25.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/68


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/764

tat-2 ta' Mejju 2018

dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 80 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dħul tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) jikkonsisti f'kontribuzzjoni mingħand l-Unjoni u t-tariffi u l-imposti mħallsa mill-applikanti għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u deċiżjonijiet għall-approvazzjoni, it-trattament tal-appelli u servizzi oħra pprovduti mill-Aġenzija skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/796.

(2)

It-tariffi u l-imposti li jitħallsu lill-Aġenzija jenħtieġ jiġu stipulati b'mod trasparenti, ġust u uniformi, b'mod partikolari mal-għan tas-simplifikazzjoni. Jenħtieġ li ma jirriżultawx fl-impożizzjoni ta' piż finanzjarju bla bżonn fuq l-intrapiżi u li ma jipperikolawx il-kompetittività tas-settur ferrovjarju Ewropew.

(3)

Il-kalkolu ta' tariffi u imposti jenħtieġ li jqis l-ispejjeż tal-persunal u tal-esperti esterni involuti fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, fejn rilevanti. Jenħtieġ ukoll jitqiesu l-ispejjeż tas-servizzi ta' appoġġ u tal-attivitajiet relatati mal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe spiża operazzjonali oħra għall-għoti ta' dawk is-servizzi. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu relatati u proporzjonati mal-attivitajiet rilevanti u jenħtieġ li ma jkunux diskriminatorji.

(4)

It-tariffi u l-imposti applikati mill-Aġenzija jenħtieġ ikopru l-ispejjeż kollha tas-servizzi mogħtija mill-Aġenzija.

(5)

Iż-żmien li tkun ħadet l-Aġenzija biex tipprovdi dawn is-servizzi jenħtieġ jiġi ffatturat b'rata fis-siegħa, sakemm il-maturità tas-sistema tkun tippermetti sistema ta' rati fissi. It-tariffi u l-imposti tal-Aġenzija għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jevita li jkun hemm defiċit jew akkumulazzjoni sinifikanti ta' surplus, skont ir-Regolament (UE) 2016/796.

(6)

Jenħtieġ li l-ammonti pagabbli ma jkunux jiddependu minn fejn ikun stabbilit l-applikant, jew mil-lingwa li tkun intużat għall-applikazzjoni. Għalhekk, l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-ispejjeż tat-traduzzjoni b'rabta mal-parti tal-applikazzjoni pproċessata mill-Aġenzija jenħtieġ jiġu aggregati u maqsuma fost l-applikazzjonijiet kollha.

(7)

Jenħtieġ li t-tariffi u l-imposti jiġu stabbiliti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. L-impriżi għandu jkollhom il-possibbiltà li jaqsmu l-pagament f'diversi ħlasijiet jekk ikun hemm bżonn.

(8)

L-applikanti ġew iggarantiti d-dritt għall-appell fi ħdan ir-Regolament (UE) 2016/796 u għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-għajnuna u jeżerċitaw dan id-dritt kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija. Għalhekk, il-ħlas tat-tariffi u tal-imposti għal appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija ma għandux ikun prerekwiżit biex appell jitqies li hu ammissibbli. It-tariffi u l-imposti jenħtieġ jintalbu biss għall-ipproċessar ta' appelli f'każijiet fejn l-appell jiġi miċħud.

(9)

F'konformità mal-ġestjoni tajba tal-proġett, l-applikant jenħtieġ ikollu l-possibbiltà li jitlob stima. Kemm jista' jkun, l-applikant jenħtieġ jiġi infurmat bl-ammont li aktarx ikollu jħallas u bil-mod li għandu jsir il-ħlas. Il-limiti taż-żmien għall-ħlas tat-tariffi u tal-imposti jeħtieġ jiġu stabbiliti.

