6.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/171

tad-19 ta' Ottubru 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment għal obbligi ta' kreditu skaduti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 178(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Peress li l-kundizzjonijiet tas-suq u dawk ekonomiċi li jinsabu fl-istess ġurisdizzjoni huma simili, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiffissaw limitu uniku għall-valutazzjoni tal-materjalità ta' obbligu ta' kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet kollha fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Tali livell ta' materjalità, li għandu jibqa' konsistenti tul iż-żmien, iġib benefiċċji miżjuda ta' komparabbiltà miżjuda tar-rekwiżiti ta' kapital fost istituzzjonijiet li jinsabu fl-istess ġurisdizzjoni.

(2)

Minn naħa waħda, l-ammont li jista' jiġi kunsidrat bħala materjali jiddependi fuq il-livell ta' obbligu ta' kreditu ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet għandhom it-tendenza li jikkunsidraw l-ammonti kollha taħt ċertu livell bħala immaterjali, irrispettivament mir-rabta mal-obbligu ġenerali tal-kreditu. Għalhekk, il-limitu minimu tal-materjalità għandu jikkonsisti minn żewġ komponenti; komponent assolut (ammont assolut) u komponent relattiv (il-perċentwal kumplessiv tal-obbligu tal-kreditu li l-ammont skadut jirrappreżenta). L-obbligu ta' kreditu dovut fil-passat għandu, bħala konsegwenza, ikun ikkunsidrat bħala materjali kemm meta l-limitu espress bħala ammont assolut u l-limitu espress bħala perċentwal jinqabżu.

(3)

Bejn diversi obbligaturi, hemm differenzi sinifikanti fl-introjtu medju u l-ammonti medji ta' obbligi ta' kreditu. Għalhekk, il-limiti ta' materjalità għandhom jiġu differenzjati kif xieraq, b'komponenti assoluti separati tal-limiti minimi għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur u għal skoperturi oħra.

(4)

Il-limitu minimu ta' materjalità għandu jiġi adattat għall-karatteristiċi speċifiċi lokali ta' kull ġurisdizzjoni. Id-differenzi fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, fosthom il-livelli differenti tal-prezzijiet f'ġurisdizzjonijiet, jiġġustifikaw li l-komponent assolut tal-limitu minimu ta' materjalità jista' jvarja minn ġurisdizzjoni għal ġurisdizzjoni. Tali divrenzjar, madankollu, rarament ikun iġġustifikat fir-rigward tal-komponent relattiv. B'riżultat ta' dan, il-komponent relattiv jenħtieġ li fil-prinċipju jkun l-istess fil-ġurisdizzjonijiet kollha, waqt li jenħtieġ li tkun permessa xi flessibbiltà għall-komponent assolut. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu l-limitu ta' materjalità għal livell xieraq, sal-ammont massimu speċifikat, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom.

(5)

Minkejja li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta' limitu ta' materjalità madwar il-ġurisdizzjonijiet differenti fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu armonizzati, xi differenzi fil-limiti minimi applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet differenti jenħtieġ li jitħallew, u dan jirrifletti livelli differenti ta' riskju li huma meqjusa bħala raġonevoli mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont l-ispeċifiċitajiet tas-suq nazzjonali. Il-livell adatt ta' materjalità għalhekk, jista' jkollu jiġi diskuss fil-qafas tal-kulleġġi differenti tas-superviżuri.

(6)

Il-limitu minimu ta' materjalità jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali u t-telf mistenni għall-istituzzjonijiet kollha fil-ġurisdizzjoni rilevanti, indipendentement mill-metodu wżat għal dan il-kalkolu. Għal dawn ir-raġunijiet, meta jkun qed jiġi definit il-limitu tal-materjalità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw għadd ta' fatturi, inkluż il-karatteristiċi speċifiċi tar-riskju ta' skoperturi fil-livell tal-konsumatur. Il-karatteristiċi speċifiċi tar-riskju għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur u skoperturi li mhumiex fil-livell tal-konsumatur jenħtieġ li jiġu kkunsidrati separatament.

(7)

Il-limitu minimu ta' materjalità stabbilit minn awtorità kompetenti ta' ġurisdizzjoni partikolari seta' kien applikat wkoll mill-istituzzjonijiet li joperaw fuq bażi transfruntiera. Il-limitu minimu stabbilit mill-awtorità kompetenti ta' ġurisdizzjoni oħra jista' għalhekk ikun fattur importanti meta awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-livell ta' riskju rifless minn ċertu limitu huwa raġonevoli. Għalhekk, limiti ta' materjalità definiti mill-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu trasparenti u għandhom jiġu nnotifikati lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) sabiex ikunu jistgħu jsiru pubbliċi.

