9.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/1


REGOLAMENT (UE) 2018/956 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2018

dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika tal-2030 għall-klima u l-enerġija ġiet approvata mira vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra fis-setturi ekonomiċi kollha sal-2030 meta mqabbel mal-1990, u din il-mira ġiet ikkonfermata mill-ġdid fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Marzu 2016.

(2)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 stipulaw li l-mira għandha tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffettiv possibbli, bit-tnaqqis fis-sistema għall-iskambju fl-Unjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (“EU ETS”, Emissions Trading System) u fis-setturi mhux tal-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % rispettivament sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Il-Ftehim ta’ Pariġi (3), fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul li tikkonforma mal-għan li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ħafna aktar baxxa minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’dawn l-isforzi u li s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż it-trasport, jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis fl-emissjonijiet maqbul mill-Kunsill Ewropew u biex jitwettqu l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(3)

L-Istrateġija Ewropea tal-Kummissjoni tal-2016 għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi tistabbilixxi l-għan li, sa nofs is-seklu, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport jeħtieġu li jkunu mill-inqas 60 % aktar baxxi minn kif kienu fl-1990, u jkunu resqin bis-sħiħ lejn iż-żero.

(4)

Sabiex jintlaħaq dak l-għan, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati firxa ta’ miżuri differenti. Minbarra li jiġu stabbiliti standards ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi heavy-duty, jiġifieri trakkijiet, xarabankijiet u coaches, dawk il-miżuri jistgħu jinkludu azzjonijiet oħra li jikkontribwixxu għal titjib tal-effiċjenza u emissjonijiet ta’ CO2 aktar baxxi ta’ vetturi heavy-duty, bħall-ottimizzazzjoni tat-tagħbija, il-platooning, it-taħriġ tas-sewwieqa, l-użu ta’ fjuwils alternattivi, l-iskemi ta’ tiġdid tal-flotta, it-tajers b’reżistenza baxxa għad-dawrien, it-tnaqqis tal-konġestjoni u l-investimenti fil-manutenzjoni tal-infrastruttura.

(5)

L-emissjonijiet ta’ gass serra minn vetturi heavy-duty bħalissa jirrappreżentaw madwar kwart tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq fl-Unjoni u, jekk ma tittieħed l-ebda miżura addizzjonali, mistennija jiżdiedu b’10 % bejn l-2010 u l-2030 u bi 17 % bejn l-2010 u l-2050. Jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri effettivi biex jitrażżnu l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet neċessarju fis-settur tat-trasport.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2014 dwar l-Istrateġija għat-Tnaqqis tal-Konsum tal-Fjuwil u tal-Emissjonijiet tas-CO2 mill-Vetturi Heavy Duty, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’ tali miżuri hu proċedura regolata għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum tal-fjuwil.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprovdi l-qafas għat-twaqqif ta’ tali proċedura regolata. Il-kejl li sar skont dik il-proċedura ser jipprovdi data robusta u komparabbli dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil għal kull vettura heavy-duty fir-rigward ta’ parti sinifikanti tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty fl-Unjoni. Ix-xerrej ta’ vettura heavy-duty speċifika u l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni rispettiv ikollhom aċċess għal dik l-informazzjoni, biex b’hekk titnaqqas parzjalment id-diskrepanza fl-għarfien.

(8)

Fil-biċċa l-kbira, il-kumpanniji tat-trasport huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, huma għad m’għandhomx aċċess għal informazzjoni standardizzata biex jevalwaw it-teknoloġiji dwar l-effiċjenza tal-fjuwil jew iqabblu l-vetturi heavy-duty sabiex jagħmlu deċiżjonijiet infurmati sew dwar ix-xiri, biex b’hekk inaqqsu l-kontijiet tal-fjuwil tagħhom, li jammontaw għal aktar minn kwart tal-ispejjeż operattivi tagħhom.

(9)

Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar ir-rendiment ta’ vettura heavy-duty f’termini ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ konsum ta’ fjuwil titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biex l-operaturi tal-vetturi kollha jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati sewwa dwar ix-xiri u biex ikun żgurat livell għoli ta’ trasparenza. Il-manifatturi tal-vetturi heavy-duty kollha ser ikunu jistgħu jqabblu r-rendiment tal-vetturi tagħhom ma’ dawk ta’ għamliet differenti. Dak ser iżid l-inċentivi għall-innovazzjoni u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ vetturi heavy-duty aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, biex b’hekk iżid il-kompetittività. Din l-informazzjoni ser tipprovdi wkoll lil min ifassal il-politika fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri b’bażi tajba għall-iżvilupp ta’ politiki li jippromwovu l-użu ta’ vetturi heavy-duty iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(10)

Biex jinkiseb għarfien komplet dwar il-konfigurazzjoni tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty fl-Unjoni, dwar l-iżvilupp tagħha matul iż-żmien u dwar l-impatt potenzjali fuq l-emissjonijiet ta’ CO2, hu xieraq li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jimmonitorjaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi heavy-duty ġodda kollha u tal-karrijiet ġodda kollha, inkluż id-data dwar is-sistemi tal-motopropulsjoni kif ukoll dwar il-karozzerija rilevanti.

