12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/45

tal-20 ta' Ottubru 2017

li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES għas-sena 2018

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 18a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti fuq il-qbid.

(2)

Sabiex jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art, l-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-pjanijiet għall-iskartar permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iżjed minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti li jiġu żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Belġju, id-Danimarka,il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess ta' ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, fit-3 ta' Ġunju 2016 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għas-sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2250 (3) stabbilixxa pjan għall-iskartar li japplika għal dak is-sajd ibbażat fuq dik ir-rakkomandazzjoni konġunta.

(4)

Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, fil-31 ta' Mejju 2017 il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit ressqu rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għas-sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mingħand il-korpi xjentifiċi rilevanti li ġew evalwati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Fit-8 ta' Settembru saret laqgħa tal-grupp ta' esperti li għaliha attendew ir-rappreżentanti tat-28 Stat Membru, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew bħala osservatur, u ġew diskussi l-miżuri kkonċernati.

(5)

Wara rakkomandazzjoni konġunta ġdida, jixraq li r-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 jitħassar.

(6)

Il-miżuri li kienu ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida jikkonformaw mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(7)

Għall-fini ta' dak ir-Regolament, il-Baħar tat-Tramuntana huwa magħmul miż-żoni IIIa u IV tal-ICES. Billi fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES jinsabu wkoll xi stokkijiet demersali li huma rilevanti għall-pjan għall-iskartar propost, l-Istati Membri kkonċernati jirrakkomandaw li d-Diviżjoni IIa tal-ICES tkun koperta wkoll mill-pjan għall-iskartar.

(8)

Il-pjan għall-iskartar il-ġdid għas-sena 2018 jenħtieġ li jinkludi d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 fir-rigward tal-ispeċijiet li jridu jinħattu l-art u jenħtieġ li jispeċifika l-ispeċijiet u s-sajd addizzjonali li għalihom fl-2018 għandu japplika l-obbligu ta' ħatt l-art.

(9)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 introduċa l-eżenzjonijiet tas-sopravivenza, kif stipulat fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 (4), għall-qabdiet tal-iskampu li jkunu saru bin-nases u bl-ixbieki tat-tkarkir meta jintużaw ċerti apparati ta' selettività fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES. L-Istati Membri fornew l-evidenza xjentifika li kienet turi r-rati għoljin ta' sopravivenza għall-qabdiet tal-iskampu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. Dik l-informazzjoni ġiet ippreżentata u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li hija biżżejjed. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li dawk l-eżenzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw. Għalhekk jenħtieġ li jiddaħħlu fil-pjan għall-iskartar il-ġdid għas-sena 2018.

(10)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 introduċa eżenzjoni ta' sopravivenza għall-qabdiet tal-iskampu fis-Subżona IV tal-ICES għal ċertu rkaptu bil-kundizzjoni li jintuża apparat ta' selettività netgrid. Dak ir-Regolament Delegat kien jeżiġi li l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett fil-Baħar tat-Tramuntana jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjonijiet għall-ixbieki tat-tkarkir tal-qiegħ speċifikati lill-Kummissjoni. L-informazzjoni ġiet ippreżentata u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li tissostanzja biss eżenzjoni waqt ix-xhur tax-xitwa u f'ċerti żoni (unitajiet funzjonali tal-ICES). Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tiddaħħal fil-pjan għall-iskartar il-ġdid għas-sena 2018, iżda li tkun limitata għax-xhur tax-xitwa u għal ċerti unitajiet funzjonali tal-ICES.

(11)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida fiha eżenzjoni tas-sopravivenza għall-qabdiet aċċessorji għas-sajd li jsir bin-nases u bix-xbieki fyke, kif ukoll għall-qabdiet tal-lingwata komuni li jsiru bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti.

(12)

Abbażi tal-evidenza xjentifika li ngħatat fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida u li ġiet evalwata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, u filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-ekosistema, dawk l-eżenzjonijiet tas-sopravivenza jenħtieġ li jiddaħħlu fil-pjan għall-iskartar il-ġdid għas-sena 2018.

