26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/498

tat-22 ta' Marzu 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fis-12 ta' Ottubru 2017 il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 9 għall-Istrumenti Finanzjarji, bit-titlu Karatteristiċi ta' Prepagament b'Kumpens Negattiv. L-emendi huma maħsuba biex jiċċaraw il-klassifikazzjoni ta' assi finanzjarji ta' prepagament partikolari meta jiġi applikat l-IFRS 9.

(3)

Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IFRS 9 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(5)

L-IASB stabbilixxa l-1 ta' Jannar 2019 bħala d-data effettiva tal-emendi, u huwa possibbli d-dħul fis-seħħ aktar bikri.

(6)

Peress li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2067 (3) sar applikabbli għall-perjodi finanzjarji li jibdew mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 jew wara, il-kumpaniji jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 9, l-Istrumenti Finanzjarji, kif emendat fl-Anness ta' dan ir-Regolament sa mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2067. Għalhekk, il-kumpaniji jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-perjodi finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara.

(7)

Minħabba li r-Regolament (UE) 2016/2067 daħal fis-seħħ fit-12 ta' Diċembru 2016, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 9, l-Istrumenti Finanzjarji, huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mid-data tat-tnedija tal-ewwel sena finanzjarja tagħha, li tibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2067 tat-22 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9 (ĠU L 323, 29.11.2016, p. 1).


ANNESS

Karatteristiċi ta' Prepagament b'Kumpens Negattiv

(Emendi għall-IFRS 9)

Emendi għall-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji

Il-paragrafu 7.1.7 huwa miżjud. Jiżdiedu intestatura ġdida u l-paragrafi 7.2.29–7.2.34.

Kapitolu 7   Data effettiva u tranżizzjoni

7.1.   DATA EFFETTIVA

7.1.7.

Il-Karatteristiċi ta' Prepagament b'Kumpens Negattiv (Emendi għall-IFRS 9), maħruġ f'Ottubru 2017, żied il-paragrafi 7.2.29–7.2.34 u B4.1.12A u emenda l-paragrafi B4.1.11(b) u B4.1.12(b). Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fi jew wara l-1 ta' Jannar 2019. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, din tiddivulga dan il-fatt.

7.2.   TRANŻIZZJONI

Tranżizzjoni għal Karatteristiċi ta' Prepagament b'Kumpens Negattiv

7.2.29.

Entità għandha tapplika Karatteristiċi ta' Prepagament b'Kumpens Negattiv (Emendi għall-IFRS 9) b'mod retrospettiv skont l-IAS 8, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 7.2.30–7.2.34.

7.2.30.

Entità li tapplika għall-ewwel darba dawn l-emendi fl-istess ħin li tapplika l-ewwel darba dan l-Istandard għandha tapplika l-paragrafi 7.2.1–7.2.28 minflok il-paragrafi 7.2.31–7.2.34.

7.2.31.

Entità li tapplika għall-ewwel darba dawn l-emendi wara li tapplika l-ewwel darba dan l-Istandard għandha tapplika l-paragrafi 7.2.32–7.2.34. L-entità għandha wkoll tapplika r-rekwiżiti ta' tranżizzjoni oħra f'dan l-Istandard meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dawn l-emendi. Għal dak il-għan, kull referenza għad-data tal-applikazzjoni inizjali għandha tinqara bħala li tirreferi għall-bidu tal-perjodu ta' rapportar li fih entità tapplika l-ewwel darba dawn l-emendi (id-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dawn l-emendi).

7.2.32.

Fir-rigward tan-nomina ta' assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja hekk kif imkejla skont il-valur ġust permezz ta' profitt jew telf, entità:

(a)

għandha tirrevoka l-ispeċifikazzjoni preċedenti tagħha ta' assi finanzjarju kif imkejjel fil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf jekk, qabel, dik l-ispeċifikazzjoni kienet saret b'konformità mal-kundizzjoni fil-paragrafu 4.1.5 iżda, minħabba l-applikazzjoni ta' dawn l-emendi, dik il-kundizzjoni m'għadhiex issodisfata;

(b)

tista' tispeċifika assi finanzjarju kif imkejjel fil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf jekk qabel dik l-ispeċifikazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni fil-paragrafu 4.1.5 iżda issa, minħabba l-applikazzjoni ta' dawn l-emendi, dik il-kundizzjoni hija ssodisfata;

(c)

għandha tirrevoka l-ispeċifikazzjoni preċedenti tagħha ta' obbligazzjoni finanzjarja kif imkejla fil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf jekk, qabel, dik l-ispeċifikazzjoni kienet saret b'konformità mal-kundizzjoni fil-paragrafu 4.2.2(a) iżda, minħabba l-applikazzjoni ta' dawn l-emendi, dik il-kundizzjoni m'għadhiex issodisfata; kif ukoll

(d)

tista' tispeċifika obbligazzjoni finanzjarja kif imkejla fil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf jekk qabel dik l-ispeċifikazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni fil-paragrafu 4.2.2(a) iżda issa, minħabba l-applikazzjoni ta' dawn l-emendi, dik il-kundizzjoni hija ssodisfata;

Tali speċifikazzjoni u revoka għandha ssir fuq il-bażi tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li kienu jeżistu fid-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dawn l-emendi. Dik il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata retrospettivament.

