3.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/671

tat-2 ta' Mejju 2018

li jagħmel importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) (“l-avviż ta' ftuħ ta' AD”), il-ftuħ ta' proċediment antidumping (“il-proċediment antidumping”) fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”) wara lment imressaq fit-8 ta' Settembru 2017 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (“l-ilmentatur” jew l-“EBMA” - European Bicycle Manufacturers Association) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' roti elettriċi.

(2)

Fil-21 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) (“in-notifika ta' bidu ta' AS”), il-bidu ta' proċediment antisussidju (“il-proċediment antisussidju”) fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-RPĊ wara lment imressaq fit-8 ta' Novembru 2017 mill-ilmentatur f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' roti elettriċi.

1.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) għaż-żewġ proċedimenti huwa roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju, li joriġinaw fir-RPĊ, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss.

2.   TALBA

(4)

L-ilmentatur indika fl-ilmenti tiegħu l-intenzjoni tiegħu li jitlob għal reġistrazzjoni. Fil-31 ta' Jannar 2018, l-ilmentatur ressaq talbiet għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbilit fir-Regolamenti bażiċi.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolamenti bażiċi jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(6)

Skont l-ilmentatur, ir-reġistrazzjoni hija ġustifikata billi l-prodott ikkonċernat qed ikun l-oġġett ta' dumping u ssussidjat. Qed ikun ikkawżat dannu sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni b'żieda rapida ta' importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li se jimminaw l-effett ta' rimedju tad-dazji definittivi potenzjali billi jippermetti l-ħżin qabel l-istaġun tal-bejgħ tal-2018.

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(8)

Fir-rigward tal-parti tat-talba li għandha x'taqsam mad-dumping, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux a konoxxenza, jew jekk kellhomx ikunu a konoxxenza, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Hija analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x'aktarx timmina serjament l-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

(9)

Fir-rigward tal-parti tat-talba li għandha x'taqsam mas-sussidji, il-Kummissjoni vverifikat jekk hemmx ċirkostanzi kritiċi fejn huwa kkawżat dannu għall-prodott sussidjat inkwistjoni li huwa diffiċli li jiġi rrimedjat minħabba importazzjonijiet kbar f'perjodu relattivament qasir ta' prodott li jibbenefika minn sussidji kumpensabbli u jekk huwiex meqjus neċessarju li jiġu vvalutati dazji kumpensatorji b'mod retroattiv fuq dawk l-importazzjonijiet sabiex tiġi evitata r-rikorrenza ta' dannu bħal dan.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi tad-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(10)

Fir-rigward tad-dumping, f'dan l-istadju l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ qed ikunu oġġett ta' dumping. B'mod partikolari, l-ilmentatur provda evidenza fuq il-valur normali abbażi tal-prezzijiet domestiċi u abbażi tal-għażla tal-Iżvizzera skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku.

(11)

L-evidenza ta' dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali b'hekk stabbilit, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Kumplessivament, u meta titqies il-portata tal-marġnijiet ta' dumping allegat li jvarjaw minn 193 % sa 430 %, f'dan l-istadju din l-evidenza hija ta' appoġġ biżżejjed li l-produtturi esportaturi jwettqu d-dumping.

(12)

Din l-informazzjoni kienet tinsab fl-avviż ta' bidu għal dan il-proċediment ippubblikata fl-20 ta' Ottubru 2017.

(13)

Giant, produttur esportatur b'importatur relatat, sostna li l-bidu ta' investigazzjoni antidumping ma kienx biżżejjed biex tkun stabbilita konoxxenza tad-dumping.

(14)

Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika ta' bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, l-aktar tard f'dak il-mument, l-importaturi kienu a konoxxenza, jew kellhom ikunu a konoxxenza, tal-prattiki allegati ta' dumping, il-portata tagħhom u d-dannu allegat.