(13)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2250 stabbilixxa l-eżenzjonijiet de minimis għal:

lingwata komuni li tinqabad bil-pariti u bl-għeżula fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, fis-Subżona IV tal-ICES, u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona IIa tal-ICES,

lingwata komuni li tinqabad b'ċerti xbieki tat-tkarkir bi travu armati bi pannell Fjamming fis-Subżona IV tal-ICES,

skampu li jinqabad b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES.

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li dawk l-eżenzjonijiet de minimus jibqgħu japplikaw. Għalhekk jixraq li dawk l-eżenzjonijiet jiddaħħlu fil-pjan għall-iskartar il-ġdid.

(14)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, għall-merluzz tal-linja sewda, għall-merlangu, għall-bakkaljaw u għall-pollakkju iswed flimkien, għall-qabdiet li jsiru b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, eżenzjoni de minimis għal-lingwata, għall-merluzz tal-linja sewda, għall-merlangu, għall-bakkaljaw u għall-pollakkju iswed flimkien, li jinqabdu bil-kavetti fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, eżenzjoni de minimis għall-merlangu u għall-bakkaljaw li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni IVc tal-ICES, u eżenzjoni de minimis għall-merlangu li jinqabad b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES.

(15)

Abbażi ta' evidenza konvinċenti li tressqet mill-Istati Membri favur dawk l-eżenzjonijiet de minimis evalwata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, li kkonkluda li dawk l-eżenzjonijiet kien fihom argumenti motivati li huwa diffiċli li jinkiseb aktar titjib fis-selettività, jew li jimplikaw spejjeż sproporzjonati għat-trattament ta' qabdiet inċidentali, jixraq li l-eżenzjonijiet de minimis jiġu stabbiliti skont il-livell perċentwali propost fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(16)

Għall-fini li jiġu adottati l-pjanijiet għall-iskartar, u għall-ispeċijiet li huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art, l-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 850/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tistabbilixxi daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni bil-għan li tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar. Dawk id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni jistgħu jidderogaw, fejn ikun jixraq, mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98. Għall-iskampu fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, jixraq li jinżammu d-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2440 (5), jiġifieri tul totali ta' 105 mm u tul tal-karapaċi ta' 32 mm. Jenħtieġ li jinżdied tul minimu tad-denb ta' 59 mm fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida u l-evalwazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd li tiddikjara li dan it-tul tad-denb jikkorrispondi mal-valuri eżistenti għat-tul totali u għat-tul tal-karapaċi.

(17)

Il-pjanijiet għall-iskartar jistgħu jinkludu wkoll miżuri tekniċi għas-sajd jew għall-ispeċijiet koperti mill-obbligu ta' ħatt l-art. Biex tiżdied is-selettività tal-irkapti u biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali fi Skagerrak, jixraq li jinżammu għadd ta' miżuri tekniċi li kienu ġew miftehma bejn l-Unjoni u n-Norveġja fl-2011 (6), u fl-2012 (7), u li l-użu tal-apparat ta' selettività SepNep jiġi awtorizzat.

(18)

Biex ikun żgurat kontroll xieraq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi biex l-Istati Membri jistabbilixxu listi ta' bastimenti koperti minn dan ir-Regolament.

(19)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajf tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi b'rabta ma' dan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2018 biex ikun konformi mal-iskeda taż-żmien stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art

Bi qbil ma' dan ir-Regolament, l-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għas-sajd demersali fis-Subżona IV tal-ICES (fil-Baħar tat-Tramuntana), fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES (Kattegat u Skagerrak) u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES (fil-Baħar Norveġiż).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin

(1)

“Pannell Seltra” huwa apparat ta' selettività li:

huwa magħmul minn pannell ta' fuq b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 270 mm (malja maqrut) imqiegħed f'sezzjoni ta' erba' pannelli u magħqud f'daqqa bil-proporzjon ta' tliet malji ta' daqs 90 mm għal kull malja waħda ta' 270 mm, jew b'pannell ta' fuq li jkollu daqs tal-malja ta' mill-inqas 140 mm (malja kwadra);

ikun mill-inqas twil tliet metri;

jitqiegħed mhux aktar minn erba' metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq; u

jkun daqs il-wisgħa kollha tas-saff ta' fuq tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).

