7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/3


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2018/1910

tal-4 ta' Diċembru 2018

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Fl-1967, meta l-Kunsill adotta s-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) permezz tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE (3) u t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE (4), l-impenn kien sar sabiex tiġi stabbilita sistema definittiva tal-VAT li topera fil-Komunità Ewropea bl-istess mod li topera bih fi Stat Membru wieħed. Peress li l-kondizzjonijiet politiċi u tekniċi ma kinux lesti għal tali sistema meta l-fruntieri fiskali bejn l-Istati Membri ġew eliminati sa tmiem l-1992, ġew adottati arranġamenti transizzjonali b'rabta mal-VAT. Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (5) tistipula li dawk ir-regoli transizzjonali jridu jiġu sostitwiti b'arranġamenti definittivi.

(2)

F'konformità mal-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT, il-Kummissjoni ressqet proposta li tistabbilixxi l-elementi għal sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju (B2B) bejn l-Istati Membri li tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni tal-provvisti transfruntiera ta' merkanzija fl-Istat Membru ta' destinazzjoni.

(3)

Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Novembru 2016, stieden lill-Kummissjoni biex tagħmel ċertu titjib fir-regoli tal-Unjoni dwar il-VAT għat-transazzjonijiet transfruntiera fir-rigward tar-rwol tan-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT fil-kuntest tal-eżenzjoni għall-provvisti intra-Komunitarji, l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat, it-transazzjonijiet f'serje u l-prova tat-trasport għall-finijiet tal-eżenzjoni għat-transazzjonijiet intra-Komunitarji.

(4)

Fid-dawl tat-talba magħmula mill-Kunsill u l-fatt li jridu jgħaddu diversi snin qabel tiġi implimentata s-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ intra-Komunitarju, dawn il-miżuri speċifiċi, maħsuba biex jarmonizzaw u jissimplifikaw ċerti arranġamenti għan-negozji, huma xierqa.

(5)

Stokk f'kunsinna kuntrattat jirreferi għal sitwazzjoni li fiha, fil-ħin tat-trasport ta' merkanzija lejn Stat Membru ieħor, il-fornitur diġà jaf l-identità tal-persuna li qed takkwista l-merkanzija, lil min ser tiġi fornuta din il-merkanzija fi stadju aktar tard u wara l-wasla tagħha fl-Istat Membru ta' destinazzjoni. Bħalissa dan qed iwassal għal provvista preżunta (fl-Istat Membru li minnu titlaq il-merkanzija) u għal akkwist intra-Komunitarju preżunt (fl-Istat Membru li fih tasal il-merkanzija), segwiti minn provvista “domestika” fl-Istat Membru tal-wasla u jenħtieġ li l-fornitur jiġi identifikat għall-finijiet tal-VAT f'dak l-Istat Membru. Biex dan jiġi evitat, dawn it-transazzjonijiet, meta jsiru bejn żewġ persuni taxxabbli jenħtieġ li jitqiesu, f'ċerti kondizzjonijiet, bħala li jagħtu lok għal provvista eżenti waħda fl-Istat Membru tat-tluq u għal akkwist intra-Komunitarju wieħed fl-Istat Membru tal-wasla.

(6)

Transazzjonijiet f'serje jirreferu għal provvisti suċċessivi ta' merkanzija li huma soġġetti għal trasport intra-Komunitarju wieħed. Jenħtieġ li l-moviment intra-Komunitarju ta' merkanzija jiġi attribwit biss lil waħda mill-provvisti, u jenħtieġ li dik il-provvista biss tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT prevista għall-provvisti intra-Komunitarji. Jenħtieġ li l-provvisti l-oħra fil-katina jiġu ntaxxati u jistgħu jeħtieġu l-identifikazzjoni tal-VAT tal-fornitur fl-Istat Membru ta' provvista. Sabiex jiġu evitati approċċi differenti bejn l-Istati Membri, li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja jew għal nontassazzjoni, u sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-operaturi, jenħtieġ li tiġi stabbilita regola komuni li, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet, it-trasport ta' merkanzija għandu jiġi attribwit lil provvista waħda fil-katina tat-transazzjonijiet.

