19.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/26


REGOLAMENT (UE) 2018/842 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23-24 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, approva mira vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur ekonomiku kollu sal-2030 meta mqabbel mal-1990, u dak ġie affermat mill-ġdid fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta’ Marzu 2016.

(2)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Ottubru 2014 iddikjaraw li jenħtieġ li l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 40 % titwettaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffikaċi possibbli, bit-tnaqqis fl-iskema għan-negozjar ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (‘EU ETS’) stipulata fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS li jammontaw għal 43 % u 30 % rispettivament, sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’dan l-isforz, filwaqt li jsibu bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà. Jenħtieġ li l-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, flimkien mal-elementi kollha applikati fid-Deċiżjoni 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ikomplu sal-2030 bit-tqassim tal-isforzi abbażi tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis globali tal-Unjoni fl-2030 b’miri li jvarjaw bejn 0 % u – 40 % meta mqabbla mal-2005. Jenħtieġ li l-miri nazzjonali fi ħdan il-grupp tal-Istati Membri bi PDG per capita ogħla mill-medja tal-Unjoni jiġu aġġustati relattivament biex jirriflettu l-kosteffikaċja b’mod ġust u bbilanċjat. Jenħtieġ li l-kisba ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħti spinta lill-effiċjenza u l-innovazzjoni fl-ekonomija tal-Unjoni, u jenħtieġ, b’mod partikolari, li tippromwovi t-titjib, b’mod partikolari fil-bini, fl-agrikoltura, fil-ġestjoni tal-iskart u fit-trasport, dment li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(3)

Dan ir-Regolament jifforma parti mill-implimentazzjoni tal-kontributi tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi (6) adottati skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (‘UNFCCC’). Il-Ftehim ta’ Pariġi ġie konkluż f’isem l-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 (7). L-impenn tal-Unjoni favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur ekonomiku kollu ġie stabbilit fil-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali li ġie ppreżentat fid-dawl tal-Ftehim ta’ Pariġi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-6 ta’ Marzu 2015. Il-Ftehim ta’ Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016 u jissostitwixxi l-approċċ meħud skont il-Protokoll ta’ Kjoto tal-1997 li mhuwiex ser jitkompla wara l-2020.

(4)

Il-Ftehim ta’ Pariġi, inter alia, jistabbilixxi mira fit-tul f’konformità mal-għan li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt it-2 °C ogħla mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sal-1,5 °C ogħla mil-livelli preindustrijali. Jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-adattament għall-impatti dannużi tat-tibdil fil-klima u li l-flussi tal-finanzi jsiru konsistenti mal-perkors li jwassal għal emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u ma’ żvilupp reżiljenti għall-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi jappella wkoll għal bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbimenti permezz tal-bjar tal-gassijiet serra fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu, u jistieden lill-Partijiet biex jieħdu azzjoni biex jikkonservaw u jsaħħu, kif xieraq, il-bjar u l-ħażniet tal-gassijiet serra, fosthom il-foresti.

(5)

Fil-komklużjonijiet tiegħu tad-29-30 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Ewropew appoġġa mira tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ tnaqqis meħtieġ skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

(6)

Il-kontributi determinati fil-livell nazzjonali) tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi jridu jirriflettu l-ogħla ambizzjoni tagħhom possibbli u jirrappreżentaw progress maż-żmien. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi jistinkaw biex jifformulaw u jikkomunikaw strateġiji ta’ żvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra fuq żmien twil, u joqogħdu attenti għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2017 jirrikonoxxu l-importanza tal-għanijiet fuq żmien twil u taċ-ċikli ta’ rieżami kull ħames snin fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u jenfasizzaw l-importanza ta’ strateġiji ta’ żvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra fuq żmien twil bħala għodda politika biex jiġu żviluppati perkorsi affidabbli u l-bidliet politiċi fuq żmien twil meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(7)

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa teħtieġ tibdil fl-aġir tal-investiment u inċentivi li japplikaw għall-firxa kollha tal-politika. Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli għaċ-ċittadini tagħha. Biex dan jinkiseb, jenħtieġ li l-azzjoni klimatika ambizzjuża tkompli permezz ta’ dan ir-Regolament u billi jsir progress f’aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija kif stipulat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2015 intitolata “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”.

(8)

Hemm firxa ta’ miżuri tal-Unjoni li jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-impenji klimatiċi tagħhom u li huma kruċjali għall-kisba tat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri jinkludu leġislazzjoni dwar il-gassijiet serra fluworurati, it-tnaqqis ta’ CO2 mill-vetturi tat-triq, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ekonomija ċirkolari, kif ukoll strumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni għal investimenti relatati mal-klima.

(9)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Marzu 2015 ħadu nota tal-fatt li l-Unjoni hija mpenjata li tibni Unjoni tal-Enerġija b’politika li tħares ’il quddiem dwar il-klima abbażi tal-qafas strateġiku tal-Kummissjoni, li l-ħames dimensjonijiet tiegħu huma marbuta flimkien mill-qrib u jsaħħu lil xulxin. Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija hija waħda mid-dimensjonijiet tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jista’ jirriżulta fi tnaqqis konsiderevoli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Jista’ jkun ukoll ta’ ġid għall-ambjent u s-saħħa, itejjeb is-sigurtà tal-enerġija, jiffranka fl-ispejjeż tal-enerġija tad-djar u l-kumpanniji, jgħin biex itaffi l-faqar tal-enerġija u jwassal għal iżjed impjiegi u żieda fl-attività ekonomika fis-setturi ekonomiċi kollha. Il-miżuri li jikkontribwixxu biex jinfirex l-użu ta’ teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija fil-bini, l-industrija u t-trasport jistgħu jkunu mod kost-effikaċi biex l-Istati Membri jkunu megħjuna jilħqu l-miri tagħhom skont dan ir-Regolament.