(2)

“Apparat ta' selettività Netgrid” huwa apparat ta' selettività magħmul minn sezzjoni b'erba' pannelli imdaħħla f'xibka tat-tkarkir b'żewġ pannelli b'xibka inklinata ta' malja maqrut b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħarbu l-ħut fil-parti ta' fuq tax-xibka.

(3)

“Pannell Fjamming” hija l-aħħar sezzjoni tal-malja tax-xibka tat-tkarkir bi travu, li tidjieq għal xejn għal xejn u li:

il-parti ta' quddiem tagħha tkun imqabbda direttament mal-manka;

is-sezzjonijiet ta' fuq u ta' taħt tal-malja huma magħmulin b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 120 mm bejn għoqda w oħra;

meta tkun minxura t-tul tagħha jkun ta' mill-inqas 3 m.

(4)

“SepNep” hija xibka tat-tkarkir bid-diriġenti magħmula

b'firxa tad-daqs tal-malja ta' minn 80 sa 99 +≥ 100 mm:

tkun armata b'ħafna mankijiet bid-daqs tal-malji li jkunu ta' mill-inqas 80 mm sa 120 mm, maqbudin ma' biċċa ta' estensjoni waħda, il-manka ta' fuq nett tkun magħmula b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 120 mm u tkun armata b'pannell li jissepara li jkollu daqs tal-malja massimu ta' 105 mm; u

tista' tkun armata bi gradilja selettiva fakultattiva bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 17-il mm dejjem jekk tkun mibnija b'mod li tippermetti li jaħarbu l-iskampi ż-żgħar.

Artikolu 3

Speċijiet soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

L-obbligu ta' ħatt l-art għandu japplika għall-ispeċijiet imsemmijin fl-Anness ta' dan ir-Regolament, soġġett għall-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7.

Artikolu 4

Eżenzjonijiet ta' sopravivenza għall-iskampu

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-iskampu li jidhru hawn taħt:

(a)

qabdiet bin-nases (FPO (8));

(b)

qabdiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 70 mm armati b'gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet, bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 35 mm;

(c)

qabdiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 90 mm armati b'pannell seltra;

(d)

fix-xhur tax-xitwa (Ottubru sa Marzu) il-qabdiet fl-unitajiet funzjonali Farn Deeps (FU6), Firth of Forth (FU8) u Moray Firth (FU9) bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 80 mm armati b'apparat ta' selettività netgrid.

2.   Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-iskampu għandu jinħeles sħiħ, minnufih, u fiż-żona fejn ikun inqabad.

Artikolu 5

Eżenzjoni ta' sopravivenza għal-lingwata komuni

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-lingwata komuni li jkunu iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li jkunu ttieħdu mhux iżjed minn sitt mili nawtiċi 'l barra mill-kosta fiż-żona IVc tal-ICES u barra ż-żoni ta' tkabbir identifikati, bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTB) b'manka li jkollha daqs tal-malja ta' bejn 80 u 99 mm.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għall-bastimenti li għandhom tul massimu ta' 10 metri, qawwa tal-magna ta' 221 kW, meta jistadu f'ilmijiet b'fond ta' 30 metru jew inqas u b'tul ta' ħin tal-irmunkar li ma jkunx iżjed minn siegħa u nofs.