7.2.33.

Entità mhijiex meħtieġa li tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti biex tirifletti l-applikazzjoni ta' dawn l-emendi. L-entità tista' tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti jekk, u biss jekk, huwa possibbli li mingħajr l-użu tal-esperjenza miksuba u ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji ddikjarati mill-ġdid tirrifletti r-rekwiżiti kollha f'dan l-Istandard. Jekk entità ma terġax tiddikjara perjodi preċedenti, l-entità għandha tirrikonoxxi kwalunkwe differenza bejn l-ammont riportat preċedenti u l-ammont riportat fil-bidu tal-perjodu annwali tar-rapportar li jinkludi d-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dawk l-emendi fil-qligħ imfaddal tal-ftuħ (jew f'komponent ieħor ta' ekwità, kif ikun xieraq) tal-perjodu annwali ta' rapportar li jinkludi d-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dawn l-emendi.

7.2.34.

Fil-perjodu ta' rapportar, li tinkludi d-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dawn l-emendi, l-entità għandha tiddivulga l-informazzjoni li ġejja f'dik id-data tal-applikazzjoni inizjali għal kull klassi ta' assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji li kienu affettwati minn dawn l-emendi:

(a)

il-kategorija tal-kejl preċedenti u l-ammont riportat determinat immedjatament qabel ma tapplika dawn l-emendi;

(b)

il-kategorija tal-kejl ġdida u l-ammont riportat determinat immedjatament wara ma tapplika dawn l-emendi;

(c)

l-ammont riportat ta' xi assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja li kienu speċfikati qabel bħala imkejlin bil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf, iżda m'għadhomx hekk speċifikati; kif ukoll

(d)

ir-raġunijiet għal kwalunkwe speċifikazzjoni jew irtirar tal-ispeċifikazzjoni ta' assi finanzjarji jew obbligazzjonijiet finanzjarji kif imkejla fil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafi B4.1.11(b) u B4.1.12(b) huma emendati. Il-paragrafu B4.1.12A ġie miżjud. Il-paragrafu B4.1.10 ma kienx emendat iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

KLASSIFIKAZZJONI (KAPITOLU 4)

Il-klassifikazzjoni tal-assi finanzjarji (it-Taqsima 4.1)

Flussi ta' flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta' kapital u imgħax fuq l-ammont tal-kapital pendenti

It-termini kuntrattwali li jbiddlu t-twaqqit jew l-ammont ta' flussi tal-flus kuntrattwali

B4.1.10.

Jekk assi finanzjarju jkun fih terminu kuntrattwali li jista' jbiddel it-twaqqit jew l-ammont ta' flussi ta' flus kuntrattwali (pereżempju, jekk l-assi jkun jista' jitħallas bil-quddiem qabel tkun tista' ssir l-estensjoni tal-maturità jew tat-terminu tagħha), l-entità għandha tistabbilixxi jekk il-flussi tal-flus kuntrattwali, li jistgħu jirriżultaw matul il-ħajja tal-istrument minħabba dak it-terminu kuntrattwali, humiex biss pagamenti ta' kapital u imgħax fuq l-ammont ta' kapital pendenti. Sabiex tistabbilixxi dan, l-entità għandha tivvaluta l-flussi tal-flus kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw kemm qabel kif ukoll wara l-bidla fil-flussi tal-flus kuntrattwali. L-entità jista' jkollha bżonn tivvaluta wkoll in-natura ta' kwalunkwe avveniment kontinġenti (jiġifieri l-iskattatur) li jbiddel it-twaqqit jew l-ammont tal-flussi tal-flus kuntrattwali. Filwaqt li n-natura tal-avveniment kontinġenti minnha nnifisha mhijiex fattur determinanti fil-valutazzjoni ta' jekk il-flussi tal-flus kuntrattwali humiex biss pagamenti ta' kapital u imgħax, hija tista' tkun indikatur. Pereżempju, qabbel strument finanzjarju ma' rata tal-imgħax li hija risettjata għal rata ogħla jekk id-debitur jonqos milli jagħmel għadd partikolari ta' pagamenti lejn strument finanzjarju b'rata tal-imgħax li hija risettjata għal rata ogħla jekk indiċi tal-ekwità speċifikat jilħaq livell partikolari. Fil-każ tal-ewwel, huwa aktar probabbli li l-flussi tal-flus kuntrattwali matul il-ħajja tal-istrument ikunu biss pagamenti ta' kapital u imgħax fuq l-ammont ta' kapital pendenti, minħabba r-relazzjoni bejn il-pagamenti li ma sarux u żieda fir-riskju ta' kreditu. (Ara wkoll il-paragrafu B4.1.18.)