(10)

L-użu effettiv ta’ prattiki u teknoloġiji sostenibbli u innovattivi, u l-iżvilupp tagħhom, jista’ jsaħħaħ ir-rwol tas-settur agrikolu rigward il-mitigazzjoni u l-adattament għall-klima, b’mod partikolari bit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u biż-żamma u t-tisħiħ ta’ bjar u ħażniet tal-karbonju. Sabiex titnaqqas il-marka tal-karbonju u dik ekoloġika li jħalli s-settur agrikolu, waqt li fl-istess ħin jinżammu l-produttività, il-kapaċità għar-riġenerazzjoni u l-vitalità tas-settur, huwa importanti li jissaħħu l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u adattament għall-klima kif ukoll li jiżdied il-finanzjament għar-riċerka dwar l-iżvilupp ta’ prattiki u teknoloġiji sostenibbli u innovattivi, u l-investiment fihom.

(11)

Is-settur agrikolu għandu impatt dirett u sinifikanti fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi. Għal dik ir-raġuni, huwa importanti li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-objettiv ta’ dan ir-Regolament u politiki u objettivi oħra tal-Unjoni, bħall-politika agrikola komuni u l-objettivi marbuta mal-istrateġija għall-bijodiversità, l-istrateġija għall-foresti u l-istrateġija għal ekonomija ċirkolari.

(12)

Is-settur tat-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni. Għalhekk huwa importanti li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u r-riskji marbuta mad-dipendenza fuq il-karburanti fossili fis-settur tat-trasport jitnaqqsu permezz ta’ approċċ komprensiv għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fit-trasport, għall-mezzi elettriċi tat-trasport, għal bidla fil-modi tat-trasport, fejn ikun aktar sostenibbli, u għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli fit-trasport, anke wara l-2020. Il-bidla għal mobbiltà b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet bħala parti minn bidla usa’ għal ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju tista’ tiġi ffaċilitata permezz tal-introduzzjoni ta’ kondizzjonijiet li jippermettu li dan iseħħ u b’inċentivi qawwija, kif ukoll bi strateġiji fuq żmien twil li jistgħu jżidu l-investimenti.

(13)

Jenħtieġ li l-impatt li jħallu l-politiki u l-miżuri tal-Unjoni u dawk nazzjonali ta’ dan ir-Regolament jiġu vvalutati f’konformità mal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(14)

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, jenħtieġ li fejn xieraq, il-metodoloġija ta’ integrazzjoni implimentata matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 titkompla u tittejjeb bil-għan li twieġeb għall-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment marbuta mal-azzjoni klimatika mill-2021 ’il quddiem. Il-finanzjament mill-Unjoni jenħtieġ li jkun koerenti mal-objettivi tal-qafas politiku tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija tal-2030 u mal-objettivi fit-tul espressi fil-Ftehim ta’ Pariġi, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-infiq pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji rapport dwar l-impatt tal-finanzjament tal-Unjoni mogħtija mill-baġit tal-Unjoni jew b’mod ieħor skont il-liġi tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament jew mid-Direttiva 2003/87/KE.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-kategoriji, identifikati mill-IPCC, tal-enerġija, tal-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, tal-agrikoltura u tal-iskart, kif iddeterminati skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE.

(16)

Id-data li qed tiġi rrapportata bħalissa fl-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra u fir-reġistri nazzjonali u tal-Unjoni mhijiex biżżejjed sabiex jiġu ddeterminati, fil-livell tal-Istati Membri, l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-avjazzjoni ċivili fil-livell nazzjonali li mhumiex koperti bid-Direttiva 2003/87/KE. Jenħtieġ li fl-adozzjoni tal-obbligi tar-rapportar, l-Unjoni ma timponix fuq l-Istati Membri jew fuq l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) piżijiet li huma sproporzjonati mal-għanijiet li jridu jintlaħqu. L-emissjonijiet ta’ CO2 minn titjiriet mhux koperti bid-Direttiva 2003/87/KE jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra, u l-ħolqien ta’ sistema ta’ rapportar għal dawn l-emissjonijiet ikun ta’ piż bla bżonn fid-dawl tar-rekwiżiti eżistenti għas-settur usa’ skont id-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk, jenħtieġ li l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-kategorija ta’ sorsi tal-IPCC “1.A.3.A avjazzjoni ċivili” jiġu kkunsidrati ugwali għal żero għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Jenħtieġ li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ kull Stat Membru għall-2030 jiġi ddeterminat b’rabta mal-livell rivedut tiegħu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-2005 kopert b’dan ir-Regolament, minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra vverifikati minn installazzjonijiet li kienu qegħdin jaħdmu fl-2005 u li ma ġewx inklużi fl-EU ETS wara l-2005. Jenħtieġ li l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet mill-2021 sal-2030 jiġu ddeterminati abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri u analizzata mill-Kummissjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-approċċ ta’ limiti nazzjonali vinkolanti kull sena meħud fid-Deċiżjoni 406/2009/KE jitkompla mill-2021 sal-2030. Ir-regoli kif stabbiliti f’dan ir-Regolament, biex l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet annwali jingħataw lil kull Stat Membru, jenħtieġ li jsegwu l-istess metodoloġija bħal ta’ dawk l-Istati Membri b’limiti negattivi skont dik id-Deċiżjoni, iżda bit-trajettorja tibda tiġi kkalkulata minn ħames partijiet minn kull tnax tad-distanza mill-perijodu bejn l-2019 u l-2020 jew fl-2020 fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul il-perijodu bejn l-2016 u l-2018 u tmiem it-trajettorja jkun il-limitu tal-2030 għal kull Stat Membru. Sabiex ikunu żgurati kontribuzzjonijiet xierqa għall-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-perijodu mill-2021 sal-2030, jenħtieġ li d-data tal-bidu tat-trajettorja tiġi ddeterminata għal kull Stat Membru fuq il-bażi ta’ liema minn dawk id-dati tirriżulta f’allokazzjoni aktar baxxa. Għall-Istati Membri li jkollhom kemm limitu pożittiv skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE kif ukoll allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet li jiżdiedu bejn l-2017 u l-2020 iddeterminati skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE (9) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE (10), huwa previst aġġustament tal-allokazzjoni fl-2021 biex jirrifletti l-kapaċità għal iktar emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’dawk is-snin.

