8.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/689

tas-7 ta' Mejju 2018

li jimplimenta l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1352/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014.

(2)

Fit-23 ta' April 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont il-paragrafu 19 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2140 (2014) aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persunasoġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 365, 19.12.2014, p. 60.


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna lill-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“3.

Ali Abdullah Saleh (magħruf ukoll bħala: Ali Abdallah Salih).

Kitba oriġinali: Image

Deżinjazzjoni: a) President tal-Partit tal-Kungress Ġenerali tal-Poplu tal-Jemen; b) Eks President tar-Repubblika tal-Jemen. Data tat-twelid: a) 21.3.1945; b) 21.3.1946; c) 21.3.1942; d) 21.3.1947. Post tat-twelid: a) Bayt al-Ahmar, Gvernatoral ta' Sana'a, il-Jemen; b) Sana'a, il-Jemen; c) Sana'a, Sanhan, Al-Rib' al-Sharqi. Nazzjonalità: Jemenit. Nru tal-passport: 00016161 (Jemen). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 01010744444. Informazzjoni oħra: Sess: Raġel. Status: irrappurtat mejjet. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5837306. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7.11.2014 (emendata fl-20 ta' Novembru 2014, 23 ta' April 2018).

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Ali Abdullah Saleh ġie ddeżinjat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tar-Riżoluzzjoni 2140 (2014), minħabba li jissodisfa l-kriterji tad-deżinjazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

Ali Abdullah Saleh kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u atti li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

Skont il-Ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 appoġġat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, Ali Abdullah Saleh irriżenja minn President tal-Jemen wara aktar minn 30 sena.

Mill-ħarifa tal-2012, Ali Abdullah Saleh kien allegatament sar wieħed mis-sostenituri primarji tal-azzjonijiet vjolenti ta' Huthi fit-Tramuntana tal-Jemen.

Ġlied fin-Nofsinhar tal-Jemen fi Frar 2013 kien ir-riżultat ta' sforzi magħquda ta' Saleh, l-AQAP u s-seċessjonista tan-Nofsinhar Ali Salim al-Bayd sabiex jaqilgħu l-inkwiet qabel il-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali fil-Jemen tat-18 ta' Marzu 2013. Aktar reċentement, f'Settembru 2014, Saleh kien qed jiddestabbilizza l-Jemen billi juża persuni oħrajn biex jimminaw lill-gvern ċentrali u joħolqu biżżejjed instabbiltà biex jheddu b'kolp ta' stat. Skont rapport ta' Settembru 2014 minn Bord ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, interlokuturi allegaw li Saleh jappoġġa azzjonijiet vjolenti ta' xi Jemeniti billi jipprovdilhom fondi u appoġġ politiku, kif ukoll billi jiżgura li l-Membri tal-GPC jibqgħu jikkontribwixxu għad-destabbilizzazzjoni tal-Jemen permezz ta' diversi mezzi.”