B4.1.11.

Dawn li ġejjin huma eżempji ta' termini kuntrattwali li jirriżultaw fi flussi ta' flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta' kapital u imgħax fuq l-ammont ta' kapital pendenti:

(a)

rata tal-imgħax varjabbli li tikkonsisti f'korrispettiv għaż-żmien fuq il-valur tal-flus, ir-riskju ta' kreditu assoċjat mal-ammont ta' kapital pendenti matul perjodu ta' żmien partikolari (il-korrispettiv għar-riskju ta' kreditu jista' jiġi stabbilit mar-rikonoxximent inizjali biss, u hekk ukoll jista' jiġi ffissat) u kostijiet u riskji ta' self bażiċi oħrajn, kif ukoll marġini ta' profitt;

(b)

terminu kuntrattwali li jippermetti lill-emittent (jiġifieri d-debitur) iħallas minn qabel strument ta' dejn jew li jippermetti lid-detentur (jiġifieri l-kreditur) jagħti strument ta' dejn lura lill-emittent qabel il-maturità u l-ammont ta' prepagament jirrappreżenta sostanzjalment l-ammonti ta' kapital u imgħax mhux imħallsin fuq l-ammont ta' kapital pendenti, li jistgħu jinkludu kumpens addizzjonali raġonevoli għat-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt; kif ukoll

(c)

terminu kuntrattwali li jippermetti lill-emittent jew lid-detentur jestendi t-terminu kuntrattwali ta' strument ta' dejn (jiġifieri opzjoni ta' estensjoni) u t-termini tal-opzjoni ta' estensjoni jirriżultaw fi flussi ta' flus kuntrattwali matul il-perjodu ta' estensjoni li huma biss pagamenti ta' kapital u imgħax fuq l-ammont ta' kapital pendenti, li jistgħu jinkludu kumpens addizzjonali raġonevoli għall-estensjoni tal-kuntratt.

B4.1.12.

Minkejja l-paragrafu B4.1.10, assi finanzjarju li altrimenti jissodisfa l-kundizzjoni fil-paragrafi 4.1.2(b) u 4.1.2A(b) iżda ma jagħmilx dan biss bħala riżultat ta' terminu kuntrattwali li jippermetti (jew jitlob) lill-emittent iħallas bil-quddiem strument ta' dejn jew jippermetti (jew jitlob) lid-detentur iħallas strument ta' dejn lura lill-emittent qabel ma l-maturità tkun eliġibbli sabiex titkejjel skont il-kost amortizzat jew il-valur ġust permezz ta' dħul komprensiv ieħor (soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjoni fil-paragrafu 4.1.2(a) jew tal-kundizzjoni fil-paragrafu 4.1.2A(a)) jekk:

(a)

l-entità tikseb jew toriġina l-assi finanzjarju bi primjum jew skont għall-ammont f'parità kuntrattwali;

(b)

l-ammont ta' prepagament jirrappreżenta sostanzjalment l-ammont f'parità kuntrattwali u l-imgħax kuntrattwali akkumulat (iżda mhux imħallas), li jista' jinkludi kumpens addizzjonali raġonevoli għat-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt; kif ukoll

(c)

meta l-entità tirrikonoxxi inizjalment l-assi finanzjarju, il-valur ġust tal-karatteristika tal-prepagament ikun insinifikanti.

B4.1.12A.

Għall-għan li jiġu applikati l-paragrafi B4.1.11(b) u B4.1.12(b), irrispettivament mill-avveniment jew ċirkostanza li tikkawża t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt, il-partijiet jistgħu jħallsu jew jirċievu kumpens raġonevoli għal dik it-terminazzjoni bikrija. Pereżempju, il-partijiet jistgħu jħallsu jew jirċievu kumpens raġonevoli meta jagħżlu li jxolju l-kuntratt b'mod antiċipat (jew inkella jikkawżaw terminazzjoni bikrija).