17.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/46


FTEHIM BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMMISSJONI EWROPEA

li jemenda l-punt 4 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 295 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

Il-punt 4 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.

Kull Membru tal-Kummissjoni għandu jerfa' r-responsabbiltà politika għal azzjoni fil-qasam li jkun responsabbli għalih, bla ma jagħmel ħsara lill-prinċipju tal-kulleġġjalità tal-Kummissjoni.

Hija r-responsabbiltà sħiħa tal-President tal-Kummissjoni li jidentifika kull kunflitt ta' interess li jimpedixxi lil xi Membru tal-Kummissjoni milli jaqdi dmirijietu.

Il-President tal-Kummissjoni huwa wkoll responsabbli għal kull azzjoni sussegwenti meħuda f'tali ċirkustanzi u għandu immedjatament javża bil-miktub lill-President tal-Parlament.

Il-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Kummissjoni f'kampanji elettorali hija regolata mill-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Membri tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw f'kampanji elettorali fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, anki bħala kandidati. Jistgħu jintgħażlu wkoll mill-partiti politiċi Ewropej bħala kandidati prinċipali (‘Spitzenkandidaten’) għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni.

Il-President tal-Kummissjoni għandu jgħarraf lill-Parlament fi żmien xieraq jekk Membru wieħed jew aktar tal-Kummissjoni humiex se jikkandidaw ruħhom fil-kampanji elettorali tal-elezzjonijiet għall-Parlament, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda biex ikun żgurat ir-rispett tal-prinċipji tal-indipendenza, l-integrità u d-diskrezzjoni previsti fl-Artikolu 245 TFUE u fil-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea.

Kwalunkwe Membru tal-Kummissjoni li jikkandida ruħu jew jipparteċipa f'kampanja elettorali tal-elezzjonijiet għall-Parlament irid iwiegħed li, matul il-kampanja, ma jaċċettax kariga li ma tkunx konformi mad-dmir tiegħu ta' kunfidenzjalità jew li tikser il-prinċipju tal-kulleġġjalità.

Membri tal-Kummissjoni li jikkandidaw irwieħhom jew jipparteċipaw f'kampanji elettorali tal-elezzjonijiet għall-Parlament ma jistgħux jużaw ir-riżorsi umani jew materjali tal-Kummissjoni għal attivitajiet marbuta mal-kampanja elettorali.”.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta' Frar 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kummissjoni Ewropea

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.