25.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/26


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/762

tat-8 ta' Marzu 2018

li jistabbilixxi metodi komuni ta' sikurezza dwar ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(6) tagħha.

Wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni ERA-REC-115-REC tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fid-9 ta' Marzu 2017, dwar ir-reviżjoni tal-metodi komuni tas-sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità u l-metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni,

Billi:

(1)

Il-metodi komuni tas-sikurezza (CSMs) jiddeskrivu kif jiġu vvalutati l-livelli tas-sikurezza u l-kisba tal-miri tas-sikurezza, kif ukoll il-konformità ma' rekwiżiti oħra tas-sikurezza.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva (UE) 2016/798, is-CSMs għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari, billi jitqiesu l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tagħhom u l-iżvilupp globali tas-sikurezza ferrovjarja bl-għan li s-sikurezza tinżamm b'mod ġenerali u, fejn raġonevolment prattikabbli, titjieb b'mod kontinwu.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tagħha tal-1 ta' Settembru 2016 (2), il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (l-“Aġenzija”) f'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 biex tirrevedi r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 (3), (UE) Nru 1169/2010 (4) u (UE) Nru 1077/2012 (5). Biex tindirizza l-mandat tal-Kummissjoni, fid-9 ta' Marzu 2017, l-Aġenzija ħarġet ir-rakkomandazzjoni tagħha li tinkludi rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, tas-sħab soċjali u tal-utenti u rapport li jivvaluta l-impatt tas-CSMs emendati li għandhom jiġu adottati. Il-Kummissjoni eżaminat ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Aġenzija biex tivverifika li l-mandat ġie sodisfatt kif imsemmi fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(4)

L-għan tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza huwa li jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jiksbu l-għanijiet tan-negozju tagħhom b'mod sikur. Ħafna drabi s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tkun integrata ma' sistemi oħra tal-ġestjoni biex tiżdied il-prestazzjoni ġenerali tal-organizzazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż filwaqt li jiġu mutwalizzati l-isforzi fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni. Għal dan l-għan, il-qafas komuni tal-Istruttura ta' Livell Għoli tal-ISO (6) jintuża biex jiġu raggruppati b'mod funzjonali r-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/798. Dan il-qafas jiffaċilita wkoll il-fehim u l-applikazzjoni ta' approċċ ta' proċess mill-impriżi ferrovjarji u mill-amministraturi tal-infrastruttura fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni, fiż-żamma u fit-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom.

(5)

Ladarba jingħatalu ċertifikat ta' sikurezza uniku jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza, l-applikant għandu jkompli juża s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(6)

L-imġiba umana għandha rwol ċentrali fit-tħaddim sikur u effiċjenti tal-ferroviji. F'każ li dik l-imġiba titqies bħala kontributur għal aċċident jew inċident, jista' jkun li kien hemm fatturi organizzattivi, bħall-ammont ta' xogħol jew id-disinn tal-impjieg, li kellhom influwenza fuq dik l-imġiba, u għalhekk wasslu għal prestazzjoni aktar baxxa u aggravaw il-konsegwenzi ta' dak l-aċċident jew inċident. Għalhekk, huwa essenzjali li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jieħdu approċċ sistematiku biex jappoġġaw il-prestazzjoni umana u l-ġestjoni ta' fatturi umani u organizzattivi fi ħdan is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza.

(7)

Il-mod kif is-sikurezza hija meqjusa, vvalutata u prijoritizzata f'organizzazzjoni jirrifletti l-impenn reali lejn is-sikurezza fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni. Għalhekk, huwa importanti li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jidentifikaw l-azzjonijiet u l-imġiba li jistgħu jsawru kultura ta' sikurezza pożittiva u jippromwovu, permezz tas-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza, din il-kultura ta' fiduċja reċiproka, kunfidenza u tagħlim li fiha l-persunal jiġi mħeġġeġ jagħti l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp tas-sikurezza billi jirrapporta l-okkorrenzi perikolużi u billi jipprovdi informazzjoni relatata mas-sikurezza.

(8)

Is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jenħtieġ li tqis il-fatt li d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (7) u d-Direttivi individwali rilevanti tagħha jiġu applikati b'mod sħiħ għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema involuti fil-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tal-ferroviji. Din ma toħloqx responsabbiltajiet jew kompiti addizzjonali għall-awtorità tal-ħruġ għajr biex tivverifika jekk ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza tqisux mill-applikant għal ċertifikat ta' sikurezza uniku jew għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza. Ir-responsabbiltà għall-verifika tal-konformità mad-Direttiva 89/391/KEE xorta tista' tingħata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra maħtura mill-Istati Membri.

(9)

Fejn rilevanti, jenħtieġ li s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tqis ir-riskji addizzjonali potenzjali ġġenerati mit-trasport ta' oġġetti perikolużi bil-ferrovija u għalhekk, għandha tqis ukoll id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(10)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010 mhux se jibqgħu validi, u għalhekk jenħtieġ li jiġu sostitwiti b'dan ir-Regolament.

(11)

Fir-rigward taċ-ċertifikati tas-sikurezza, skont l-Artikolu 10(15) tad-Direttiva (UE) 2016/798 l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' titlob reviżjoni taċ-ċertifikati ta' sikurezza wara bidliet sostanzjali fil-qafas regolatorju tas-sikurezza. Il-bidliet introdotti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/798 u minn dan ir-Regolament, anke jekk huma rilevanti u importanti, mhumiex sostanzjali. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1158/2010 japplika għaċ-ċertifikati ta' sikurezza maħruġa skont id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), sad-data tal-iskadenza tagħhom. Għall-istess raġuni, jeħtieġ ukoll li jiġi pospost it-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1158/2010 sa tmiem l-aħħar jum tal-perjodu li fih l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jibqgħu japplikaw għal finijiet ta' superviżjoni. Barra minn hekk, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/798, iċ-ċertifikati ta' sikurezza eżistenti jibqgħu soġġetti għad-Direttiva 2004/49/KE, li fuqha kien ibbażat ir-Regolament (UE) Nru 1158/2010.

(12)

Fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, skont l-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista' titlob ir-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza wara bidliet sostanzjali fil-qafas regolatorju tas-sikurezza. Il-bidliet introdotti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/798 u minn dan ir-Regolament, anke jekk huma rilevanti u importanti, mhumiex sostanzjali. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1169/2010 japplika għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa f'konformità mad-Direttiva 2004/49/KE, sad-data tal-iskadenza tagħhom. Għall-istess raġuni, jeħtieġ ukoll li jiġi pospost it-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1169/2010 sa tmiem l-aħħar jum tal-perjodu li fih l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jibqgħu japplikaw għal finijiet ta' superviżjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi metodi komuni ta' sikurezza (“CSMs”) dwar ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza relatati mal-impriżi ferrovjarji u mal-amministraturi tal-infrastruttura, kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta' ċertifikati ta' sikurezza uniċi u ta' awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont id-Direttiva (UE) 2016/798.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza” tfisser il-korp responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' sikurezza uniku, jiġifieri l-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

Artikolu 3

Rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza relatati mal-impriżi ferrovjarji

L-impriżi ferrovjarji għandhom jistabbilixxu s-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

Dawk ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandhom japplikaw għaċ-ċertifikati ta' sikurezza uniċi msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/798, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet u tas-superviżjoni.

Artikolu 4

Rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza relatati mal-amministraturi tal-infrastruttura

L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jistabbilixxu s-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

Dawk ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2016/798, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet u tas-superviżjoni.

Artikolu 5

Tħassir

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010 jitħassru b'effett mis-16 ta' Ġunju 2025.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2019 fl-Istati Membri li ma jkunux innotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798. Għandu japplika fl-Istati Membri kollha mis-16 ta' Ġunju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Settembru 2016 dwar mandat lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għar-reviżjoni tal-metodi komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità u tal-metodi komuni ta' sikurezza għas-superviżjoni u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2014) 1649 final (C(2016) 5504 final).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex jinkisbu ċertifikati tas-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 326, 10.12.2010, p. 11).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1169/2010 tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 327, 11.12.2010, p. 13).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012 tas-16 ta' Novembru 2012 dwar metodu komuni ta' sikurezza għas-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat ta' sikurezza jew awtorizzazzjoni ta' sikurezza (ĠU L 320, 17.11.2012, p. 3).

(6)  Id-Direttivi ISO/IEC, il-Parti 1, is-suppliment konsolidat 2016, l-Appendiċi 2 tal-Anness SL.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(9)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).


ANNESS I

Rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza relatati mal-impriżi ferrovjarji

1.   KUNTEST TAL-ORGANIZZAZZJONI

1.1.   L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tiddeskrivi t-tip, il-firxa u ż-żona tal-operazzjonijiet tagħha;

(b)

tidentifika r-riskji serji għas-sikurezza kkawżati mill-operazzjonijiet ferrovjarji tagħha, kemm jekk jitwettqu mill-organizzazzjoni nnifisha jew minn kuntratturi, sħab jew fornituri li jinsabu taħt il-kontroll tagħha;

(c)

tidentifika l-partijiet interessati (eż. il-korpi regolatorji, l-awtoritajiet, l-amministraturi tal-infrastruttura, il-kuntratturi, il-fornituri, is-sħab), inkluż dawk il-partijiet esterni għas-sistema ferrovjarja, li huma rilevanti għas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(d)

tidentifika u żżomm ir-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti l-oħra relatati mas-sikurezza mill-partijiet interessati msemmija fil-punt (c);

(e)

tiżgura li r-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) jitqiesu fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fiż-żamma tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(f)

tiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, li jindika liema parti tan-negozju hija inkluża jew le fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti msemmija fil-punt (d).