(11)

Għalhekk huwa xieraq li l-manifatturi tal-vetturi heavy-duty jimmonitorjaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni l-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum tal-fjuwil iddeterminati għal kull vettura heavy-duty ġdida skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 (5).

(12)

Id-disponibbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil għall-kategoriji differenti ta’ vetturi heavy-duty tiddependi fuq meta l-kategoriji ser ikunu koperti mir-Regolament (UE) 2017/2400. Sabiex ikunu pprovduti ċarezza u ċertezza legali rigward l-obbligi tal-monitoraġġ u r-rappurtar għall-manifatturi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi s-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar għal kull kategorija ta’ vettura heavy-duty li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Skont ir-Regolament (UE) 2017/2400, id-data ser tkun disponibbli għal ċerti vetturi heavy-duty ġodda li jkunu rreġistrati fl-2019. Mill-bidu ta’ dik is-sena, jenħtieġ li l-manifatturi għandhom ikunu rikjesti jimmonitorjaw u jirrappurtaw id-data teknika relatata ma’ dawk il-vetturi. Għal kategoriji oħrajn ta’ vetturi heavy-duty u gruppi oħrajn ta’ vetturi heavy-duty, id-data ser tkun disponibbli biss minn data aktar tard. Jenħtieġ li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien sabiex jiġu ddeterminati s-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data għal dawk il-kategoriji ta’ vetturi u gruppi ta’ vetturi. Minħabba l-kumplessità teknika tal-iżvilupp tal-proċeduri li jiddeterminaw l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil tal-kategoriji ta’ vetturi heavy-duty u l-gruppi ta’ vetturi li jkun jifdal, l-iskeda ta’ żmien għandha tiġi stabbilita għal seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Huwa fl-interess tal-pubbliku li d-data teknika essenzjali għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tar-rendiment tal-konsum tal-fjuwil ta’ vettura heavy-duty tkun disseminata attivament lill-pubbliku biex tiżdied it-trasparenza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-vettura heavy-duty u tar-rendiment relatat, u biex titrawwem kompetizzjoni fost il-manifatturi. Data li hija sensittiva għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ data personali u ta’ kompetizzjoni ġusta m’għandhiex tiġi ppubblikata. Jenħtieġ li ċerta data relatata mar-rendiment ajrudinamiku tal-vetturi heavy-duty ssir disponibbli għall-pubbliku f’format sabiex jittieħed kont ta’ konsiderazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Jenħtieġ li id-data rrappurtata ssir disponibbli għall-pubbliku f’mod aċċessibbli aktar faċilment u mingħajr ħlas. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ulterjuri tal-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent, fost l-oħrajn skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(14)

Huwa importanti li s-sistema ta’ monitoraġġ u rappurtar tkun waħda faċli biex tintuża għall-operaturi tat-trasport kollha irrispettivament mid-daqs u r-riżorsi tagħhom. Fl-istess mod, huwa importanti li l-Kummissjoni tippromwovi b’mod attiv tali sistema biex tiżgura li jkollha impatt sinifikattiv fuq is-settur u biex tqajjem kuxjenza dwar id-disponibbiltà tad-data rrappurtata.

(15)

Jenħtieġ li l-analiżi tal-Kummissjoni tad-data trażmessa mill-Istati Membri u l-manifatturi għas-sena kalendarja preċedenti tiġi ppreżentata lill-pubbliku f’mod li juri biċ-ċar ir-rendiment tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty tal-Unjoni u ta’ kull Stat Membru kif ukoll dak ta’ kull manifattur. Dan għandu jippermetti l-komparabbiltà kemm fil-flotot kif ukoll bejniethom f’termini tal-konsum medju ta’ fjuwil u ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull grupp ta’ vetturi heavy-duty skont il-profil tal-missjoni.