(8)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-limitu ta' materjalità għal livell li jikkorrispondi mal-livell ta' riskju li huma jqisu raġonevoli. Hekk kif dak il-livell tar-riskju jiddependi fuq il-mod kif jiġi applikat il-limitu minimu ta' materjalità li jikkonċerna l-proċess ta' identifikazzjoni, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, meta jistabbilixxu l-limitu massimu biex isiru ċerti suppożizzjonijiet dwar kif l-ammonti u l-proporzjonijiet li se jitqabblu ma' komponent assoluti u relattivi ta' materjalità se jiġu kkalkulati u liema stadju tal-proċess ta' identifikazzjoni awtomatika ta' materjalità japplika. F'dak il-kuntest, il-limitu għandu jiġi stabbilit b'tali mod li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jidentifikaw obbligaturi li joħolqu riskji għoljin sinifikanti minħabba pagamenti tardivi sistematiċi parzjali jew irregolari, u li jiġi identifikat obbligu ta' kreditu materjali b'mod f'waqtu.

(9)

Il-materjalità tal-maturità tal-obbligi ta' kreditu tagħmel parti mid-definizzjoni ta' inadempjenza skont l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għal istituzzjonijiet li jużaw l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (l-“Approċċ IRB”), kwalunkwe bidla f'din id-definizzjoni twassal għal bidliet materjali f'sistemi ta' klassifikazzjoni li jintużaw għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' kreditu. Għalhekk, awtorità kompetenti m'għandhiex tbiddel il-limitu ta' materjalità sakemm huwa inadegwat minħabba tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq jew ekonomiċi li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-proċessi ta' identifikazzjoni f'każ ta' inadempjenza

(10)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew jiddifferixxu l-applikazzjoni ta' limiti ta' materjalità għal istituzzjonijiet li huma mitluba jwettqu bidliet materjali tal-mudelli IRB tagħhom u għal istituzzjonijiet li l-implimentazzjoni ta' dawn il-limiti huwa ta' piż għax l-approċċ preċedenti tagħhom għad-determinazzjoni tal-materjalità ta' skoperturi skaduti huwa differenti b'mod sinifikanti minn dawk il-limiti. Barra minn hekk, għal istituzzjonijiet li jużaw l-Approċċ IRB iżda li japplikaw l-Approċċ Standardizzat għal parti tal-iskoperturi tagħhom fuq il-bażi tal-Artikolu 148 jew 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-data tal-applikazzjoni l-ġdida ta' limiti ta' materjalità għandhom jiġu allinjati għall-iskoperturi kollha ta' dawk l-istituzzjonijiet. Madankollu, sabiex jiġi evitat kull dewmien eċċessiv fl-applikazzjoni tal-limiti madwar l-Unjoni, tali perjodi itwal għandu jkun limitat.

(11)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex iwettqu l-analiżi komprensiva meħtieġa għall-istabbiliment tal-limitu tal-materjalità f'livell raġonevoli.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-ABE lill-Kummissjoni.

(13)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta' livell għal materjalità għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur

1.   Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi għall-istituzzjonijiet kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħha limitu ta' materjalità singolu għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur.

Madankollu, għall-istituzzjonijiet li japplikaw id-definizzjoni ta' inadempjenza imniżżla fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-livell ta' faċilita ta' kreditu individwali, l-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi limitu ta' materjalità separata waħda għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur.

2.   Il-limitu ta' materjalità msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jikkonsisti minn komponent assolut u relattiv.

Il-komponent assolut għandu jiġi espress bħala ammont massimu għat-total ta' kull ammont skadut dovut minn obbligant lill-istituzzjoni, l-impriża prinċipali ta' dik l-istituzzjoni jew xi waħda mis-sussidjarji tagħha (“obbligu ta' kreditu skadut”). L-ammont massimu m'għandux ikun iktar minn EUR 100 jew l-ekwivalenti ta' dan l-ammont fil-munita nazzjonali rilevanti.

Il-komponent relattiv għandu jiġi espress bħala perċentwal li jirrifletti l-ammont ta' obbligu ta' kreditu f'dak li jirrelata għall-ammont totali ta' skoperturi tal-karta bilanċjali għal dak l-obbligant lill-istituzzjoni, l-impriża prinċipali ta' dik l-istituzzjoni jew xi waħda mis-sussidjarji tagħha, esklużi l-iskoperturi ta' ekwità. Il-perċentwal għandu jkun ta' bejn 0 % u 2,5 %, u għandu jiġi stabbilit għal 1 % meta dak il-perċentwal jirrifletti livell ta' riskju li l-awtorità kompetenti tikkunsidrah bħala raġonevoli skont l-Artikolu 3

3.   Il-limitu minimu ta' materjalità msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit b'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, bl-unika differenza li l-“obbligu ta' kreditu skadut” u l-“ammont totali ta' skoperturi tal-karta bilanċjali tal-istituzzjoni għal dak l-obbligant, esklużi l-iskoperturi ta' ekwità” għandhom jirreferu għall-ammonti tal-obbligu ta' kreditu ta' obbligant li jirriżultaw minn faċilità mogħtija minn istituzzjoni waħda ta' kreditu lill-istituzzjoni, lill-impriża prinċipali jew lil xi waħda mis-sussidjarji tagħha.