(15)

L-istess parti interessata sostniet li importatur ma setax ikun mistenni li jkun a konnoxxenza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku u wisq anqas mistenni li jkun kapaċi jantiċipa l-valur normali li miegħu għandhom ikunu vvalutati l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni.

(16)

Il-Kummissjoni nnutat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku ssemmiet fl-ilment u rreferiet għaliha wkoll fin-notifika ta' bidu.

(17)

Apparti hekk, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza ta' dannu allegat li wriet tnaqqis f'daqqa tas-sehem mis-suq tal-Industrija tal-Unjoni minn 42,5 % fl-2014 għal 28,6 % fil-perjodu li ntuża għall-ilment; livelli ta' profittabbiltà mnaqqsa u li qed jonqsu minn 3,4 % tal-fatturat fl-2014 għal 2,1 % fil-perjodu li ntuża għall-ilment, kif ukoll kalkoli ta' bejgħ bil-prezz imwaqqa' li jvarjaw minn 153 % għal 206 %.

(18)

B'hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni ġie ssodisfat fir-rigward tal-parti tad-dumping li għandha x'taqsam mat-talba.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(19)

Id-dejta tal-Eurostat ma tippermettix analiżi kompluta tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tar-roti elettriċi fl-Unjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-perjodu ta' investigazzjoni jibda f'Ottubru 2016, sa Jannar 2017 iċ-ċifra stmata ta' 99 % tal-importazzjonijiet tar-roti elettriċi kienu kklassifikati taħt kodiċi NM li kienet tkopri prodotti oħra.

(20)

F'dan il-kuntest, l-ilmentatur ipprovda ċifri dettaljati bbażati fuq id-dejta dwar l-esportazzjonijiet tad-dwana Ċiniża minn Jannar 2014 sa Frar 2018. Abbażi tas-sottomissjonijiet minn partijiet interessati u rikonċiljazzjoni tal-istatistika, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li hemm dewmien ta' xahrejn bejn l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni.

(21)

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li d-dejta dwar l-esportazzjonijiet tad-dwana Ċiniża provdiet biżżejjed evidenza prima facie dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni b'dewmien ta' xahrejn għall-konsenja. Sabiex tiddetermina l-ammont ta' importazzjonijiet matul il-perjodu ta' investigazzjoni (jiġifieri l-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017), il-Kummissjoni użat għalhekk id-dejta dwar l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' bejn Awwissu 2016 u Lulju 2017.

(22)

Il-volum tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni żdied bi 82 % fil-perjodu minn Novembru 2017 sa Frar 2018 meta mqabbel mal-perjodu minn Novembru 2016 sa Frar 2017. Barra minn hekk, il-volum medju ta' esportazzjonijiet fix-xahar mir-RPĊ lejn l-Unjoni fil-perjodu minn Novembru 2017 sa Frar 2018 kien 64 % ogħla mill-volum medju ta' importazzjonijiet fix-xahar lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li dawn iċ-ċifri pprovdew evidenza ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet.

(23)

Xi importaturi mhux relatati u Giant sostnew li d-dejta mhux ipproċessata dwar l-esportazzjonijiet Ċiniżi li l-ilmentatur serraħ fuqha bħala sostenn għat-talba tiegħu għal reġistrazzjoni jenħtieġ li tiġi ddivulgata fil-fajl mhux kunfidenzjali sabiex tkun aċċertata l-affidabilità tas-sors u tad-dejta provduta. L-importaturi jsostnu li l-kodiċijiet li ntużaw ma ssemmewx u jistgħu jinkludu prodotti oħra.