(10)

Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar it-tariffi stabbiliti f'dan ir-Regolament tkun disponibbli pubblikament. Kull reviżjoni futura tat-tariffi imposti mill-Aġenzija jenħtieġ li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni trasparenti tal-ispejjeż tal-Aġenzija u l-ispejjeż rilevanti li jirriżultaw mill-kompiti mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat skont l-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) 2016/796.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi t-tariffi u l-imposti pagabbli lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 14, 20, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/796 kif ukoll għall-forniment ta' servizzi oħra skont l-għanijiet li għalihom ġiet stabbilita l-Aġenzija. Jispeċifika wkoll il-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu ta' dawk it-tariffi u l-imposti u l-kundizzjonijiet tal-ħlas.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll proċeduri biex jiżguraw it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-prinċipji bażiċi oħra tal-liġi Ewropea f'rabta mal-ispejjeż tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (“NSAs”) għall-ipproċessar nazzjonali ta' parti mill-applikazzjonijiet li għalihom hija responsabbli l-Aġenzija skont l-Artikoli 14, 20, u 21 tar-Regolament (UE) 2016/796.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għat-tariffi u l-imposti ċċarġjati għall-attivitajiet tal-NSAs li ġejjin:

(a)

l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal ċertifikati tas-sikurezza uniċi skont l-Artikolu 10(8) tad-Direttiva (UE) 2016/798 (2) u l-proċess ta' impenn preliminari stipulat fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763 (3),

(b)

l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tal-vetturi għall-kummerċjalizzazzjoni jew l-awtorizzazzjonijiet tat-tip tal-vetturi skont l-Artikoli 21(8) u 24(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 (4) u l-proċess ta' impenn preliminari stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 (5);

(c)

l-għoti ta' opinjoni dwar it-talba għal approvazzjoni tat-tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(d)

l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet temporanji għal testijiet fuq il-post skont l-Artikolu 21(3) u (5) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

Artikolu 2

Tipi ta' tariffi u imposti

1.   L-Aġenzija għandha timponi tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, inkluż għall-ħruġ tal-estimi u meta applikazzjoni tiġi rtirata mill-applikant, jew meta l-Aġenzija temenda deċiżjoni. L-Aġenzija tista' wkoll timponi tariffi meta tirrevoka deċiżjoni preċedenti minħabba n-nuqqas ta' konformità tad-detentur tal-awtorizzazzjoni jew taċ-ċertifikazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

applikazzjonijiet tal-vetturi għall-kummerċjalizzazzjoni jew awtorizzazzjonijiet tat-tip għall-vetturi skont l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva (UE) 2016/796;

(b)

applikazzjonijiet għal ċertifikati tas-sikurezza uniċi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(c)

applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet għall-approvazzjoni ta' soluzzjoni ta' tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS mat-TSI rilevanti skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(d)

appelli msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/796, skont l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Aġenzija għandha timponi imposti għall-forniment ta' servizzi li ma jissemmewx fil-paragrafu 1, mitluba minn applikant jew kwalunkwe persuna oħra. B'mod partikolari, għandha timponi tariffi għall-proċess ta' impenn preliminari previst fir-Regolament (UE) 2018/545 u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/763.

4.   L-Aġenzija għandha tippubblika lista tas-servizzi fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 3

Kalkolu tat-tariffi u tal-imposti

1.   L-ammont tat-tariffi u tal-imposti għandu jkun it-total ta' dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' sigħat li ħadu l-istaff tal-Aġenzija u l-esperti esterni biex jipproċessaw l-applikazzjoni immultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija; u

(b)

l-ispejjeż rilevanti tal-NSAs li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tapplika rata fis-siegħa ta' EUR 130 għall-finijiet tal-paragrafu 1(a).

Artikolu 4

Estimi tat-tariffi u tal-imposti

1.   L-Aġenzija, fuq talba tal-applikant, għandha toħroġ stima mhux vinkolanti tal-ammont tat-tariffi u tal-imposti marbuta mal-applikazzjoni jew mat-talba għas-servizzi u tagħti informazzjoni dwar meta se jinħarġu l-fatturi.

L-NSAs li huma involuti fl-ipproċessar ta' applikazzjoni għandhom jipprovdu stima mhux vinkolanti tal-ispejjeż tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) lill-Aġenzija biex tkun inkluża fl-estimi maħruġa mill-Aġenzija.

2.   Matul l-ipproċessar ta' applikazzjoni, l-Aġenzija u l-NSAs għandhom jimmonitorjaw l-ispejjeż tagħhom. Fuq talba tal-applikant, meta jkun hemm riskju li l-ispejjeż jisbqu l-istima b'aktar minn 15 %, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-applikant dwar dan.

