20.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/455

tas-16 ta' Marzu 2018

li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti addizzjonali għal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji u l-ħut u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 55(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-punt 15 tal-Parti II ta' dak l-Anness jelenka s-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth, ir-Renju Unit, bħala l-laboratorju ta' referenza għall-mard tal-krustaċji.

(2)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq, u l-importazzjoni u t-tranżitu mill-Unjoni tal-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u ċerti miżuri ta' prevenzjoni u kontroll minimi għal ċertu mard f'dawk l-annimali. L-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi għall-ħatra ta' laboratorji ta' referenza tal-UE għall-mard tal-annimali akkwatiċi rilevanti għal dik id-Direttiva.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 (3) ħatar is-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth Laboratory, ir-Renju Unit, bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji għall-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2018. L-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi għal rieżami tal-funzjonijiet ta' dak il-laboratorju.

(4)

Bħala konsegwenza tan-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-funzjoni tas-CEFAS bħala laboratorju ta' referenza għall-mard tal-krustaċji ma tistax titkompla għal perjodu ieħor li jibda mill-1 ta' Lulju 2018.

(5)

Fid-dawl tas-sinerġiji fl-għarfien espert tekniku, fil-kapaċità tal-laboratorju u fin-netwerking ma' laboratorji ta' referenza nazzjonali, jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut jieħu wkoll il-kompiti u l-funzjonijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-“Danmarks Tekniske Universitet, Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab — Fiskesygdomme, 2800 Kgs. Lyngby, Danmark” li nħatar bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut, jieħu l-kompiti u l-funzjonijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji.

(7)

Jenħtieġ li d-DTU Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab — Fiskesygdomme li qed jieħu r-responsabbiltajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut u tal-krustaċji jiġi indikat bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2023. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi elenkat fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għalhekk jenħtieġ li l-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tiġi emendata skont dan.

(8)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel tal-attivitajiet tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji, huwa xieraq li tiġi prevista data ta' applikazzjoni speċifika għall-miżuri previsti f'dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Danmarks Tekniske Universitet, Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab - Fiskesygdomme, 2800 Kgs. Lyngby, id-Danimarka, għandu jkollu r-responsabbitajiet u l-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustċji mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2023.

Artikolu 2

Il-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 hija emendata kif ġej:

1.

il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut u tal-krustaċji

Danmarks Tekniske Universitet

Veterinærinstituttet

Afdeling for Diagnostik og Beredskab - Fiskesygdomme, Kemitorvet, Bygning 202

2800 Kgs. Lyngby

Id-Danimarka”

2.

Il-punt 15 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 tat-28 ta' Lulju 2008 li jaħtar il-laboratorji Komunitarji ta' referenza għall-mard tal-krustaċji, ir-rabja u t-tuberkolożi tal-ifrat, li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal-laboratorji ta' referenza Komunitarja għar-rabja u t-tuberkolożi tal-ifrat u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 29).