3.   Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-lingwata komuni għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 6

Eżenzjoni ta' sopravivenza għal-qabdiet aċċessorji ta' ħut fin-nases u fix-xbieki fyke

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-bakkaljaw, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-barbun tat-tbajja', tal-lingwata, tal-merluzz u tal-pollakkju iswed li jsiru bin-nases u bix-xbieki fyke (FPO, FYK).

2.   Meta jiġi skartat il-ħut fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-ħut għandu jinħeles minnufih u taħt wiċċ il-baħar.

Artikolu 7

Eżenzjonijiet de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(4)(c) ta' dak ir-Regolament:

(a)

fis-sajd minn bastimenti li jużaw il-pariti u l-għeżula (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES:

kwantità ta' lingwata komuni li ma għandhiex taqbeż 3 % tal-qabdiet totali annwali ta' dik l-ispeċi;

(b)

fis-sajd minn bastimenti li jużaw xibka tat-tkarkir bi travu (TBB) b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 119 mm b'daqs tal-malja ikbar fl-estensjoni tax-xibka tat-tkarkir bi travu, pannell Fjamming, fis-Subżona IV tal-ICES;

kwantità ta' lingwata komuni li tkun iżgħar mid-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 6 % tal-qabdiet totali annwali ta' dik l-ispeċi;

(c)

fis-sajd minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TB, TBN,) b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 99 mm fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES:

kwantità ta' skampu li jkun iżgħar mid-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex jaqbeż 2 % tal-qabdiet totali annwali ta' dik l-ispeċi;

(d)

fis-sajd tal-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malja ta' 70 mm jew ikbar, armati b'gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 35 mm fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES;

kwantità ta' lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw u pollakkju iswed flimkien, li jkunu iżgħar mid-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 4 % tal-qabdiet totali annwali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-bakkaljaw u tal-pollakkju iswed;

(e)

fis-sajd tal-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB) b'daqs tal-malja ta' 35 mm jew ikbar, armati b'gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet, bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 19 mm, bil-ħruġ mhux ibblukkat għall-ħut, fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES;

kwantità ta' lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, barbun tat-tbajja' u pollakkju iswed flimkien, li jkunu iżgħar mid-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhiex taqbeż 1 % tal-qabdiet totali annwali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-bakkaljaw, tal-pollakkju iswed, tal-barbun tat-tbajja' u tal-gamblu tat-Tramuntana;

(f)

fis-sajd imħallat tal-lingwata, merlangu, barbun tat-tbajja', u ta' speċijiet li ma għandhomx limitu ta' qbid minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, SDN, SSC) bid-daqs tal-malja ta' bejn 70 u 99 mm fid-Diviżjoni IVc tal-ICES;

kwantità ta' merlangu u bakkaljaw flimkien, li jkunu iżgħar mid-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, li ma għandhomx jaqbżu 6 % tal-qabdiet totali annwali tal-iskampu, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-lingwata, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-merlangu, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed, u tal-bakkaljaw; l-ammont massima ta' bakkaljaw li jista' jiġi skartat għandu jkun limitat għal 2 % ta' dawk il-qabdiet totali annwali;

(g)

fis-sajd minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN) b'daqs tal-malja ta' bejn 90 u 119 mm, armati b'pannell Seltra, jew b'daqs tal-malja ta' 120 mm jew iżjed fid-Diviżjoni tal-ICES IIIa:

kwantità ta' merlangu li jkun iżgħar mid-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 2 % tal-qabdiet totali annwali ta' awwista, bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, merlangu, pollakkju iswed, lingwata komuni, barbun tat-tbajja' u merluzz.

Artikolu 8

Daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni

B'deroga mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-iskampu fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES għandu jkun kif ġej:

(a)

tul totali ta' 105 mm;

(b)

tul tad-denb ta' 59 mm;

(c)

tul tal-karapaċi ta' 32 mm.