2.   TMEXXIJA

2.1.   Tmexxija u impenn

2.1.1.   Il-maniġment superjuri għandu juri tmexxija u impenn lejn l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u t-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza billi:

(a)

jassumi l-obbligu ta' rendikont u r-responsabbiltà ġenerali għas-sikurezza;

(b)

jiżgura impenn lejn is-sikurezza min-naħa tal-amministrazzjoni fil-livelli differenti fi ħdan l-organizzazzjoni permezz tal-attivitajiet tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal u mal-kuntratturi;

(c)

jiżgura li l-politika u l-għanijiet tas-sikurezza jkunu stabbiliti, mifhuma u kompatibbli mad-direzzjoni strateġika tal-organizzazzjoni;

(d)

jiżgura l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza fil-proċessi tan-negozju tal-organizzazzjoni;

(e)

jiżgura li r-riżorsi meħtieġa għas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jkunu disponibbli;

(f)

jiżgura li s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tkun effettiva fil-kontroll tar-riskji għas-sikurezza kkawżati mill-organizzazzjoni;

(g)

iħeġġeġ lill-persunal sabiex jappoġġa l-konformità mar-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(h)

jippromwovi t-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(i)

jiżgura li titqies is-sikurezza fl-identifikazzjoni u fil-ġestjoni tar-riskji marbuta man-negozju tal-organizzazzjoni u fl-ispjegazzjoni dwar kif il-kunflitt bejn is-sikurezza u l-għanijiet l-oħra tan-negozju se jiġu rikonoxxuti u riżolti;

(j)

jippromwovi kultura ta' sikurezza pożittiva.

2.2.   Politika ta' sikurezza

2.2.1.   Il-maniġment superjuri għandu jistabbilixxi dokument li jiddeskrivi l-politika tas-sikurezza tal-organizzazzjoni u li jkun:

(a)

xieraq għat-tip ta' organizzazzjoni u l-firxa tal-operazzjonijiet ferrovjarji;

(b)

approvat mill-kap eżekuttiv tal-organizzazzjoni (jew minn rappreżentant(i) tal-maniġment superjuri);

(c)

implimentat b'mod attiv, ikkomunikat u magħmul għad-dispożizzjoni tal-persunal kollu.

2.2.2.   Il-politika ta' sikurezza għandha:

(a)

tinkludi impenn sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti legali u mar-rekwiżiti l-oħra kollha relatati mas-sikurezza;

(b)

tipprovdi qafas għall-istabbiliment ta' għanijiet ta' sikurezza u għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni abbażi ta' dawn l-għanijiet;

(c)

tinkludi impenn biex jiġu kontrollati r-riskji għas-sikurezza li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha stess kif ukoll dawk ikkawżati minn oħrajn;

(d)

tinkludi impenn għal titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(e)

tinżamm f'konformità mal-istrateġija tan-negozju u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni.

2.3.   Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità

2.3.1.   Ir-responsabbiltajiet, l-obbligu ta' rendikont u l-awtorità tal-persunal li għandu rwol li jaffettwa s-sikurezza (inkluż il-maniġment u l-persunal l-ieħor involut fil-kompiti relatati mas-sikurezza) għandhom jiġu definiti fil-livelli kollha fi ħdan l-organizzazzjoni, dokumentati, assenjati u kkomunikati lilhom.

2.3.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal b'responsabbiltajiet delegati għall-kompiti relatati mas-sikurezza għandu jkollu l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi xierqa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu mingħajr ma jiġi affettwat b'mod negattiv mill-attivitajiet ta' funzjonijiet oħrajn tan-negozju.

2.3.3.   Id-delegazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti relatati mas-sikurezza għandha tiġi dokumentata u kkomunikata lill-persunal rilevanti kif ukoll aċċettata u mifhuma.

2.3.4.   L-organizzazzjoni għandha tiddeskrivi l-allokazzjoni tar-rwoli msemmija fil-paragrafu 2.3.1. għall-funzjonijiet tan-negozju fi ħdan l-organizzazzjoni u, fejn rilevanti, lil hinn minnha (ara 5.3. Kuntratturi, sħab u fornituri).

2.4.   Konsultazzjoni tal-persunal u tal-partijiet l-oħra

2.4.1.   Il-persunal, ir-rappreżentanti tagħhom u l-partijiet interessati esterni, kif xieraq u fejn rilevanti, għandhom jiġu kkonsultati fl-iżvilupp, iż-żamma u t-titjib tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza fil-partijiet rilevanti li huma responsabbli għalihom, inkluż l-aspetti tas-sikurezza tal-proċeduri operattivi.

2.4.2.   L-organizzazzjoni għandha tiffaċilita l-konsultazzjoni tal-persunal billi tipprovdi l-metodi u l-mezzi għall-involviment tal-persunal, għar-reġistrazzjoni tal-opinjoni tal-persunal u għall-għoti ta' feedback dwar l-opinjoni tal-persunal.

3.   IPPJANAR

3.1.   Azzjonijiet biex jiġu indirizzati r-riskji

3.1.1.   Valutazzjoni tar-riskju

3.1.1.1.   L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tidentifika u tanalizza r-riskji operattivi, organizzattivi u tekniċi kollha rilevanti għat-tip, il-firxa u ż-żona tal-operazzjonijiet imwettqa mill-organizzazzjoni. Dawn ir-riskji għandhom jinkludu dawk li jirriżultaw minn fatturi umani u organizzattivi, bħall-ammont ta' xogħol, id-disinn tal-impjieg, l-għeja jew l-idoneità tal-proċeduri u l-attivitajiet tal-partijiet interessati l-oħra (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni);

(b)

jivvalutaw ir-riskji msemmija fil-punt (a) billi jiġu applikati metodi xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju;

(c)

jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri ta' sikurezza, bl-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet assoċjati (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità);

(d)

jiżviluppaw sistema li timmonitorja l-effettività tal-miżuri tas-sikurezza (ara 6.1. Monitoraġġ);

(e)

jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' kollaborazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra (bħall-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura, il-manifattur, il-fornitur tal-manutenzjoni, l-entità responsabbli għall-manutenzjoni, id-detentur tal-vetturi ferrovjarji, il-fornitur tas-servizzi u l-entità tal-akkwist), fejn xieraq, fuq ir-riskji kondiviżi u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sikurezza adegwati;

(f)

jikkomunikaw ir-riskji lill-persunal u lill-partijiet esterni involuti (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni).

3.1.1.2.   Fil-valutazzjoni tar-riskju, organizzazzjoni għandha tqis il-ħtieġa li tiddetermina, tipprovdi u ssostni ambjent tax-xogħol sikur li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari d-Direttiva 89/391/KEE.

3.1.2.   L-ippjanar għall-bidla

3.1.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika r-riskji potenzjali għas-sikurezza u l-miżuri ta' sikurezza xierqa (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju) qabel l-implimentazzjoni ta' bidla (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla) skont il-proċess tal-ġestjoni tar-riskji stipulat fir-Regolament (UE) Nru 402/2013 (1), filwaqt li jitqiesu r-riskji marbuta mas-sikurezza li jirriżultaw mill-proċess tal-bidla nnifsu.

3.2.   Għanijiet u ppjanar tas-sikurezza

3.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-għanijiet tas-sikurezza għall-funzjonijiet rilevanti fil-livelli rilevanti biex iżżomm u, fejn raġonevolament prattikabbli, ittejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza tagħha.

3.2.2.   L-għanijiet tas-sikurezza għandhom:

(a)

ikunu konsistenti mal-politika ta' sikurezza u mal-għanijiet strateġiċi tal-organizzazzjoni (fejn applikabbli);

(b)

ikunu marbuta mar-riskji ta' prijorità li jinfluwenzaw il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni;

(c)

ikunu jistgħu jitkejlu;

(d)

iqisu r-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti l-oħra applikabbli;

(e)

jiġu rieżaminati fir-rigward tal-kisbiet tagħhom u riveduti kif xieraq;

(f)

jiġu kkomunikati.

3.2.3.   L-organizzazzjoni għandu jkollha pjan(ijiet) biex tiddeskrivi kif se tikseb l-għanijiet tas-sikurezza tagħha.

3.2.4.   L-organizzazzjoni għandha tiddeskrivi l-istrateġija u l-pjan(ijiet) użati biex jiġi mmonitorjat il-ksib tal-għanijiet tas-sikurezza (ara 6.1. Monitoraġġ).

4.   APPOĠĠ

4.1.   Riżorsi

4.1.1.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi r-riżorsi, inkluż persunal kompetenti u tagħmir effettiv u użabbli, meħtieġa għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u t-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza.

4.2.   Kompetenza

4.2.1.   Is-sistema tal-ġestjoni tal-kompetenzi tal-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal li jkollu rwol li jaffettwa s-sikurezza jkun kompetenti fil-kompiti relatati mas-sikurezza li hu jkun responsabbli għalihom (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità), inklużi mill-inqas:

(a)

l-identifikazzjoni tal-kompetenzi (inklużi l-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-imġiba mhux tekniċi) meħtieġa għall-kompiti relatati mas-sikurezza;

(b)

il-prinċipji ta' selezzjoni (il-livell edukattiv bażiku, l-idoneità psikoloġika u fiżika meħtieġa);

(c)

it-taħriġ inizjali, l-esperjenza u l-kwalifiki;

(d)

it-taħriġ kontinwu u l-aġġornament perjodiku tal-kompetenzi eżistenti;

(e)

il-valutazzjoni perjodika tal-kompetenza u l-kontrolli tal-idoneità psikoloġika u fiżika biex ikun żgurat li l-kwalifiki u l-ħiliet jinżammu tul iż-żmien;

(f)

it-taħriġ speċifiku fil-partijiet rilevanti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom relatati mas-sikurezza.

4.2.2.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi programm ta' taħriġ, kif imsemmi fil-punti (c), (d) u (f) tal-paragrafu 4.2.1, għall-persunal li jwettaq kompiti relatati mas-sikurezza li jiżgura li:

(a)

il-programm ta' taħriġ isir skont ir-rekwiżiti tal-kompetenzi identifikati u l-ħtiġijiet individwali tal-persunal;

(b)

fejn applikabbli, it-taħriġ jiżgura li l-persunal ikun jista' jopera taħt il-kundizzjonijiet kollha tal-operat (normali, degradati u ta' emerġenza);

(c)

it-tul ta' żmien tat-taħriġ u l-frekwenza tat-taħriġ ta' aġġornament huma xierqa għall-għanijiet tat-taħriġ;

(d)

jinżammu reġistri għall-persunal kollu (ara 4.5.3. Kontroll tal-informazzjoni dokumentata);

(e)

il-programm ta' taħriġ jiġi rivedut u awditjat b'mod regolari (ara 6.2. Awditjar intern) u l-bidliet isiru meta jkun meħtieġ (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla).