Jenħtieġ li jiġi previst aġġustament addizzjonali għal ċerti Stati Membri biex tkun rikonoxxuta s-sitwazzjoni eċċezzjonali tagħhom billi jkollhom kemm limitu pożittiv skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE u, jew l-inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra per capita skont dik id-Deċiżjoni jew inkella l-inqas sehem mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn setturi mhux koperti minn dik id-Deċiżjoni meta mqabbel mal-emissjonijiet totali tagħhom ta’ gassijiet serra. Dak l-aġġustament addizzjonali jenħtieġ li jkopri biss parti mit-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġa fil-perijodu mill-2021 sal-2029 sabiex jinżammu l-inċentivi għal tnaqqis addizzjonali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex ma jħallux impatt fuq il-kisba tal-mira għall-2030, filwaqt li jittieħed kont tal-użu ta’ aġġustamenti u flessibbiltajiet oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-istabbiliment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(20)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew sostna li jenħtieġ li d-disponibbiltà u l-użu ta’ strumenti ta’ flessibbiltà eżistenti fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS jiżdiedu b’mod sinifikanti sabiex tiġi żgurata l-kosteffikaċja tal-isforz kollettiv tal-Unjoni u l-konverġenza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra per capita sal-2030. Bħala mezz biex tissaħħaħ il-kosteffikaċja globali tat-tnaqqis totali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jfaddlu jew jissellfu parti mill-allokazzjonijiet annwali tagħhom tal-emissjonijiet. Jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jittrasferixxu parti mill-allokazzjoni annwali tagħhom tal-emissjonijiet lil Stati Membri oħra. Jenħtieġ li tiġi żgurata t-trasparenza ta’ dawn it-trasferimenti, u dawn iridu jitwettqu b’mod li huwa konvenjenti għal kull parti, inkluż permezz tal-irkant, permezz ta’ rikors għal intermedjarji tas-suq li joperaw bħala aġenti, jew permezz ta’ arranġamenti bilaterali. Kwalunkwe trasferiment bħal dan jista’ jkun ir-riżultat ta’ proġett jew programm ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra mwettaq fl-Istat Membru li jkun qed ibiegħ u ffinanzjat mill-Istat Membru riċeventi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ sħubiji pubbliċi-privati għall-proġetti skont l-Artikolu 24a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(21)

Jenħtieġ li tinħoloq flessibbiltà ta’ darba sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-miri għal dawk l-Istati Membri li għandhom miri nazzjonali ta’ tnaqqis li huma ħafna ogħla mill-medja tal-Unjoni u ogħla mill-potenzjal tat-tnaqqis kosteffikaċi tagħhom, kif ukoll għal dawk l-Istati Membri li ma allokawx kwoti tal-EU ETS b’xejn lill-installazzjonijiet industrijali fl-2013Sabiex jinżamm l-għan tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda fl-EU ETS, jenħtieġ li l-kwoti tal-EU ETS ikkunsidrati għall-flessibbiltà ta’ darba jitqiesu bħala kwoti tal-EU ETS fiċ-ċirkolazzjoni meta jiġi ddeterminat l-għadd totali ta’ kwoti tal-EU ETS fiċ-ċirkolazzjoni f’sena partikolari. Fl-ewwel rieżami tagħha skont dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra jekk iżżommx din il-kontabbiltà bħala kwoti tal-EU ETS, fiċ-ċirkolazzjoni.

(22)

Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jistabbilixxi regoli tal-kontabilità dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra relatati mal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (‘LULUCF’). Jenħtieġ li l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ma jkunux koperti b’dan ir-Regolament. Madankollu, filwaqt li r-riżultat ambjentali skont dan ir-Regolament f’termini tal-livelli tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa affettwat billi titqies kwantità ta’ mhux aktar mis-somma tal-assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali minn art forestali, art deforestata, raba’ ġestita, bwar ġestiti u, skont ċerti kondizzjonijiet, art tal-foresti ġestita kif ukoll, fejn obbligat skont ir-Regolament (UE) 2018/841 , art mistagħdra ġestita, kif definit f’dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi inkluża f’dan ir-Regolament flessibbiltà LULUCF għal kwantità massima ta’ 280 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2 ta’ dawk l-assorbimenti mqassma fost l-Istati Membri, bħala possibbiltà addizzjonali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jonoraw l-impenji tagħhom, fejn meħtieġ. Dak l-ammont totali u t-tqassim tiegħu fost l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikonoxxi l-potenzjal ta’ mitigazzjoni mnaqqas tas-settur tal-agrikoltura u tal-użu tal-art u kontribut xieraq ta’ dak is-settur għat-trażżin u l-qbid tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-tħassir volontarju tal-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet skont dan ir-Regolament jippermetti biex dawn l-ammonti jkunu jistgħu jitqiesu meta tiġi vvalutata l-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2018/841.