(7)

F'dak li jirrigwarda n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT b'rabta mal-eżenzjoni għall-provvista ta' merkanzija fil-kummerċ intra-Komunitarju, qed jiġi propost li l-inklużjoni tan-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna li takkwista l-merkanzija fis-Sistema tal-Iskambju ta' Informazzjoni tal-VAT (VIES), assenjat minn Stat Membru differenti minn dak li fih jibda t-trasport ta' merkanzija, jenħtieġ issir, flimkien mal-kondizzjoni tat-trasport ta' merkanzija barra mill-Istat Membru ta' provvista, kondizzjoni sostantiva għall-applikazzjoni ta' eżenzjoni u mhux rekwiżit formali. Barra minn hekk, l-entrata fil-VIES hija essenzjali biex l-Istat Membru tal-wasla jiġi mgħarraf bil-preżenza ta' merkanzija fit-territorju tiegħu u għalhekk hija element ewlieni fil-ġlieda kontra l-frodi fl-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta l-fornitur ma jikkonformax mal-obbligi tal-entrata fil-VIES tiegħu, jenħtieġ li l-eżenzjoni ma tapplikax ħlief meta l-fornitur ikun qed jaġixxi in bona fide, jiġifieri, meta jkun jista' jiġġustifika debitament quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti kull wieħed min-nuqqasijiet tiegħu b'rabta mad-dikjarazzjoni rikapitolattiva, li dak il-ħin tista' tinkludi wkoll l-għoti mill-fornitur tal-informazzjoni korretta kif meħtieġ skont l-Artikolu 264 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(8)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri it-titjib fl-operat tal-arranġamenti tal-VAT fil-kuntest tal-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju, ma jistax jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(9)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (6), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f'każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

1.   It-trasferiment minn persuna taxxabbli ta' merkanzija li tagħmel parti mill-assi tan-negozju tagħha lejn Stat Membru ieħor skont arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat ma għandux jiġi ttrattat bħala provvista ta' merkanzija bi ħlas.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat għandhom jitqiesu bħala li jeżistu meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-merkanzija tintbagħat jew tiġi trasportata minn persuna taxxabbli, jew minn parti terza f'isimha lejn Stat Membru ieħor bl-għan li dik il-merkanzija tiġi pprovduta hemm, fi stadju aktar tard u wara l-wasla tagħha, għand persuna taxxabbli oħra li tkun intitolata li tieħu s-sjieda ta' dik il-merkanzija f'konformità ma' ftehim eżistenti bejn iż-żewġ persuni taxxabbli;

(b)

il-persuna taxxabbli li tibgħat jew li tittrasporta l-merkanzija ma tkunx stabbilixxiet in-negozju tagħha u lanqas ma jkollha stabbiliment fiss fl-Istat Membru fejn tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija;

(c)

il-persuna taxxabbli li lilha hija intiża biex tiġi fornuta l-merkanzija tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT fl-Istat Membru li lejh tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija u kemm l-identità tagħha kif ukoll in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT assenjati lilha minn dak l-Istat Membru jkunu magħrufa mill-persuna taxxabbli msemmija fil-punt (b) fil-ħin li fih tintbagħat jew jibda t-trasport tal-merkanzija;

(d)

il-persuna taxxabbli li tibgħat jew li tittrasporta l-merkanzija tirreġistra t-trasferiment tal-merkanzija fir-reġistru previst fl-Artikolu 243(3) u tinkludi l-identità tal-persuna taxxabbli li tkun akkwistat il-merkanzija u n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT assenjat lilha mill-Istat Membru li lejh il-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata fid-dikjarazzjoni rikapitolattiva prevista fl-Artikolu 262(2).