4.2.3.   Għandu jkun hemm fis-seħħ arranġamenti għall-persunal li jmur lura għax-xogħol wara aċċidenti/inċidenti jew wara assenza twila minn fuq il-post tax-xogħol, inkluż l-għoti ta' taħriġ addizzjonali meta tiġi identifikata din il-ħtieġa.

4.3.   Sensibilizzazzjoni

4.3.1.   Il-maniġment superjuri għandu jiżgura li hu u l-persunal tiegħu li għandu rwol li jaffettwa s-sikurezza jkunu konxji tar-rilevanza, l-importanza u l-konsegwenzi tal-attivitajiet tagħhom u kif dawn jikkontribwixxu għall-applikazzjoni korretta u l-effettività tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, inkluża l-kisba tal-għanijiet tas-sikurezza (ara 3.2. Għanijiet u ppjanar tas-sikurezza).

4.4.   Informazzjoni u komunikazzjoni

4.4.1.   L-organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-mezzi xierqa ta' komunikazzjoni biex tiżgura li l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tiġi skambjata fost il-livelli differenti tal-organizzazzjoni u mal-partijiet interessati esterni inklużi l-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri.

4.4.2.   Sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tasal għand il-persuni li jagħtu ġudizzji u jieħdu deċiżjonijiet, l-organizzazzjoni għandha tiġġestixxi l-identifikazzjoni, il-wasla, l-ipproċessar, il-ġenerazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni relatata mas-sikurezza.

4.4.3.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tkun:

(a)

rilevanti, kompleta u tinftiehem għall-utenti intenzjonati;

(b)

valida;

(c)

preċiża;

(d)

konsistenti;

(e)

kontrollata (ara 4.5.3. Kontroll tal-informazzjoni dokumentata);

(f)

ikkomunikata qabel ma tidħol fis-seħħ;

(g)

waslet u tinftiehem.

4.5.   Informazzjoni dokumentata

4.5.1.   Id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza

4.5.1.1.   Ikun hemm deskrizzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza li tinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni u d-deskrizzjoni tal-proċessi u tal-attivitajiet relatati mas-sikurezza tal-operazzjonijiet ferrovjarji, inklużi l-kompiti relatati mas-sikurezza u r-responsabbiltajiet assoċjati (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità);

(b)

l-interazzjoni ta' dawn il-proċessi;

(c)

il-proċeduri jew id-dokumenti l-oħra li jiddeskrivu kif dawn il-proċessi jiġu implimentati;

(d)

l-identifikazzjoni tal-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri b'deskrizzjoni tat-tip u l-firxa tas-servizzi mogħtija;

(e)

l-identifikazzjoni ta' arranġamenti kuntrattwali u ta' ftehimiet oħra tan-negozju, konklużi bejn l-organizzazzjoni u l-partijiet l-oħra identifikati taħt (d), meħtieġa għall-kontroll tar-riskji tas-sikurezza tal-organizzazzjoni u tar-riskji relatati mal-użu ta' kuntratturi;

(f)

ir-referenza għall-informazzjoni dokumentata meħtieġa minn dan ir-Regolament.

4.5.1.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li r-rapport annwali dwar is-sikurezza jiġi ppreżentat lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza rilevanti (jew lill-awtoritajiet) f'konformità mal-Artikolu 9(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798, li jinkludi:

(a)

sinteżi tad-deċiżjonijiet dwar il-livell tas-sinifikat tal-bidliet relatati mas-sikurezza, li tinkludi ħarsa ġenerali lejn il-bidliet sinifikanti, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 402/2013;

(b)

l-għanijiet tas-sikurezza tal-organizzazzjoni għas-sena/snin ta' wara u kif ir-riskji serji għas-sikurezza jinfluwenzaw l-istabbiliment ta' dawn l-għanijiet tas-sikurezza;

(c)

ir-riżultati tal-investigazzjoni interna tal-aċċidenti/inċidenti (ara 7.1. Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti) u l-attivitajiet l-oħra ta' monitoraġġ (ara 6.1. Monitoraġġ, 6.2. Awditjar intern u 6.3. Reviżjoni tal-ġestjoni), f'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1078/2012 (2);

(d)

id-dettalji dwar il-progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-korpi nazzjonali ta' investigazzjoni (ara 7.1. Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti);

(e)

l-indikaturi tas-sikurezza tal-organizzazzjoni stabbiliti biex jevalwaw il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni (ara 6.1. Monitoraġġ);

(f)

fejn applikabbli, il-konklużjonijiet tar-rapport annwali tal-konsulent tas-sikurezza, kif imsemmi fl-RID (3), dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjoni relatati mat-trasport ta' oġġetti perikolużi (4).

4.5.2.   Tfassil u aġġornament

4.5.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li meta tfassal u taġġorna l-informazzjoni dokumentata marbuta mas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jintużaw formati u mezzi xierqa.

4.5.3.   Kontroll tal-informazzjoni dokumentata

4.5.3.1.   L-organizzazzjoni għandha tikkontrolla l-informazzjoni dokumentata relatata mas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, b'mod partikolari l-ħażna tagħha, id-distribuzzjoni u l-kontroll tal-bidliet, biex tiżgura d-disponibbiltà, l-adegwatezza u l-protezzjoni tagħha, fejn xieraq.

4.6.   Integrazzjoni ta' fatturi umani u organizzattivi

4.6.1.   L-organizzazzjoni għandha turi approċċ sistematiku lejn l-integrazzjoni ta' fatturi umani u organizzattivi fi ħdan is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza. L-approċċ għandu:

(a)

jinkludi l-iżvilupp ta' strateġija u l-użu ta' għarfien espert u ta' metodi rikonoxxuti mill-qasam tal-fatturi umani u organizzattivi;

(b)

jindirizza r-riskji assoċjati mad-disinn u l-użu tat-tagħmir, il-kompiti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-arranġamenti organizzattivi, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet umani kif ukoll il-limitazzjonijiet u l-influwenzi fuq il-prestazzjoni umana.

5.   OPERAT

5.1.   Ippjanar u kontroll operattiv

5.1.1.   Fl-ippjanar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-proċessi operattivi tagħha, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li waqt l-operat:

(a)

jiġu applikati l-kriterji ta' aċċettazzjoni tar-riskji u l-miżuri ta' sikurezza (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju);

(b)

jitwettqu l-pjan(ijiet) biex jinkisbu l-għanijiet tas-sikurezza (ara 3.2. Għanijiet u ppjanar tas-sikurezza);

(c)

l-informazzjoni tinġabar sabiex jitkejlu l-applikazzjoni korretta u l-effettività tal-arranġamenti operattivi (ara 6.1. Monitoraġġ).

5.1.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-arranġamenti operattivi tagħha huma konformi mar-rekwiżiti relatati mas-sikurezza tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi applikabbli għall-Interoperabbiltà u mar-regoli nazzjonali rilevanti u ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni).

5.1.3.   Fejn rilevanti, biex jiġu kkontrollati r-riskji għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), għandhom minn tal-anqas jitqiesu dawn li ġejjin:

(a)

l-ippjanar ta' rotot ferrovjarji ġodda jew eżistenti u ta' servizzi ferrovjarji ġodda, inkluża l-introduzzjoni ta' tipi ġodda ta' vetturi, il-ħtieġa ta' kiri ta' vetturi u/jew li jiġi impjegat persunal minn partijiet esterni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-manutenzjoni ma' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għal raġunijiet operattivi;

(b)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' skedi tal-ħinijiet tal-ferroviji;

(c)

il-preparazzjoni tal-ferroviji jew tal-vetturi qabel il-vjaġġ, inklużi l-kontrolli qabel it-tluq u l-kompożizzjoni tal-ferrovija;

(d)

l-operat tal-ferroviji jew tal-vetturi fil-kundizzjonijiet operattivi differenti (normali, degradati u ta' emerġenza);

(e)

l-adattament tal-operazzjoni għal talbiet għat-tneħħija minn operazzjoni u n-notifika ta' ritorn għal operazzjoni maħruġa minn entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni;

(f)

l-awtorizzazzjonijiet għall-movimenti tal-vetturi;

(g)

l-użu ta' interfaċċi fil-kabini tas-sewqan tal-ferroviji u fiċ-ċentri ta' kontroll tal-ferroviji u b'tagħmir użat mill-persunal tal-manutenzjoni.

5.1.4.   Għall-kontroll tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fejn rilevanti għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi, l-organizzazzjoni għandha tidentifika r-responsabbiltajiet għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-operat sikur tal-ferroviji u tal-movimenti tal-vetturi u tiddefinixxi kif il-kompiti rilevanti li jaffettwaw l-għoti sikur tas-servizzi kollha jiġu allokati lill-persunal kompetenti fi ħdan l-organizzazzjoni (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità) u lill-partijiet kwalifikati esterni meta jkun xieraq (ara 5.3. Kuntratturi, sħab u fornituri).

5.1.5.   Għall-kontroll tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fejn rilevanti għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni), il-persunal rilevanti (eż. l-ekwipaġġ tal-ferroviji) għandu jingħata pariri dwar id-dettalji ta' kwalunkwe kundizzjoni speċifika tal-vjaġġ, inklużi l-bidliet rilevanti li jistgħu jirriżultaw f'periklu, restrizzjonijiet operattivi temporanji jew permanenti (eż. minħabba tip speċifiku ta' vetturi jew minħabba rotot speċifiċi) u l-kundizzjonijiet għall-konsenji eċċezzjonali, fejn applikabbli.

5.1.6.   Għall-kontroll, fejn rilevanti, tal-kompetenza għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi (ara 4.2. Kompetenza), l-organizzazzjoni għandha tiżgura, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni), għall-persunal tagħha:

(a)

il-konformità mat-taħriġ u l-istruzzjonijiet ta' ħidma tagħha, u li meta jkun meħtieġ jittieħdu azzjonijiet korrettivi;

(b)

it-taħriġ speċifiku f'każ ta' bidliet antiċipati li jaffettwaw l-andament tal-operazzjonijiet jew l-assenjazzjoni tal-kompiti tagħhom;

(c)

l-adozzjoni ta' miżuri xierqa wara aċċidenti u inċidenti.