3.   Meta l-ipproċessar ta' applikazzjoni jew servizz idum aktar minn sena, l-applikant jista' jitlob stima ġdida.

4.   Meta jintalab il-ħruġ tal-estimi u xi rieżami tagħhom, l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 19(4) u l-Artikolu 21(6) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798 jistgħu jiġu sospiżi għal massimu ta' għaxart ijiem ta' xogħol.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet tal-ħlas

1.   L-Aġenzija għandha toħroġ fattura għat-tariffi u l-imposti dovuti fi żmien 30 jum kalendarju mid-data

(a)

tad-deċiżjoni tal-Aġenzija jew il-Bord tal-Appell; jew

(b)

ta' meta s-servizz mogħti ntemm; jew

(c)

tal-irtirar ta' applikazzjoni; jew

(d)

ta' kwalunkwe avveniment ieħor li jwassal għall-waqfien tal-ipproċessar ta' applikazzjoni

2.   Il-fattura għandha tagħti d-dettalji:

(a)

tal-għadd ta' sigħat ta' xogħol tal-Aġenzija; u

(b)

fejn rilevanti, tal-ispejjeż mitluba għal kull NSA responsabbli. Dawn għandhom ikunu speċifikati b'rabta mal-kompitu u maż-żmien meħud jew fil-forma ta' rati fissi applikati għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni.

3.   L-NSAs għandhom jipprovdu lill-Aġenzija b'dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-kontribut tagħhom biex jiġu inklużi fil-fattura maħruġa mill-Aġenzija, mhux aktar tard minn meta l-Aġenzija titlobha. Id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għandha tagħti d-dettalji ta' kif dawn l-ispejjeż ġew ikkalkulati.

4.   Il-ħlas tat-tariffi u l-imposti għandhom ikunu denominati u pagabbli fil-munita euro.

5.   L-Aġenzija għandha tinnotifika lill-applikanti bid-deċiżjoni u toħroġ fattura permezz tal-One Stop Shop imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/796.

6.   L-Aġenzija tista' tiffattura għall-ammonti intermedjarji kull sitt xhur.

7.   Il-ħlas tat-tariffi u tal-imposti għandu jsir permezz ta' trasferiment lill-kont tal-bank tal-Aġenzija indikat għal dak l-iskop.

8.   L-applikanti għandhom jiżguraw li l-Aġenzija tirċievi l-ammonti dovuti, inkluż kull imposta bankarja relatata ma' dak il-ħlas, fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tan-notifika ta' dik il-fattura.

9.   Meta l-applikant ikun impriża żgħira jew ta' daqs medju, l-Aġenzija għandha tqis talbiet għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta' żmien għall-ħlas u l-ħlas bi ħlasijiet parzjali.

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, impriżi żgħar u ta' daqs medju tfisser impriżi li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat totali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew total tal-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun.

10.   L-NSAs għandhom jirċievu rimborż tal-ispejjeż imġarrba għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjonijiet fi żmien l-iskadenzi msemmija fil-paragrafi 8 u 9.

Artikolu 6

Nuqqas ta' pagament

1.   Meta l-Aġenzija ma tkunx irċeviet il-pagament fi żmien il-perjodi mniżżla fl-Artikolu 5(8) u (9), tista' tiċċarġja l-imgħax għal kull jum kalendarju sakemm jasal il-ħlas u għandha tapplika r-regoli tal-irkupru previsti fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

2.   Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data ta' skadenza, miżjuda bi tmien punti perċentwali.

3.   Fejn l-Aġenzija jkollha provi li l-kapaċità finanzjarja tal-applikant tkun f'riskju, hija tista' tirrifjuta applikazzjoni sakemm l-applikant jipprovdi garanzija bankarja jew depożitu garantit.

4.   L-Aġenzija tista' wkoll tirrifjuta applikazzjoni ġdida jekk l-applikant ma jissodisfax l-obbligi tal-ħlas tiegħu li jirriżultaw minn kompiti jew servizzi preċedenti ta' awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u approvazzjoni mwettqa mill-Aġenzija, sakemm l-applikant ma jkunx ħallas l-ammonti pendenti dovuti għal dawk il-kompiti jew dawk is-servizzi ta' awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u approvazzjoni pprovduti.