(23)

Fit-30 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (‘proposta dwar il-governanza’), li jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu pjanijiet integrati dwar l-enerġija u l-klima fil-kuntest tal-ippjanar strateġiku tal-politika dwar l-enerġija u l-klima għall-ħames dimensjonijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija. Skont il-proposta dwar il-governanza, il-pjanijiet nazzjonali li jkopru l-perijodu mill-2021 sal-2030 għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-ippjanar tal-Istati Membri għall-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2018/841. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom ifasslu l-politiki u l-miżuri biex jonoraw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2018/841, bi prospettiva li jintlaħaq l-għan fit-tul ta’ bilanċ bejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-assorbimenti skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Dawk il-pjanijiet għandhom ukoll jagħtu valutazzjoni tal-impatti tal-politiki u l-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-objettivi. Skont il-proposta dwar il-governanza, il-Kummissjoni, fir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-abbozzi ta’ pjanijiet nazzjonali, jenħtieġ li tkun tista’ tindika kemm ikun xieraq il-livell ta’ ambizzjoni u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-politiki u l-miżuri. Jenħtieġ li jitqies l-użu possibbli tal-flessibbiltà tal-LULUCF għall-konformità ma’ dan ir-Regolament meta ssir il-kompilazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet.

(24)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u li tgħin biex jinkiseb titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel fl-ambjent billi tipprovdi informazzjoni f’waqtha, immirata, rilevanti u affidabbli lil dawk li jfasslu l-politika, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-pubbliku. Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tgħin lill-Kummissjoni, kif xieraq, skont il-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija.

(25)

Jenħtieġ li kwalunkwe aġġustament fil-kopertura kif stabbilita fl-Artikoli 11, 24, 24a u 27 tad-Direttiva 2003/87/KE jiġi mqabbel b’aġġustament korrispondenti fil-kwantità massima ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti minn dan ir-Regolament. Konsegwentement, meta l-Istati Membri jinkludu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali minn installazzjonijiet li preċedentement kienu koperti mid-Direttiva 2003/87/KE fl-impenji tagħhom skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jimplimentaw politiki u miżuri addizzjonali fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament sabiex jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

(26)

B’rikonoxximent tal-isforzi preċedenti li saru mill-2013 minn dawk l-Istati Membri li kellhom PDG per capita taħt il-medja tal-Unjoni fl-2013, jixraq li tiġi stabbilita riżerva ta’ sikurezza limitata għal użu speċjali li tikkorrispondi għal mhux iktar minn 105 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2, filwaqt li tinżamm l-integrità ambjentali ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-inċentivi għal azzjonijiet tal-Istati Membri lil hinn mill-kontributi minimi skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-riżerva ta’ sikurezza tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri bi PDG per capita taħt il-medja tal-Unjoni fl-2013, li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom jibqgħu taħt l-allokazzjonijiet annwali tagħhom tal-emissjonijiet mill-2013 sal-2020 u li, minkejja li jużaw flessibbiltajiet oħrajn previsti f’dan ir-Regolament, isibu diffikultà biex jilħqu l-mira tagħhom għall-2030 b’rabta mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Riżerva ta’ sikurezza ta’ dak id-daqs tkopri parti sinifikanti mid-defiċit kollettiv previst tal-Istati Membri eliġibbli fil-perijodu mill-2021 sal-2030, mingħajr politiki addizzjonali, filwaqt li jinżammu l-inċentivi għal azzjoni addizzjonali. Jenħtieġ li r-riżerva ta’ sikurezza tkun disponibbli għal dawk l-Istati Membri fl-2032, b’ċerti kondizzjonijiet u dment li l-użu tagħha ma jimminax l-ilħuq tal-mira tal-Unjoni ta’ tnaqqis ta’ 30 % ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-sena 2030, fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament.

(27)

Sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi fil-qafas tar-Regolament (UE) 2018/841 kif ukoll biex tiġi żgurata l-kontabbiltà preċiża skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex ikun jista’ jsir użu mill-kategoriji ta’ kontabbiltà tal-art forestali ġestita u l-art mistagħdra ġestita skont il-flessibbiltà LULUCF u fir-rigward tal-kontabbiltà ta’ tranżazzjonijiet skont dan ir-Regolament, inkluż l-użu ta’ flessibiltajiet, l-applikazzjoni tal-kontrolli tal-konformità u tal-funzjonament preċiż tar-riżerva tas-sikurezza, permezz tar-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 (‘ir-Reġsitru tal-Unjoni’). Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà skont dan ir-Regolament tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-kontabbiltà tat-transazzjonijiet jiddaħħlu fi strument uniku li jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-kontabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013, ir-Regolament (UE) 2018/841, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2003/87/KE. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq il-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (14). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(28)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi rivedut fl-2024 u kull ħames snin minn dik is-sena sabiex jiġi vvalutat il-funzjonament globali tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ politiki u miżuri tal-Unjoni aktar stretti,. Jenħtieġ li r-rieżami jqis, fost l-oħrajn, iċ-ċirkostanzi nazzjonali li jkunu qegħdin jevolvu u r-riżultati tad-Djalogu ta’ Faċilitazzjoni tal-2018 skont l-UNFCCC (‘id-djalogu ta’ Talanoa’) u tar-rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Bħala parti mir-rieżami, jenħtieġ li l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet jitqies ukoll sabiex jiġi żgurat li l-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament huma adegwati. Barra minn hekk, bħala parti mir-rappurtar regolari tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013, jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal-31 ta’ Ottubru 2019, tivvaluta r-riżultat tad-djalogu ta’ Talanoa. Ir-rieżami għall-perijodu wara l-2030 jenħtieġ li jkun konformi mal-objettivi fit-tul u mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi u, għal dak il-għan, jenħtieġ li jirrifletti progressjoni maż-żmien.