(16)

Huwa essenzjali li l-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil determinati skont ir-Regolament (UE) 2017/2400 jirriflettu b’mod korrett ir-rendiment tal-vetturi heavy-duty. Għalhekk, dak ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet biex tkun verifikata u żgurata l-konformità kemm tat-tħaddim tal-għodda ta’ simulazzjoni kif ukoll tal-proprjetajiet relatati tal-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ konsum tal-fjuwil tal-komponenti rilevanti, is-sistemi u l-unitajiet tekniċi separati. Jenħtieġ li dik il-proċedura ta’ verifika tinkludi l-ittestjar fuq it-triq. Il-qafas il-ġdid tal-approvazzjoni tat-tip kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jipprovdi l-mezzi biex jiżguraw li, fil-każ ta’ devjazzjonijiet, jittieħdu miżuri ta’ rimedju mill-manifattur, u li f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi amministrattivi. Dak il-qafas il-ġdid jirrikonoxxi wkoll l-importanza ta’ partijiet terzi li jitħallew iwettqu ittestjar indipendenti ta’ vetturi u li għandhom aċċess għal data neċessarja. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja r-riżultati ta’ tali testijiet ta’ verifika u għandha tinkludi analiżi ta’ dawk ir-riżultati fir-rapport annwali tagħha.

(17)

Huwa importanti li jkun żgurat li d-data mmonitorjata u rappurtata tkun robusta u affidabbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-mezzi biex tivverifika, u fejn ikun hemm bżonn, tikkoreġi d-data finali. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-monitoraġġ jipprevedu wkoll parametri li jippermettu li d-data tkun traċċata u vverifikata b’mod adegwat.

(18)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li timponi multa amministrattiva fejn issib li d-data rrappurtata mill-manifattur tiddevja mid-data rreġistrata fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 u, b’mod partikolari, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (8) u r-Regolament (UE) 2017/2400 jew fejn il-manifattur jonqos milli jagħti d-data meħtieġa fl-iskadenza applikabbli. Dawk il-multi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(19)

Skont l-esperjenza miksuba mill-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda, huwa xieraq li r-responsabbiltà għall-iskambju tad-data mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-manifatturi, kif ukoll għall-ġestjoni tal-bażi tad-data finali għan-nom tal-Kummissjoni, tingħata lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Huwa wkoll xieraq li sa fejn hu possibbli, il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar għal vetturi heavy-duty jiġu allinjati ma’ dawk diġà eżistenti għal vetturi light-duty.

(20)

Biex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-verifika u l-korrezzjoni tad-data mmonitorjata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat tal-implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(21)

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tad-data u l-proċedura ta’ monitoraġġ u rappurtar jibqgħu rilevanti tul iż-żmien għall-valutazzjoni tal-kontribut tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty għall-emissjonijiet ta’ CO2, sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà tad-data dwar teknoloġiji ġodda u avvanzati li jnaqqsu s-CO2 u fuq ir-riżultati tat-testijiet tal-verifika fit-triq u biex jiġi żgurat li l-format ta’ firxa ta’ valuri tar-reżistenza tal-arja jibqgħu rileventi għal finijiet ta’ informazzjoni u ta’ komparabbiltà, kif ukoll sabiex jiġu supplimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-multi amministrattivi, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ikkompletar tas-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-kategoriji ta’ vetturi heavy-duty koperti, tal-emendar tar-rekwiżiti tad-data u l-emendar tal-proċedura tal-monitoraġġ u rappurtar stabbilita fl-Annessi għal dan ir-Regolament, tal-ispeċifikazzjoni tad-data li tkun teħtieġ tiġi rrappurtata mill-Istati Membri għall-monitoraġġ tar-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fit-triq, tal-emendar tal-firxiet tal-valuri tar-reżistenza tal-arja, u tad-definizzjoni tal-kriterji, il-kalkolu u l-metodu tal-ġbir tal-multi amministrattivi imposti fuq il-manifatturi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jindirizzaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(22)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda rreġistrati fl-Unjoni.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-monitoraġġ u r-rappurtar mill-Istati Membri u mill-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty ta’ data dwar vetturi heavy-duty ġodda.

Huwa japplika fir-rigward tal-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin:

(a)

il-vetturi tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 b’massa ta’ referenza li teċċedi 2 610 kg u li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u l-vetturi kollha tal-kategoriji M3 u N3;

(b)

il-vetturi tal-kategoriji O3 u O4.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawk il-vetturi huma msemmijin bħala vetturi heavy-duty.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u fir-Regolament (KE) Nru 595/2009.

