7.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/838

tal-31 ta' Mejju 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti fi strat mhux riutilizzabbli li jintuża flimkien ma' potty tat-tfal magħmul minn borża tal-plastik li fil-qiegħ tagħha jkollha mwaħħal pedd assorbenti magħmula minn ħafna saffi tal-karti u minn polimeru superassorbenti tal-poliakrilat fil-forma ta' granuli.

Dawn il-granuli superassorbenti tal-poliakrilat jinbidlu f'ġel hekk kif jiġu f'kuntatt mal-awrina.

3924 90 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata bir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda kif ukoll bil-kliem tal-Kodiċijiet NM 3924 u 3924 90 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 4818 hija eskluża peress li l-karattru essenzjali tal-prodott ma jingħatax bil-komponenti tal-karta tiegħu iżda bil-polimeru superassorbenti tal-poliakrilat.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9619 hija eskluża peress li l-prodott mhuwiex magħmul biex jiġi adattat għall-ġisem tal-bniedem (ara wkoll in-Noti ta' Spjega għas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 9619 ).

Il-prodott huwa magħmul minn taħlita ta' plastik u ta' materjali oħra. Prodott li jiġbor flimkien plastik u materjali oħra huwa klassifikat fil-Kapitolu 39 sakemm iżomm il-karattru essenzjali tal-oġġetti tal-plastik (ara wkoll in-Noti Ġenerali tal-Kapitolu 39 tal-NSSA).

Il-karattru essenzjali tal-prodott huwa pprovdut bil-polimeru superassorbenti; il-karta titqies li għandha biss funzjoni ta' appoġġ jew ta' imballaġġ.

Għaldaqstant il-prodott għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 3924 90 00 bħala oġġetti oħrajn tad-dar u oġġetti tal-iġjene jew tat-twaletta, tal-plastiks.