(24)

L-ilmentatur qiegħed l-istatistika ddettaljata li ntużat bħala sostenn għat-talba tiegħu għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni. Id-divulgazzjoni ta' din id-dejta twassal għal ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, l-ilmentatur qiegħed iċ-ċifri aggregati dwar l-esportazzjonijiet għal kull xahar u għal kull sena għad-dispożizzjoni fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba. L-ilmentatur indika wkoll li s-sors kien id-dwana Ċiniża, semma l-kodiċijiet użati u spjega l-metodoloġija tiegħu biex jeskludi prodotti oħra li mhumiex il-prodott ikkonċernat. Bħala tali, is-sors kien magħruf u għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bi ħlas. Barra minn hekk, din id-dejta kienet ġeneralment ikkorroborata mill-Eurostat għall-perjodu disponibbli. L-ebda parti interessata oħra ma pproponiet metodoloġija jew dejta alternattiva. F'dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba l-livell ta' divulgazzjoni tal-metodoloġija u d-dejta aggregata dwar il-fajl mhux kunfidenzjali, il-Kummissjoni tqis li d-dejta tal-input mhijiex meħtieġa biex il-parti kkonċernata teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument kellu jiġi miċħud.

(25)

Xi importaturi mhux relatati argumentaw ulterjorment li l-ħżin ma kienx possibbli minħabba l-perjodi twal ta' żmien li jkun hemm bejn id-disinn u l-konsenja. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-perjodu ta' żmien li jgħaddi mid-disinn ta' rota elettrika għall-konsenja effettiva ma kienx jipprevjeni l-possibbiltà ta' ħżin ta' rota elettrika li diġà tkun ġiet iddisinjata, speċjalment meta wieħed iqis l-informazzjoni li tinsab fl-ilment li jirrigwarda l-kapaċitajiet ta' riżerva fir-RPĊ. Apparti minn hekk, l-evidenza ta' statistika disponibbli kienet ta' sostenn għall-affermazzjoni li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Għalhekk l-argument ġie miċħud.

(26)

Xi importaturi mhux relatati u Giant ċaħdu li ż-żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi forniet evidenza ta' żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet u sostnew li din kienet tirrifletti l-istaġjonalità tal-bejgħ tar-roti elettriċi. Il-Kummissjoni qieset li paragun sena b'sena ma kienx influwenzat minn effetti staġjonali u forna evidenza ta' żieda ta' 82 % fil-volum ta' importazzjonijiet sa mill-bidu tal-każ. Għalhekk l-argument ġie miċħud.

(27)

Giant ċaħad li ż-żieda fl-importazzjonijiet kienet sostanzjali u sostna li kienet anqas jew konformi mat-tkabbir kumplessiv fid-domanda tal-Unjoni għar-roti elettriċi. Giant ikkwota l-pubblikazzjonijiet tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Ewropea tar-Roti (“CONEBI” - European Bicycle Industry) li stmat dan it-tkabbir għal 22,2 % fl-2016 meta mqabbel mal-2015, u tal-EBMA, l-ilmentatur, li stima r-rata ta' tkabbir għall-2017 għal 23 % meta mqabbla mal-2016. Giant sostna li Ottubru 2017 kien il-punt ta' tluq xieraq biex tiġi vvalutata ż-żieda fl-importazzjonijiet. Giant ikkalkula li abbażi tad-dejta dwar l-importazzjonijiet tal-Eurostat, l-importazzjonijiet fix-xahar tar-roti elettriċi kienu żdiedu bi 8,7 % bejn Ottubru 2017 u Jannar 2018.

(28)

Il-Kummissjoni tinnota li Giant fis-sottomissjonijiet tiegħu ddikjara li l-perjodu ta' żmien li tieħu l-konsenja bejn l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni kien “minn tal-inqas ta' xahar jew xahrejn”. Minħabba f'hekk, l-importazzjonijiet f'Ottubru 2017 kienu jikkorrispondu għall-esportazzjonijiet mir-RPĊ li saru f'Awwissu 2017, qabel ma bdiet l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-volum medju ta' esportazzjonijiet fix-xahar mir-RPĊ lejn l-Unjoni fil-perjodu minn Awwissu 2017 sa Frar 2018 kien 36 % ogħla mill-volum medju ta' importazzjonijiet fix-xahar lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Din ir-rata ta' tkabbir ma tikkunsidrax iż-żieda ferm sinifikanti tal-importazzjonijiet li kienet diġà seħħet matul il-perjodu ta' investigazzjoni u xorta waħda hija ferm ogħla mir-rati ta' tkabbir tal-2016 u tal-2017 fid-domanda tas-suq tal-Unjoni.

