8.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/182

tas-7 ta' Frar 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 28 u l-Istandards Internazzjonali għar-Rappurtar Finanzjarju 1 u 12

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-8 ta' Diċembru 2016, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika t-Titjib Annwali għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju għaċ-Ċiklu 2014-2016 (it-titjib annwali), fil-qafas tal-proċess tat-titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards. L-objettiv tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett rigward oqsma ta' inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test.

(3)

Wara l-konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standard, IAS) 28 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 1 u IFRS 12 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

L-IASB stabbilixxa data effettiva tal-emendi għall-IFRS 12 sa mill-1 ta' Jannar 2017. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b'mod retroattiv sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fil-kwistjonijiet ikkonċernati kif ukoll il-konsistenza ma' standards oħra ta' kontabbiltà stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1126/2008.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(b)

L-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta' Standards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c)

L-IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħrajn jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara.

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2018.

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS

Ċiklu 2014–2016

Emendi għall-IFRS 1

IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta' Standards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju

Il-paragrafi 39L u 39T huma emendati, il-paragrafi 39D, 39F u 39AA huma mħassra u l-paragrafu 39AD huwa miżjud.

DATA EFFETTIVA

39D

[Imħassar]

39F

[Imħassar]

39L

IAS 19 Benefiċċji tal-impjegati (kif emendat f'Ġunju 2011) emenda l-paragrafu D1 u ħassar il-paragrafi D10 u D11. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IAS 19 (kif emendat f'Ġunju 2011).

39T

Entitajiet tal-Investiment (Emendi fl-IFRS 10, l-IFRS 12 u l-IAS 27), maħruġa f'Ottubru 2012, il-paragrafi emendati D16, D17 u l-Appendiċi C. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija tal-Entitajiet tal-Investiment. Jekk entità tapplika dawk l-emendi aktar kmieni hija għandha tapplika wkoll l-emendi kollha inklużi fl-Entitajiet tal-Investiment fl-istess żmien.

39AA

[Imħassar]

39AD

Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS Ċiklu 2014–2016, maħruġ f'Diċembru 2016, emenda l-paragrafi 39L u 39T u ħassar il-paragrafi 39D, 39F, 39AA u E3-7. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018, jew wara.

Fl-Appendiċi E, il-paragrafi E3–E7 u l-intestatura relatata tagħhom huma mħassra.

APPENDIĊI E

Eżenzjonijiet fuq terminu qasir mill-IFRSs

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS.

E3

[Imħassar]

E4

[Imħassar]

E4 A

[Imħassar]

E5

[Imħassar]

E6

[Imħassar]

E7

[Imħassar]

Emendi għall-IFRS 12

IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra

Żdied il-paragrafu 5A.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

5A

Ħlief kif deskritt fil-paragrafu B17, ir-rekwiżiti f'dan il-IFRS japplikaw għall-interessi ta' entità kif elenkati fil-paragrafu 5 li huma kklassifikati (jew inklużi fi grupp ta' disponiment li huwa kklassifikat) bħala miżmum għall-bejgħ jew bħala operazzjonijiet li ma tkomplewx skont l-IFRS 5 Assi Mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet Li Ma Tkomplewx.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafu B17 huwa emendat.

INFORMAZZJONI FINANZJARJA FIL-QOSOR GĦAL SUSSIDJARJI, IMPRIŻI KONĠUNTI U KUMPANIJI ASSOĊJATI (PARAGRAFI 12 U 21)

B17

Meta l-interess ta' entità f'sussidjarja, impriża konġunta jew kumpanija assoċjata (jew sehem mill-interess tagħha f'impriża konġunta jew kumpanija assoċjata) jiġi kklassifikat (jew inkluż fi grupp ta' disponiment li huwa kklassifikat) bħala miżmum għall-bejgħ skont l-IFRS 5, l-entità mhix meħtieġa li tiddivulga informazzjoni finanzjarja fil-qosor għal dik is-sussidjarja, impriża konġunta jew kumpanija assoċjata skont il-paragrafi B10-B16.

Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C1D huwa miżjud.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

C1D

Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRSs Ċiklu 2014-2016, maħruġ f'Diċembru 2016, żied il-paragrafu 5 A u emenda l-paragrafu B17. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod retrospettiv skont l-IAS 8 Politiki tal-Kontabilità, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabilità u Żbalji għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2017 jew wara.

Emendi għall-IAS 28

IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti

Il-paragrafi 18 u 36A huma emendati u jiżdied il-paragrafu 45E.

Eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-metodu tal-ekwità

18

Meta investiment f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta jkun f'idejn, jew indirettament f'idejn xi ħadd permezz ta' entità li tkun organizzazzjoni b'kapital ta' riskju, jew fond mutwu, fiduċjarja ta' unitajiet jew entitajiet simili fosthom fondi tal-assigurazzjoni marbutin mal-investiment, l-entità tista' tagħżel li tkejjel dawk l-investimenti b'valur ġust permezz ta' profitt jew telf skont l-IFRS 9. Entità għandha twettaq din l-elezzjoni separatament għal kull kumpanija assoċjata jew impriża konġunta, fir-rikonoxximent inizjali tal-kumpanija assoċjata jew tal-impriża konġunta.

Proċeduri tal-metodu tal-ekwità

36A

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 36, jekk entità li ma tkunx hi stess entità ta' investiment ikollha interess f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta li tkun entità tal-investiment, l-entità tista', meta tapplika l-metodu tal-ekwità, tagħżel li żżomm il-kejl tal-valur ġust applikat minn dik l-entità tal-investiment assoċjata jew l-impriża konġunta għall-interessi f'sussidjarji tal-entità tal-investiment assoċjata jew tal-impriża konġunta. Din l-għażla ssir separatament għal kull entità tal-investiment assoċjata jew l-impriża konġunta, wara d-data li fiha (a) l-entità tal-investiment assoċjata jew l-impriża konġunta hija inizjalment rikonoxxuta; (b) il-kumpanija assoċjata jew l-impriża konġunta ssir entità tal-investiment; u (c) l-entità tal-investiment assoċjata jew l-impriża konġunta ssir impriża omm għall-ewwel darba.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

45E

Titjib Annwali għall-Istandards tal-IFRS Ċiklu 2014-2016, maħruġ f'Diċembru 2016, emenda l-paragrafi 18 u 36 A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod retrospettiv skont l-IAS 8 għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018, jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu preċedenti, din għandha tiddivulga dan il-fatt.