5.2.   Ġestjoni tal-assi

5.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza assoċjati mal-assi fiżiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), mit-tfassil sad-disponiment, u tissodisfa r-rekwiżiti dwar il-fatturi umani fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja.

5.2.2.   L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tiżgura li l-assi jintużaw għall-fini maħsub filwaqt li jżommu l-istat operattiv sikur tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 fejn ikun rilevanti, u l-livell tal-prestazzjoni mistenni minnhom;

(b)

tiġġestixxi l-assi f'operazzjonijiet normali u degradati;

(c)

tidentifika malajr kemm jista' jkun possibbli l-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-operat qabel jew matul l-operat tal-assi, inkluża l-applikazzjoni kif xieraq ta' restrizzjonijiet ta' użu biex ikun żgurat l-istat operattiv sikur tal-assi (ara 6.1. Monitoraġġ).

5.2.3.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-arranġamenti tal-ġestjoni tal-assi tagħha, fejn applikabbli, ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali kollha kif stabbilit fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi rilevanti għall-Interoperabbiltà u ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni).

5.2.4.   Għall-kontroll, fejn rilevanti, tar-riskji għall-provvista tal-manutenzjoni (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), għandhom minn tal-anqas jitqiesu dawn li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tal-ħtieġa li l-manutenzjoni żżomm l-assi fi stat operattiv sikur, abbażi tal-użu ppjanat u reali tal-assi u l-karatteristiċi tat-tfassil tagħhom;

(b)

il-ġestjoni tat-tneħħija tal-assi mill-operazzjoni minħabba manutenzjoni, meta jiġu identifikati xi difetti jew meta l-kundizzjoni tal-assi tiddegrada lil hinn mil-limiti tal-istat operattiv sikur kif imsemmi fil-punt (a);

(c)

il-ġestjoni tar-ritorn għall-operat tal-assi b'restrizzjonijiet eventwali fuq l-użu wara l-manutenzjoni biex ikun żgurat li jkun fi stat operattiv sikur;

(d)

il-ġestjoni tat-tagħmir tal-monitoraġġ u tal-kejl biex ikun żgurat li jkun adatt għall-fini maħsub tiegħu.

5.2.5.   Għall-kontroll tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fejn rilevanti għall-ġestjoni sikura tal-assi (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni), l-organizzazzjoni għandha tqis:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti fi ħdan l-organizzazzjoni jew mal-entitajiet esterni responsabbli mill-manutenzjoni (Ara 5.3. Kuntratturi, sħab u fornituri), b'mod partikolari dwar ħsara relatata ma' sikurezza, aċċidenti, inċidenti kif ukoll dwar restrizzjonijiet eventwali fuq l-użu tal-assi;

(b)

it-traċċabbiltà tal-informazzjoni kollha meħtieġa inkluż l-informazzjoni relatata mal-punt (a) (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni u 4.5.3. Kontroll tal-informazzjoni dokumentata);

(c)

l-istabbiliment u ż-żamma ta' rekords inkluża l-ġestjoni ta' kull bidla li taffettwa s-sikurezza tal-assi (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla).

5.3.   Kuntratturi, sħab u fornituri

5.3.1.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika u tikkontrolla r-riskji ta' sikurezza li jirriżultaw minn attivitajiet esternalizzati, inkluż l-operazzjonijiet jew il-kooperazzjoni ma' kuntratturi, sħab u fornituri.

5.3.2.   Biex tikkontrolla r-riskji tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 5.3.1, l-organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-kriterji għall-għażla tal-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri kif ukoll ir-rekwiżiti tal-kuntratt li dawn iridu jissodisfaw, inklużi:

(a)

ir-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti l-oħra relatati mas-sikurezza (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni);

(b)

il-livell ta' kompetenza meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti stipulati fil-kuntratt (ara 4.2. Kompetenza);

(c)

ir-responsabbiltajiet għall-kompiti li jridu jitwettqu;

(d)

il-prestazzjoni tas-sikurezza mistennija li trid tinżamm matul il-kuntratt;

(e)

l-obbligi relatati mal-iskambju ta' informazzjoni relatata mas-sikurezza (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni);

(f)

it-traċċabbiltà ta' dokumenti relatati mas-sikurezza (ara 4.5. Informazzjoni dokumentata).

5.3.3.   F'konformità mal-proċess stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1078/2012, l-organizzazzjoni għandha timmonitorja:

(a)

il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-attivitajiet u tal-operazzjonijiet kollha tal-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri sabiex ikun żgurat li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-kuntratt;

(b)

is-sensibilizzazzjoni tal-kuntratturi, tas-sħab u tal-fornituri dwar ir-riskji tas-sikurezza li huma jistgħu joħolqu għall-operazzjonijiet tal-organizzazzjoni.

5.4.   Ġestjoni tal-bidla

5.4.1.   L-organizzazzjoni għandha timplimenta u tikkontrolla l-bidliet fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza sabiex tinżamm jew titjieb il-prestazzjoni tas-sikurezza. Din għandha tinkludi d-deċiżjonijiet meħuda fl-istadji differenti tal-ġestjoni tal-bidla u r-reviżjoni suċċessiva tar-riskji marbuta mas-sikurezza (Ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju).

5.5.   Ġestjoni tal-emerġenza

5.5.1.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-miżuri f'waqthom assoċjati li għandhom jittieħdu biex dawn jiġu ġestiti (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju) u biex tistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta' operat normali f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/995 (5).

5.5.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li, għal kull tip ta' emerġenza identifikata:

(a)

is-servizzi ta' emerġenza jistgħu jiġu kkuntattjati minnufih;

(b)

is-servizzi ta' emerġenza jiġu pprovduti bl-informazzjoni kollha rilevanti, kemm minn qabel kif ukoll fil-mument tal-emerġenza, sabiex jippreparaw ir-reazzjoni tagħhom għall-emerġenza.

(c)

l-ewwel għajnuna tingħata internament.

5.5.3.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika u tiddokumenta r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/995.

5.5.4.   L-organizzazzjoni għandu jkollha pjanijiet ta' azzjoni, twissijiet u informazzjoni għall-każijiet ta' emerġenza, inkluż arranġamenti li:

(a)

iwissu lill-persunal kollu li għandu responsabbiltà għall-ġestjoni tal-emerġenzi;

(b)

jikkomunikaw l-informazzjoni lill-partijiet kollha (eż. l-amministratur tal-infrastruttura, il-kuntratturi, l-awtoritajiet, is-servizzi ta' emerġenza), inklużi l-istruzzjonijiet ta' emerġenza għall-passiġġieri;

(c)

jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa skont it-tip ta' emerġenza.

5.5.5.   L-organizzazzjoni għandha tiddeskrivi kif ikunu ġew allokati r-riżorsi u l-mezzi għall-ġestjoni ta' emerġenza (ara 4.1. Riżorsi) u kif ġew identifikati r-rekwiżiti tat-taħriġ (ara 4.2. Kompetenza).

5.5.6.   L-arranġamenti ta' emerġenza jiġu ttestjati b'mod regolari f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra u aġġornati meta jkun xieraq.

5.5.7.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal kompetenti inkarigat, b'ħiliet lingwistiċi xierqa, ikun jista' jiġi kkuntattjat faċilment u mingħajr dewmien mill-amministratur tal-infrastruttura u jipprovdi lil dan tal-aħħar b'livell xieraq ta' informazzjoni.

5.5.8.   L-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex f'każ ta' emerġenza jiġu kkuntattjati l-entità responsabbli mill-manutenzjoni jew id-detentur tal-vetturi ferrovjarji.

6.   EVALWAZZJONI TAL-PRESTAZZJONI

6.1.   Monitoraġġ

6.1.1.   L-organizzazzjoni għandha twettaq monitoraġġ f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1078/2012:

(a)

biex tivverifika l-applikazzjoni korretta u l-effettività tal-proċessi u tal-proċeduri kollha fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, inkluż il-miżuri tekniċi, operattivi u organizzattivi ta' sikurezza;

(b)

biex tivverifika l-applikazzjoni korretta tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza b'mod ġenerali, u jekk is-sistema hijiex qed tikseb ir-riżultati mistennija;

(c)

biex tinvestiga jekk is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza hijiex konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(d)

biex tidentifika, timplimenta u tevalwa l-effettività tal-miżuri korrettivi (ara 7.2. Titjib kontinwu), kif xieraq, jekk jiġu identifikati xi każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-punti (a), (b) u (c).

6.1.2.   L-organizzazzjoni għandha timmonitorja b'mod regolari fil-livelli kollha fi ħdan l-organizzazzjoni l-prestazzjoni tal-kompiti relatati mas-sikurezza u tintervjeni jekk dawn il-kompiti mhux qed jitwettqu b'mod xieraq.

6.2.   Awditjar intern

6.2.1.   L-organizzazzjoni għandha twettaq awditjar intern b'mod indipendenti, imparzjali u trasparenti biex tiġbor u tanalizza l-informazzjoni għall-finijiet tal-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha (ara 6.1. Monitoraġġ), li jinkludi:

(a)

Skeda tal-awditjar intern ippjanat li tista' tiġi riveduta skont ir-riżultati tal-awditi preċedenti u tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni;

(b)

L-identifikazzjoni u l-għażla ta' awdituri kompetenti (ara 4.2. Kompetenza);

(c)

L-analiżi u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-awditjar;

(d)

L-identifikazzjoni tal-ħtieġa għal miżuri korrettivi jew ta' titjib;

(e)

Il-verifika tat-tlestija u tal-effettività ta' dawn il-miżuri;

(f)

Id-dokumentazzjoni relatata mat-twettiq u mar-riżultati tal-awditjar;

(g)

Il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-awditi lill-maniġment superjuri.

