9.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/192

tat-8 ta' Frar 2018

li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-laboratorji ta' referenza tal-UE fil-qasam tal-kontaminanti fl-għalf u fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (il-laboratorji ta' referenza tal-UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Skont dak ir-Regolament il-laboratorji ta' referenza tal-UE huma responsabbli, b'mod partikolari, biex jipprovdu lill-laboratorji ta' referenza nazzjonali bid-dettalji tal-metodi analitiċi u biex jikkoordinaw l-applikazzjoni tat-tali metodi. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għall-ikel u l-għalf huma elenkati fil-Parti I tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament. Fil-qasam tal-kontaminanti fl-għalf u fl-ikel, kienu ġew innominati laboratorju ta' referenza tal-UE għall-metalli tqal fl-għalf u fl-ikel, laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mikotossini, laboratorju ta' referenza tal-UE għall-Idrokarbonji Poliċikliċi Aromatiċi (PAH) u laboratorju ta' referenza tal-UE għad-dijossini u l-(PCBs) fl-għalf u fl-ikel.

(2)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (il-JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, li ilu mill-2006 u għadu s'issa jospita l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-metalli tqal fl-għalf u fl-ikel, il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-Idrokarbonji Aromatiċi Poliċikliċi (PAHs) u l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mikotossini fl-ikel u l-għalf, għarraf lid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari li b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2018, mhux se jibqa' jospita dawn il-laboratorji ta' referenza tal-UE.

(3)

F'dawn l-oqsma, l-effettività tal-kontrolli uffiċjali u tal-attivitajiet oħra ta' kontroll tiddependi mill-kwalità, mill-uniformità u mill-affidabbiltà tal-metodi ta' analiżi u mir-riżultati analitiċi mwettqa mil-laboratorji uffiċjali u hemm ħtieġa kontinwa biex jiġu promossi prattiki uniformi fl-użu tal-metodi analitiċi. Jeħtieġ li jinżamm laboratorju ta' referenza tal-UE f'dawn l-oqsma u, għalhekk li jiġu nnominati laboratorji ta' referenza ġodda tal-UE. Barra minn hekk, billi mill-2006 'l hawn, kienu ġew identifikati prijoritajiet ġodda fl-oqsma tal-metalli, tal-komposti nitroġeni, tal-kontaminanti tal-ipproċessar u tat-tossini tal-pjanti, jeħtieġ li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet u tal-kompiti tal-laboratorji ta' referenza ġodda tal-UE li se jiġu nnominati.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet u tal-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-UE attwali għall-metalli tqal fl-għalf u fl-ikel jiġi estiż għall-metalli u l-komposti nitroġeniċi kollha fl-għalf u fl-ikel, dak tal-laboratorju ta' referenza tal-UE attwali għall-Idrokarbonji Poliċikliċi Aromatiċi (PAH) jiġi estiż għall-kontaminanti tal-ipproċessar kollha, u dak tal-laboratorju ta' referenza tal-UE attwali għall-mikotossini fl-għalf u fl-ikel, jiġi estiż għall-mikotossini u t-tossini tal-pjanti fl-għalf u fl-ikel.

(5)

Għalhekk, fit-23 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni nediet sejħa għal applikazzjonijiet biex jintagħżel u jiġi nnominat laboratorju ta' referenza tal-UE fl-oqsma msemmija hawn fuq. Jenħtieġ li l-laboratorju magħżul, l-Istitut Nazzjonali tal-Ikel, l-Università Teknika tad-Danimarka (id-Danimarka) jiġi nnominat bħala laboratorju ta' referenza tal-UE għall-metalli u l-komposti nitroġeniċi fl-għalf u fl-ikel, il-laboratorju l-Istitut Nazzjonali tal-Ikel, l-Università Teknika tad-Danimarka (id-Danimarka) bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-kontaminanti tal-ipproċessar u l-laboratorju RIKILT (Stichting Wageningen Research) (in-Netherlands) bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mikotossini u t-tossini tal-pjanti fl-għalf u fl-ikel.

(6)

Minħabba l-importanza dejjem tikber tal-kontaminanti klorinati persistenti għajr il-PCBs u d-diossini, tal-kontaminanti brominati persistenti u tal-kontaminanti fluworinati persistenti għas-sikurezza tal-għalf u tal-ikel, huwa wkoll xieraq li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għad-dijossini u l-PCBs fl-għalf u fl-ikel għall-pollutanti organiċi persistenti (POPs) aloġenati kollha fl-għalf u fl-ikel. Għalhekk, jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għad-dijossini u l-PCBs fl-għalf u fl-ikel jingħata l-isem ġdid ta' laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pollutanti organiċi persistenti (POPs) aloġenati fl-għalf u fl-ikel sabiex jirrifletti din l-estensjoni fil-kamp ta' applikazzjoni.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li l-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-punti 18 sa 21 jinbidlu b'dan li ġej:

“18.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-metalli u l-komposti nitroġenużi fl-għalf u fl-ikel

National Food Institute, Technical University of Denmark

Copenhagen

Id-Danimarka;

19.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mikotossini u t-tossini tal-pjanti fl-għalf u fl-ikel

RIKILT (Stichting Wageningen Research)

Wageningen

In-Netherlands;

20.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-kontaminanti tal-ipproċessar

National Food Institute, Technical University of Denmark

Copenhagen

Id-Danimarka;

21.

Il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-pollutanti organiċi persistenti (POPs) aloġenati fl-għalf u fl-ikel

Chemisches und Veterinäruntersuchungsamt (CVUA) Freiburg

Freiburg

Il-Ġermanja;”