(29)

Sabiex jiġu żgurati r-rapportar u l-verifika effiċjenti, trasparenti u kosteffikaċi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress fir-rigward tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li r-rekwiżiti għar-rapportar u l-evalwazzjoni annwali skont dan ir-Regolament jiġu integrati mal-Artikoli rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013. Jenħtieġ li dak ir-Regolament jiżgura wkoll li l-progress tal-Istati Membri fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkompli jiġi evalwat kull sena, b’kont meħud tal-progress li jkun sar fil-politiki u l-miżuri tal-Unjoni u tal-informazzjoni mill-Istati Membri. Kull sentejn, l-evalwazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-progress imbassar tal-Unjoni biex tilħaq il-miri tagħha ta’ tnaqqis u tal-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-applikazzjoni tat-tnaqqis titqies biss f’intervalli ta’ ħames snin biex ikun jista’ jitqies il-kontribut potenzjali ta’ art forestali, art deforestata, raba’ ġestita u bwar ġestiti li jkun qed iseħħ skont ir-Regolament (EU) 2018/841. Dak huwa mingħajr preġudizzju għad-dmir tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jew għas-setgħa tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedimenti ta’ ksur għal dan il-għan.

(30)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 525/2013 jiġi emendat skont dan.

(31)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari li jiġu stabbiliti obbligi fuq l-Istati Membri rigward il-kontributi minimi tagħhom għall-perijodu mill-2021 sal-2030 li jissodisfaw il-mira tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li jikkontribwixxu lejn il-ksib tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(32)

Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għal għanijiet nazzjonali iktar stretti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perijodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li fl-2030 l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra jitnaqqsu bi 30 % taħt il-livelli fl-2005 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn kategoriji ta’ sorsi tal-IPCC tal-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodott, l-agrikoltura u l-iskart kif iddeterminati skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013, minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 u l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament ma japplikax għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-assorbimenti koperti mir-Regolament (EU) 2018/841.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC “1.A.3.A l-avjazzjoni ċivili” għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal żero.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tfisser emissjonijiet f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti għad-CO2 ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), metan (CH4), ossidu nitruż (N2O), idrofluworokarburi (HFCs), perfluworokarburi (PFCs), trifluworur tan-nitroġenu (NF3) u eżafluworur tal-kubrit (SF6) iddeterminati skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(2)

“Allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet” tfisser l-emissjonijiet tal-gassijiet serra massimi permessi għal kull sena bejn l-2021 u l-2030 iddeterminati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10;

(3)

“Kwota EU ETS” tfisser “kwota” kif iddefinita fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 4

Il-livelli annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2021 sal-2030

1.   Fl-2030, kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu tal-inqas bil-perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness I fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu fl-2005, iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament u filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu f’kull sena bejn l-2021 u l-2029 ma jaqbżux il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu matul l-2016, l-2017 u l-2018 iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness I għal dan ir-Regolament. It-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda jew mill-ħames parti minn kull tnax tad-distanza mill-2019 sal-2020 jew fl-2020, skont liema tkun l-anqas allokazzjoni għal dak l-Istat Membru.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 kif speċifikat fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Għall-finijiet ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2005 u 2016 sa 2018 ippreżentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jindikaw il-valur għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra tal-2005 ta’ kull Stat Membru użati biex jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw ukoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3), il-kwantitajiet totali li jistgħu jitqiesu għall-konformità ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet totali tal-Istati Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta’ 100 miljun, il-kwantitajiet totali għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.

5.   Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14.

Artikolu 5

Flessibiltajiet permezz ta’ self, tfaddil u trasferiment

1.   Fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx l-10 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.

2.   Fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2029, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx il-5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.

3.   Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, b’kont meħud tal-użu ta’ flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’:

(a)

fir-rigward tas-sena 2021, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-snin sussegwenti sal-2030; u

(b)

fir-rigward tas-snin mill-2022 sal-2029, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa mhux aktar mil-livell ta’ 30 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa dik is-sena għas-snin sussegwenti sal-2030.

4.   Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa mhux aktar minn 5 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikolari lil Stati Membri oħra fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, u sa mhux aktar minn 10 % fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2030. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

5.   Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rieżaminati tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, filwaqt li jitqies l-użu ta’ flessibbiltajiet skont il-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’ jittrasferixxi dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stati Membri oħrajn. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għal dik is-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

6.   L-Istati Membri jistgħu jużaw id-dħul iġġenerat permezz ta’ trasferimenti ta’ allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan il-paragrafu.

7.   Kwalunkwe trasferiment tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 jista’ jirriżulta minn proġett jew programm ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra mwettaq fl-Istat Membru li jkun qed ibiegħ u li jiġi rimunerat mill-Istat Membru riċeventi, bil-kondizzjoni li li jiġi evitat l-għadd doppju u tiġi żgurata t-traċċabbiltà.

8.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-krediti minn proġetti maħruġa skont l-Artikolu 24a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ebda valur limitu kwantitattiva, bil-kondizzjoni li jiġi evitat l-għadd doppju.

Artikolu 6

Flessibbiltà għal ċerti Stati Membri wara tnaqqis fil-kwoti tal-EU ETS

1.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament jista’ jkollhom kanċellazzjoni limitata għal mhux iktar minn 100 miljun kwota EU ETS li jitqiesu kollettivament għall-konformità tagħhom skont dan ir-Regolament. Dik il-kanċellazzjoni għandha ssir mill-volumi tal-irkant tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Il-kwoti tal-EU ETS ikkunsidrati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala kwoti tal-EU ETS fiċ-ċirkolazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

Fl-ewwel rieżami tagħha skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk iżżommx il-kontijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness II għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 dwar kwalunkwe intenzjoni li jkollhom biex jagħmlu użu mill-kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sal-perċentwal elenkat fl-Anness II għal kull sena tal-perijodu mill-2021 sal-2030 għal kull Stat Membru kkonċernat, għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9.

