:

mard, allerġiji jew affezzjonijiet oħrajn għall-bnedmin li jistgħu jirriżultaw direttament jew indirettament minn speċi;

danni provokati direttament jew indirettament minn speċi b'konsegwenzi għas-sikurezza tal-bnedmin, tal-proprjetà jew tal-infrastruttura;

tfixkil dirett jew indirett ta' attività ekonomika jew soċjali, jew konsegwenzi oħrajn fuqha, minħabba l-preżenza ta' speċi.

L-Artikolu 5(1)(g) - valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tad-dannu

(1)

Il-valutazzjoni, f'termini ta' flus jew mod ieħor, tal-ispejjeż potenzjali tad-dannu fuq il-bijodiversità u servizzi tal-ekosistema għandha tiddeskrivi dawk l-ispejjeż b'mod kwantitattiv u/jew kwalitattiv skont liema informazzjoni tkun disponibbli. Jekk l-informazzjoni disponibbli ma tkunx biżżejjed biex jiġu valutati l-ispejjeż għaż-żona kollha tal-valutazzjoni tar-riskju, għandhom jintużaw dejta kwalitattiva jew studji differenti tal-każ minn madwar l-Unjoni jew minn pajjiżi terzi, jekk ikunu disponibbli.

(2)

Il-valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tad-dannu fuq saħħet il-bniedem, is-sikurezza u l-ekonomija għandha tiddeskrivi dawk l-ispejjeż b'mod kwantitattiv u/jew kwalitattiv skont liema informazzjoni tkun disponibbli. Jekk l-informazzjoni disponibbli ma tkunx biżżejjed biex jiġu valutati l-ispejjeż għaż-żona kollha tal-valutazzjoni tar-riskju, għandhom jintużaw dejta kwalitattiva jew studji differenti tal-każ minn madwar l-Unjoni jew minn pajjiżi terzi, jekk ikunu disponibbli.

L-Artikolu 5(1)(h) - deskrizzjoni tal-użi magħrufa għall-ispeċi u tal-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw b'dawk l-użi

(1)

Id-deskrizzjoni tal-użi magħrufa għall-ispeċi għandha tinkludi lista u deskrizzjoni tal-użi magħrufa fl-Unjoni u bnadi oħrajn, jekk rilevanti.

(2)

Id-deskrizzjoni tal-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-użi magħrufa għall-ispeċi għandha tinkludi deskrizzjoni tar-rilevanza ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' kull wieħed minn dawk l-użi u indikazzjoni tal-benefiċjarji assoċjati, b'mod kwantitattiv u/jew kwalitattiv skont liema informazzjoni tkun disponibbli. Jekk l-informazzjoni disponibbli ma tkunx biżżejjed biex tipprovdi deskrizzjoni ta' dawk il-benefiċċji għaż-żona kollha tal-valutazzjoni tar-riskju, għandhom jintużaw dejta kwalitattiva jew studji differenti tal-każ minn madwar l-Unjoni jew minn pajjiżi terzi, jekk ikunu disponibbli.


(1)  UNEP/CBD/SBSTTA/18/9/Add.1. - Ir-referenzi għall-klassifikazzjoni tal-mogħdijiet żviluppata mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika għandhom jitqiesu daqslikieku referenzi għall-aktar verżjoni riċenti ta' dik il-klassifikazzjoni.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(3)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).