13.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/208

tat-12 ta' Frar 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 12 u 19 tagħha,

Billi:

(1)

Is-sistema ta' reġistri tiżgura l-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet skont l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) imwaqqfa bid-Direttiva 2003/87/KE, bil-Protokoll ta' Kjoto u bid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Ir-reġistri huma bażijiet tad-dejta elettroniċi standardizzati u siguri li fihom elementi tad-dejta komuni sabiex jiġu segwiti l-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment u t-tħassir tal-unitajiet rilevanti, biex jipprovdu għall-aċċess pubbliku u l-kunfidenzjalità kif xieraq, u biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda trasferiment mhux kompatibbli mal-obbligi.

(2)

Fejn ikun neċessarju u sakemm ikun hemm bżonn sabiex tkun protetta l-integrità ambjentali tal-EU ETS, l-operaturi tal-avjazzjoni u operaturi oħrajn fl-EU ETS ma jistgħux jużaw il-kwoti maħruġa minn Stat Membru li jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). Fid-dawl tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE, u skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta regolarment jekk tkunx għadha neċessarja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-kwoti, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni għadu ma waqafx japplika f'dak l-Istat Membru jew fejn huwa ggarantit suffiċjentement li l-kwoti jiġu ċeduti f'manjiera legalment inforzabbli qabel ma t-Trattati jieqfu japplikaw.

(3)

Jenħtieġ li mill-1 ta' Jannar 2018 dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza sabiex isiru effettivi l-miżuri biex il-kwoti, riċevuti bi skambju ma' krediti internazzjonali jew irkantati fl-2018, jiġu allokati mingħajr ħlas. Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim fil-futur ma' tali Stat Membru.

(4)

Jenħtieġ li jkunu stabbiliti miżuri tekniċi xierqa biex tkun żgurata l-effettività ta' dan ir-Regolament fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (3) huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 41, jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Il-kwoti li jinħolqu mill-1 ta' Jannar 2018 skont it-Tabella ta' Allokazzjonijiet Nazzjonali jew it-tabella ta' intitolamenti ta' kreditu internazzjonali ta' Stat Membru li jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew li jkunu se jiġu rkantati minn Pjattaforma tal-Irkant maħtura minn tali Stat Membru, għandhom ikunu identifikati permezz ta' kodiċi tal-pajjiż u għandhom ikunu jistgħu jintgħarfu skont is-sena tal-ħolqien tal-kwoti. Il-kwoti maħluqa għall-2018 ma għandhomx ikunu identifikati b'kodiċi tal-pajjiż fejn id-dritt tal-Unjoni għadu ma waqfx japplika f'dak l-Istat Membru sat-30 ta' April 2019 jew fejn huwa ggarantit suffiċjentement li l-kwoti jridu jiġu ċeduti sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu 2019 f'manjiera legalment inforzabbli qabel ma t-Trattati jieqfu japplikaw f'dak l-Istat Membru. Wara l-15 ta' Marzu 2019 l-Istat Membru konċernat għandu minnufih jirrapporta dwar il-konformità lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.”

2.

Fl-Artikolu 67, jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Il-kwoti li jkollhom kodiċi tal-pajjiż skont l-Artikolu 41(4) ma jistgħux jiġu ċeduti.”

3.

Fl-Artikolu 99, jiddaħħlu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4.   Il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjoni lill-amministratur ċentrali biex temporanjament jissospendi l-aċċettazzjoni mill-EUTL tal-proċessi rilevanti tal-ETS mill-1 ta' Jannar 2018, sakemm ikunu ġew implimentati il-miżuri previsti fl-Artikolu 41(4), fl-Artikolu 67(4) u fil-punti 4(c) u 5(a) tal-Anness XIV.

5.   Il-Kummissjoni tista', anki wara talba ta' Stat Membru li jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-TUE, tagħti struzzjonijiet lill-amministratur ċentrali biex jissospendi temporanjament l-aċċettazzjoni mill-EUTL tal-proċessi rilevanti għal dak l-Istat Membru b'rabta mal-allokazzjoni mingħajr ħlas, mal-irkantar u mal-iskambju ta' krediti internazzjonali.”.

4.

Fl-Anness XIV, il-punt 4(c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

l-ammont ta' kwoti jew ta' unitajiet ta' Kjoto involuti fit-tranżazzjoni, bil-kodiċi tal-pajjiż iżda mingħajr il-kodiċi uniku tal-identifikazzjoni tal-unità tal-kwoti u l-valur numeriku uniku tan-numru tas-serje tal-unitajiet ta' Kjoto;”.

5.

Fl-Anness XIV, il-punt 5(a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

l-ammonti attwalment miżmuma ta' kwoti jew ta' unitajiet ta' Kjoto bil-kodiċi tal-pajjiż iżda mingħajr il-kodiċi uniku tal-identifikazzjoni tal-unità tal-kwoti u l-valur numeriku uniku tan-numru tas-serje tal-unitajiet ta' Kjoto;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).