L-Istati Membri elenkati fl-Anness II jistgħu jiddeċiedu li jirrevedu ’l isfel il-perċentwal notifikat darba fl-2024 u darba fl-2027. F’tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan sal-31 ta’ Diċembru 2024 jew sal-31 ta’ Diċembru 2027, rispettivament.

4.   Fuq talba ta’ Stat Membru, l-Amministratur Ċentrali maħtur skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87/KE (“l-Amministratur Ċentrali”) għandu jqis ammont li ma jaqbiżx it-total tal-kwantità ddeterminata skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għall-konformità ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament. Parti minn kull għaxra tal-kwantità totali tal-kwoti tal-EU ETS iddeterminati skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għal kull sena mill-2021 sal-2030 għal dak l-Istat Membru.

5.   Meta Stat Membru, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun innotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li jirrevedi ’l isfel il-perċentwal innotifikat preċedentement, kwantità ta’ kwoti tal-EU ETS korrispondentement aktar baxxa għandha tiġi kkanċellata għal dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ kull sena mill-2026 sal-2030 jew mill-2028 sal-2030, rispettivament.

Artikolu 7

Użu addizzjonali ta’ mhux aktar minn 280 miljun assorbiment nett mil-LULUCF

1.   Sal-punt li emissjonijiet ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu għal sena partikolari, inkluż kwalunkwe allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet mfaddla skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, kwantità ta’ mhux aktar mis-somma ta’ assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà tal-art ta’ art forestali, art deforestata, raba’ ġestita, bwar ġestiti, u, soġġetta għall-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, art forestali ġestita u art mistagħdra ġestita, kif imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/841, tista’ titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:

(a)

il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin kollha tal-perijodu mill-2021 sal-2030 ma taqbiżx l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;

(b)

din il-kwantità taqbeż ir-rekwiżiti ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841;

(c)

l-Istat Membru ma akkwistax aktar assorbimenti netti skont ir-Regolament (UE) 2018/841 mingħand Stati Membri oħra milli jkun ittrasferixxa;

(d)

l-Istat Membru kkonforma mar-Regolament (UE) 2018/841; u

(e)

l-Istat Membru ppreżenta deskrizzjoni tal-użu intenzjonat tal-flessibbiltà disponibbli skont dan il-paragrafu f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament biex temenda t-titolu tal-Anness III għalih fir-rigward tal-kategoriji kontabilistiċi tal-art sabiex:

(a)

ikun jirrifletti l-kontribut tal-kategorija kontabilistika tal-art għall-art forestali ġestita filwaqt li jirrispetta l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali għal kull Stat Membru msemmija fl-Anness III għal dan ir-Regolament, fejn jiġu adottati atti delegati li jistabbilixxu livelli ta’ referenza tal-foresti huma adottati skont l-Artikolu 8(6) jew (7) tar-Regolament (UE) 2018/841; u

(b)

ikun jirrifletti l-kontribut tal-kategorija kontabilistika tal-art ta’ art mistagħdra ġestita filwaqt li jirrispetta l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali għal kull Stat Membru msemmija fl-Anness III għal dan ir-Regolament, fejn l-Istati Membri kollha huma meħtieġa jagħtu rendikont ta’ din il-kategorija skont ir-Regolament (UE) 2018/841.

Artikolu 8

Azzjoni korrettiva

1.   Jekk il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni annwali tagħha ssib skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 u waqt li tqis l-użu maħsub tal-flessibbiltajiet imsemmi fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, li Stat Membru ma jkunx qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kummissjoni li jinkludi:

(a)

azzjonijiet addizzjonali li l-Istat Membru għandu jimplimenta sabiex iwettaq l-obbligi speċifiċi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ politiki u miżuri domestiċi u l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni;

(b)

skeda stretta ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, li tippermetti l-valutazzjoni tal-progress annwali fl-implimentazzjoni.

2.   Skont il-programm ta’ ħidma annwali tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex tivvaluta kwalunkwe pjan ta’ azzjoni korrettiva.

3.   Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni dwar kemm huma b’saħħithom il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva ppreżentati f’konformità mal-paragrafu 1 u f’dak il-każ għandha tagħmel dan fi żmien erba’ xhur mill-wasla ta’ dawk il-pjanijiet. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa u jista’ jirrevedi l-pjan tiegħu skont dan.

Artikolu 9

Kontroll tal-konformità

1.   Fl-2027 u fl-2032, jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra riveduti ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal kwalunkwe sena speċifika tal-perijodu, b’ kont meħud għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-flessibbiltajiet użati skont l-Artikoli 5, 6 u 7, għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)

żieda maċ-ċifra tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru tas-sena ta’ wara ugwali għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra żejda, immultiplikat b’fattur ta’ 1,08, skont il-miżuri adottati skont l-Artikolu 12; u

(b)

l-Istat Membru għandu jkun temporanjament ipprojbit milli jittrasferixxi kwalunkwe parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stat Membru ieħor sakemm jiġi konformi mal-Artikolu 4.

L-Amministratur Ċentrali għandu jimplimenta l-projbizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu fir-Reġistru tal-Unjoni.

2.   Jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru jew fil-perijodu mill-2021 sal-2025 jew fil-perijodu mill-2026 sal-2030 imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841 jaqbżu l-assorbimenti tiegħu, kif iddeterminati skont l-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament, l-Amministratur Ċentrali għandu jnaqqas mill-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru ammont ugwali għal dawk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra żejda f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 għas-snin rilevanti.