6.3.   Reviżjoni tal-ġestjoni

6.3.1.   Il-maniġment superjuri għandu jirrevedi b'mod regolari l-adegwatezza u l-effikaċja kontinwa tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, billi tal-anqas iqis:

(a)

id-dettalji tal-progress dwar l-indirizzar tal-azzjonijiet pendenti minn reviżjonijiet ta' ġestjoni preċedenti;

(b)

it-tibdil taċ-ċirkostanzi interni u esterni (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni);

(c)

il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni marbuta ma':

(i.)

il-kisba tal-għanijiet tas-sikurezza;

(ii.)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha, inkluż is-sejbiet tal-awditjar intern, u l-investigazzjonijiet interni tal-aċċidenti/inċidenti u l-istatus tal-azzjonijiet rispettivi tagħhom;

(iii.)

l-eżiti rilevanti mill-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza;

(d)

ir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib.

6.3.2.   Abbażi tal-eżiti tar-reviżjoni tal-ġestjoni tiegħu, il-maniġment superjuri għandu jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-bidliet meħtieġa fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza.

7.   TITJIB

7.1.   Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti

7.1.1.   L-aċċidenti u l-inċidenti relatati mal-operazzjonijiet ferrovjarji tal-organizzazzjoni għandhom jiġu:

(a)

rrapportati, irreġistrati, investigati u analizzati biex jiġu determinati l-kawżi tagħhom;

(b)

irrapportati lill-korpi nazzjonali kif xieraq.

7.1.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li:

(a)

ir-rakkomandazzjonijiet mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, mill-korp investigattiv nazzjonali, u mill-investigazzjonijiet tal-industrija/interni jiġu evalwati u implimentati jekk ikun xieraq jew obbligatorju;

(b)

jitqiesu r-rapporti/l-informazzjoni rilevanti minn partijiet oħra interessati bħall-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura, l-entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni u d-detenturi tal-vetturi ferrovjarji.

7.1.3.   L-organizzazzjoni għandha tuża l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tar-riskju (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), biex titgħallem bl-għan li ttejjeb is-sikurezza u, fejn applikabbli, tadotta miżuri korrettivi u/jew ta' titjib (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla).

7.2.   Titjib kontinwu

7.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tkompli ttejjeb l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħha, filwaqt li tqis il-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1078/2012 u tal-anqas l-eżiti tal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-monitoraġġ (ara 6.1. Monitoraġġ);

(b)

l-awditjar intern (ara 6.2. Awditjar intern);

(c)

ir-reviżjoni tal-ġestjoni (ara 6.3. Reviżjoni tal-ġestjoni);

(d)

it-tagħlim minn aċċidenti u inċidenti (ara 7.1. Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti).

7.2.2.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi metodi li jħeġġu lill-persunal u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex ikunu attivi fit-titjib tas-sikurezza bħala parti mit-tagħlim organizzattiv tagħha.

7.2.3.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi strateġija biex tkompli ttejjeb il-kultura ta' sikurezza tagħha, billi tiddependi fuq l-użu ta' għarfien espert u ta' metodi rikonoxxuti biex jiġu identifikati l-kwistjonijiet ta' imġiba li jaffettwaw il-partijiet differenti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u jiġu stabbiliti miżuri biex dawn jiġu indirizzati.


(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 tat-30 ta' April 2013 dwar il-metodu komuni ta' sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 352/2009 (ĠU L 121, 3.5.2013, p. 8).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1078/2012 tas-16 ta' Novembru 2012 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-monitoraġġ li għandu jiġi applikat mill-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura wara li jirċievu ċertifikat tas-sikurezza jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza u minn entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni (ĠU L 320, 17.11.2012, p. 8).

(3)  Il-punt 2.1. tal-Appendiċi tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(4)  Il-punt 2.2. tal-Appendiċi tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/995 tat-8 ta' Ġunju 2015 li jemenda d-Deċiżjoni 2012/757/UE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“operat u l-immaniġġjar tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 165, 30.6.2015, p. 1).


ANNESS II

Rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza relatati mal-amministraturi tal-infrastruttura

1.   KUNTEST TAL-ORGANIZZAZZJONI

1.1.   L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tiddeskrivi n-natura u l-firxa tal-operazzjonijiet tagħha;

(b)

tidentifika r-riskji serji għas-sikurezza kkawżati mill-operazzjonijiet ferrovjarji tagħha, kemm jekk jitwettqu mill-organizzazzjoni nnifisha jew minn kuntratturi, sħab jew fornituri li jinsabu taħt il-kontroll tagħha;

(c)

tidentifika l-partijiet interessati (eż. il-korpi regolatorji, l-awtoritajiet, l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura, il-kuntratturi, il-fornituri, is-sħab), inklużi dawk il-partijiet esterni tas-sistema ferrovjarja, li huma rilevanti għas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(d)

tidentifika u żżomm ir-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti l-oħra relatati mas-sikurezza mill-partijiet interessati msemmija fil-punt (c);

(e)

tiżgura li r-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) jitqiesu fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fiż-żamma tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(f)

tiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, li jindika liema parti tan-negozju hija inkluża jew le fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti msemmija fil-punt (d).

1.2.   Għall-finijiet ta' dan l-Anness japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“natura” fir-rigward tal-operazzjonijiet ferrovjarji mwettqa mill-amministraturi tal-infrastruttura tfisser il-karatterizzazzjoni ta' operazzjoni skont il-fini tagħha, inklużi t-tfassil u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura, il-manutenzjoni tal-infrastruttura, l-ippjanar tat-traffiku, il-ġestjoni u l-kontroll tat-traffiku, u skont l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi l-linji konvenzjonali u/jew ta' veloċità għolja, it-trasport tal-passiġġieri u/jew ta' oġġetti;

(b)

“firxa” fir-rigward tal-operazzjonijiet ferrovjarji mwettqa mill-amministraturi tal-infrastruttura tfisser il-firxa kkaratterizzata mit-tul tal-linji tal-ferrovija u d-daqs stmat tal-amministraturi tal-infrastruttura f'termini tal-għadd ta' impjegati li jaħdmu fis-settur ferrovjarju.

2.   TMEXXIJA

2.1.   Tmexxija u impenn

2.1.1.   Il-maniġment superjuri għandu juri tmexxija u impenn lejn l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u t-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza billi:

(a)

jassumi l-obbligu ta' rendikont u r-responsabbiltà ġenerali għas-sikurezza;

(b)

jiżgura impenn lejn is-sikurezza min-naħa tal-amministrazzjoni fil-livelli differenti fi ħdan l-organizzazzjoni permezz tal-attivitajiet tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal u mal-kuntratturi;

(c)

jiżgura li l-politika u l-għanijiet tas-sikurezza jkunu stabbiliti, mifhuma u kompatibbli mad-direzzjoni strateġika tal-organizzazzjoni;

(d)

jiżgura l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza fil-proċessi tan-negozju tal-organizzazzjoni;

(e)

jiżgura li r-riżorsi meħtieġa għas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jkunu disponibbli;

(f)

jiżgura li s-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tkun effettiva fil-kontroll tar-riskji għas-sikurezza kkawżati mill-organizzazzjoni;

(g)

iħeġġeġ lill-persunal sabiex jappoġġa l-konformità mar-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(h)

jippromwovi t-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(i)

jiżgura li titqies is-sikurezza fl-identifikazzjoni u fil-ġestjoni tar-riskji marbuta man-negozju tal-organizzazzjoni u fl-ispjegazzjoni dwar kif il-kunflitt bejn is-sikurezza u l-għanijiet l-oħra tan-negozju se jiġu rikonoxxuti u riżolti;

(j)

jippromwovi kultura ta' sikurezza pożittiva.

2.2.   Politika ta' sikurezza

2.2.1.   Il-maniġment superjuri għandu jistabbilixxi dokument li jiddeskrivi l-politika ta' sikurezza tal-organizzazzjoni u li jkun:

(a)

xieraq għan-natura tal-organizzazzjoni u l-firxa tal-operazzjonijiet ferrovjarji;

(b)

approvat mill-kap eżekuttiv tal-organizzazzjoni (jew minn rappreżentant(i) tal-maniġment superjuri);

(c)

implimentat b'mod attiv, ikkomunikat u magħmul għad-dispożizzjoni tal-persunal kollu.

2.2.2.   Il-politika ta' sikurezza għandha:

(a)

tinkludi impenn sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti legali u mar-rekwiżiti l-oħra kollha relatati mas-sikurezza;

(b)

tipprovdi qafas għall-istabbiliment ta' għanijiet ta' sikurezza u għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni abbażi ta' dawn l-għanijiet;

(c)

tinkludi impenn biex jiġu kontrollati r-riskji għas-sikurezza li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha stess kif ukoll dawk ikkawżati minn oħrajn;

(d)

tinkludi impenn għal titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza;

(e)

tinżamm f'konformità mal-istrateġija tan-negozju u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni.

2.3.   Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità

2.3.1.   Ir-responsabbiltajiet, l-obbligu ta' rendikont u l-awtorità tal-persunal li għandu rwol li jaffettwa s-sikurezza (inkluż il-maniġment u l-persunal l-ieħor involut fil-kompiti relatati mas-sikurezza) għandhom jiġu definiti fil-livelli kollha fi ħdan l-organizzazzjoni, dokumentati, assenjati u kkomunikati lilhom.

2.3.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal b'responsabbiltajiet delegati għall-kompiti relatati mas-sikurezza għandu jkollu l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi xierqa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu mingħajr ma jiġi affettwat b'mod negattiv mill-attivitajiet ta' funzjonijiet oħrajn tan-negozju.

2.3.3.   Id-delegazzjoni tar-responsabbiltà għall-kompiti relatati mas-sikurezza għandha tiġi dokumentata u kkomunikata lill-persunal rilevanti kif ukoll aċċettata u mifhuma.

2.3.4.   L-organizzazzjoni għandha tiddeskrivi l-allokazzjoni tar-rwoli msemmija fil-paragrafu 2.3.1. għall-funzjonijiet tan-negozju fi ħdan l-organizzazzjoni u, fejn rilevanti, lil hinn minnha (ara 5.3. Kuntratturi, sħab u fornituri).

