11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/45


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/35

tal-10 ta' Jannar 2018

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-ottametilċiklotetrasilossan (“D4”) u tad-dekametilċiklopentasilossan (“D5”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' April 2015, ir-Renju Unit ippreżenta dossier lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“id-dossier tal-Anness XV (2)”), fejn ippropona li jiġu ristretti l-ottametilċiklotetrasilossan (D4), u d-dekametilċiklopentasilossan (D5) fil-prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma f'kundizzjonijiet normali tal-użu. Id-dossier juri li hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji għall-ambjent ikkawżati mill-użu tad-D4 u tad-D5, meta dawn jiġu mormija fl-ilma skartat.

(2)

Fit-22 ta' April 2015, il-Kumitat tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, adotta l-opinjoni li kemm id-D4 kif ukoll id-D5 jissodisfaw il-kriterji tal-Anness XIII ta' dak ir-Regolament għall-identifikazzjoni ta' sustanzi persistenti ħafna (vP) u bijoakkumulattivi ħafna (vB) skont l-Artikolu 77(3)(c) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Fl-10 ta' Marzu 2016, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija (l-“RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu u kkonkluda li d-D4 tissodisfa l-kriterji tal-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għall-identifikazzjoni ta' sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (“PBT”) u ta' sustanzi vPvB, u li d-D5 tissodisfa l-kriterji għall-identifikazzjoni ta' sustanzi vPvB. L-RAC ikkonferma li l-proprjetajiet perikolużi tad-D4 u tad-D5 jagħtu lok għal tħassib speċifiku relatat mal-ambjent meta jkunu preżenti fil-prodotti kosmetiċi li jiġu użati jew mormija fl-ilma. Ikkonkluda wkoll li r-restrizzjoni proposta hija miżura speċifika u xierqa fil-livell tal-Unjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet kkawżati minn prodotti li jitlaħalħu bl-ilma.

(4)

Fid-9 ta' Ġunju 2016, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika (is-“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, fejn indika li r-restrizzjoni proposta hija l-aktar miżura adatta fil-livell tal-Unjoni, f'termini tal-benefiċċji soċjoekonomiċi u l-ispejjeż soċjoekonomiċi relatati magħha, sabiex jitnaqqas ir-rimi tad-D4 u tad-D5 fl-ilma skartat.

(5)

Is-SEAC irrakkomanda differiment ta' erbgħa u għoxrin xahar tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni, skont il-perjodu minimu ta' differiment propost fid-dossier tal-Anness XV, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità.

(6)

Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(7)

Fl-10 ta' Awwissu 2016, l-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni l-opinjonijiet tal-RAC u tas-SEAC. (3)

(8)

Il-preżenza tad-D4 u tad-D5 f'ċerti prodotti kosmetiċi toħloq periklu għall-ambjent meta dawn jitlaħalħu bl-ilma wara l-użu, minħabba l-proprjetajiet perikolużi bħala sustanza PBT u vPvB fil-każ tad-D4, u bħala sustanza vPvB fil-każ tad-D5. Il-Kummissjoni tqis li dawk ir-riskji għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Il-limitu tal-konċentrazzjoni ta' 0,1 % stabbilit minn din ir-restrizzjoni jiżgura b'mod effettiv li kull użu intenzjonat tad-D4 u tad-D5 jitwaqqaf, peress li dawk is-sustanzi jridu jkunu preżenti fil-prodotti kosmetiċi f'konċentrazzjonijiet ħafna ogħla sabiex iwettqu l-funzjoni maħsuba tagħhom.

(9)

Ir-restrizzjoni proposta tikkonċerna l-prodotti kosmetiċi kif definiti fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fil-prodotti kosmetiċi li huma maħsuba biex jibqgħu f'kuntatt fit-tul mal-ġilda, max-xagħar jew mal-membrani mukużi, id-D4 u d-D5 jevaporaw maż-żmien wara l-applikazzjoni u kull residwu jiġi eliminat matul it-tlaħliħ normali. Id-dossier tal-Anness XV ma kopriex dawk il-prodotti, minħabba li ma jirrappreżentawx sors maġġuri ta' riskju għall-ambjent ikkawżat mid-D4 u d-D5, u għaldaqstant ir-riskju li dawn jistgħu jippreżentaw lill-ambjent għadu ma ġiex ivvalutat mill-RAC. Għalhekk, ir-restrizzjoni jenħtieġ li tapplika biss għall-prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu li, f'kundizzjoni ta' użu normali, jitneħħew bl-ilma ftit wara l-applikazzjoni, minħabba li f'dawn iċ-ċirkostanzi d-D4 u d-D5 jiġu emessi fl-ambjent akkwatiku qabel ma jevaporaw.

(10)

Il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta. Ir-restrizzjoni l-ġdida jenħtieġ li tiġi applikata biss minn data aktar tard.

(11)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  https://echa.europa.eu/documents/10162/9a53a4d9-a641-4b7b-ad58-8fec6cf26229

(3)  https://echa.europa.eu/documents/10162/7209f47e-58a0-4fa7-9890-11366f5aa4e9

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi, (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiddaħħal din l-entrata ġdida:

“70.

Ottametilċiklotetrasilossan (D4)

Nru CAS 556-67-2

Nru KE 209-136-7

Dekametilċiklopentasilossan (D5)

Nru CAS 541-02-6

Nru KE 208-764-9

1.

Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq fil-prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma f'konċentrazzjoni ugwali jew aktar minn 0,1 % skont il-piż ta' kull sustanza, wara l-31 ta' Jannar 2020.

2.

Għall-finijiet ta' din l-entrata, “prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma” tfisser prodotti kosmetiċi kif definiti fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 li, f'kundizzjonijiet normali ta' użu, jitlaħalħu bl-ilma wara l-applikazzjoni.”