Artikolu 4

Monitoraġġ u rappurtar mill-Istati Membri

1.   Mill-bidu tal-1 ta’ Jannar 2019, u għal kull sena kalendarja sussegwenti, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw id-data speċifikata fil-Parti A tal-Anness I relatata ma’ vetturi heavy-duty ġodda rreġistrati għall-ewwel darba fl-Unjoni.

Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, mill-2020 ’il quddiem, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dik id-data lill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ rappurtar stabbilita fl-Anness II.

Data relatata ma’ vetturi heavy-duty ġodda li ġew irreġistrati qabel barra mill-Unjoni ma għandhiex tiġi mmonitorjata u rrappurtata, sakemm dik ir-reġistrazzjoni ma tkunx saret inqas minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fl-Unjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data skont dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk nominati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Artikolu 5

Monitoraġġ u rappurtar mill-manifatturi

1.   Mis-snin tal-bidu stabbiliti fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness I, il-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty għandhom jimmonitorjaw, fuq bażi ta’ sena kalendarja, id-data speċifikata fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I, għal kull vettura heavy-duty ġdida.

Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, mis-snin tal-bidu stabbiliti fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness I, il-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty għandhom jirraportaw dik id-data għal kull vettura heavy-duty ġdida b’data ta’ simulazzjoni li taqa’ fis-sena kalendarja preċedenti lill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ rappurtar stabbilita fl-Anness II.

Id-data tas-simulazzjoni għandha tkun id-data rappurtata skont l-entrata tad-data 71 fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I.

2.   Kull manifattur għandu jaħtar punt ta’ kuntatt għall-iskop tar-rappurtar tad-data skont dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Reġistru Ċentrali għal data dwar vetturi heavy-duty

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm Reġistru Ċentrali għad-data dwar vetturi heavy-duty (“ir- Reġistru”) li tiġi rappurtata f’konformità mal-Artikoli 4 u 5.

Ir-Reġistru għandu jkun disponibbli pubblikament bl-eċċezzjoni tal-entrata tad-data (a) speċifikata fil-Parti A tal-Anness I u l-entrati tad-data 1, 24, 25, 32, 33, 39 u 40 speċifikati fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I. Fir-rigward tal-entrata tad-data 23 speċifikata fil-punt 2 tal-parti B tal-Anness I, il-valur għandu jsir disponibbli pubblikament f’format ta’ firxa ta’ valuri kif stabbilit fil-Parti C tal-Anness I.

2.   Ir-Reġistru għandu jkun ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’isem il-Kummissjoni.

Artikolu 7

Monitoraġġ tar-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fit-triq

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ, fejn disponibbli, tar-riżultati ta-testijiet fit-triq mwettqa fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 biex tivverifika l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-data li għandha tiġi rappurtata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Il-kwalità tad-data

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-manifatturi għandhom ikunu responsabbli għall-eżattezza u l-kwalità tad-data li jirrapportaw taħt l-Artikoli 4 u 5. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe żball misjub fid-data rappurtata.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-verifiki tagħha stess tal-kwalità tad-data rappurtata taħt l-Artikoli 4 u 5.

3.   Fejn il-Kummissjoni tkun infurmata bl-iżbalji fid-data jew issib, bis-saħħa tal-verifika tagħha stess, diskrepanzi fis-sett tad-data, hi għandha, fejn xieraq, tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkoreġi d-data ppubblikata fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 6.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-miżuri ta’ verifika u korrezzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 9

Multi amministrattivi

1.   Il-Kummissjoni tista’ timponi multa amministrattiva f’kull wieħed minn dawn il-każijiet:

(a)

fejn issib li d-data rappurtata mill-manifattur taħt l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament tiddevja mid-data li tirriżulta mill-fajl tar-rekords tal-manifattur jew iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna maħruġ fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009, u d-devjazzjoni tkun intenzjonata jew minħabba traskuraġni serja;

(b)

fejn id-data ma tkunx ppreżentata fi żmien id-data ta’ skadenza applikabbli skont l-Artikolu 5(1) u d-dewmien ma jistax ikun debitament ġustifikat.

Għall-iskopijiet tal-verifika tad-data msemmija fil-punt (a), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet ta’ approvazzjoni rilevanti.

Il-multi amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi u m’għandhomx jeċċedu EUR 30 000 għal kull vettura heavy-duty kkonċernata minn devjazzjoni jew dewmien ta’ data kif imsemmi fil-punti (a) u (b).