Artikolu 10

Aġġustamenti

1.   Il-Kummissjoni għandha taġġusta l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament sabiex jirriflettu:

(a)

l-aġġustamenti għall-għadd ta’ kwoti tal-EU ETS maħruġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE li rriżultaw minn bidla fil-kopertura tas-sorsi skont dik id-Direttiva, f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont dik id-Direttiva dwar l-approvazzjoni finali tal-pjanijiet ta’ allokazzjoni nazzjonali għall-perijodu mill-2008 sal-2012;

(b)

l-aġġustamenti għall-għadd ta’ kwoti jew krediti tal-EU ETS maħruġa, rispettivament, skont l-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi Stat Membru; u

(c)

l-aġġustamenti għall-għadd ta’ kwoti tal-EU ETS li jappartjenu għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn stallazzjonijiet esklużi mill-EU ETS skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE, għaż-żmien li jiġu esklużi.

2.   L-ammont li jinsab fl-Anness IV għandu jiżdied mal-allokazzjoni għas-sena 2021 għal kull Stat Membru msemmi f’dak l-Anness.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-figuri li jirriżultaw minn tali aġġustamenti.

Artikolu 11

Riżerva ta’ sikurezza

1.   Riżerva ta’ sikurezza li tikkorrispondi għal kwantità ta’ mhux aktar minn 105 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2 għandha tiġi stabbilita fir-Reġistru tal-Unjoni soġġett għall-ilħuq tal-mira tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1. Ir-riżerva ta’ sikurezza għandha tkun disponibbli flimkien mal-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

2.   Stat Membru jista’ jibbenefika mir-riżerva ta’ sikurezza bil-kondizzjoni li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-PDG tiegħu per capita bil-prezzijiet tas-suq fl-2013, kif ippubblikat mill-Eurostat f’April 2016, kien inqas mill-medja tal-Unjoni;

(b)

l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kumulattivi tiegħu għas-snin mill-2013 sal-2020 fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament huma inqas mill-allokazzjonijiet kumulattivi annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-snin mill-2013 sal-2020; u

(c)

l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu jaqbżu l-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet annwali fil-perijodu mill-2016 sal-2030, għalkemm:

(i)

ikun eżawrixxa l-flessibbiltajiet skont l-Artikolu 5(2) u (3);

(ii)

ikun għamel l-użu massimu possibbli mill-assorbimenti netti skont l-Artikolu 7, anke jekk dik il-kwantità ma tilħaqx il-livell stabbilit fl-Anness III; u

(iii)

ma jkun għamel l-ebda trasferiment nett lejn Stati Membri oħra skont l-Artikolu 5

3.   Stat Membru, li jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jirċievi kwantità addizzjonali mir-riżerva ta’ sikurezza ta’ mhux aktar min-nuqqas tiegħu li trid tintuża għall-konformità skont l-Artikolu 9. Dik il-kwantità ma għandhiex taqbeż l-20 % tas-superament tal-objettiv globali tiegħu fil-perijodu mill-2013 sal-2020.

Jekk il-kwantità kollettiva li tirriżulta li jirċievu l-Istati Membri kollha li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu taqbeż il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kwantità li tiġi riċevuta minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandha titnaqqas fuq bażi pro rata.

4.   Kwalunkwe ammont li jifdal fir-riżerva ta’ sikurezza wara d-distribuzzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jitqassam fost l-Istati Membri msemmija f’dak is-subparagrafu b’mod proporzjonali għan-nuqqas li jifdlilhom, iżda mingħajr ma dan jinqabeż. Għal kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, dik il-kwantità tista’ tkun addizzjonali għall-perċentwal imsemmi f’dak is-subparagrafu.

5.   Wara tmiem ir-rieżami msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 għas-sena 2020, il-Kummissjoni għandha, għal kull Stat Membru li jissodisfa l-kondizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tippubblika l-ammonti korrispondenti għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali fil-perijodu mill-2013 sal-2020 kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Reġistru

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13 biex tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-kontabbiltà preċiża skont dan ir-Regolament permezz tar-Reġistru tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda:

(a)

l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet;

(b)

il-flessibbiltajiet eżerċitati skont l-Artikoli 5, 6 u 7

(c)

il-kontrolli tal-konformità skont l-Artikolu 9;

(d)

l-aġġustamenti skont l-Artikolu 10; u

(e)

ir-riżerva ta’ sikurezza skont l-Artikolu 11.

2.   L-Amministratur Ċentrali għandu jwettaq kontroll awtomatizzat fuq kull tranżazzjoni fir-Reġistru tal-Unjoni li jirriżulta minn dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, għandu jwaqqaf xi tranżazzjonijiet biex jiżgura li ma jkunx hemm irregolaritajiet.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2) u 12(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 7(2) u 12(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(2) u 12(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 525/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 15

Rieżami

1.   Dan ir-Regolament għandu jinżamm taħt eżami filwaqt li titqies fost l-oħrajn l-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali, tal-modi li bihom is-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tal-iżviluppi internazzjonali, u tal-isforzi mwettqa għall-kisba tal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien sitt xhur minn kull analiżi globali maqbula skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, dwar l-operat ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-allokazzjonijiet, kif ukoll dwar il-kontribut ta’ dan ir-Regolament għall-mira globali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 tal-Unjoni u l-kontribut tiegħu għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni minħabba t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inkluż qafas għal wara l-2030, u tista’ tagħmel proposti jekk xieraq.

