27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/648

tas-26 ta' April 2018

li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 753/2011 tal-1 ta' Awwissu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 753/2011.

(2)

Fl-10 ta' April 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont il-paragrafu 30 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1988 (2011), aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 1.


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna lill-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“(83)

Mohammed Omar Ghulam Nabi

Titolu: Mullah. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Mexxej tal-Fidili (“Amir ul- Mumineen”), Afganistan. Data tat-twelid: (A) Bejn wieħed u ieħor fl-1966, (b) fl-1960, (c) fl-1953. Post tat-twelid: (a) Raħal ta' Naw Deh, Distrett ta' Deh Rawud, Provinċja ta' Uruzga, Afganistan, (b) Distrett ta' Maiwand, Provinċja ta' Kandahar, Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Data tad-deżinjazzjoni min-NU:12.4.2000.

Informazzjoni oħra: Isem missieru huwa Ghulam Nabi, magħruf ukoll bħala Mullah Musafir. Għajnejh ix-xellugija nieqsa. Ħaten Ahmad Jan Akhundzada Shukoor Akhundzada. Maħsub li jinsab fiż-żona tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Jappartjeni għat-tribù Hotak. Ir-rieżami skont ir-riżoluzzjoni 1822 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà ġie konkluż fis-27 ta' Lulju 2010. Allegatament miet f'April 2013. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/1427394

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Mohammad Omar għandu t-titolu ta' “Kmandant tal-Fidili tal-Emirat Islamiku tal-Afganistan” u huwa l-mexxej suprem tal-moviment Taliban fil-ġerarkija Talibana. Huwa ta kenn lil Usama bin Laden (mejjet) u lin-netwerk tiegħu tal-Al-Qaida fis-snin qabel l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti. Huwa ilu jidderieġi lit-Taliban kontra l-Gvern tal-Afganistan u l-alleati tagħhom fl-Afganistan mill-2001.

Mohammed Omar jikkmanda l-alleanza ta' mexxeja prominenti militari oħra fir-reġjun, bħal Jalaluddin Haqqani.”