(29)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni għall-parti tad-dumping li għandha x'taqsam mat-talba ġie ssodisfat ukoll.

3.3.   L-imminar tal-effett ta' rimedju tad-dazju

(30)

Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li żieda kontinwata fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet li jkomplu jonqsu tikkaġuna dannu addizzjonali.

(31)

Kif stabbilit fil-premessi minn (19) sa (29), hemm biżżejjed evidenza ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(32)

Apparti hekk, teżisti evidenza ta' xejra dejjem tonqos fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Il-prezz medju f'euro tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-Unjoni kien tabilħaqq 8 % anqas fil-perjodu minn Novembru 2017 sa Frar 2018 milli fil-perjodu minn Novembru 2016 sa Frar 2017 u 7 % anqas meta mqabbel mal-perjodu ta' investigazzjoni.

(33)

Ċirkostanzi addizzjonali juru li ż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet x'aktarx li timmina serjament l-effett ta' rimedju tad-dazji li għandhom jiġu applikati. Huwa fil-fatt raġonevoli li wieħed jassumi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jiżdiedu ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri proviżorji, jekk ikun hemm, billi din tal-aħħar isseħħ lejn l-20 ta' Lulju l-aktar tard, li jkun jikkoinċidi ma' tmiem l-istaġun tal-bejgħ tar-roti elettriċi għall-2018.

(34)

Żieda ulterjuri bħal din fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-każ x'aktarx għalhekk li, fid-dawl taż-żmien u tal-volum tagħha u ta' ċirkostanzi oħra (bħall-kapaċità żejda fir-RPĊ u l-komportament fir-rigward tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi), timmina serjament l-effett ta' rimedju ta' kull dazju definittiv, sakemm tali dazju ma jkunx applikat b'mod retroattiv.

(35)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni għall-parti tad-dumping li għandha x'taqsam mat-talba ġie ssodisfat ukoll.

3.4.   Id-dannu li huwa diffiċli li jiġi rrimedjat, huwa kkawżat minn importazzjonijiet kbar ta' prodott sussidjat f'perjodu relattivament qasir

(36)

Fir-rigward tas-sussidjar, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ qed ikunu ssussidjati. Is-sussidji allegati jikkonsistu, inter alia, minn (i) trasferimenti diretti ta' fondi u obbligazzjonijiet, bħal għotjiet, self preferenzjali u krediti diretti minn banek tal-istat kif ukoll banek privati, kif ukoll garanziji u krediti għall-esportazzjonijiet u assigurazzjoni tal-esportazzjonijiet; (ii) dħul tal-gvern rinunzjat jew mhux miġbur, pereżempju tnaqqis u eżenzjonijiet fit-taxxa fuq l-introjtu, ribassi fuq it-tariffi tal-importazzjonijiet, tnaqqis fit-taxxa minn ras il-għajn u eżenzjonijiet mill-VAT u ribassi tagħha; u (iii) forniment mill-gvern ta' materjal għall-input, ta' art u enerġija għal remunerazzjoni mhux adegwata biżżejjed. Tali evidenza kienet disponibbli fil-verżjoni miftuħa tal-ilment u fil-memorandum dwar l-evidenza suffiċjenti.

(37)

Huwa allegat li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji peress li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-RPĊ jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat. Huwa allegat li dawn huma dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet u/jew fuq l-użu ta' prodotti domestiċi minflok importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew għal ċerti tipi ta' intrapriżi u/jew postijiet, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

(38)

Għalhekk, f'dan l-istadju l-evidenza disponibbli turi li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed jibbenefikaw minn sussidji kumpensatorji.