3.   Meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin fil-ħin tat-trasferiment tad-dritt li dak li jkun jiddisponi mill-merkanzija bħala s-sid lejn il-persuna taxxabbli msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, bil-kondizzjoni li t-trasferiment isir fl-iskadenza msemmija fil-paragrafu 4:

(a)

provvista ta' merkanzija skont l-Artikolu 138(1) għandha titqies li tkun saret mill-persuna taxxabbli li tkun bagħtet jew ittrasportat il-merkanzija waħedha jew inkella permezz ta' parti terza li taġixxi f'isimha fl-Istat Membru li minnu tkun intbagħtet jew tkun ġiet ittrasportata l-merkanzija;

(b)

akkwist intra-Komunitarju ta' merkanzija għandu jitqies li jkun sar mill-persuna taxxabbli li lilha tiġi fornuta dik il-merkanzija fl-Istat Membru li lejh tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija.

4.   Jekk, fi żmien 12-il xahar mill-wasla tal-merkanzija fl-Istat Membru li lejh tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata, il-merkanzija ma tkunx ġiet fornuta lill-persuna taxxabbli li għaliha tkun intiża, kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 6, u ma tkun seħħet l-ebda waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 7, trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 17 għandu jitqies li jsir fil-ġurnata wara dik li fiha jiskadi l-perijodu ta' 12-il xahar.

5.   L-ebda trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 17 m'għandu jitqies li jsir meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-dritt li wieħed jiddisponi mill-merkanzija ma jkunx ġie ttrasferit, u dik il-merkanzija tkun ġiet irritornata lejn l-Istat Membru li minnu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata, fil-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 4; u

(b)

il-persuna taxxabbli li tkun bagħtet jew ittrasportat il-merkanzija tirreġistra r-ritorn tagħha fir-reġistru previst fl-Artikolu 243(3).

6.   Meta, fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 4, il-persuna taxxabbli msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 tkun ġiet sostitwita minn persuna taxxabbli oħra, m'għandu jitqies li jsir ebda trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 17 fil-ħin tas-sostituzzjoni, dment li:

(a)

jintlaħqu l-kondizzjonijiet applikabbli l-oħrajn fil-paragrafu 2; u

(b)

is-sostituzzjoni tkun irreġistrata mill-persuna taxxabbli msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 fir-reġistru previst fl-Artikolu 243(3).

7.   Meta, fil-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 4, kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 6 ma tibqax sodisfatta, trasferiment tal-merkanzija skont l-Artikolu 17 għandu jitqies li jsir fil-ħin li fih ma tibqax sodisfatta l-kondizzjoni rilevanti.

Jekk il-merkanzija tiġi fornuta lil persuna oħra li ma tkunx il-persuna taxxabbli msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 6, għandu jitqies li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 6 ma jibqgħux sodisfatti immedjatament qabel dan il-forniment.

Jekk il-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata lejn pajjiż ieħor li ma jkunx l-Istat Membru li minnu tkun iċċaqilqet inizjalment, għandu jitqies li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 6 ma jibqgħux sodisfatti immedjatament qabel tibda tintbagħat jew jibda t-trasport ta' tali merkanzija.

Fil-każ li tinqered, tintilef jew tinsteraq il-merkanzija, għandu jitqies li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 6 ma jibqgħux sodisfatti fid-data li fiha l-merkanzija tkun fil-fatt tneħħiet jew inqerdet, jew, jekk ikun impossibbli li tiġi determinata tali data, fid-data li fiha jkun instab li l-merkanzija nqerdet jew ġiet nieqsa.”;

(2)

fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 36a

1.   Fejn l-istess merkanzija tkun fornuta suċċessivament u dik il-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor direttament mingħand l-ewwel fornitur lill-aħħar klijent fil-katina, id-dispaċċ jew it-trasport għandu jiġi attribwit biss għall-provvista li ssir lill-operatur intermedjarju.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, it-tluq jew it-trasport għandu jiġi attribwit biss għall-provvista ta' merkanzija mill-operatur intermedjarju meta l-operatur intermedjarju jkun ikkomunika lill-fornitur tiegħu n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT li jkun inħariġlu mill-Istat Membru li minnu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “operatur intermedjarju” tfisser fornitur fil-katina minbarra l-ewwel fornitur fil-katina, li jibgħat jew li jittrasporta l-merkanzija jew huwa stess jew permezz ta' parti terza li taġixxi f'ismu.