5.   L-Aġenzija għandha tieħu l-passi legali kollha xierqa biex tiżgura l-ħlas sħiħ tal-fatturi maħruġa. Għal dan il-għan, l-NSAs li ppreżentaw dikjarazzjoni ta' spejjeż għar-rimborż għandhom jappoġġaw l-Aġenzija f'dan il-proċess.

Artikolu 7

Appell u tariffi għall-appell

1.   L-Aġenzija għandha timponi tariffa għal kull appell li jiġi miċħud jew irtirat.

2.   It-tariffi għall-appelli għandhom ikunu ta' EUR 10 000 jew daqs l-ammont mitlub għad-deċiżjoni appellata, liema minnhom ikun l-aktar baxx.

3.   Ir-Reġistratur tal-Bord tal-Appell għandu jinforma lill-appellant bil-kundizzjonijiet tal-ħlas. L-appellant għandu jkollu 30 jum kalendarju għall-ħlas mid-data tan-notifika tal-fattura.

4.   L-applikant jista' jappella t-tariffi u l-imposti ffatturati mal-Bord tal-Appell.

Artikolu 8

Pubblikazzjoni u reviżjoni tar-rati

1.   L-Aġenzija għandha tippubblika r-rata fis-siegħa tagħha msemmija fl-Artikolu 3, fuq is-sit web tagħha.

2.   L-NSAs għandhom jippubblikaw ir-rati rilevanti biex jistabbilixxu l-ispejjeż tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 3(1)(b). Meta l-NSA tapplika rata fissa, għandha tispeċifika għal liema każijiet ta' awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni se tapplika r-rata fissa.

3.   Is-sit web tal-Aġenzija għandu jkollha link għal dik l-informazzjoni.

4.   L-Aġenzija għandha tinkludi fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/796 l-informazzjoni dwar l-elementi li jservu ta' bażi għar-rata fis-siegħa, ir-riżultati finanzjarji u l-previżjonijiet.

Artikolu 9

Proċeduri tal-Aġenzija

1.   Sabiex issir distinzjoni bejn dħul u nfiq minn attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Aġenzija għandha:

(a)

tirċievi u żżomm id-dħul iġġenerat mit-tariffi u l-imposti f'kont bankarju separat;

(b)

tirrapporta kull sena dwar id-dħul u n-nefqa totali attribwibbli għall-attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti kif ukoll l-istruttura tal-ispejjeż u l-prestazzjoni.

2.   Jekk fi tmiem sena finanzjarja, id-dħul ġenerali mit-tariffi u l-imposti jeċċedi l-ispiża totali tal-attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti, l-eċċess għandu jinżamm f'riżerva baġitarja u għandu jintuża biex jittratta s-surpluses u d-defiċits skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

3.   Is-sostenibbiltà tad-dħul minn attivitajiet soġġetti għat-tariffi u l-imposti għandhom jiġu żgurati.

Artikolu 10

Evalwazzjoni u Reviżjoni

1.   Is-sistema ta' tariffi u imposti għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni darba kull sena finanzjarja. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati finanzjarji preċedenti tal-Aġenzija u fuq l-istima tagħha tal-infiq u d-dħul. Għandha wkoll tkun relatata mad-Dokument ta' Pprogrammar Uniku tal-Aġenzija.

2.   Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tariffi u l-imposti abbażi tal-valutazzjoni tar-riżultati finanzjarji u tal-previżjonijiet tal-Aġenzija.

3.   Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 8, dan ir-Regolament għandu jiġi rivedut qabel is-16 ta' Ġunju 2022 bil-ħsieb tal-introduzzjoni progressiva tat-tariffi fissi.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament 2018/545 u fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/763, ix-xogħol li jkun sar qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-Aġenzija ma għandux ikun kopert mit-tariffi u l-imposti f'dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-Sibt, 16 ta' Frar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/763 tad-9 ta' April 2018 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi għall-impriżi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 (ara l-paġna 49 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 tal-4 ta' April 2018 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-awtorizzazzjoni ta' vetturi ferrovjarji u għall-proċess tal-awtorizzazzjoni tat-tip ta' vetturi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 66).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).