2.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-proċedura, il-metodi għall-kalkolu u l-ġbir tal-multi amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni għandha tirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari d-dritt li wieħed jinstema’ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u ta’ sigrieti kummerċjali;

(b)

fil-kalkolu tal-multa amministrattiva adatta, il-Kummissjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tal-effettività, il-proporzjonalità u d-dissważività, b’kont meħud, fejn rilevanti, tas-serjetà u l-effetti tad-devjazzjoni jew tad-dewmien, l-għadd ta’ vetturi heavy-duty kkonċernati minn devjazzjoni jew dewmien ta’ data, il-bona fides tal-manifattur, il-grad ta’ diliġenza u kooperazzjoni tal-manifattur, ir-ripetizzjoni, il-frekwenza jew it-tul ta’ żmien tad-devjazzjoni jew id-dewmien kif ukoll sanzjonijiet preċedenti imposti fuq l-istess manifattur;

(c)

il-multi amministrattivi għandhom jinġabru mingħajr dewmien żejjed billi jiġu ffissati skadenzi għall-ħlas u, skont il-każ, tiġi inkluża l-possibbiltà li l-ħlas jinqasam f’diversi pagamenti parzjali u fażijiet.

4.   L-ammonti tal-multi amministrattivi għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 10

Rapport

1.   Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali bl-analiżi tagħha tad-data trażmessa mill-Istati Membri u mill-manifatturi għas-sena kalendarja preċedenti.

2.   L-analiżi għandha tindika, bħala minimu, ir-rendiment tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty tal-Unjoni kif ukoll dik ta’ kull Stat Membru u kull manifattur f’termini tal-konsum medju ta’ fjuwil u tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kategorija ta’ vetturi heavy-duty skont il-profil, tagħbija u l-kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni. Din għandha wkoll, fejn disponibbli, tqis id-data dwar it-teħid ta’ teknoloġiji ġodda u avvanzati ta’ tnaqqis tas-CO2, kif ukoll ta’ sistemi ta’ motopropulsjoni alternattivi. Barra minn hekk, din għandha tinkludi analiżi ta’, fejn ikunu disponibbli, ir-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fit-triq kif immonitorjati skont l-Artikolu 7.

3.   Il-Kummissjoni għandha tħejji l-analiżi bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Artikolu 11

L-emendar tal-Annessi

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 13 bil-ħsieb li temenda l-Annessi għall-iskop ta’:

(a)

l-aġġornament jew l-aġġustament tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-Parti A u l-Parti B tal-Anness I, fejn dan jitqies li hu neċessarju biex tiġi prevista analiżi bir-reqqa skont l-Artikolu 10;

(b)

l-ikkompletar tas-snin tal-bidu fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness I;

(c)

l-aġġornament jew l-aġġustament tal-firxiet ta’ valuri stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I biex jitqiesu l-bidliet fit-tfassil ta’ vetturi heavy-duty u biex ikun żgurat li l-firxiet ta’ valuri jibqgħu rilevanti għal skopijiet ta’ informazzjoni u komparabbiltà;

(d)

l-aġġustament tal-proċedura ta’ monitoraġġ u rappurtar speċifikata fl-Anness II biex titqies l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ Lulju 2025.

Artikolu 12

Il-proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2), 9(2) u 11(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mid-29 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 7(2), 9(2) u 11(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(2), 9(2) u 11(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 95.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2018.

(3)  Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy — duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d- Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda l-Annessi I u III għad- Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 25.6.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).


ANNESS I

Regoli dwar data li għandha tiġi mmonitorjata u rappurtata

PARTI A:DATA LI GĦANDHA TIĠI MMONITORJATA U RAPPURTATA MILL-ISTATI MEMBRI:

(a)

in-numri tal-identifikazzjoni tal-vetturi heavy-duty ġodda kollha kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 li huma rreġistrati fit-territorju ta’ Stat Membru;

(b)

l-isem tal-manifattur;

(c)

id-ditta (l-isem kummerċjali tal-manifattur);

(d)

il-kodiċi għall-karozzerija kif speċifikat fil-punt 38 taċ-ċertifikat ta’ konformità, fejn disponibbli;

(e)

fil-każ tal-vetturi heavy-duty msemmija fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, l-informazzjoni fuq l-impjant tal-enerġija speċifikata fil-punti 23, 23.1 u 26 taċ-ċertifikat ta’ konformità.

PARTI B: DATA LI GĦANDHA TIĠI MMONITORJATA U RAPPURTATA MILL-MANIFATTURI TA’ VETTURI HEAVY-DUTY

1.