4.   Meta tistabbilixxi l-limitu minimu ta' materjalità f'konformità ma' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-karatteristiċi tar-riskju ta' skoperturi fil-livell tal-konsumatur u l-ispeċifikazzjoni ta' skoperturi fil-livell tal-konsumatur kif stabbilit fl-Artikolu 147 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal banek li japplikaw l-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjoni Interna u fl-Artikolu 123 ta' dak ir-Regolament għall-istituzzjonijiet li japplikaw l-Approċċ Standardizzat.

5.   Meta tistabbilixxi l-limitu minimu ta' materjalità f'konformità ma' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tassumi li l-obbligant ikun inadempjenti meta kemm il-limitu espress bħala element assolut ta' materjalità u l-limitu espress bħala komponent relattiv ta' dan il-limitu jinqabeż jew għal 90 jum konsekuttiv jew għal 180 jum konsekuttiv, fejn l-iskoperturi kollha inklużi fil-kalkolu ta' obbligu ta' kreditu skaduti huma ggarantiti permezz ta' proprjetà residenzjali jew proprjetà immobbli kummerċjali ta' SME u d-90 jum ġew sostitwiti b'180 jum skont l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal dawk l-iskoperturi.

Artikolu 2

Limitu minimu ta' materjalità ta' skoperturi li mhumiex fil-livell tal-konsumatur

1.   Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi għall-istituzzjonijiet kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħha limitu minimu ta' materjalità singolu għal skoperturi li mhumiex fil-livell tal-konsumatur.

2.   Il-limitu minimu ta' materjalità msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2), bl-unika differenza li komponent assolut ta' dak il-limitu ta' materjalità m'għandux ikun iktar minn EUR 500 jew l-ekwivalenti ta' dan l-ammont fil-munita nazzjonali rilevanti.

3.   Meta tistabbilixxi l-limitu minimu ta' materjalità f'konformità ma' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-karatteristiċi tar-riskju ta' skoperturi għajr skoperturi fil-livell tal-konsumatur.

4.   Meta tistabbilixxi l-limitu minimu ta' materjalità f'konformità ma' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tassumi li l-obbligant ikun inadempjenti meta kemm il-limitu espress bħala element assolut tal-limitu minimu ta' materjalità u l-limitu espress bħala komponent relattiv ta' dan il-limitu minimu jinqabeż jew għal 90 jum konsekuttiv jew għal 180 jum konsekuttiv, fejn skoperturi inklużi fil-kalkolu ta' obbligu ta' kreditu preċedenti huma skoperturi għal entità fis-settur pubbliku u d-90 jum ġew sostitwiti b'180 jum skont l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal dawk l-iskoperturi.

Artikolu 3

Livell tar-riskju

Awtorità kompetenti għandha tikkunsidra li limitu minimu ta' materjalità jirrifletti livell raġonevoli ta' riskju, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta dan il-limitu minimu la jwassal għar-rikonoxximent ta' numru eċċessiv ta' inadempjenzi li huma dovuti la għal ċirkostanzi oħra għajr diffikultajiet finanzjarji ta' obbligant u lanqas għal dewmien sinifikanti fir-rikonoxximent ta' inadempjenzi li huma minħabba diffikultajiet finanzjarji ta' obbligant.

Artikolu 4

In-notifika ta' limiti ta' materjalità

Awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ABE dwar il-limiti minimi ta' materjalità stabbiliti fil-ġurisdizzjoni tagħha. L-awtorità komponenti li tistabbilixxi l-komponent relattiv tal-limitu minimu tal-materjalità għal livell ogħla jew perċentwal inqas minn 1 % għandu jissostanzja dik l-għażla lill-ABE.

Artikolu 5

Aġġornament tal-limiti minimi ta' materjalità

Fejn il-komponent assolut tal-limitu minimu tal-materjalità hu stabbilit f'munita differenti mill-euro u fejn, minħabba l-volatilità tar-rati tal-kambju, l-ekwivalenti ta' dak il-komponent ikun ogħla minn EUR 100 għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur jew EUR 500 għal skoperturi għajr skoperturi fil-livell tal-konsumatur, dan il-limitu minimu għandu jibqa' l-istess, sakemm l-awtorità kompetenti ma tissostanzjax lill-ABE li l-limitu minimu tal-materjalità ma għadux jirrifletti livell ta' riskju li l-awtorità kompetenti tikkunsidra bħala raġonevoli.

Artikolu 6

Id-data tal-applikazzjoni tal-limiti minimi ta' materjalità

Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi data ta' applikazzjoni tal-limitu minimu ta' materjalità li tista' tvarja għal kategoriji differenti ta' istituzzjonijiet iżda li m'għandhiex tkun iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020 għal istituzzjonijiet li jużaw l-Approċċ Standardizzat stipulat fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-7 ta’ Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).