2.4.   Konsultazzjoni tal-persunal u tal-partijiet l-oħra

2.4.1.   Il-persunal, ir-rappreżentanti tagħhom u l-partijiet interessati esterni, kif xieraq u fejn rilevanti, għandhom jiġu kkonsultati fl-iżvilupp, iż-żamma u t-titjib tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza fil-partijiet rilevanti li huma responsabbli għalihom, inkluż l-aspetti tas-sikurezza tal-proċeduri operattivi.

2.4.2.   L-organizzazzjoni għandha tiffaċilita l-konsultazzjoni tal-persunal billi tipprovdi l-metodi u l-mezzi għall-involviment tal-persunal, għar-reġistrazzjoni tal-opinjoni tal-persunal u għall-għoti ta' feedback dwar l-opinjoni tal-persunal.

3.   IPPJANAR

3.1.   Azzjonijiet biex jiġu indirizzati r-riskji

3.1.1.   Valutazzjoni tar-riskju

3.1.1.1.   L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tidentifika u tanalizza r-riskji operattivi, organizzattivi u tekniċi kollha rilevanti għan-natura u l-firxa tal-operazzjonijiet imwettqa mill-organizzazzjoni. Dawn ir-riskji għandhom jinkludu dawk li jirriżultaw minn fatturi umani u organizzattivi, bħall-ammont ta' xogħol, id-disinn tal-impjieg, l-għeja jew l-idoneità tal-proċeduri u l-attivitajiet tal-partijiet interessati l-oħra (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni);

(b)

jivvalutaw ir-riskji msemmija fil-punt (a) billi jiġu applikati metodi xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju;

(c)

jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri ta' sikurezza, bl-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet assoċjati (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità);

(d)

jiżviluppaw sistema li timmonitorja l-effettività tal-miżuri tas-sikurezza (ara 6.1. Monitoraġġ);

(e)

jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' kollaborazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra (bħall-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura, il-manifattur, il-fornitur tal-manutenzjoni, l-entità responsabbli għall-manutenzjoni, id-detentur tal-vetturi ferrovjarji, il-fornitur tas-servizzi u l-entità tal-akkwist), fejn xieraq, fuq ir-riskji kondiviżi u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sikurezza adegwati;

(f)

jikkomunikaw ir-riskji lill-persunal u lill-partijiet esterni involuti (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni).

3.1.1.2.   Fil-valutazzjoni tar-riskju, organizzazzjoni għandha tqis il-ħtieġa li tiddetermina, tipprovdi u ssostni ambjent tax-xogħol sikur li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari d-Direttiva 89/391/KEE.

3.1.2.   L-ippjanar għall-bidla

3.1.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika r-riskji potenzjali għas-sikurezza u l-miżuri ta' sikurezza xierqa (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju) qabel l-implimentazzjoni ta' bidla (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla) skont il-proċess tal-ġestjoni tar-riskji stipulat fir-Regolament (UE) Nru 402/2013, filwaqt li tqis ir-riskji marbuta mas-sikurezza li jirriżultaw mill-proċess tal-bidla nnifsu.

3.2.   Għanijiet u ppjanar tas-sikurezza

3.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-għanijiet tas-sikurezza għall-funzjonijiet rilevanti fil-livelli rilevanti biex iżżomm u, fejn raġonevolament prattikabbli, ittejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza tagħha.

3.2.2.   L-għanijiet tas-sikurezza għandhom:

(a)

ikunu konsistenti mal-politika ta' sikurezza u mal-għanijiet strateġiċi tal-organizzazzjoni (fejn applikabbli);

(b)

ikunu marbuta mar-riskji ta' prijorità li jinfluwenzaw il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni;

(c)

ikunu jistgħu jitkejlu;

(d)

iqisu r-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti l-oħra applikabbli;

(e)

jiġu rieżaminati fir-rigward tal-kisbiet tagħhom u riveduti kif xieraq;

(f)

jiġu kkomunikati.

3.2.3.   L-organizzazzjoni għandu jkollha pjan(ijiet) biex tiddeskrivi kif se tikseb l-għanijiet tas-sikurezza tagħha.

3.2.4.   L-organizzazzjoni għandha tiddeskrivi l-istrateġija u l-pjan(ijiet) użati biex jiġi mmonitorjat il-ksib tal-għanijiet tas-sikurezza (ara 6.1. Monitoraġġ).

4.   APPOĠĠ

4.1.   Riżorsi

4.1.1.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi r-riżorsi, inkluż persunal kompetenti u tagħmir effettiv u użabbli, meħtieġa għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u t-titjib kontinwu tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza.

4.2.   Kompetenza

4.2.1.   Is-sistema tal-ġestjoni tal-kompetenzi tal-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal li jkollu rwol li jaffettwa s-sikurezza jkun kompetenti fil-kompiti relatati mas-sikurezza li hu jkun responsabbli għalihom (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità), inklużi mill-inqas:

(a)

l-identifikazzjoni tal-kompetenzi (inklużi l-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-imġiba mhux tekniċi) meħtieġa għall-kompiti relatati mas-sikurezza;

(b)

il-prinċipji ta' selezzjoni (il-livell edukattiv bażiku, l-idoneità psikoloġika u fiżika meħtieġa);

(c)

it-taħriġ inizjali, l-esperjenza u l-kwalifiki;

(d)

it-taħriġ kontinwu u l-aġġornament perjodiku tal-kompetenzi eżistenti;

(e)

il-valutazzjoni perjodika tal-kompetenza u l-kontrolli tal-idoneità psikoloġika u fiżika biex ikun żgurat li l-kwalifiki u l-ħiliet jinżammu tul iż-żmien;

(f)

it-taħriġ speċifiku fil-partijiet rilevanti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom relatati mas-sikurezza.

4.2.2.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi programm ta' taħriġ, kif imsemmi fil-punti (c), (d) u (f) tal-paragrafu 4.2.1, għall-persunal li jwettaq kompiti relatati mas-sikurezza li jiżgura li:

(a)

il-programm ta' taħriġ isir skont ir-rekwiżiti tal-kompetenzi identifikati u l-ħtiġijiet individwali tal-persunal;

(b)

fejn applikabbli, it-taħriġ jiżgura li l-persunal ikun jista' jopera taħt il-kundizzjonijiet kollha tal-operat (normali, degradati u ta' emerġenza);

(c)

it-tul ta' żmien tat-taħriġ u l-frekwenza tat-taħriġ ta' aġġornament huma xierqa għall-għanijiet tat-taħriġ;

(d)

jinżammu reġistri għall-persunal kollu (ara 4.5.3. Kontroll tal-informazzjoni dokumentata);

(e)

il-programm ta' taħriġ jiġi rivedut u awditjat b'mod regolari (ara 6.2. Awditjar intern) u l-bidliet isiru meta jkun meħtieġ (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla).

4.2.3.   Għandu jkun hemm fis-seħħ arranġamenti għall-persunal li jmur lura għax-xogħol wara aċċidenti/inċidenti jew wara assenza twila minn fuq il-post tax-xogħol, inkluż l-għoti ta' taħriġ addizzjonali meta tiġi identifikata din il-ħtieġa.

4.3.   Sensibilizzazzjoni

4.3.1.   Il-maniġment superjuri għandu jiżgura li hu u l-persunal tiegħu li għandu rwol li jaffettwa s-sikurezza jkunu konxji tar-rilevanza, l-importanza u l-konsegwenzi tal-attivitajiet tagħhom u kif dawn jikkontribwixxu għall-applikazzjoni korretta u l-effettività tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, inkluża l-kisba tal-għanijiet tas-sikurezza (ara 3.2. Għanijiet u ppjanar tas-sikurezza).

4.4.   Informazzjoni u komunikazzjoni

4.4.1.   L-organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-mezzi xierqa ta' komunikazzjoni biex tiżgura li l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tiġi skambjata fost il-livelli differenti tal-organizzazzjoni u mal-partijiet interessati esterni inklużi l-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri.

4.4.2.   Sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tasal għand il-persuni li jagħtu ġudizzji u jieħdu deċiżjonijiet, l-organizzazzjoni għandha tiġġestixxi l-identifikazzjoni, il-wasla, l-ipproċessar, il-ġenerazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni relatata mas-sikurezza.

4.4.3.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tkun:

(a)

rilevanti, kompleta u tinftiehem għall-utenti intenzjonati;

(b)

valida;

(c)

preċiża;

(d)

konsistenti;

(e)

kontrollata (ara 4.5.3. Kontroll tal-informazzjoni dokumentata);

(f)

ikkomunikata qabel ma tidħol fis-seħħ;

(g)

waslet u tinftiehem.

4.5.   Informazzjoni dokumentata

4.5.1.   Id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza

4.5.1.1.   Ikun hemm deskrizzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza li tinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni u d-deskrizzjoni tal-proċessi u tal-attivitajiet relatati mas-sikurezza tal-operazzjonijiet ferrovjarji, inklużi l-kompiti relatati mas-sikurezza u r-responsabbiltajiet assoċjati (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità);

(b)

l-interazzjoni ta' dawn il-proċessi;

(c)

il-proċeduri jew id-dokumenti l-oħra li jiddeskrivu kif dawn il-proċessi jiġu implimentati;

(d)

l-identifikazzjoni tal-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri b'deskrizzjoni tat-tip u l-firxa tas-servizzi mogħtija;

(e)

l-identifikazzjoni ta' arranġamenti kuntrattwali u ta' ftehimiet oħra tan-negozju, konklużi bejn l-organizzazzjoni u l-partijiet l-oħra identifikati taħt (d), meħtieġa għall-kontroll tar-riskji tas-sikurezza tal-organizzazzjoni u tar-riskji relatati mal-użu ta' kuntratturi;

(f)

ir-referenza għall-informazzjoni dokumentata meħtieġa minn dan ir-Regolament.