Artikolu 9

Miżuri tekniċi speċifiċi fi Skagerrak

1.   Il-ġarr abbord jew l-użu ta' kull xibka tat-tkarkir, tartarun Daniż, xibka tat-tkarkir bi travu jew xibka simili rmunkata li jkollha daqs tal-malja inqas min 120 mm għandu jkun ipprojbit fi Skagerrak.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jintużaw ix-xbieki tat-tkarkir li ġejjin:

(a)

xbieki tat-tkarkir b'manka li jkollha malja ta' daqs ta' mill-inqas 90 mm, dejjem jekk ikunu armati b'pannell Seltra jew b'gradilja selettiva, bi spazju tal-vireg ta' mill-inqas 35 mm;

(b)

xbieki tat-tkarkir b'manka b'daqs tal-malja ta' mill-inqas 70 mm (malja kwadra) armati b'gradilja selettiva bi spazju tal-vireg mhux ikbar minn 35 mm;

(c)

xbieki tat-tkarkir b'daqs minimu tal-malja mhux inqas minn 70 mm meta s-sajd ikun ta' speċijiet pelaġiċi jew industrijali, dejjem jekk il-qabda jkun fiha iktar minn 80 % ta' speċi pelaġika jew industrijali waħda jew iżjed;

(d)

xbieki tat-tkarkir b'manka b'daqs tal-malja ta' mhux inqas minn 35 mm meta s-sajd ikun tal-gamblu tat-Tramuntana, dejjem jekk ix-xibka tkun armata b'gradilja selettiva bi spazju tal-vireg ta' 19 mm.

3.   Jista' jintuża apparat għall-konservazzjoni tal-ħut meta s-sajd ikun tal-gamblu tat-Tramuntana, skont il-paragrafu 2(d), dejjem jekk ikun hemm biżżejjed opportunitajiet ta' sajd biex ikopru l-qabdiet aċċessorji u jekk l-apparat għall-konservazzjoni tal-ħut ikun:

(a)

mibni b'pannell ta' fuq b'malja kwadra ta' daqs minimu ta' 120 mm;

(b)

mill-inqas twil tliet (3) metri; u

(c)

wiesa' mill-inqas daqs il-wisgħa tal-gradilja selettiva.

Artikolu 10

SepNep

B'deroga mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 għandu jkun permess l-użu tax-xbieki SepNep.

Artikolu 11

Revoka

Ir-Regolament (UE) 2016/2250 huwa mħassar.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22

(2)  ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2250 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 2).

(4)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2440 tat-22 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 42).

(6)  Reġistrazzjoni aċċettata bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar ir-regolazzjoni tas-sajd fi Skagerrak u f'Kattegat għall-2012.

(7)  Reġistrazzjoni aċċettata bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar miżuri għall-implimentazzjoni ta' projbizzjoni tal-iskartar u miżuri ta' kontroll fiż-żona ta' Skagerrak, fl-4 ta' Lulju 2012.

(8)  Il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom ikun inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet tal-klassifikazzjoni tal-irkapti tal-FAO.


ANNESS

Irkaptu tas-sajd (1)  (2)

Daqs tal-malja

Speċijiet soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

Xbieki tat-tkarkir:

OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV

≥ 100 mm

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir:

OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV

70-99 mm

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw (3), tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir:

OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV

32-69 mm

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir bi travu:

TBB

≥ 120 mm

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir bi travu:

TBB

80-119 mm

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Għeżula, pariti u għeżula tat-tħabbil:

GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF

 

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw (3), tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Snanar u lenzi:

LLS, LLD, LL, LTL, LX, LHP, LHM

 

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.

Nases:

FPO, FIX, FYK, FPN

 

Il-qabdiet kollha tal-bakkaljaw, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed, tal-gamblu tat-Tramuntana, u tal-iskampu u tal-merlangu.


(1)  Il-kodiċijiet tal-irkapti użati f'din it-Tabella jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(2)  Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkapti tal-FAO.

(3)  L-obbligu tal-ħatt l-art għall-bakkaljaw ma għandux japplika fis-subdiviżjoni IIIaS tal-ICES.