Is-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data għall-kategoriji ta’ vetturi heavy-duty stipulati fil-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2:

Kategorija ta’ vetturi heavy-duty

Grupp ta’ vetturi fil-kategorija tal-vetturi (kif imsemmi fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2017/2400)

Sena tal-bidu

Monitoraġġ

Sena tal-bidu

Rappurtar

N1

N2

1 u 2

2020

2021

N3

3

2020

2021

4, 5, 9 u 10

2019

2020

11, 12 u 16

2020

2021

M1

M2

M3

O3

O4

2.

Data li għandha tiġi mmonitorjata u rappurtata:

Nru

Parametri tal-monitoraġġ

Is-sors: Parti I tal- Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2400, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor

Deskrizzjoni

1

Numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN)

1.1.3

Identifikazzjoni tal-vettura u l-komponenti

2

Numru taċ-ċertifikazzjoni tal-magna

1.2.2

3

Numru taċ-ċertifikazzjoni CdxA (1) (jekk applikabbli)

1.8.3

4

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-trażmissjoni

1.3.2

5

Numru taċ-ċertifikazzjoni tal-fus

1.6.2

6

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 1

1.9.2

7

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 2

1.9.6

8

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 3

1.9.10

9

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 4

1.9.14

10

Kategorija tal-vettura (N1, N2, N3, M1, M2, M3)

1.1.4

Klassifikazzjoni tal-vettura

11

Konfigurazzjoni tal-fus

1.1.5

12

Piż gross massimu tal-vettura (t)

1.1.6

13

Grupp tal-vettura

1.1.7

14

Isem u indirizz tal-manifattur

1.1.1

Speċifikazzjoni tal-vettura u tax-xażì

15

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur)

1.1.7 Parti II tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400

 

16

Massa attwali kkoreġuta tal-vettura mingħajr okkupanti (kg)

1.1.8

17

Potenza nominali tal-magna (kW)

1.2.3

Speċifikazzjonijiet ewlenin tal-magna

18

Veloċità tal-magna mhux ingranata (1/min)

1.2.4

19

Veloċità nominali tal-magna (1/min)

1.2.5

20

Kapaċità tal-magna (ltr)

1.2.6

21

Tip ta’ fjuwil ta’ referenza tal-magna(diżil/LPG/CNG…)

1.2.7

22

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni ta’ CdxA (valuri jew kejl standard)

1.8.2

Ajrudinamika

23

Valur CdxA (valur tar-reżistenza tal-arja)

1.8.4

24

Isem u indirizz tal-manifattur tat-trażmissjoni

Speċifikazzjonijiet ewlenin tat-trażmissjoni

25

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur tat-trażmissjoni)

26

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni tal-mapep tat-telf tal-għodda tas-simulazzjoni (Opzjoni 1/Opzjoni 2/Opzjoni 3/Valuri standard)

1.3.3

27

Tip ta’ trażmissjoni (SMT (2), AMT (3), APT (4) -S (5), APT-P (6))

1.3.4

28

Għadd ta’ gerijiet

1.3.5

29

Proporzjon tal-ger finali tat-trażmissjoni

1.3.6

30

Tip ta’ ritardant

1.3.7

31

Konnessjoni motorizzata (iva/le)

1.3.8

32

Isem u indirizz tal-manifattur tal-fus

Speċifikazzjonijiet tal-fus ewlieni

33

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur tal-fus)

34

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni ta’ mappa tat-telf tal-għodda tas-simulazzjoni (valuri/kejl standard)

1.7.3

35

Tip ta’ fus (eż. fus wieħed standard operat)

1.7.4

36

Proporzjon tal-fus

1.7.5

37

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni ta’ mappa tat-telf tal-għodda tas-simulazzjoni (valuri/kejl standard)

1.6.3

L-ispeċifikazzjonijiet tas-sewqan f’angolu

38

Proporzjon tas-sewqan f’angolu

1.6.4

39

Isem u indirizz tal-manifattur tat-tajer

Speċifikazzjonijiet ewlenin tat-tajers

40

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur tat-tajer)

41

Daqs tat-tajer, fus 1

1.9.1

42

Koeffiċjent speċifiku tar-reżistenza għad-dawrien (RRC, rolling resistance coefficient) tat-tajers kollha fuq il-fus 1