4.5.1.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li r-rapport annwali dwar is-sikurezza jiġi ppreżentat lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza rilevanti (jew lill-awtoritajiet) f'konformità mal-Artikolu 9(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798, li jinkludi:

(a)

sinteżi tad-deċiżjonijiet dwar il-livell tas-sinifikat tal-bidliet relatati mas-sikurezza, li tinkludi ħarsa ġenerali lejn il-bidliet sinifikanti, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 402/2013;

(b)

l-għanijiet tas-sikurezza tal-organizzazzjoni għas-sena/snin ta' wara u kif ir-riskji serji għas-sikurezza jinfluwenzaw l-istabbiliment ta' dawn l-għanijiet tas-sikurezza;

(c)

ir-riżultati tal-investigazzjoni interna tal-aċċidenti/inċidenti (ara 7.1. Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti) u l-attivitajiet l-oħra ta' monitoraġġ (ara 6.1. Monitoraġġ, 6.2. Awditjar intern u 6.3. Reviżjoni tal-ġestjoni), f'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1078/2012;

(d)

id-dettalji dwar il-progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-korpi nazzjonali ta' investigazzjoni (ara 7.1. Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti);

(e)

l-indikaturi tas-sikurezza tal-organizzazzjoni stabbiliti biex jevalwaw il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni (ara 6.1. Monitoraġġ);

(f)

fejn applikabbli, il-konklużjonijiet tar-rapport annwali tal-konsulent tas-sikurezza, kif imsemmi fl-RID (1), dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjoni relatati mat-trasport ta' oġġetti perikolużi (2).

4.5.2.   Tfassil u aġġornament

4.5.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li meta tfassal u taġġorna l-informazzjoni dokumentata marbuta mas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza jintużaw formati u mezzi xierqa.

4.5.3.   Kontroll tal-informazzjoni dokumentata

4.5.3.1.   L-organizzazzjoni għandha tikkontrolla l-informazzjoni dokumentata relatata mas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, b'mod partikolari l-ħażna tagħha, id-distribuzzjoni u l-kontroll tal-bidliet, biex tiżgura d-disponibbiltà, l-adegwatezza u l-protezzjoni tagħha, fejn xieraq.

4.6.   Integrazzjoni ta' fatturi umani u organizzattivi

4.6.1.   L-organizzazzjoni għandha turi approċċ sistematiku lejn l-integrazzjoni ta' fatturi umani u organizzattivi fi ħdan is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza. L-approċċ għandu:

(a)

jinkludi l-iżvilupp ta' strateġija u l-użu ta' għarfien espert u ta' metodi rikonoxxuti mill-qasam tal-fatturi umani u organizzattivi;

(b)

jindirizza r-riskji assoċjati mad-disinn u l-użu tat-tagħmir, il-kompiti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-arranġamenti organizzattivi, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet umani kif ukoll il-limitazzjonijiet u l-influwenzi fuq il-prestazzjoni umana.

5.   OPERAT

5.1.   Ippjanar u kontroll operattiv

5.1.1.   Fl-ippjanar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-proċessi operattivi tagħha, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li waqt l-operat:

(a)

jiġu applikati l-kriterji ta' aċċettazzjoni tar-riskji u l-miżuri ta' sikurezza (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju);

(b)

jitwettqu l-pjan(ijiet) biex jinkisbu l-għanijiet tas-sikurezza (ara 3.2. Għanijiet u ppjanar tas-sikurezza);

(c)

l-informazzjoni tinġabar sabiex jitkejlu l-applikazzjoni korretta u l-effettività tal-arranġamenti operattivi (ara 6.1. Monitoraġġ).

5.1.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-arranġamenti operattivi tagħha huma konformi mar-rekwiżiti relatati mas-sikurezza tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi applikabbli għall-Interoperabbiltà u mar-regoli nazzjonali rilevanti u ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni).

5.1.3.   Fejn rilevanti, biex jiġu kkontrollati r-riskji għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), għandhom minn tal-anqas jitqiesu dawn li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tal-parametri sikuri tat-trasport għall-ippjanar u l-kontroll tat-traffiku abbażi tal-karatteristiċi tad-disinn tal-infrastruttura;

(b)

l-ippjanar tat-traffiku, inklużi l-iskeda taż-żmien u l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferroviji;

(c)

il-ġestjoni tat-traffiku fil-ħin reali fil-modalità normali u fil-modalitajiet degradati bl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet tat-traffiku fuq l-użu u l-ġestjoni tat-tfixkil tat-traffiku;

(d)

l-iffissar ta' kundizzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni ta' konsenji eċċezzjonali.

5.1.4.   Għall-kontroll tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fejn rilevanti għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi, l-organizzazzjoni għandha tidentifika r-responsabbiltajiet għall-ippjanar u l-operat tan-netwerk ferrovjarju u tiddefinixxi kif il-kompiti rilevanti jaffettwaw l-għoti sikur tas-servizzi kollha allokati lill-persunal kompetenti fi ħdan l-organizzazzjoni (ara 2.3. Rwoli organizzattivi, responsabbiltajiet, obbligu ta' rendikont u awtorità) u lill-partijiet kwalifikati esterni meta jkun xieraq (ara 5.3. Kuntratturi, sħab u fornituri).

5.1.5.   Għall-kontroll tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fejn rilevanti għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni), il-persunal rilevanti (eż. is-sinjalaturi) għandu jiġi infurmat dwar ir-rekwiżiti speċifiċi relatati mar-rotot għall-ferroviji u l-movimenti tal-vetturi inklużi l-bidliet rilevanti li jistgħu jirriżultaw f'periklu, restrizzjonijiet operattivi temporanji jew permanenti (eż. minħabba l-manutenzjoni tal-linji ferrovjarji) u l-kundizzjonijiet għal konsenji eċċezzjonali fejn applikabbli.

5.1.6.   Għall-kontroll, fejn rilevanti, tal-kompetenza għas-sikurezza tal-attivitajiet operattivi (ara 4.2. Kompetenza), l-organizzazzjoni għandha tiżgura, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni), għall-persunal tagħha:

(a)

il-konformità mat-taħriġ u l-istruzzjonijiet ta' ħidma tagħha, u li meta jkun meħtieġ jittieħdu azzjonijiet korrettivi;

(b)

it-taħriġ speċifiku f'każ ta' bidliet antiċipati li jaffettwaw l-andament tal-operazzjonijiet jew l-assenjazzjoni tal-kompiti tagħhom;

(c)

l-adozzjoni ta' miżuri xierqa wara aċċidenti u inċidenti.

5.2.   Ġestjoni tal-assi

5.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza assoċjati ma' assi fiżiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), mit-tfassil sad-disponiment, u tissodisfa r-rekwiżiti dwar il-fatturi umani fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja.

5.2.2.   L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tiżgura li l-assi jintużaw għall-fini maħsub filwaqt li jżommu l-istat operattiv sikur tagħhom u l-livell ta' prestazzjoni mistenni minnhom;

(b)

tiġġestixxi l-assi f'operazzjonijiet normali u degradati;

(c)

tidentifika malajr kemm jista' jkun possibbli l-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-operat qabel jew matul l-operat tal-assi, inkluża l-applikazzjoni kif xieraq ta' restrizzjonijiet ta' użu biex ikun żgurat l-istat operattiv sikur tal-assi (ara 6.1. Monitoraġġ).

5.2.3.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-arranġamenti tal-ġestjoni tal-assi tagħha, fejn applikabbli, ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali kollha kif stabbilit fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi rilevanti għall-Interoperabbiltà u ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni).

5.2.4.   Għall-kontroll, fejn rilevanti, tar-riskji għall-provvista tal-manutenzjoni (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), għandhom minn tal-anqas jitqiesu dawn li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tal-ħtieġa ta' manutenzjoni biex l-infrastruttura tinżamm fi stat operattiv sikur, abbażi tal-użu reali u ppjanat tal-infrastruttura u l-karatteristiċi tad-disinn tagħha;

(b)

il-ġestjoni tat-tneħħija tal-assi mill-operazzjoni minħabba manutenzjoni, meta jiġu identifikati xi difetti jew meta l-kundizzjoni tal-assi tiddegrada lil hinn mil-limiti tal-istat operattiv sikur kif imsemmi fil-punt (a);

(c)

il-ġestjoni tar-ritorn għall-operat tal-assi b'restrizzjonijiet eventwali fuq l-użu wara l-manutenzjoni biex ikun żgurat li jkunu fi stat operattiv sikur;

(d)

il-ġestjoni tat-tagħmir tal-monitoraġġ u tal-kejl biex ikun żgurat li jkun adatt għall-fini maħsub tiegħu.

5.2.5.   Għall-kontroll tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fejn rilevanti għall-ġestjoni sikura tal-assi (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni), l-organizzazzjoni għandha tqis:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti fi ħdan l-organizzazzjoni jew mal-entitajiet esterni responsabbli mill-manutenzjoni (Ara 5.3. Kuntratturi, sħab u fornituri), b'mod partikolari dwar ħsara relatata ma' sikurezza, aċċidenti, inċidenti kif ukoll dwar restrizzjonijiet eventwali fuq l-użu tal-assi;

(b)

it-traċċabbiltà tal-informazzjoni kollha meħtieġa inkluż l-informazzjoni relatata mal-punt (a) (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni u 4.5.3. Kontroll tal-informazzjoni dokumentata);

(c)

l-istabbiliment u ż-żamma ta' rekords inkluża l-ġestjoni ta' kull bidla li taffettwa s-sikurezza tal-assi (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla).

5.3.   Kuntratturi, sħab u fornituri

5.3.1.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika u tikkontrolla r-riskji ta' sikurezza li jirriżultaw minn attivitajiet esternalizzati, inkluż l-operazzjonijiet jew il-kooperazzjoni ma' kuntratturi, sħab u fornituri.

5.3.2.   Biex tikkontrolla r-riskji tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 5.3.1, l-organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-kriterji għall-għażla tal-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri kif ukoll ir-rekwiżiti tal-kuntratt li dawn iridu jissodisfaw, inklużi:

(a)

ir-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti l-oħra relatati mas-sikurezza (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni);

(b)

il-livell ta' kompetenza meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti stipulati fil-kuntratt (ara 4.2. Kompetenza);

(c)

ir-responsabbiltajiet għall-kompiti li jridu jitwettqu;

(d)

il-prestazzjoni tas-sikurezza mistennija li trid tinżamm matul il-kuntratt;

(e)

l-obbligi relatati mal-iskambju ta' informazzjoni relatata mas-sikurezza (ara 4.4. Informazzjoni u komunikazzjoni);

(f)

it-traċċabbiltà ta' dokumenti relatati mas-sikurezza (ara 4.5. Informazzjoni dokumentata).