4.   Dan l-Artikolu m'għandhux japplika għas-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 14a.”;

(3)

l-Artikolu 138 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta' merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mit-territorju tagħhom iżda li tkun fil-Komunità, mill-bejjiegħ jew f'ismu jew mill-persuna li takkwista l-merkanzija, meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-merkanzija tiġi fornuta lil persuna taxxabbli oħra, jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli li taġixxi bħala tali fi Stat Membru li ma jkunx dak li minnu tkun bdiet tintbagħat jew tkun bdiet tiġi ttrasportata l-merkanzija;

(b)

il-persuna taxxabbli jew il-persuna ġuridika mhux taxxabbli li lilha ssir il-provvista tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT fi Stat Membru li ma jkunx dak li minnu tkun bdiet tintbagħat jew tkun bdiet tiġi ttrasportata l-merkanzija u tkun indikat dan in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT lill-fornitur.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika meta l-fornitur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu previst fl-Artikoli 262 u 263 li jippreżenta dikjarazzjoni rikapitolattiva jew id-dikjarazzjoni rikapitolattiva ppreżentata minnu ma turix l-informazzjoni korretta rigward din il-provvista kif meħtieġ taħt l-Artikolu 264, ħlief jekk il-fornitur ikun jista' jiġġustifika debitament in-nuqqas tiegħu għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.”;

(4)

fl-Artikolu 243, jiżdiedu l-paragrafu li ġej:

“3.   Kull persuna taxxabbli li tittrasferixxi merkanzija skont l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat imsemmija fl-Artikolu 17a għandha żżomm reġistru li jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jivverifikaw l-applikazzjoni korretta ta' dak l-Artikolu.

Kull persuna taxxabbli li lilha tiġi fornuta merkanzija skont l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat imsemmija fl-Artikolu 17a għandha żżomm reġistru ta' dik il-merkanzija.”;

(5)

l-Artikolu 262 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 262

1.   Kull persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT għandha tippreżenta dikjarazzjoni rikapitolattiva ta' dan li ġej:

(a)

l-akkwirenti identifikati għall-finijiet tal-VAT li lilhom hija tkun forniet merkanzija skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 138(2);

(b)

il-persuni identifikati għall-finijiet tal-VAT li lilhom hija tkun forniet merkanzija li kienet ġiet fornuta lilha permezz tal-akkwisti intra-Komunitarji ta' merkanzija msemmija fl-Artikolu 42;

(c)

il-persuni taxxabbli, u l-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT, li lilhom hija tkun forniet servizzi, għajr dawk is-servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-transazzjoni tkun taxxabbli u li għaliha d-destinatarju għandu jħallas it-taxxa skont l-Artikolu 196.

2.   Flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kull persuna taxxabbli għandha tippreżenta informazzjoni dwar in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni taxxabbli li għalihom il-merkanzija, li tkun mibgħuta jew ittrasportata skont l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17a tkun intiża u dwar kull bidla fl-informazzjoni ppreżentata.”;

(6)

l-Artikoli 403 u 404 jitħassru.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Diċembru 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  L-Opinjoni tat-3 ta' Ottubru 2018.

(2)  L-Opinjoni tal-14 ta' Marzu 2018.

(3)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta' April 1967 fuq l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1301).

(4)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta' April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul minn negozju — Struttura u proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.