(39)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-prattiki ta' sussidju tal-produtturi esportaturi qed jikkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Fl-ilment u fis-sottomissjonijiet sussegwenti relatati mat-talbiet għar-reġistrazzjoni, l-evidenza rigward il-volum tal-importazzjonijiet turi żieda massiva ta' importazzjonijiet f'termini assoluti u f'termini tas-sehem mis-suq fil-perjodu bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni kif ukoll f'dawn l-aħħar xhur. Speċifikament, l-evidenza disponibbli turi li l-produtturi esportaturi Ċiniżi ttriplikaw u aktar il-volum tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni, minn 219-il elf unità għal 703 elef unità (+ 484 elf unità), li rriżulta f'żieda drastika tas-sehem mis-suq minn 19,2 % għal 33 %. Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa (22) aktar 'il fuq, l-istess xejra tkompliet bejn Novembru 2017 u Frar 2018. Kumplessivament, l-evidenza turi li ż-żieda massiva fl-importazzjonijiet tar-roti elettriċi mir-RPĊ qed twassal għal effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni inklużi livelli mnaqqsa ta' profittabbiltà. L-evidenza dwar il-fatturi ta' dannu stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament antisussidji bażiku tikkonsisti f'dejta li tinsab fl-ilmenti u fis-sottomissjonijiet sussegwenti rigward ir-reġistrazzjoni.

(40)

Apparti hekk, f'dan l-istadju l-Kummissjoni vvalutat jekk id-dannu mġarrab kienx diffiċli li jiġi rrimedjat. Ladarba l-fornituri Ċiniżi jkunu integrati fil-katini ta' provvista tal-klijenti tal-industrija tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jaf ma jkunux iridu jibdlu l-fornituri tagħhom minn dawk Ċiniżi għall-produtturi tal-Unjoni. Barra dan, il-klijenti tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li ma jaċċettawx prezzijiet ogħla mill-industrija tal-Unjoni anki jekk, b'mod ipotetiku, il-Kummissjoni kellha timponi miżuri kumpensatorji mingħajr effett retroattiv fil-futur. Din it-theddida ta' telf permanenti tas-sehem mis-suq jew ta' dħul imnaqqas tikkostitwixxi dannu li huwa diffiċli li jiġi rrimedjat.

3.5.   Preklużjoni ta' rikorrenza tad-dannu

(41)

Finalment, minħabba d-dejta stabbilita fil-premessa (39) u l-kunsiderazzjonijiet stipulati fil-premessa (40), il-Kummissjoni qieset li kien hemm bżonn li tħejji l-impożizzjoni retroattiva potenzjali tal-miżuri billi timponi reġistrazzjoni sabiex tipprekludi r-rikorrenza ta' dannu bħal dan.

4.   PROĊEDURA

(42)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(43)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(44)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjonijiet jirriżultaw f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazji antidumping u/jew dazji kumpensatorji, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfati, jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli.

(45)

Kull responsabbiltà futura tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet antidumping u dawk antisussidji rispettivament.

(46)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni antidumping jistmaw marġini medju ta' antidumping ta' minn madwar 193 % sa 430 % u livell medju ta' eliminazzjoni tad-dannu ta' 189 % tal-prodott ikkonċernat. L-ammont ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri 189 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

(47)

F'dan l-istadju tal-investigazzjoni għadu mhuwiex possibbli li jiġi stmat l-ammont ta' sussidjar. L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni antisussidju jistmaw li l-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu jirrappreżenta 189 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, stmat abbażi tal-ilment antisussidju, jiġifieri 189 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   PROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(48)

Kull dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037 biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju li joriġinaw fir-RPĊ, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  ĠU C 353, 20.10.2017, p. 19.

(4)  ĠU C 440, 21.12.2017, p. 22.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.