5.3.3.   F'konformità mal-proċess stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1078/2012, l-organizzazzjoni għandha timmonitorja:

(a)

il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-attivitajiet u tal-operazzjonijiet kollha tal-kuntratturi, is-sħab u l-fornituri sabiex ikun żgurat li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-kuntratt;

(b)

is-sensibilizzazzjoni tal-kuntratturi, tas-sħab u tal-fornituri dwar ir-riskji tas-sikurezza li huma jistgħu joħolqu għall-operazzjonijiet tal-organizzazzjoni.

5.4.   Ġestjoni tal-bidla

5.4.1.   L-organizzazzjoni għandha timplimenta u tikkontrolla l-bidliet fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza sabiex tinżamm jew titjieb il-prestazzjoni tas-sikurezza. Din għandha tinkludi d-deċiżjonijiet meħuda fl-istadji differenti tal-ġestjoni tal-bidla u r-reviżjoni suċċessiva tar-riskji marbuta mas-sikurezza (Ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju).

5.5.   Ġestjoni tal-emerġenza

5.5.1.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-miżuri f'waqthom assoċjati li għandhom jittieħdu biex dawn jiġu ġestiti (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju) u biex tistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta' operat normali f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/995.

5.5.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li, għal kull tip ta' emerġenza identifikata:

(a)

is-servizzi ta' emerġenza jistgħu jiġu kkuntattjati minnufih;

(b)

is-servizzi ta' emerġenza jiġu pprovduti bl-informazzjoni kollha rilevanti, kemm minn qabel kif ukoll fil-mument tal-emerġenza, sabiex jippreparaw ir-reazzjoni tagħhom għall-emerġenza.

(c)

l-ewwel għajnuna tingħata internament.

5.5.3.   L-organizzazzjoni għandha tidentifika u tiddokumenta r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/995.

5.5.4.   L-organizzazzjoni għandu jkollha pjanijiet ta' azzjoni, twissijiet u informazzjoni għall-każijiet ta' emerġenza, inkluż arranġamenti li:

(a)

iwissu lill-persunal kollu li għandu responsabbiltà għall-ġestjoni tal-emerġenzi;

(b)

jikkomunikaw l-informazzjoni lill-partijiet kollha (eż. l-impriżi ferrovjarji, il-kuntratturi, l-awtoritajiet, is-servizzi ta' emerġenza), inklużi l-istruzzjonijiet ta' emerġenza għall-passiġġieri;

(c)

jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa skont it-tip ta' emerġenza.

5.5.5.   L-organizzazzjoni għandha tiddeskrivi kif ikunu ġew allokati r-riżorsi u l-mezzi għall-ġestjoni ta' emerġenza (ara 4.1. Riżorsi) u kif ġew identifikati r-rekwiżiti tat-taħriġ (ara 4.2. Kompetenza).

5.5.6.   L-arranġamenti ta' emerġenza jiġu ttestjati b'mod regolari f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra u aġġornati meta jkun xieraq.

5.5.7.   L-organizzazzjoni għandha tikkoordina l-pjanijiet ta' emerġenza mal-impriżi ferrovjarji kollha li joperaw fuq l-infrastruttura tal-organizzazzjoni, mas-servizzi ta' emerġenza, sabiex jiġi ffaċilitat l-intervent rapidu tagħhom, u ma' kwalunkwe parti oħra li tista' tkun involuta f'sitwazzjoni ta' emerġenza.

5.5.8.   L-organizzazzjoni għandu jkollha arranġamenti stabbiliti sabiex l-operazzjonijiet u t-traffiku ferrovjarju jitwaqqfu minnufih, jekk ikun meħtieġ, u sabiex il-partijiet interessati kollha jkunu informati bl-azzjoni meħuda.

5.5.9.   Għall-infrastruttura transfruntiera, il-kooperazzjoni bejn l-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-istat ta' tħejjija tas-servizzi ta' emerġenza kompetenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

6.   EVALWAZZJONI TAL-PRESTAZZJONI

6.1.   Monitoraġġ

6.1.1.   L-organizzazzjoni għandha twettaq monitoraġġ f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1078/2012:

(a)

biex tivverifika l-applikazzjoni korretta u l-effettività tal-proċessi u tal-proċeduri kollha fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, inkluż il-miżuri tekniċi, operattivi u organizzattivi ta' sikurezza;

(b)

biex tivverifika l-applikazzjoni korretta tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza b'mod ġenerali, u jekk is-sistema hijiex qed tikseb ir-riżultati mistennija;

(c)

biex tinvestiga jekk is-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza hijiex konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(d)

biex tidentifika, timplimenta u tevalwa l-effettività tal-miżuri korrettivi (ara 7.2. Titjib kontinwu), kif xieraq, jekk jiġu identifikati xi każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-punti (a), (b) u (c).

6.1.2.   L-organizzazzjoni għandha timmonitorja b'mod regolari fil-livelli kollha fi ħdan l-organizzazzjoni l-prestazzjoni tal-kompiti relatati mas-sikurezza u tintervjeni jekk dawn il-kompiti mhux qed jitwettqu b'mod xieraq.

6.2.   Awditjar intern

6.2.1.   L-organizzazzjoni għandha twettaq awditjar intern b'mod indipendenti, imparzjali u trasparenti biex tiġbor u tanalizza l-informazzjoni għall-finijiet tal-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha (ara 6.1. Monitoraġġ), li jinkludi:

(a)

Skeda tal-awditjar intern ippjanat li tista' tiġi riveduta skont ir-riżultati tal-awditi preċedenti u tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni;

(b)

L-identifikazzjoni u l-għażla ta' awdituri kompetenti (ara 4.2. Kompetenza);

(c)

L-analiżi u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-awditjar;

(d)

L-identifikazzjoni tal-ħtieġa għal miżuri korrettivi jew ta' titjib;

(e)

Il-verifika tat-tlestija u tal-effettività ta' dawn il-miżuri;

(f)

Id-dokumentazzjoni relatata mat-twettiq u mar-riżultati tal-awditjar;

(g)

Il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-awditi lill-maniġment superjuri.

6.3.   Reviżjoni tal-ġestjoni

6.3.1.   Il-maniġment superjuri għandu jirrevedi b'mod regolari l-adegwatezza u l-effikaċja kontinwa tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, billi tal-anqas iqis:

(a)

id-dettalji tal-progress dwar l-indirizzar tal-azzjonijiet pendenti minn reviżjonijiet ta' ġestjoni preċedenti;

(b)

it-tibdil taċ-ċirkostanzi interni u esterni (ara 1. Kuntest tal-organizzazzjoni);

(c)

il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni marbuta ma':

(i.)

il-kisba tal-għanijiet tas-sikurezza;

(ii.)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha, inkluż is-sejbiet tal-awditjar intern, u l-investigazzjonijiet interni tal-aċċidenti/inċidenti u l-istatus tal-azzjonijiet rispettivi tagħhom;

(iii.)

l-eżiti rilevanti mill-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza;

(d)

ir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib.

6.3.2.   Abbażi tal-eżiti tar-reviżjoni tal-ġestjoni tiegħu, il-maniġment superjuri għandu jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-bidliet meħtieġa fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza.

7.   TITJIB

7.1.   Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti

7.1.1.   L-aċċidenti u l-inċidenti relatati mal-operazzjonijiet ferrovjarji tal-organizzazzjoni għandhom jiġu:

(a)

rrapportati, irreġistrati, investigati u analizzati biex jiġu determinati l-kawżi tagħhom;

(b)

irrapportati lill-korpi nazzjonali kif xieraq.

7.1.2.   L-organizzazzjoni għandha tiżgura li:

(a)

ir-rakkomandazzjonijiet mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, mill-korp investigattiv nazzjonali, u mill-investigazzjonijiet tal-industrija/interni jiġu evalwati u implimentati jekk ikun xieraq jew obbligatorju;

(b)

jitqiesu r-rapporti/l-informazzjoni rilevanti minn partijiet oħra interessati bħall-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura, l-entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni u d-detenturi tal-vetturi ferrovjarji.

7.1.3.   L-organizzazzjoni għandha tuża l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tar-riskju (ara 3.1.1. Valutazzjoni tar-riskju), biex titgħallem bl-għan li ttejjeb is-sikurezza u, fejn applikabbli, tadotta miżuri korrettivi u/jew ta' titjib (ara 5.4. Ġestjoni tal-bidla).

7.2.   Titjib kontinwu

7.2.1.   L-organizzazzjoni għandha tkompli ttejjeb l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħha, filwaqt li tqis il-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1078/2012 u tal-anqas l-eżiti tal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-monitoraġġ (ara 6.1. Monitoraġġ);

(b)

l-awditjar intern (ara 6.2. Awditjar intern);

(c)

ir-reviżjoni tal-ġestjoni (ara 6.3. Reviżjoni tal-ġestjoni);

(d)

it-tagħlim minn aċċidenti u inċidenti (ara 7.1. Tagħlim minn aċċidenti u inċidenti).

7.2.2.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi metodi li jħeġġu lill-persunal u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex ikunu attivi fit-titjib tas-sikurezza bħala parti mit-tagħlim organizzattiv tagħha.

7.2.3.   L-organizzazzjoni għandha tipprovdi strateġija biex tkompli ttejjeb il-kultura ta' sikurezza tagħha, billi tiddependi fuq l-użu ta' għarfien espert u ta' metodi rikonoxxuti biex jiġu identifikati l-kwistjonijiet ta' imġiba li jaffettwaw il-partijiet differenti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u jiġu stabbiliti miżuri biex dawn jiġu indirizzati.


(1)  Il-punt 2.1. tal-Appendiċi tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/798.

(2)  Il-punt 2.2. tal-Appendiċi tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/798.