Dawk ir-rapporti għandhom iqisu l-istrateġiji mħejjija skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-formulazzjoni ta’ strateġija fit-tul tal-Unjoni.

Artikolu 16

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 525/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

mill-2023, l-emissjonijiet antropoġeniċi tagħhom ta’ gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għas-sena X-2, skont ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UNFCCC;

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).”;"

(b)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri għandhom ta’ kull sena jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe intenzjoni li jużaw il-flessibbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4) u (5) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/842, kif ukoll dwar l-użu tad-dħul skont l-Artikolu 5(6) ta’ dak ir-Regolament. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi dik l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament.”;

(2)

fil-punt (c) tal-Artikolu 13(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(ix)

mill-2023, informazzjoni dwar politiki u miżuri nazzjonali implimentati biex jintlaħqu l-impenji tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/842 u informazzjoni dwar politiki u miżuri nazzjonali addizzjonali ppjanati maħsuba bil-għan li jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra lil hinn mill-impenji tagħhom skont dak ir-Regolament;”;

(3)

fl- Artikolu 14(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

mill-2023, projezzjonijiet totali ta’ gassijiet serra u stimi separati għall-emissjonijiet projettati ta’ gassijiet serra għall-fonti tal-emissjonijiet koperti -mir-Regolament (UE) 2018/842 u mid-Direttiva 2003/87/KE.”;

(4)

fl-Artikolu 21(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(c)

l-obbligi skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/842. L-evalwazzjoni għandha tqis il-progress fil-politiki u l-miżuri tal-Unjoni u informazzjoni mill-Istati Membri. Kull sentejn, l-evalwazzjoni għandha tinkludi l-progress projettat tal-Unjoni lejn l-implimentazzjoni tal-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali lejn il-Ftehim ta’ Pariġi li jħaddan l-impenn tal-Unjoni għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha u l-progress projettat tal-Istati Membri lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dak ir-Regolament.”.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 103.

(2)  ĠU C 272, 17.8.2017, p. 36.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2018.

(4)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(6)  Il-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/162/UE tas-26 ta’ Marzu 2013 dwar kif għandhom jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perijodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 28.3.2013, p. 106).

(10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/634/UE tal-31 ta’ Ottubru 2013 dwar l-aġġustamenti fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 292, 1.11.2013, p. 19).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018

dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS I

TNAQQIS FL-EMISSJONIJIET TAL-GASSIJIET SERRA TAL-ISTATI MEMBRI SKONT L-ARTIKOLU 4(1)

 

It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri fl-2030 fir-rigward tal-livelli tagħhom fl-2005 ddeterminati skont l-Artikolu 4(3)

Belġju

–35  %

Bulgarija

–0  %

Repubblika Ċeka

–14  %

Danimarka

–39  %

Ġermanja

–38  %

Estonja

–13  %

Irlanda

–30  %

Greċja

–16  %

Spanja

–26  %

Franza

–37  %

Kroazja

–7  %

Italja

–33  %

Ċipru

–24  %

Latvja

–6  %

Litwanja

–9  %

Lussemburgu

–40  %

Ungerija

–7  %

Malta

–19  %

Netherlands

–36  %

Awstrija

–36  %

Polonja

–7  %

Portugall

–17  %

Rumanija

–2  %

Slovenja

–15  %

Slovakkja

–12  %

Finlandja

–39  %

Żvezja

–40  %

Renju Unit

–37  %


ANNESS II

L-ISTATI MEMBRI LI JISTA’ JKOLLHOM KANĊELLAZZJONI LIMITATA TAL-KWOTI TAL-EU ETS LI JITQIESU GĦALL-KONFORMITÀ SKONT L-ARTIKOLU 6

 

Perċentwal massimu tal-emissjonijiet għall-2005 ddeterminati skont l-Artikolu 4(3)

Belġju

2  %

Danimarka

2  %

Irlanda

4  %

Lussemburgu

4  %

Malta

2  %

Netherlands

2  %

Awstrija

2  %

Finlandja

2  %

Żvezja

2  %


ANNESS III

L-ASSORBIMENTI NETTI TOTALI MINN ARTIJIET FORESTALI, ARTIJIET DEFORESTATI, RABA’ ĠESTITA U BWAR ĠESTITI LI L-ISTATI MEMBRI JISTGĦU JQISU GĦALL-KONFORMITÀ GĦALL-PERIJODU MILL-2021 SAL-2030 SKONT IL-PUNT (A) TAL-ARTIKOLU 7(1)

 

Ammont massimu espress f’miljuni ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2

Belġju

3,8

Bulgarija

4,1

Repubblika Ċeka

2,6

Danimarka

14,6

Ġermanja

22,3

Estonja

0,9

Irlanda

26,8

Greċja

6,7

Spanja

29,1

Franza

58,2

Kroazja

0,9

Italja

11,5

Ċipru

0,6

Latvja

3,1

Litwanja

6,5

Lussemburgu

0,25

Ungerija

2,1

Malta

0,03

Netherlands

13,4

Awstrija

2,5

Polonja

21,7

Portugall

5,2

Rumanija

13,2

Slovenja

1,3

Slovakkja

1,2

Finlandja

4,5

Żvezja

4,9

Renju Unit

17,8

Total massimu:

280


ANNESS IV

AMMONT TAL-AĠĠUSTAMENT SKONT L-ARTIKOLU 10(2)

 

Tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2

Bulgarija

1 602 912

Repubblika Ċeka

4 440 079

Estonja

145 944

Kroazja

1 148 708

Latvja

1 698 061

Litwanja

2 165 895

Ungerija

6 705 956

Malta

774 000

Polonja

7 456 340

Portugall

1 655 253

Rumanija

10 932 743

Slovenja

178 809

Slovakkja

2 160 210