1.9.3

43

Daqs tat-tajer, fus 2

1.9.4

44

Fus doppju (iva/le) fus 2

1.9.5

45

RRC speċifika tat-tajers kollha fuq il-fus 2

1.9.7

46

Daqs tat-tajer, fus 3

1.9.8

47

Fus doppju (iva/le), fus 3

1.9.9

48

RRC speċifika tat-tajers kollha fuq il-fus 3

1.9.11

49

Daqs tat-tajer fus 4

1.9.12

50

Fus doppju (iva/le) fus 4

1.9.13

51

RRC speċifika tat-tajers kollha fuq il-fus 4

1.9.15

52

Teknoloġija tal-fann tat-tkessiħ tal-magna

1.10.1

Speċifikazzjonijiet ewlenin awżiljarji

53

Teknoloġija tal-pompa tal-istering

1.10.2

54

Teknoloġija tas-sistema tal-elettriku

1.10.3

55

Teknoloġija tas-sistema pnewmatika

1.10.4

56

Profil tal-missjoni (trasport fit-tul, trasport fit-tul (EMS (7)), reġjonali, reġjonali (EMS), urban, muniċipali, kostruzzjoni)

2.1.1

Parametri ta’ simulazzjoni (għal kull profil/tagħbija/kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni)

57

Tagħbija (kif definita fl-għodda tas-simulazzjoni) (kg)

2.1.2

 

58

Tip ta’ fjuwil (diżil/petrol/LPG/CNG/...)

2.1.3

 

59

Massa totali tal-vettura taħt simulazzjoni (kg)

2.1.4

 

60

Veloċità medja (km/h)

2.2.1

Rendiment tas-sewqan tal-vettura (għal kull profil/tagħbija/kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni)

61

Veloċità minima istantanja (km/h)

2.2.2

62

Veloċità massima istantanja (km/h)

2.2.3

63

Deċellerazzjoni massima (m/s2)

2.2.4

64

Aċċellerazzjoni massima (m/s2)

2.2.5

65

Perċentwal tat-tagħbija sħiħa fuq il-ħin tas-sewqan

2.2.6

66

Għadd totali tat-tibdil tal-gerijiet

2.2.7

67

Distanza totali misjuqa (km)

2.2.8

68

Emissjonijiet CO2 (espressi fi g/km, g/t-km, g/p-km, g/m3-km)

2.3.13-2.3.16

emissjonijiet ta’ CO2 u konsum tal-fjuwil (għal kull profil/tagħbija/kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni)

69

Konsum tal-fjuwil (espress fi g/km, g/t-km, g/p-km, g/m3-km, l/100 km, l/t-km, l/p-km, l/m3-km, MJ/km, MJ/t-km, MJ/p-km, MJ/m3-km)

2.3.1-2.3.12

70

Verżjoni (X.X.X.) tal-għodda ta’ simulazzjoni

3.1.1

Informazzjoni tas-softwer u l-utent

71

Data u ħin tas-simulazzjoni

3.1.2

72

Numru tal-liċenzja biex topera l-għodda tas-simulazzjoni

73

Hash kriptografiku tar-riżultat tal-għodda tas-simulazzjoni

3.1.4

74

Teknoloġiji avvanzati għat-tnaqqis tas-CO2

Teknoloġiji għat-tnaqqis tas-CO2 tal-vettura

75

Emissjonijiet ta’ massa ta’ CO2 għat-test WHTC (8) (g/kWh)

Il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

Emissjonijiet ta’ CO2 tal-magna u konsum ta’ fjuwil speċifiku

76

Konsum ta’ fjuwil tal-magna ’l fuq minn WHTC (g/kWh)

Il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

77

Emissjonijiet ta’ massa ta’ CO2 tal-magna ’l fuq minn WHSC (9) (g/kWh)

Il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

78

Konsum ta’ fjuwil tal-magna ’l fuq minn WHSC (g/kWh)

Il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

 

PARTI C: VALUR TAR-REŻISTENZA TAL-ARJA (CDXA) FIRXIET TA’ VALURI GĦALL-ISKOP TA’ PUBBLIKAZZJONI SKONT L-ARTIKOLU 6

Għall-fini li jkun pubblikament disponibbli l-valur CdxA speċifikat fl-entrata tad-data 23 skont l-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tuża l-firxiet ta’ valuri definiti fit-tabella li ġejja li fiha l-firxa korrispondenti għal kull valur CdxA:

Firxa

Valur CdxA [m2]

CdxA Min (CdxA ≥ min CdxA)

CdxA Mass (CdxA < MaxCdxA)

A1

0,00

3,00

A2

3,00

3,15

A3

3,15

3,31

A4

3,31

3,48

A5

3,48

3,65

A6

3,65

3,83

A7

3,83

4,02

A8

4,02

4,22

A9

4,22

4,43

A10

4,43

4,65

A11

4,65

4,88

A12

4,88

5,12

A13

5,12

5,38

A14

5,38

5,65

A15

5,65

5,93

A16

5,93

6,23

A17

6,23

6,54

A18

6,54

6,87

A19

6,87

7,21

A20

7,21

7,57

A21

7,57

7,95

A22

7,95

8,35

A23

8,35

8,77

A24

8,77

9,21


(1)  Reżistenza tal-arja.

(2)  Trażmissjoni Manwali Sinkronizzata.

(3)  Trażmissjoni Manwali Awtomatizzata jew Trażmissjoni Ingranata Mekkanikament Awtomatika.

(4)  Trażmissjoni b’Powershifting Awtomatiku.

(5)  “S” tindika l-arranġament serjali ta’ torque converter u l-partijiet mekkaniċi konnessi tat-trażmissjoni.

(6)  “P” tindika l-arranġament parallel ta’ torque converter u l-partijiet mekkaniċi konnessi tat-trażmissjoni (p.e. f’installazzjonijiet ta’ power split).

(7)  Sistema Modulari Ewropea (EMS, European Modular System) f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(8)  World Harmonized Transient Driving Cycle.

(9)  World Harmonized Steady state Cycle.


ANNESS II

Rappurtar u ġestjoni tad-data

1.   RAPPURTAR MILL-ISTATI MEMBRI

1.1.

Id-data speċifikata fil-Parti A tal-Anness I għandha tiġi trażmessa skont l-Artikolu 4 mill-punt tal-kuntatt tal-awtorità kompetenti permezz tat-trasferiment ta’ data elettronika lir-Repożitorju tad-Data Ċentrali ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (“l-Aġenzija”).

Il-punt tal-kuntatt għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija meta d-data tiġi trażmesssa bil-posta elettronika lill-indirizzi li ġejjin:

EC-CO2-HDV-IMPLEMENTATION@ec.europa.eu

u

HDV-monitoring@eea.europa.eu

2.   RAPPURTAR MILL-MANIFATTURI

2.1.

Il-manifatturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018 l-informazzjoni li ġejja:

(a)

isem il-manifattur indikat fiċ-ċertifikat ta’ konformità jew fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni individwali;

(b)

il-kodiċi tan-Numru ta’ Identifikazzjoni Dinji tal-Manifattur (il-kodiċi WMI) kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 (1) biex jintuża fin-numri ta’ identifikazzjoni tal-vetturi ta’ vetturi heavy-duty ġodda li ser jitpoġġew fis-suq;

(c)

il-punt tal-kuntatt responsabbli għat-tqegħid tad-data fir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju tal-Aġenzija.

Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe tibdil f’dik l-informazzjoni.

In-notifiki għandhom jintbagħtu lill-indirizzi msemmija fil-punt 1.1.

2.2.

Manifatturi ġodda li jidħlu fis-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar l-informazzjoni msemmija fil-punt 2.1.

2.3.

Id-data speċifikata fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I għandha tiġi trażmessa f’konformità mal-Artikolu 5(1) mill-punt tal-kuntatt tal-manifattur permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-data lir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju ġestit mill-Aġenzija.

Il-punt tal-kuntatt għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija meta d-data tiġi trażmesssa bil-posta elettronika lill-indirizzi msemmija fil-punt 1.1.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA

3.1.

L-Aġenzija għandha tipproċessa d-data trażmessa skont il-punti 1.1 u 2.3 u għandha tirreġistra d-data pproċessata fir-Reġistru.

3.2.

Id-data relatata ma’ vetturi heavy-duty rreġistrati fis-sena kalendarja preċedenti u rreġistrati fir-Reġistru għandha tkun magħmula pubblika sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-2020 ’il quddiem, bl-eċċezzjoni tal-entrati tad-data speċifikati fl-Artikolu 6(1).

3.3.

Fejn awtorità kompetenti jew il-manifatturi jidentifikaw żbalji fid-data sottomessa, dawn għandhom jinnotifikawhom mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija billi jissottomettu rapport ta’ notifika ta’ żball lir-Repożitorju tad-Data Ċentrali jew lir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju u bil-posta elettronika mibgħuta lill-indirizzi msemmija fil-punt 1.1.

3.4.

Bl-appoġġ tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-iżbalji nnotifikati u, fejn xieraq, tikkoreġi d-data fir-Reġistru.

3.5.

Bl-appoġġ tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli formati elettroniċi għat-trażmissjonijiet tad-data msemmija fil-punti 1.1 u 2.3 fiż-żmien dovut qabel id-dati tal-iskadenza tat-trażmissjoni.

(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 tal-11 ta’ Jannar 2011 li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-pjanċa statutorja tal-manifattur u għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 8, 12.1.2011, p. 1).